SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)
6 ta’ Marzu 2025 ( *1 )
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 258 TFUE – Protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw ksur tad-dritt tal-Unjoni – Direttiva (UE) 2019/1937 – Artikolu 26(1) u (3) – Assenza ta’ traspożizzjoni u ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni – Artikolu 260(3) TFUE – Talba għal kundanna għall-ħlas ta’ somma f’daqqa – Kriterji għall-istabbiliment tal-ammont tas-sanzjoni – Applikazzjoni awtomatika ta’ koeffiċjent ta’ gravità”
Fil-Kawża C‑150/23,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 260(3) TFUE, imressaq fit‑13 ta’ Marzu 2023,
Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Baquero Cruz, F. Blanc u T. Materne, bħala aġenti,
rikorrenti,
vs
Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, irrappreżentat minn A. Germeaux u T. Schell, bħala aġenti,
konvenuta,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),
komposta minn T. von Danwitz, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala President tas-Sitt Awla, A. Kumin u I. Ziemele (Relatriċi), imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Emiliou,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
Il-kuntest ġuridiku
Id-Direttiva 2019/1937
|
2 |
Il-premessa 1 tad-Direttiva 2019/1937 tipprovdi: “[…] Madankollu, l-informaturi potenzjali spiss jiġu skoraġġuti milli jirrapportaw it-tħassib jew is-suspetti tagħhom għax jibżgħu minn xi ritaljazzjoni. F’dan il-kuntest, l-importanza li tiġi pprovduta protezzjoni bbilanċjata u effettiva lill-informaturi hija dejjem aktar rikonoxxuta kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll f’dak internazzjonali.” |
|
3 |
Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva: “L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li jittejjeb l-infurzar tal-liġi u l-politiki tal-Unjoni f’oqsma speċifiċi billi jiġu stabbiliti standards minimi komuni li jipprevedu protezzjoni ta’ livell għoli għal persuni li jirrapportaw ksur tal-liġi tal-Unjoni.” |
|
4 |
L-Artikolu 26 tal-imsemmija direttiva jipprevedi: “1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sas‑17 ta’ Diċembru 2021. […] 3. Meta l-Istati Membri jadottaw id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, dawk id-dispożizzjonijiet għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew jiġu akkumpanjati b’tali referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-mod kif għandha ssir dik ir-referenza. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.” |
Il-Komunikazzjoni tal-2023
|
5 |
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2023/C 2/01, intitolata “Sanzjonijiet finanzjarji fi proċedimenti ta’ ksur” (ĠU 2023, C 2, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni tal‑2023”), tiddedika l-punti 3 u 4 tagħha rispettivament għall-“Pagament ta’ penali” u għal “Ħlas ta’ somma f’daqqa”. |
|
6 |
Il-punt 3.2 ta’ din il-komunikazzjoni, dwar l-applikazzjoni tal-koeffiċjent ta’ gravità fil-kuntest tal-kalkolu tal-pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum, jipprovdi: “Ksur li jikkonċerna n-nuqqas […] ta’ Stat Membru […] li jinnotifika miżuri li jittrasponu direttiva adottata skont proċedura leġiżlattiva dejjem jitqies bħala serju. Biex tadatta l-ammont tal-penali għaċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ, il-Kummissjoni tiddetermina l-koeffiċjent għas-serjetà fuq il-bażi ta’ żewġ parametri: l-importanza tar-regoli tal-Unjoni li nkisru jew li ma ġewx trasposti u l-effetti tal-ksur fuq l-interessi ġenerali u partikolari. […]” |
|
7 |
