Brussell, 30.7.2025

COM(2025) 431 final

2025/0242(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali matul it-tieni sessjoni straordinarja tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar dwar l-adozzjoni tal-emendi tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Vapuri (MARPOL)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fit-tieni sessjoni straordinarja tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (MEPC/ES.2), skedata li ssir mill-14 sas-17 ta’ Ottubru 2025.

Matul dik is-sessjoni, il-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar (MEPC, Marine Environment Protection Committee) huwa previst li jadotta emendi għall-Anness VI tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Vapuri (MARPOL, International Convention for the Prevention of Pollution from Ships).

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Konvenzjoni dwar l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali

Il-Konvenzjoni dwar l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) tistabbilixxi l-OMI. L-għan tal-OMI hu li tipprovdi forum għall-kooperazzjoni fil-qasam tar-regolamentazzjoni u tal-prattiki relatati mal-kwistjonijiet tekniċi ta’ kull tip li jaffettwaw it-tbaħħir involut fil-kummerċ internazzjonali. Barra minn hekk, għandha l-għan li tħeġġeġ l-adozzjoni ġenerali tal-aqwa standards prattikabbli fil-kwistjonijiet li jikkonċernaw is-sikurezza marittima, l-effiċjenza tan-navigazzjoni u l-prevenzjoni u l-kontroll tat-tniġġis tal-baħar mill-vapuri, filwaqt li tippromwovi kundizzjonijiet ekwi. Tittratta wkoll il-kwistjonijiet amministrattivi u legali relatati.

Il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fis-17 ta’ Marzu 1958.

L-Istati Membri kollha huma partijiet għall-Konvenzjoni. L-Unjoni mhijiex parti għall-Konvenzjoni.

Il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Vapuri li ġiet konkluża fl-1973 (il-Konvenzjoni MARPOL) hija Konvenzjoni tal-OMI, li daħlet fis-seħħ fit-2 ta’ Ottubru 1983. L-Istati Membri kollha huma partijiet għall-MARPOL u 25 Stat Membru huma wkoll partijiet għall-Anness VI 1 , li daħal fis-seħħ fit-18 ta’ Mejju 2005. L-Unjoni mhijiex parti għall-MARPOL.

2.2.Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali

L-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) hija l-aġenzija speċjalizzata tan-Nazzjonijiet Uniti responsabbli għas-sikurezza u għas-sigurtà tat-tbaħħir u għall-prevenzjoni tat-tniġġis tal-baħar mill-vapuri. Hija l-awtorità li tistabbilixxi l-istandards globali għas-sikurezza, għas-sigurtà u għall-prestazzjoni ambjentali tat-tbaħħir internazzjonali. Ir-rwol prinċipali tagħha huwa li toħloq qafas regolatorju għall-industrija tat-tbaħħir li jkun ġust u effettiv, u li dan jiġi adottat u implimentat b’mod universali.

Is-sħubija fl-OMI hija miftuħa biss għall-Istati. Illum, ir-relazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea mal-OMI huma bbażati fuq ir-Riżoluzzjoni A.1168(32) tal-OMI li tippreskrivi l-proċeduri u t-termini għall-kooperazzjoni bejn l-OMI u l-organizzazzjonijiet intergovernattivi. Abbażi ta’ din ir-Riżoluzzjoni tal-OMI u arranġamenti ulterjuri mill-1974, il-Kummissjoni Ewropea qed tipparteċipa bħala osservatur fil-laqgħat kollha tal-Kumitat u tas-Sottokumitat tal-OMI.

Il-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar (MEPC) tal-OMI huwa magħmul mill-Membri kollha tal-OMI u jiltaqa’ mill-inqas darba fis-sena. Dan jindirizza kwistjonijiet ambjentali li jaqgħu fl-ambitu tal-Organizzazzjoni fir-rigward tal-kontroll u l-prevenzjoni tat-tniġġis mill-vapuri koperti mit-trattat ta’ MARPOL, inkluż iż-żejt, il-kimiki li jinġarru bl-ingrossa, id-dranaġġ, l-iskart u l-emissjonijiet fl-arja mill-vapuri, inkluż is-sustanzi li jniġġsu l-arja u l-emissjonijiet tal-gassijiet serra. Kwistjonijiet oħrajn koperti jinkludu l-ġestjoni tal-ilma tas-saborra, is-sistemi tal-antifouling, ir-riċiklaġġ tal-vapuri, l-istat ta’ preparazzjoni u ta’ rispons għat-tniġġis, u l-identifikazzjoni ta’ żoni speċjali u ta’ żoni tal-baħar li huma partikolarment sensittivi.

Skont l-Artikolu 38(a) tal-Konvenzjoni tal-OMI, il-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar iwettaq kwalunkwe dmir assenjat lilu mill-Konvenzjoni tal-OMI, mill-Assemblea tal-OMI jew mill-Kunsill tal-OMI, jew kwalunkwe dmir fl-ambitu msemmi hawn fuq li jista’ jiġi assenjat lilhom minn jew skont kwalunkwe strument internazzjonali ieħor, u li jista’ jiġi aċċettat mill-OMI. Id-Deċiżjonijiet tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar u tal-korpi sussidjarji tiegħu jiġu adottati minn maġġoranza tal-Membri tagħhom.

MEPC/ES.2 se jadotta emendi għall-MARPOL f’konformità mal-Artikolu 16, il-paragrafu (2), is-subpunti (b), (c) u (d) tal-Konvenzjoni. Dawn id-dispożizzjonijiet jistipulaw li:

(b) kwalunkwe emenda proposta u ċċirkolata kif imsemmi hawn fuq għandha tiġi sottomessa mill-Organizzazzjoni lil korp xieraq għall-konsiderazzjoni;

(c) il-partijiet għall-Konvenzjoni, sew jekk Membri tal-Organizzazzjoni u sew jekk le, għandhom ikunu intitolati li jipparteċipaw fil-proċedimenti tal-korp xieraq;

(d) l-emendi għandhom jiġu adottati b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-Partijiet għall-Konvenzjoni preżenti u li jivvutaw biss.

F’konformità mal-Artikolu 16(2)(f), emenda għandha titqies li ġiet aċċettata fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(ii) emenda għal Anness għall-Konvenzjoni għandha titqies li ġiet aċċettata f’konformità mal-proċedura speċifikata fis-subparagrafu (f)(iii) sakemm il-korp xieraq, fiż-żmien tal-adozzjoni tagħha, ma jiddeterminax li l-emenda għandha titqies li ġiet aċċettata fid-data li fiha tiġi aċċettata minn żewġ terzi tal-Partijiet, li l-flotot merkantili kkombinati tagħhom jikkostitwixxu mhux inqas minn ħamsin fil-mija tat-tunnellaġġ gross tal-flotta merkantili tad-dinja. Madankollu, fi kwalunkwe ħin qabel id-dħul fis-seħħ ta’ emenda għal Anness tal-Konvenzjoni, Parti tista’ tinnotifika lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni li l-approvazzjoni espressa tagħha se tkun meħtieġa qabel ma l-emenda tidħol fis-seħħ fir-rigward tagħha. Dan tal-aħħar għandu jiġbed l-attenzjoni tal-Partijiet dwar din in-notifika u d-data tal-wasla tagħha;

(iii) emenda għal Appendiċi ta’ Anness għall-Konvenzjoni għandha titqies li tkun ġiet aċċettata fl-aħħar ta’ perjodu li għandu jiġi ddeterminat mill-korp xieraq fiż-żmien tal-adozzjoni tagħha, liema perjodu ma għandux ikun inqas minn 10 xhur, sakemm f’dak il-perjodu ma tiġix ikkomunikata oġġezzjoni lill-Organizzazzjoni minn mhux inqas minn terz tal-Partijiet jew mill-Partijiet li l-flotot merkantili kkombinati tagħhom jikkostitwixxu mhux inqas minn ħamsin fil-mija tat-tunnellaġġ gross tal-flotta merkantili dinjija, skont liema kundizzjoni tiġi ssodisfata;

Abbażi tad-dispożizzjonijiet ta’ hawn taħt skont l-Artikolu 16(2)(g), l-emenda għandha tidħol fis-seħħ bil-kundizzjonijiet li ġejjin:

(i) fil-każ ta’ emenda għal Artikolu tal-Konvenzjoni, għall-Protokoll II, jew għall-Protokoll I jew għal Anness tal-Konvenzjoni li ma tkunx taħt il-proċedura speċifikata fis-subparagrafu (f)(iii), l-emenda aċċettata f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ hawn fuq għandha tidħol fis-seħħ 6 xhur wara d-data tal-aċċettazzjoni tagħha fir-rigward tal-Partijiet li jkunu ddikjaraw li aċċettawha;

(ii) fil-każ ta’ emenda għall-Protokoll I, għal Appendiċi ta’ Anness jew għal Anness tal-Konvenzjoni skont il-proċedura speċifikata fis-subparagrafu (f)(iii), l-emenda meqjusa li ġiet aċċettata f’konformità mal-kundizzjonijiet ta’ hawn fuq għandha tidħol fis-seħħ 6 xhur wara l-aċċettazzjoni tagħha għall-Partijiet kollha bl-eċċezzjoni ta’ dawk li, qabel dik id-data, ikunu għamlu dikjarazzjoni li ma jaċċettawhiex jew dikjarazzjoni skont is-subparagrafu (f)(ii), li l-approvazzjoni espressa tagħhom hija meħtieġa.

2.3.Att previst tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar tal-OMI

Mill-14 sas-17 ta’ Ottubru 2025, matul it-tieni sessjoni straordinarja tiegħu, il-MEPC għandu jadotta emendi għall-Anness VI tal-MARPOL dwar:

id-deżinjazzjoni tal-Atlantiku tal-Grigal bħala Żona ġdida ta’ Kontroll tal-Emissjonijiet (ECA, Emission Control Area) (ir-regolamenti 13 u 14 u l-Appendiċi VII tal-Anness VI tal-MARPOL);

l-aċċessibbiltà tal-Bażi tad-Data tal-OMI dwar il-Konsum taż-Żejt tal-Fjuwil mill-Bastimenti (DCS tal-OMI) u l-klawżola ta’ rieżami tal-miżura ta’ tnaqqis tal-gassijiet serra (GHG, Greenhouse Gases) fuq terminu qasir (ir-regolamenti 20, 25, 27 u 28); kif ukoll

il-Qafas tal-Emissjonijiet Żero Netti tal-OMI (il-Kapitolu 5 il-ġdid).

3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fis-sessjoni straordinarja tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar

3.1.Emendi tar-regolamenti 13 u 14 u tal-Appendiċi VII tal-Anness VI tal-MARPOL

L-Istati Membri tal-UE u l-Kummissjoni Ewropea, flimkien mar-Renju Unit, l-Iżlanda, id-Danimarka (Greenland), il-Gżejjer Faeroe ssottomettew dokument lill-MEPC 83, li jipproponi li l-Oċean Atlantiku tal-Grigal jiġi ddeżinjat bħala Żona ta’ Kontroll tal-Emissjonijiet għall-ossidi tal-kubrit, il-materja partikolata u l-ossidi tan-nitroġenu, skont l-Anness VI tal-MARPOL. Il-Kummissjoni qed tieħu sehem attiv fil-ħidma preparatorja flimkien mal-istati littorali taħt il-koordinazzjoni tad-delegazzjoni tal-Portugall.

Il-Grupp Tekniku dwar id-Deżinjazzjoni ta’ Żoni tal-Baħar Partikolari Sensittivi (PSSAs, Particular Sensitive Sea Areas) u Żoni Speċjali kien iddetermina li l-ECA proposta tissodisfa l-kriterji stabbiliti fit-Taqsima 3 tal-Appendiċi III tal-Anness VI tal-MARPOL. Wara li nnota l-eżitu tal-grupp tekniku, il-MEPC 83 approva d-deżinjazzjoni ta’ ECA għall-kontroll ta’ SOx, PM u NOx, għall-Oċean Atlantiku tal-Grigal bil-ħsieb li din tiġi adottata fis-sessjoni straordinarja tal-MEPC f’Ottubru 2025 (MEPC/ES.2). Dawn l-emendi ġew iċċirkolati permezz tal-Ittra Ċirkolari tal-OMI Nru 5005 tal-11 ta’ April 2025.

L-Unjoni għandha tappoġġa l-proposta stabbilita fl-abbozz rivedut tal-emendi biex l-Oċean Atlantiku tal-Grigal jiġi ddeżinjat bħala Żona ta’ Kontroll tal-Emissjonijiet għall-ossidi tal-kubrit, għall-materja partikolata u għall-ossidi tan-nitroġenu, skont l-Anness VI tal-MARPOL, minħabba li din se tikkontribwixxi għall-prevenzjoni, għat-tnaqqis u għall-kontroll tal-emissjonijiet ta’ NOx, SOx u PM mill-vapuri biex jinkisbu benefiċċji relatati għas-saħħa u għall-ambjent filwaqt li l-impatt ekonomiku għas-settur marittimu jinżamm maniġġabbli.

3.2.Emendi tar-regolamenti 20, 25, 27 u 28 tal-Anness VI tal-MARPOL

Il-MEPC 82 kien stabbilixxa l-Grupp ta’ Korrispondenza dwar ir-rieżami tal-miżura ta’ tnaqqis tal-gassijiet serra fuq terminu qasir, taħt il-koordinazzjoni konġunta tal-Brażil, il-Ġappun u l-Kummissjoni Ewropea.

Fl-ewwel laqgħa tiegħu, il-Grupp ta’ Ħidma Intersessjonali dwar it-Tniġġis tal-Arja u l-Effiċjenza Enerġetika (ISWG-APEE 1, Intersessional Working Group on Air Pollution and Energy Efficiency) qies fost suġġetti oħra l-aċċessibbiltà tad-data tal-Bażi tad-Data tal-OMI dwar il-Konsum taż-Żejt tal-Fjuwil mill-Bastimenti (DCS tal-OMI) għall-analiżi u l-klawżola ta’ rieżami tal-miżura għat-tnaqqis tal-gassijiet serra fuq terminu qasir.