Il-punt 3.2.2 tal-imsemmija komunikazzjoni jipprovdi: “Għal azzjonijiet ippreżentati skont l-Artikolu 260(3) TFUE, il-Kummissjoni tapplika sistematikament koeffiċjent għas-serjetà ta’ 10 f’każ ta’ nuqqas sħiħ ta’ notifika ta’ miżuri ta’ traspożizzjoni. F’Unjoni bbażata fuq ir-rispett tal-[I]stat tad-dritt, id-direttivi leġiżlattivi kollha għandhom jitqiesu ta’ importanza ugwali u jirrikjedu traspożizzjoni sħiħa mill-Istati Membri fl-iskadenzi li jistabbilixxu. Fil-każ ta’ nuqqas parzjali ta’ notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni, għandha titqies l-importanza tad-diskrepanza fit-traspożizzjoni meta jiġi stabbilit il-koeffiċjent għas-serjetà li jkun anqas minn 10. Barra minn hekk, jistgħu jitqiesu l-effetti tal-ksur fuq l-interessi ġenerali u partikolari […].” |
|
8 |
Skont il-punt 3.3 tal-Komunikazzjoni tal‑2023, intitolat “Applikazzjoni tal-koeffiċjent għal kemm idum”: “[…] Il-koeffiċjent għal kemm idum huwa espress bħala multiplikatur ta’ bejn 1 u 3. Dan jiġi kkalkolat b’rata ta’ 0,10 fix-xahar mid-data tal-ewwel sentenza jew mill-jum wara l-iskadenza għat-traspożizzjoni tad-direttiva inkwistjoni. […]” |
|
9 |
Il-punt 3.4 ta’ din il-komunikazzjoni, intitolat “Il-kapaċità tal-Istat Membru li jħallas”, jipprevedi: “[…] Il-livell ta’ sanzjoni meħtieġ biex iservi bħala deterrent se jvarja skont il-kapaċità tal-Istati Membri li jħallsu. Dan l-effett ta’ deterrent huwa rifless fil-fattur n. Huwa ddefinit bħala medja ġeometrika ponderata tal-prodott domestiku gross (PDG) […] tal-Istat Membru kkonċernat meta mqabbla mal-medja tal-PDG tal-Istati Membri, b’piż ta’ tnejn, u tal-popolazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat, meta mqabbla mal-medja tal-popolazzjonijiet tal-Istati Membri, b’piż ta’ wieħed. Dan jirrappreżenta l-kapaċità li l-Istat Membru kkonċernat iħallas meta mqabbel mal-kapaċità tal-Istati Membri l-oħra li jħallsu: […] il-Kummissjoni ddeċidiet li tirrevedi l-metodu tagħha għall-kalkolu tal-fattur n, li issa jibbaża l-aktar fuq il-PDG tal-Istati Membri u t-tieni fuq il-popolazzjoni tagħhom bħala kriterju demografiku li jippermetti li tinżamm devjazzjoni raġonevoli bejn id-diversi Stati Membri. Meta titqies il-popolazzjoni tal-Istati Membri għal terz tal-kalkolu tal-fattur n, il-varjazzjoni tal-fatturi n tal-Istati Membri titnaqqas b’mod raġonevoli, meta mqabbla ma’ kalkolu bbażat biss fuq il-PDG tal-Istati Membri. Dan iżid ukoll element ta’ stabbiltà fil-kalkolu tal-fattur n, billi l-popolazzjoni x’aktarx li ma hijiex se tvarja b’mod sinifikanti fuq bażi annwali. B’kuntrast għal dan, il-PDG ta’ Stat Membru jista’ jesperjenza varjazzjonijiet annwali ogħla, b’mod partikolari f’perjodi ta’ kriżi ekonomika. Fl-istess ħin, billi l-PDG tal-Istat Membru għadu jammonta għal żewġ terzi tal-kalkolu, jibqa’ l-fattur predominanti għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-kapaċità tiegħu li jħallas. […]” |
|
10 |
Il-punt 4.2 tal-imsemmija komunikazzjoni jippreċiża l-metodu ta’ kalkolu tas-somma f’daqqa kif ġej: “Is-somma f’daqqa tiġi kkalkolata b’mod ġeneralment simili għall-metodu għall-kalkolu tal-pagament ta’ penali, jiġifieri:
[…]” |
|
11 |
Il-punt 4.2.1 tal-imsemmija komunikazzjoni jipprevedi: “Biex tiġi kkalkolata s-somma f’daqqa, l-ammont ta’ kuljum għandu jiġi mmultiplikat bin-numru ta’ jiem li l-ksur jippersisti. Dan tal-aħħar huwa ddefinit kif ġej: […]
[…]” |
|
12 |
Skont il-punt 4.2.2 tal-Komunikazzjoni tal‑2023: “Għall-kalkolu tas-somma f’daqqa, il-Kummissjoni tapplika l-istess koeffiċjent għas-serjetà u l-istess fattur n fiss bħal għall-kalkolu tal-pagament ta’ penali […] L-ammont b’rata fissa għas-somma f’daqqa huwa anqas minn dak għall-pagamenti ta’ penali. […] L-ammont b’rata fissa applikabbli għas-somma f’daqqa huwa stabbilit fil-punt 2 tal-Anness I. […]” |
|
13 |