Fir-rigward tal-aċċessibbiltà tad-data tad-DCS tal-OMI, l-ISWG-APEE 1 qies ir-rapport tal-Grupp ta’ Korrispondenza, li kien qabel li jtejjeb l-aċċessibbiltà tad-data tad-DCS tal-OMI fil-Fażi 1. Wara kunsiderazzjoni, il-Grupp ħejja abbozz ta’ emendi għar-regolament 27 tal-Anness VI tal-MARPOL.

Il-MEPC 83 ta struzzjonijiet lill-Grupp ta’ Ħidma tal-APEE, fost l-oħrajn, biex jiffinalizza l-abbozzi ta’ emendi għall-Anness VI tal-MARPOL u l-linji gwida assoċjati dwar l-aċċessibbiltà tad-DCS tal-OMI.

Wara li nnota li l-Grupp ta’ Ħidma kien qies ukoll l-abbozz ta’ emendi għar-regolament 27 tal-Anness VI tal-MARPOL u għal-linji gwida assoċjati dwar l-aċċessibbiltà tad-DCS tal-OMI mħejjija mill-ISWG-APEE 1, il-MEPC 83 approva l-abbozz ta’ emendi tar-Regolament 27 tal-Anness VI tal-MARPOL dwar l-aċċessibbiltà tad-DCS tal-OMI, bil-ħsieb li jiġu adottati fis-sessjoni straordinarja tal-MEPC f’Ottubru 2025 (MEPC/ES.2). Dawn l-emendi ġew iċċirkolati mis-Segretarjat tal-OMI permezz tal-Ittra Ċirkolari tal-OMI Nru 5005 tal-11 ta’ April 2025.

L-Unjoni ssottomettiet proposta dwar il-kwistjoni (ISWG-GHG 13/7), fejn talbet li tiġi emendata s-Sistema tal-Ġbir tad-Data (DCS, Data Collection System) relatata mal-granularità tad-data, id-data addizzjonali u l-aċċessibbiltà. L-abbozzi tal-emendi huma koerenti mal-ISWG-GHG 13/7 fir-rigward taż-żieda fl-aċċessibbiltà.

Il-pożizzjoni tal-Unjoni fl-ISWG-APEE 1 u l-MEPC 83 kienet li tappoġġa l-abbozz ta’ emendi għar-regolament 27.

L-Unjoni għandha tappoġġa dawn l-emendi minħabba li se jkomplu jtejbu l-aċċessibbiltà tad-data tad-DCS tal-OMI biex jiżguraw l-implimentazzjoni robusta tal-qafas tal-Indikatur tal-Intensità tal-Karbonju (CII, Carbon Intensity Indicator) u biex jiffaċilitaw ir-rieżami tiegħu.

Fir-rigward tal-klawżoli dwar ir-rieżami tal-miżura fuq terminu qasir, l-ISWG-APEE 1 ipprepara abbozz ta’ emendi għar-Regolamenti 20, 25 u 28 tal-Anness VI tal-MARPOL, filwaqt li uża bħala bażi l-anness tad-dokument MEPC 83/6/11, ippreparat mill-Grupp ta’ Korrispondenza dwar aġġornament tar-referenza għall-Istrateġija tal-OMI u dwar ir-Rieżami tal-Miżura ta’ Tnaqqis tal-Gassijiet Serra fuq Terminu Qasir.

Il-MEPC 83 approva l-abbozz ta’ emendi tar-regolamenti 20, 25 u 28 tal-Anness VI tal-MARPOL bil-ħsieb li jiġu adottati fis-sessjoni straordinarja tal-MEPC f’Ottubru 2025 (MEPC/ES.2). Dawn l-emendi ġew iċċirkolati mis-Segretarjat tal-OMI permezz tal-Ittra Ċirkolari tal-OMI Nru 5005 tal-11 ta’ April 2025.

Il-pożizzjoni tal-Unjoni fl-ISWG-APEE 1 u l-MEPC 83 kienet li tappoġġa l-abbozz ta’ emendi kif ġew ippreżentati fil-MEPC 83/6/11.

L-Unjoni għandha tappoġġa dawn l-emendi minħabba li huma konsegwenzjali għall-adozzjoni tal-Istrateġija tal-OMI dwar il-gassijiet serra tal-2023 u għall-finalizzazzjoni tar-rieżami tal-Miżuri fuq Terminu Qasir mill-OMI u tippermetti rieżami ulterjuri ta’ dawn ir-regolamenti.

3.3.Introduzzjoni tal-Kapitolu 5 il-ġdid tal-Anness VI tal-MARPOL

Fl-2021, waqt il-MEPC 76, il-Kumitat approva Pjan ta’ Ħidma għal miżuri fuq terminu medju u twil. Matul id-diskussjonijiet fis-sessjonijiet sussegwenti tal-MEPC u tal-ISWG-GHG, il-fehmiet diverġenti tad-delegati progressivament qarbu lejn xulxin dwar aspetti pendenti bħall-iskeda ta’ żmien li twassal lit-tbaħħir internazzjonali għal emissjonijiet żero ta’ gassijiet serra, l-inklużjoni possibbli tal-emissjonijiet upstream mill-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-fjuwil, in-natura (ekonomika jew teknika) tal-miżuri u l-għadd u l-kombinazzjoni possibbli ta’ miżuri meħtieġa biex jinkiseb kwalunkwe objettiv ġenerali.

Il-MEPC 80 qabel li jibda l-Fażi III tal-Pjan ta’ Ħidma dwar l-iżvilupp ta’ miżuri ta’ nofs it-terminu, bil-ħsieb li dan jiġi approvat mill-MEPC 83 (Rebbiegħa 2025). Ġie miftieħem li l-adozzjoni sseħħ matul MEPC straordinarju (6 xhur wara l-MEPC 83 — ħarifa tal-2025) sabiex dan jidħol fis-seħħ 16-il xahar wara l-adozzjoni (2027).

L-ISWG-GHG 16 li sar qabel l-MEPC 81 iddiskuta modi kif jiġi żviluppat il-basket ta’ miżuri kandidati ta’ nofs it-terminu biex jintlaħqu l-miri tal-Istrateġija tal-OMI għall-2023 dwar il-gassijiet serra. L-ISWG-GHG 17 kompla jiżviluppa l-basket ta’ miżuri kandidati ta’ nofs it-terminu u, b’mod partikolari, qabel li juża l-abbozz ta’ emendi possibbli għall-Anness VI tal-MARPOL dwar il-qafas tal-emissjonijiet żero netti bħala l-bażi għal aktar kunsiderazzjoni. Dan il-progress ġie nnutat mill-MEPC 82.

Matul l-ISWG-GHG 18, saret aktar diskussjoni dwar kif għandu jiġi żviluppat il-basket ta’ miżuri kandidati ta’ nofs it-terminu biex jintlaħqu l-miri tal-Istrateġija tal-OMI għall-2023 dwar il-gassijiet serra billi jiġu żviluppati aktar l-abbozzi ta’ emendi għall-Anness VI tal-MARPOL dwar il-qafas tal-emissjonijiet żero netti tal-OMI. Għalkemm kien hemm ir-rieda li jintlaħaq kunsens, diversi kwistjonijiet baqgħu miftuħa u kien għad hemm nuqqas ta’ qbil qawwi fir-rigward tal-element ekonomiku. Il-maġġoranza tad-delegazzjonijiet, inkluża l-Unjoni, kienu favur mekkaniżmu ta’ imposta, filwaqt li delegazzjonijiet oħra kienu favur mekkaniżmu ekonomiku flessibbli msejjes fuq il-livelli ta’ intensità ta’ gassijiet serra tal-fjuwil. Matul l-ISWG-GHG 18 u immedjatament wara, il-Partijiet tal-OMI ressqu żewġ proposti distinti biex ilaqqgħu flimkien id-diverġenzi.

L-ISWG-GHG 19 kompla l-ħidma fuq l-iżvilupp ta’ qafas ta’ emissjonijiet żero netti tal-OMI, li kompla matul il-MEPC 83 fil-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Tnaqqis tal-Emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-Vapuri. Wara diskussjoni estensiva, il-Grupp ta’ Ħidma ffinalizza u qabel mal-abbozz ta’ emendi għall-Anness VI tal-MARPOL dwar il-qafas tal-emissjonijiet żero netti tal-OMI.

Matul il-kunsiderazzjoni tar-rapporti tal-ISWG-GHG 19 u l-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Tnaqqis tal-Emissjonijiet ta’ Gassijiet Serra mill-Vapuri, parti waħda tal-OMI talbet votazzjoni b’sejħa tal-ismijiet fir-rigward tal-approvazzjoni tal-abbozz ta’ emendi għall-Anness VI tal-MARPOL dwar il-qafas tal-emissjonijiet żero netti tal-OMI. Il-votazzjoni b’sejħa tal-ismijiet irriżultat f’63 vot pożittiv, 16-il vot negattiv, filwaqt li madwar 25 astjenew.

Għalhekk, il-MEPC 83 approva l-abbozz ta’ emendi tal-Anness VI tal-MARPOL dwar il-qafas tal-emissjonijiet żero netti tal-OMI bil-ħsieb li jiġu adottati fis-sessjoni straordinarja tal-MEPC f’Ottubru 2025 (MEPC/ES.2). Dawn l-emendi ġew iċċirkolati permezz tal-Ittra Ċirkolari tal-OMI Nru 5005 tal-11 ta’ April 2025.

L-Unjoni appoġġat u ssottomettiet diversi dokumenti li jipproponu l-iżvilupp ta’ Standard tal-Fjuwil tal-Gassijiet Serra (GFS, Greenhouse Gas Fuel Standard) u imposta fuq l-ipprezzar tal-gassijiet serra. L-Unjoni kellha rwol ewlieni fin-negozjati matul id-diversi sessjonijiet tal-MEPC u l-ISWG-GHG għall-iżvilupp tal-qafas tal-emissjonijiet żero netti. Il-qafas tal-emissjonijiet żero netti tal-OMI jinkludi standard globali ġdid tal-fjuwil għall-vapuri u mekkaniżmu globali tal-ipprezzar għall-emissjonijiet.

L-Unjoni għandha tappoġġa l-Kapitolu 5 il-ġdid minħabba li jinkludi dispożizzjonijiet imfassla biex inaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra (GHG) mit-tbaħħir internazzjonali mmirati lejn il-kisba ta’ emissjonijiet żero netti ta’ gassijiet serra (GHG) sal-2050. Dan se jikkostitwixxi wkoll pedament b’saħħtu għat-tranżizzjoni tal-enerġija meħtieġa tat-tbaħħir. L-għan tagħha huwa li tilħaq il-miri stabbiliti fl-Istrateġija tal-OMI tal-2023 dwar it-Tnaqqis tal-Emissjonijiet ta’ Gassijiet Serra mill-Vapuri, taċċellera l-introduzzjoni ta’ fjuwils, teknoloġiji u sorsi tal-enerġija b’emissjonijiet ta’ gassijiet serra żero u kważi żero, u tappoġġa tranżizzjoni ġusta u ekwa. 

4.Leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE u kompetenza tal-UE

4.1. Leġiżlazzjoni tal-UE rilevanti

4.1.1.Emendi tar-regolamenti 13 u 14 u tal-Appendiċi VII tal-Anness VI tal-MARPOL

Id-Direttiva (UE) 2016/802 għandha l-għan li tnaqqas l-emissjonijiet tad-diossidu tal-kubrit f’ċerti fjuwils likwidi 2 . Hija tfittex li tipprevjeni u tikkontrolla t-tniġġis tal-arja kkawżat minn emissjonijiet noċivi li jirriżultaw mill-kombustjoni ta’ fjuwils likwidi b’kontenut għoli ta’ kubrit, li jagħmlu ħsara lis-saħħa tal-bniedem, lill-ambjent, u li jikkontribwixxu għad-depożitu aċiduż. L-Artikolu 6 u l-Artikolu 13 kif ukoll l-Anness I jirreferu għar-regoli stabbiliti fl-Anness VI tal-MARPOL dwar il-kontenut massimu ta’ kubrit fil-fjuwils tal-vapuri u l-emissjonijiet ta’ SOx tal-vapuri fl-ilmijiet tal-UE.

Id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina 3 tirrikjedi li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiksbu jew iżommu “status ambjentali tajjeb” fl-ambjent tal-baħar sal-2020. Status ambjentali tajjeb tfisser “l-istatus ambjentali ta’ ilmijiet marini fejn dawn jikkostitwixxu oċeani u ilmijiet ekoloġikament diversi u dinamiċi li jkunu nodfa, b’saħħithom u produttivi fil-kondizzjonijiet intrinsiċi tagħhom, u fejn l-użu tal-ambjent marin huwa f’livell li jkun sostenibbli, u li b’hekk jissalvagwardja l-potenzjal għall-użi u attivitajiet minn ġenerazzjonijiet attwali u futuri” (l-Artikolu 3(5) tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina). Id-determinazzjoni ta’ status ambjentali tajjeb tirrikjedi, fost l-oħrajn, li l-ewtrofikazzjoni kkawżata mill-bniedem tiġi minimizzata, speċjalment l-effetti negattivi tagħha, bħat-telf fil-bijodiversità, id-degradazzjoni tal-ekosistema, il-proliferazzjoni ta’ algi dannużi u n-nuqqas ta’ ossiġenu fl-ilmijiet tal-qiegħ. It-tnaqqis tal-inputs tan-nitroġenu li joriġinaw mit-trasport marittimu permezz tal-applikazzjoni tar-rekwiżiti tal-Livell III u li jirriżulta mid-deżinjazzjoni tal-Atlantiku tal-Grigal bħala NECA, se jgħin lill-Istati Membri tal-UE li jmissu ma’ dawn l-ibħra biex jiksbu “status ambjentali tajjeb” skont id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina.