L-Anness I ta’ din il-komunikazzjoni, intitolat “Data użata għad-determinazzjoni tas-sanzjonijiet finanzjarji proposti lill-Qorti ” jipprevedi, fil-punt 2 tiegħu, li l-ammont tas-somma f’daqqa msemmi fil-punt 4.2.2 tal-imsemmija komunikazzjoni huwa stabbilit għal EUR 1000 għal kuljum, li jikkorrispondi għal terz tal-ammont b’rata fissa tal-pagamenti ta’ penalità, u, fil-punt 3 tiegħu, li l-fattur “n” għall-Gran Dukat tal-Lussemburgu huwa stabbilit għal 0.09. Fil-punt 5 ta’ dan l-Anness I, huwa ppreċiżat li s-somma f’daqqa minima stabbilita għall-Gran Dukat tal-Lussemburgu tammonta għal EUR 252000. |
Il-proċedura prekontenzjuża u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
14 |
Fil‑21 ta’ Jannar 2022, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, fejn ilmentat li ma kkomunikalhiex il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mad-Direttiva 2019/1937, li t-terminu ta’ traspożizzjoni tagħha kien skada fis‑17 ta’ Diċembru 2021. Fit-tweġiba tiegħu tal‑15 ta’ Marzu 2022, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu informa lill-Kummissjoni li dawn id-dispożizzjonijiet kienu fil-proċess li jiġu adottati. |
|
15 |
Fl-assenza ta’ komunikazzjoni sussegwenti dwar it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/1937, fil‑15 ta’ Lulju 2022, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, li fiha talbet lil dan tal-aħħar iwettaq l-obbligi tiegħu skont din id-direttiva fi żmien xahrejn, li jibdew jiddekorru mid-data li fiha jirċievi din l-opinjoni. |
|
16 |
Fir-risposta tiegħu tal‑25 ta’ Awwissu 2022, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu indika li l-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Lussemburgu), informat bl-urġenza ta’ dan il-fajl, kien ser jagħti opinjoni dwar l-abbozz tal-Liġi Nru 7945 li tittrasponi din id-direttiva, b’tali mod li x-xogħlijiet leġiżlattivi jerġgħu jibdew matul ix-xahar ta’ Settembru 2022. |
|
17 |
Peress li qieset li dan l-Istat Membru kien għadu ma wettaqx l-obbligi tiegħu, il-Kummissjoni ddeċidiet, fit‑13 ta’ Marzu 2023, li tressaq dan ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
18 |
Fis‑17 ta’ Mejju 2023, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu kkomunika lill-Kummissjoni l-Liġi tas‑16 ta’ Mejju 2023 li tittrasponi d-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni (Mémorial A Nru 332 tas‑17 ta’ Mejju 2023, iktar ’il quddiem il-“Liġi tas‑16 ta’ Mejju 2023”), li daħlet fis-seħħ fil‑21 ta’ Mejju 2023. |
|
19 |
Permezz ta’ att tat‑28 ta’ Settembru 2023, il-Kummissjoni informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li, wara kuntatti mal-awtoritajiet Lussemburgiżi, it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/1937 mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu setgħet titqies bħala li ntemmet fil‑21 ta’ Mejju 2023. Għaldaqstant, din l-istituzzjoni, minn naħa, irrinunzjat parzjalment għar-rikors tagħha, filwaqt li rrinunzjat għat-talba tagħha għall-iffissar ta’ pagamenti ta’ penalità, u, min-naħa l-oħra, adattat it-talbiet tagħha intiżi għall-kundanna ta’ dan l-Istat Membru għall-ħlas ta’ somma f’daqqa, fejn talbet f’dan ir-rigward ammont ta’ EUR 467100. |
|
20 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑19 ta’ Diċembru 2023, il-proċedura ġiet sospiża sakemm tingħata s-sentenza fil-Kawża C‑147/23. Wara l-għoti tas-sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi) (C‑147/23, EU:C:2024:346), il-proċedura f’din il-kawża tkompliet permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-istess ġurnata. |
Fuq ir-rikors
Fuq in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 258 TFUE
L-argumenti tal-partijiet
|
21 |
Il-Kummissjoni tfakkar li, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, l-Istati Membri huma obbligati jadottaw id-dispożizzjonijiet neċessarji għat-traspożizzjoni tad-direttivi fis-sistema ġuridika nazzjonali tagħhom, fit-termini stabbiliti minn dawn id-direttivi, u jikkomunikaw immedjatament dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni. |
|
22 |