Id-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja Ambjentali 4 (riveduta fl-2024) tistabbilixxi, fost l-oħrajn, il-valuri ta’ limitu għall-NO2 bl-għan li jkunu evitati, ipprevenuti jew imnaqqsa l-effetti ta’ ħsara fuq is-saħħa tal-bniedem u/jew l-ambjent minħabba t-tniġġis tal-arja. Id-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja Ambjentali tirrikonoxxi li sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti f’din id-Direttiva, huwa partikolarment importanti li l-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu jiġu miġġielda f’ras l-għajn, b’mod partikolari permezz ta’ miżuri li jillimitaw l-emissjoni ta’ egżost mill-magni ta’ diversi sorsi mobbli u stazzjonarji permezz tal-standards tal-magna jew tal-kwalità tal-fjuwil. L-Unjoni stabbilixxiet diversi biċċiet ta’ leġiżlazzjoni li jirregolaw l-emissjonijiet permezz ta’ standards tal-magni għal diversi modi ta’ trasport bit-triq (karozzi, trakkijiet u vannijiet permezz tal-istandards Ewropej 5 ) u sorsi ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq (bastimenti tal-passaġġi tal-ilma interni u lokomottivi permezz tad-Direttiva dwar Makkinarju Mobbli mhux tat-Triq 6 ).

Għalhekk, l-emendi għar-regolamenti 13 u 14 u l-Appendiċi VII tal-Anness VI tal-MARPOL dwar l-adozzjoni ta’ Żona ta’ Kontroll tal-Emissjonijiet jistgħu jaffettwaw b’mod deċiżiv il-kontenut tad-Direttiva (UE) 2016/802. Dan għaliex l-istabbiliment ta’ Żona ta’ Kontroll tal-Emissjonijiet fl-Istati Membri tal-UE jaffettwa l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva peress li l-Artikolu 6, l-Artikolu 13 u l-Anness I tagħha jirreferu għar-regoli stabbiliti fl-Anness VI tal-MARPOL dwar il-kontenut massimu ta’ kubrit fil-fjuwils tal-vapuri u l-emissjonijiet ta’ SOx tal-vapuri fl-ilmijiet tal-UE.

4.1.2.Emendi tar-regolamenti 20, 25, 27 u 28 tal-Anness VI tal-MARPOL

Ir-Regolament (UE) 2015/757 dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mit-trasport marittimu 7 (ir-Regolament tal-UE dwar l-MRV) jistabbilixxi l-qafas legali għal sistema tal-UE għall-monitoraġġ, ir-rapportar u l-verifika (MRV, monitoring, reporting and verification) tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Ir-Regolament għandu l-għan li jipprovdi data robusta u verifikabbli dwar l-emissjonijiet tal-gassijiet serra, jinforma lil dawk li jfasslu l-politika u jistimula l-adozzjoni fis-suq ta’ teknoloġiji u ta’ mġiba effiċjenti fl-enerġija. Dan jagħmlu billi jindirizza l-ostakli tas-suq bħan-nuqqas ta’ informazzjoni. Ir-Regolament daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2015. It-titjib tal-aċċessibbiltà tal-Bażi tad-Data tal-OMI dwar il-Konsum taż-Żejt tal-Fjuwil mill-Bastimenti (DCS tal-OMI) għall-pubbliku ġenerali u l-introduzzjoni tal-klawżola ta’ rieżami tal-miżura ta’ tnaqqis tal-gassijiet serra fuq terminu qasir għandhom l-għan li jnaqqsu l-intensità tal-karbonju tat-tbaħħir internazzjonali b’mod konsistenti mal-livell ta’ ambizzjoni stabbilit fl-Istrateġija tal-OMI dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-vapuri. It-titjib tal-konsistenza/tal-kwalità tad-data rrapportata skont id-DCS fid-DCS tal-OMI u l-espansjoni tal-aċċess għad-data għall-pubbliku ġenerali għandhom implikazzjonijiet għall-ġbir u għar-rapportar tad-data dwar il-konsum taż-żejt tal-fjuwil mill-bastimenti, u għalhekk jistgħu jaffettwaw il-monitoraġġ, il-verifika u r-rapportar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mit-tbaħħir skont ir-Regolament MRV tal-UE.

Il-Liġi tal-UE dwar il-Klima 8 tistabbilixxi miri klimatiċi vinkolanti tal-Unjoni (meta mqabbla mal-1990) ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet netti ta’ gassijiet serra, wara t-tnaqqis tal-assorbimenti, b’mill-inqas 55 % sal-2030 u b’90 % sal-2040 (proposta mill-Kummissjoni). Dan jinkludi wkoll l-għan tan-newtralità klimatika sal-2050 u għan ta’ aspirazzjoni għall-emissjonijiet netti negattivi wara dan iż-żmien.

Abbażi tal-proposti tal-Kummissjoni tal-pakkett “Lesti għall-Mira ta’ 55 %” biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, il-leġiżlaturi tal-UE adottaw l-atti legali li ġejjin li jimmiraw speċifikament lejn l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mis-settur tat-tbaħħir:

·ir-reviżjoni tad-Direttiva 2003/87/KE dwar is-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS, Emission Trading System) 9 bid-Direttiva (UE) 2023/959 10 biex l-EU ETS tiġi estiża għas-settur tat-trasport marittimu u tapplika mill-1 ta’ Jannar 2024, (flimkien mal-emendi meħtieġa għar-Regolament MRV tal-UE, 11 biex jiġu riveduti r-regoli dwar il-monitoraġġ u r-rapportar, anke permezz tar-reviżjoni tal-atti ta’ implimentazzjoni u delegati rilevanti).

·Ir-Regolament (UE) 2023/1805 jagħmel enfasi fuq l-użu ta’ fjuwils rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fis-settur marittimu 12 (ir-Regolament FuelEU Maritime) u jawtorizza li l-użu tagħhom minn vapuri li jidħlu fil-portijiet tal-UE jibda japplika mill-1 ta’ Jannar 2025.

Il-konformità mal-obbligi l-ġodda li jirriżultaw mill-estensjoni tas-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS) għat-trasport marittimu u r-Regolament FuelEU Maritime se tibni fuq is-sistema ta’ monitoraġġ, rapportar u verifika stabbilita mir-Regolament tal-UE dwar l-MRV.

Dawn l-atti tal-UE min-naħa tagħhom huma marbuta b’mod qawwi mal-miżuri tal-OMI dwar il-gassijiet serra bħas-Sistema tal-Ġbir tad-Data tal-OMI, l-Indiċi ta’ Bastiment Eżistenti għall-Effiċjenza Enerġetika (EEXI, Efficiency Existing Ship Index ), u l-Indikatur tal-Intensità tal-Karbonju (CII) li għandhom l-għan li jiġbru u jippubblikaw informazzjoni dwar il-konsum tal-fjuwil u dwar l-effiċjenza enerġetika teknika u operazzjonali tal-vapuri fuq bażi ta’ kull vapur.

Kwalunkwe miżura tal-OMI dwar kwistjonijiet ta’ gassijiet serra, li se tirrikjedi l-monitoraġġ, il-verifika u r-rapportar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mit-tbaħħir, tista’ taffettwa r-Regolament tal-UE dwar l-MRV kif ukoll id-Direttiva dwar l-EU ETS u r-Regolament FuelEU Maritime.

Għalhekk, l-emendi għar-regolamenti 20, 25, 27 u 28 tal-Anness VI tal-MARPOL dwar l-aċċessibbiltà tal-Bażi tad-Data tal-OMI dwar il-Konsum taż-Żejt tal-Fjuwil mill-Bastimenti (DCS tal-OMI) u l-klawżola ta’ rieżami tal-miżura ta’ tnaqqis tal-gassijiet serra fuq terminu qasir jistgħu jaffettwaw b’mod deċiżiv ir-rekwiżiti applikabbli skont ir-Regolament (UE) 2015/757, ir-Regolament (UE) 2023/1805 u d-Direttiva (UE) 2023/959.

4.1.3.Introduzzjoni tal-Kapitolu 5 il-ġdid tal-Anness VI tal-MARPOL

Ir-Regolament (UE) 2015/757 dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta’ emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mit-trasport marittimu, u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE 13 , jistabbilixxi l-qafas legali għal sistema tal-UE għall-monitoraġġ, ir-rapportar u l-verifika tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u tal-effiċjenza enerġetika mit-tbaħħir (ir-Regolament dwar l-MRV). Ir-regolament għandu l-għan li jipprovdi data robusta u verifikabbli dwar l-emissjonijiet tal-gassijiet serra, jinforma lil dawk li jfasslu l-politika u jistimula l-adozzjoni fis-suq ta’ teknoloġiji u ta’ mġiba effiċjenti fl-enerġija. Dan jagħmlu billi jindirizza l-ostakli tas-suq bħan-nuqqas ta’ informazzjoni.

Il-Liġi tal-UE dwar il-Klima 14 tistabbilixxi miri klimatiċi vinkolanti tal-Unjoni (meta mqabbla mal-1990) ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet netti ta’ gassijiet serra, wara t-tnaqqis tal-assorbimenti, b’mill-inqas 55 % sal-2030 u b’90 % sal-2040 (proposta mill-Kummissjoni). Dan jinkludi wkoll l-għan tan-newtralità klimatika sal-2050 u għan ta’ aspirazzjoni għall-emissjonijiet netti negattivi wara dan iż-żmien.

Abbażi tal-proposti tal-Kummissjoni tal-pakkett “Lesti għall-Mira ta’ 55 %” biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, il-leġiżlaturi tal-UE adottaw l-atti legali li ġejjin li jimmiraw speċifikament lejn l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mis-settur tat-tbaħħir:

·ir-reviżjoni tad-Direttiva 2003/87/KE dwar is-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS, Emission Trading System) 15 bid-Direttiva (UE) 2023/959 16 biex l-EU ETS tiġi estiża għas-settur tat-trasport marittimu u biex tapplika mill-1 ta’ Jannar 2024, (flimkien mal-emendi meħtieġa għar-Regolament MRV tal-UE, 17 biex jiġu riveduti r-regoli dwar il-monitoraġġ u r-rapportar, anke permezz tar-reviżjoni tal-atti ta’ implimentazzjoni u delegati rilevanti).

·Ir-Regolament (UE) 2023/1805 18 (ir-Regolament FuelEU Maritime) jagħmel enfasi fuq l-użu ta’ fjuwils rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fis-settur marittimu u jawtorizza li l-użu tagħhom minn vapuri li jidħlu fil-portijiet tal-UE jibda japplika mill-1 ta’ Jannar 2025.

Il-konformità mal-obbligi l-ġodda li jirriżultaw mill-estensjoni tal-EU ETS għat-trasport marittimu u r-Regolament FuelEU Maritime se tibni fuq is-sistema ta’ monitoraġġ, rapportar u verifika stabbilita mir-Regolament tal-UE dwar l-MRV.

Kemm id-Direttiva dwar l-EU ETS kif ukoll ir-Regolament FuelEU Maritime fihom klawżoli ta’ rieżami fil-każ li l-OMI tadotta standard globali tal-fjuwil jew miżura bbażata fuq is-suq. B’mod aktar preċiż:

·Ir-Regolament FuelEU Maritime fl-Artikolu 30(5) tiegħu jistipula li fil-każ tal-adozzjoni mill-OMI ta’ standard globali ta’ gassijiet serra tal-fjuwil jew limiti globali ta’ intensità ta’ gassijiet serra għall-enerġija użata abbord mill-vapuri, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. F’dak ir-rapport, il-Kummissjoni għandha teżamina dik il-miżura globali fir-rigward tal-ambizzjoni tagħha fid-dawl tal-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi u l-integrità ambjentali ġenerali tiegħu. Għandha teżamina wkoll kwalunkwe kwistjoni relatata mal-artikolazzjoni jew l-allinjament possibbli ta’ dan ir-Regolament ma’ dik il-miżura globali, inkluż il-ħtieġa li tiġi evitata d-dupplikazzjoni tar-regolamentazzjoni tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mit-trasport marittimu fil-livell tal-Unjoni kif ukoll fil-livell internazzjonali. Fejn xieraq, dak ir-rapport jista’ jkun akkumpanjat minn proposta leġiżlattiva biex jiġi emendat dan ir-Regolament, b’mod konsistenti mal-impenji tal-Unjoni dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-ekonomija kollha, u bil-għan li jiġu ppreservati l-integrità ambjentali u l-effettività tal-azzjoni klimatika tal-Unjoni.

·id-Direttiva dwar l-EU ETS fl-Artikolu 3gg(1) tagħha tistipula li fil-każ tal-adozzjoni mill-OMI ta’ miżura globali bbażata fuq is-suq biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mit-trasport marittimu, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina din id-Direttiva fid-dawl ta’ dik il-miżura adottata. Għal dak l-għan, il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fi żmien 18-il xahar mill-adozzjoni ta’ tali miżura globali bbażata fuq is-suq u qabel ma ssir operazzjonali. F’dak ir-rapport, il-Kummissjoni għandha teżamina l-miżura globali bbażata fuq is-suq fir-rigward ta’: (a) l-ambizzjoni tagħha fid-dawl tal-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi; (b) l-integrità ambjentali ġenerali tagħha, inkluż meta mqabbla mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva li jkopru t-trasport marittimu; u (c) kwalunkwe kwistjoni relatata mal-koerenza bejn l-EU ETS u dik il-miżura. Meta jkun xieraq, il-Kummissjoni tista’ takkumpanja r-rapport bi proposta leġiżlattiva li temenda din id-Direttiva b’mod li jkun konsistenti mal-mira klimatika tal-Unjoni għall-2030 u l-objettiv tan-newtralità klimatika stabbilit fir-Regolament (UE) 2021/1119, u bl-għan li jiġu ppreservati l-integrità ambjentali u l-effettività tal-azzjoni klimatika tal-Unjoni, sabiex tiġi żgurata l-koerenza bejn l-implimentazzjoni tal-miżura globali bbażata fuq is-suq u l-EU ETS, filwaqt li jiġi evitat kwalunkwe piż doppju sinifikanti.

Kwalunkwe miżura tal-OMI dwar kwistjonijiet ta’ gassijiet serra, li se tirrikjedi l-monitoraġġ, il-verifika u r-rapportar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mit-tbaħħir, tista’ taffettwa r-Regolament tal-UE dwar l-MRV kif ukoll id-Direttiva dwar l-EU ETS u r-Regolament FuelEU Maritime.