Din l-istituzzjoni tippreċiża li l-eżistenza ta’ kull nuqqas ta’ twettiq ta’ dawn l-obbligi għandha tiġi evalwata skont kif kienet is-sitwazzjoni tal-Istat Membru fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata li hija bagħtitilha. |
|
23 |
Issa, f’dan il-każ, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu la kien adotta l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/1937 u lanqas ma kien informa lill-Kummissjoni bl-adozzjoni tagħhom qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata tal‑15 ta’ Lulju 2022. |
|
24 |
Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jirrikonoxxi li huwa ma kienx adotta dawn id-dispożizzjonijiet fit-terminu stabbilit. |
|
25 |
Dan l-Istat Membru jindika li l-Liġi tas‑16 ta’ Mejju 2023, ikkomunikata lill-Kummissjoni fis‑17 ta’ Mejju 2023 u li daħlet fis-seħħ fil‑21 ta’ Mejju 2023, ippermettiet, f’din id-data, it-traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva 2019/1937. |
|
26 |
Il-Kummissjoni tfakkar, f’dan ir-rigward, li l-fatt li l-Istat Membru kkonċernat jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu matul il-proċedura kontenzjuża ma huwiex rilevanti sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ta’ dan tal-aħħar, peress li din għandha tiġi evalwata fid-dawl tas-sitwazzjoni ta’ dan l-Istat Membru fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
27 |
Skont l-Artikolu 26(1) tad-Direttiva 2019/1937, l-Istati Membri kellhom, sa mhux iktar tard mis‑17 ta’ Diċembru 2021, idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom magħha. Barra minn hekk, l-Artikolu 26(3) ta’ din id-direttiva jippreċiża li, meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali, dawn għandhom jinkludu riferiment għal din id-direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali riferiment waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Minbarra dan, skont l-Artikolu 26(3), huma l-Istati Membri li għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-imsemmija dispożizzjonijiet nazzjonali. |
|
28 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata skont kif kienet is-sitwazzjoni tal-Istat Membru fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, b’tali mod li l-bidliet li jkunu seħħew sussegwentement ma jkunux jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C-147/23, EU:C:2024:346, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
29 |
F’dan il-każ, wara li kkonstatat li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu ma kienx ikkomunikalha d-dispożizzjonijiet neċessarji għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/1937, il-Kummissjoni bagħtet lil dan l-Istat Membru, fil‑15 ta’ Lulju 2022, opinjoni motivata, fejn talbitu jwettaq l-obbligi msemmija f’din l-opinjoni f’terminu ta’ xahrejn mid-data li fiha jkun irċeviha. |
|
30 |
Issa, kif jirriżulta mir-risposta u mill-kontroreplika ppreżentati mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu f’din il-proċedura, fl-iskadenza ta’ dan it-terminu, dan l-Istat Membru ma kienx adotta l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mad-Direttiva 2019/1937 u, għaldaqstant, dan l-Istat lanqas ma kien ikkomunika dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni. |
|
31 |
Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, billi naqas milli jadotta, sal-iskadenza tat-terminu mogħti fl-opinjoni motivata tal‑15 ta’ Lulju 2022 il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mad-Direttiva 2019/1937 u, għalhekk, billi naqas milli jikkomunika dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu naqas milli twettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 26(1) u (3) ta’ din id-direttiva. |
Fuq it-talba mressqa skont l-Artikolu 260(3) TFUE
L-argumenti tal-partijiet
|
32 |