Għalhekk, il-Kapitolu 5 il-ġdid tal-Anness VI tal-MARPOL dwar il-qafas tal-emissjonijiet żero netti tal-OMI jista’ jaffettwa b’mod deċiżiv ir-rekwiżiti applikabbli skont ir-Regolament (UE) 2015/757, ir-Regolament (UE) 2023/1805 u d-Direttiva (UE) 2023/959.

4.2.Kompetenza tal-UE

Is-suġġett tal-atti previsti jikkonċerna qasam li għalih l-Unjoni għandha kompetenza esterna esklużiva bis-saħħa tal-aħħar parti tal-Artikolu 3(2) tat-TFUE, peress li l-atti previsti jistgħu “[jolqtu] xi regoli komuni jew [ibiddlu] l-kamp tal-applikazzjoni tagħhom”.

5.Bażi legali

5.1.Bażi legali proċedurali

5.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

L-Artikolu 218(9) tat-TFUE japplika irrispettivament minn jekk l-Unjoni hijiex membru tal-korp jew parti għall-ftehim 19 .

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp ikkonċernat. Dan jikkonċerna, b’mod partikolari, is-sitwazzjoni fejn il-ftehim internazzjonali li jistabbilixxi l-korp jipprevedi li d-deċiżjonijiet tiegħu għandhom ikunu vinkolanti fuq il-partijiet. Dan huwa l-każ pereżempju meta l-ftehim internazzjonali jagħti lill-korp is-setgħa li jemenda ċerti aspetti tal-ftehim jew tal-annessi tiegħu.

5.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

Il-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar tal-OMI huwa korp imwaqqaf permezz ta’ ftehim f’konformità mal-Konvenzjoni dwar l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali.

L-atti previsti li dan il-kumitat tal-OMI huwa mitlub jadotta huma emendi għall-Anness VI tal-Konvenzjoni MARPOL. Tali emendi se jkunu vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikoli 1 tal-Konvenzjoni MARPOL.

L-atti previsti la jissupplimentaw u lanqas jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.

Għalhekk, il-bażi legali proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

5.2.Bażi legali sostantiva

5.2.1.Prinċipji

Il-bażi legali sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li dwaru tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tissejjes fuq bażi legali sostantiva unika, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

5.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

L-OMI hija aġenzija speċjalizzata tan-Nazzjonijiet Uniti stabbilita minn Konvenzjoni, il-Konvenzjoni tal-OMI, b’responsabbli għas-sikurezza u għas-sigurtà tat-tbaħħir u għall-prevenzjoni tat-tniġġis tal-baħar u tal-arja mill-vapuri.

Skont il-Konvenzjoni tal-OMI, l-għan tal-Organizzazzjoni hu li tipprovdi makkinarju għall-kooperazzjoni fost il-Gvernijiet fil-qasam tar-regolamentazzjoni tal-gvern u tal-prattiki relatati mal-kwistjonijiet tekniċi ta’ kull tip li jaffettwaw it-tbaħħir involut fil-kummerċ internazzjonali; li tħeġġeġ u tiffaċilita l-adozzjoni ġenerali tal-aqwa standards prattikabbli fil-kwistjonijiet li jikkonċernaw is-sikurezza marittima, l-effiċjenza tan-navigazzjoni u l-prevenzjoni u l-kontroll tat-tniġġis tal-baħar mill-vapuri.

Il-Kumitat MEPC tal-OMI se jadotta emendi għall-Anness VI tal-Konvenzjoni MARPOL, li hija l-konvenzjoni internazzjonali ewlenija li tkopri l-prevenzjoni tat-tniġġis tal-ambjent tal-baħar mill-vapuri minħabba kawżi operazzjonali jew aċċidentali.

Dawn l-emendi jiffukaw fuq il-prevenzjoni, it-tnaqqis u l-kontroll tal-emissjonijiet mit-tbaħħir internazzjonali, filwaqt li jippromwovu l-konnettività globali permezz tat-trasport marittimu.

L-emendi msemmija hawn fuq għall-Anness VI tal-Konvenzjoni MARPOL għandhom diversi objettivi fl-oqsma tat-trasport marittimu u tal-ambjent li huma marbuta flimkien b’mod inseparabbli mingħajr ma wieħed ikun sekondarju u indirett meta mqabbel mal-ieħor. Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva tad-deċiżjoni trid tinkludi l-bażijiet ġuridiċi sostantivi korrispondenti, jiġifieri kemm l-Artikolu 100(2) kif ukoll l-Artikolu 192(1) tat-TFUE.

5.3.Konklużjoni

Il-bażi legali tad-deċiżjoni proposta għandha tkun l-Artikolu 100(2) u l-Artikolu 192(1) tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

2025/0242 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali matul it-tieni sessjoni straordinarja tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar dwar l-adozzjoni tal-emendi tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Vapuri (MARPOL)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 100(2) u 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Konvenzjoni dwar l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (“OMI”) daħlet fis-seħħ fis-17 ta’ Marzu 1958.

(2)L-OMI hija aġenzija speċjalizzata tan-Nazzjonijiet Uniti responsabbli għas-sikurezza u għas-sigurtà tat-tbaħħir u għall-prevenzjoni tat-tniġġis tal-baħar u tal-arja mill-vapuri. L-Istati Membri kollha tal-Unjoni huma membri tal-OMI. L-Unjoni mhijiex membru tal-OMI.

(3)Skont l-Artikolu 38(a) tal-Konvenzjoni dwar l-OMI, il-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar (MEPC, Marine Environment Protection Committee) iwettaq tali funzjonijiet li huma kkonferiti jew li jistgħu jiġu kkonferiti lill-OMI permezz jew skont konvenzjonijiet internazzjonali għall-prevenzjoni u l-kontroll tat-tniġġis tal-baħar mill-vapuri, b’mod partikolari fir-rigward tal-adozzjoni u l-emendar ta’ regolamenti jew ta’ dispożizzjonijiet oħrajn. Matul it-tieni laqgħa straordinarja tiegħu, il-MEPC se jadotta emendi għall-MARPOL, f’konformità mal-Artikolu 16, il-paragrafu (2), is-subpunti (b), (c) u (d).

(4)Il-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar tal-OMI, fit-tieni sessjoni straordinarja tiegħu mill-14 sas-17 ta’ Ottubru 2025, se jadotta emendi għall-Anness VI tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Vapuri (MARPOL, International Convention for the Prevention of Pollution from Ships) dwar id-deżinjazzjoni tal-Atlantiku tal-Grigal bħala Żona ġdida ta’ Kontroll tal-Emissjonijiet (ir-regolamenti 13 u 14 u l-Appendiċi VII), dwar l-aċċessibbiltà tal-Bażi tad-Data tal-OMI dwar il-Konsum taż-Żejt tal-Fjuwil tal-Bastimenti (DCS tal-OMI) u l-klawżola ta’ rieżami tal-miżura ta’ tnaqqis tal-gassijiet serra fuq terminu qasir (ir-regolamenti 20, 25, 27 u 28), u dwar il-Qafas tal-Emissjonijiet Żero Netti tal-OMI (il-Kapitolu 5 il-ġdid).

(5)L-atti previsti tas-MEPC se jkollhom effetti legali.

(6)Għalhekk, jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni matul is-sessjoni straordinarja tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar tal-OMI, peress li l-atti previsti jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri d-Direttiva (UE) 2016/802 dwar tnaqqis tal-kontenut tal-kubrit f’ċerti karburanti likwidi 20 , ir-Regolament (UE) 2015/757 dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta’ emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mit-trasport marittimu 21 , id-Direttiva (UE) 2023/959 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u d-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 dwar l-istabbiliment u l-funzjonament ta’ riżerva tal-istabbiltà tas-suq għas-sistema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Unjoni 22 , ir-Regolament (UE) 2023/1805 dwar l-użu ta’ karburanti rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fit-trasport marittimu 23 .

(7)Għalhekk, jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa l-emendi għar-regolamenti 13 u 14 u l-Appendiċi VII tal-Anness VI tal-MARPOL minħabba li se tikkontribwixxi għall-prevenzjoni, għat-tnaqqis u għall-kontroll tal-emissjonijiet ta’ NOx, SOx u PM mill-vapuri biex jinkisbu benefiċċji relatati mas-saħħa u mal-ambjent filwaqt li l-impatt ekonomiku fuq is-settur marittimu jinżamm maniġġabbli. L-Unjoni jenħtieġ li tappoġġa wkoll dawn l-emendi għar-regolament 27 tal-Anness VI tal-MARPOL, minħabba li se jkomplu jtejbu l-aċċessibbiltà tad-data tad-DCS tal-OMI biex jiżguraw l-implimentazzjoni robusta tal-qafas tas-CII u biex jiffaċilitaw ir-rieżami tiegħu. L-Unjoni jenħtieġ li tappoġġa l-emendi għar-regolamenti 20, 25, 27 u 28 tal-Anness VI tal-MARPOL, minħabba li huma konsegwenzjali għall-adozzjoni tal-Istrateġija tal-OMI għall-gassijiet serra tal-2023 u għall-finalizzazzjoni tar-rieżami tal-Miżuri fuq Terminu Qasir mill-OMI u jippermettu rieżami ulterjuri ta’ dawn ir-regolamenti. L-Unjoni jenħtieġ li tappoġġa wkoll l-introduzzjoni tal-Kapitolu 5 il-ġdid tal-Anness VI tal-MARPOL, minħabba li jinkludi dispożizzjonijiet imfassla biex inaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra (GHG) mit-tbaħħir internazzjonali mmirati lejn il-kisba ta’ emissjonijiet żero netti ta’ gassijiet serra (GHG) sal-2050. Dan se jikkostitwixxi wkoll pedament b’saħħtu għat-tranżizzjoni tal-enerġija meħtieġa tat-tbaħħir. L-għan tagħha huwa li tilħaq il-miri klimatiċi stabbiliti fl-Istrateġija tal-OMI tal-2023 dwar it-Tnaqqis tal-Emissjonijiet ta’ Gassijiet Serra mill-Vapuri, taċċellera l-introduzzjoni ta’ fjuwils, teknoloġiji u sorsi tal-enerġija b’emissjonijiet żero u kważi żero ta’ gassijiet serra, u tappoġġa tranżizzjoni ġusta u ekwa. 

(8)Il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-OMI, u mill-Kummissjoni, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt, fl-interess tal-Unjoni Ewropea.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fit-tieni sessjoni straordinarja tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (“OMI”) għandha tkun li taqbel mal-adozzjoni ta’:

(a)l-emendi tar-regolamenti 13 u 14 u tal-Appendiċi VII tal-Anness VI tal-MARPOL dwar id-deżinjazzjoni tal-Atlantiku tal-Grigal bħala Żona ta’ Kontroll tal-Emissjonijiet ġdida (ECA, Emission Control Area),

(b)l-emendi tar-regolamenti 20, 25, 27 u 28 tal-Anness VI tal-MARPOL dwar l-aċċessibbiltà tal-Bażi tad-Data tal-OMI dwar il-Konsum taż-Żejt tal-Fjuwil mill-Bastimenti (DCS tal-OMI) u l-klawżola ta’ rieżami tal-miżura ta’ tnaqqis tal-gassijiet serra fuq terminu qasir, u

(c)l-introduzzjoni tal-Kapitolu 5 il-ġdid tal-Anness VI tal-MARPOL dwar il-Qafas tal-Emissjonijiet Żero Netti tal-OMI.

Artikolu 2

Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandha tiġi espressa mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima tal-OMI, li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    L-Awstrija u l-Ungerija għadhom ma rratifikawx l-Anness VI tal-MARPOL.
(2)    ĠU L 132, 21.5.2016, p. 58.
(3)    ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19.
(4)    ĠU L 152, 11.6.2008, p. 1
(5)    Ir-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi [ĠU L 171, 29.6.2007, p. 1] u r-Regolament (KE) Nru 595/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur u magni rigward l-emissjonijiet minn vetturi heavy-duty (Euro VI) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi [ĠU L 188, 18.7.2009, p. 1]
(6)    ĠU L 59, 27.2.1998, p. 1
(7)    ĠU L 123, 19.5.2015, p. 55
(8)    Ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”); ĠU L 243, 9.7.2021, p. 1–17
(9)    Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (Test b’rilevanza għaż-ŻEE), ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32-46
(10)    Id-Direttiva (UE) 2023/959 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u d-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 dwar l-istabbiliment u l-funzjonament ta’ riżerva tal-istabbiltà tas-suq għas-sistema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Unjoni, ĠU L 130, 16.5.2023, p. 134-202
(11)    Ir-Regolament (UE) 2023/957 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2015/757 sabiex tiġi prevista l-inklużjoni tal-attivitajiet tat-trasport marittimu fis-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet u għall-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra addizzjonali u emissjonijiet minn tipi ta’ bastimenti addizzjonali, ĠU L 130, 16.5.2023, p. 105-114 
(12)    ĠU L 234, 22.9.2023, p. 48
(13)    ĠU L 123, 19.5.2015, p. 55.
(14)    Ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”); ĠU L 243, 9.7.2021, p. 1–17
(15)    Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (Test b’rilevanza għaż-ŻEE), ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32-46
(16)    Id-Direttiva (UE) 2023/959 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u d-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 dwar l-istabbiliment u l-funzjonament ta’ riżerva tal-istabbiltà tas-suq għas-sistema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Unjoni, ĠU L 130, 16.5.2023, p. 134-202
(17)    Ir-Regolament (UE) 2023/957 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2015/757 sabiex tiġi prevista l-inklużjoni tal-attivitajiet tat-trasport marittimu fis-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet u għall-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra addizzjonali u emissjonijiet minn tipi ta’ bastimenti addizzjonali, ĠU L 130, 16.5.2023, p. 105-114 
(18)    Ir-Regolament (UE) 2023/1805 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Settembru 2023 dwar l-użu ta’ karburanti rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fit-trasport marittimu, u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE, ĠU L 234, 22.9.2023, p. 48-100
(19)    Il-Kawża C-399/12 Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (OIV), ECLI:EU:C:2014:2258, il-punt 64.
(20)    ĠU L 132, 21.5.2016, p. 58
(21)    ĠU L 123, 19.5.2015, p. 55
(22)    ĠU L 130, 16.5.2023, p. 134
(23)    ĠU L 234, 22.9.2023, p. 48