Sabiex jiġi stabbilit l-ammont tas-somma f’daqqa, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq il-prinċipji ġenerali msemmija fil-punt 2 tal-Komunikazzjoni tal‑2023 kif ukoll fuq il-metodu ta’ kalkolu li jinsab fil-punti 3 u 4 ta’ din l-istess komunikazzjoni. B’mod partikolari, din l-istituzzjoni tindika li d-determinazzjoni tal-imsemmi ammont tas-somma f’daqqa għandha tkun ibbażata fuq il-kriterji fundamentali li huma l-gravità tal-ksur, it-tul tiegħu u n-neċessità li jiġi żgurat l-effett dissważiv tas-sanzjoni sabiex jiġu evitati r-reċidivi. |
|
33 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni tfakkar li l-koeffiċjent applikabbli skont il-Kommunikazzjoni tal‑2023 huwa bejn minimu ta’ 1 u massimu ta’ 20. Din l-istituzzjoni tippreċiża li, skont il-punt 3.2.2 ta’ din il-kommunikazzjoni, hija tapplika sistematikament koeffiċjent ta’ gravità ta’ 10 f’każ ta’ nuqqas sħiħ ta’ twettiq tal-obbligu ta’ komunikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jippermettu t-traspożizzjoni ta’ direttiva, peress li kull nuqqas ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva u ta’ kommunikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għandu l-istess grad ta’ gravità, indipendentement min-natura tad-dispożizzjonijiet tad-direttiva kkonċernata. |
|
34 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tat-tul tal-ksur, il-Kummissjoni tesponi li dan huwa ekwivalenti, fir-rigward tal-kalkolu tas-somma f’daqqa, għan-numru ta’ ġranet ta’ persistenza tal-ksur. Dan it-tul huwa kkalkolat skont il-punt 4.2.1 tal-Komunikazzjoni tal‑2023 u jikkorrispondi, għar-rikorsi ppreżentati skont l-Artikolu 260(3) TFUE, għan-numru ta’ ġranet bejn il-ġurnata ta’ wara l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-direttiva inkwistjoni u l-ġurnata li fih il-ksur intemm, jew fin-nuqqas ta’ regolarizzazzjoni, mid-data tal-għoti tas-sentenza skont l-Artikolu 260 TFUE. |
|
35 |
Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-kriterju relatat man-neċessità li jiġi żgurat l-effett dissważiv tas-sanzjoni fid-dawl tal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru kkonċernat, il-Kummissjoni tindika li dan huwa espress bil-fattur “n” stabbilit għal kull Stat Membru fil-punt 3 tal-Anness I tal-Komunikazzjoni tal‑2023. Il-kalkolu tiegħu huwa bbażat fuq ir-relazzjoni bejn il-PDG tal-Istat ikkonċernat u l-PDG medju nazzjonali tal-Unjoni mmultiplikat bir-relazzjoni ta’ bejn il-popolazzjoni ta’ dak l-Istat u l-popolazzjoni medja nazzjonali tal-Unjoni. L-ewwel relazzjoni hija peżata b’żewġ terzi filwaqt li t-tieni relazzjoni hija peżata b’terz. Skont dan il-punt 3, il-fattur “n” tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu huwa ta’ 0.09. |
|
36 |
Konsegwentement, il-Kummissjoni tipproponi, skont il-punt 4.2 tal-Kommunikazzjoni tal‑2023, li jintuża koeffiċjent ta’ gravità ta’ 10 u li jiġi applikat l-fattur “n” ta’ 0.09. Il-prodott ta’ dawn iż-żewġ elementi għandu jiġi mmultiplikat bl-ammont tas-somma f’daqqa stabbilita fil-punt 2 tal-Anness I ta’ din il-komunikazzjoni, jiġifieri EUR 1000, li jikkorrispondi għas-somma ta’ EUR 900, liema somma għandha tiġi mmultiplikata bin-numru ta’ ġranet li matulhom in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppersista, konformement mal-punt 4.2.1 tal-imsemmija kommunikazzjoni. Il-Kummissjoni tindika li l-ħlas tas-somma f’daqqa li għaliha jwassal dan il-kalkolu għandu jiġi impost fuq il-Gran Dukat tal-Lussemburgu bil-kundizzjoni li jkun ogħla minn EUR 252000, ammont tas-somma f’daqqa minima stabbilita għal dan l-Istat Membru skont il-punt 5 tal-Anness I tal-Komunikazzjoni tal‑2023. |
|
37 |
Fir-risposta tiegħu, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jenfasizza li l-applikazzjoni sistematika ta’ koeffiċjent ta’ gravità ta’ 10 tipprekludi kull teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi partikolari tal-proċess leġiżlattiv tal-Istat Membru kkonċernat. |
|
38 |
Minn naħa, il-Liġi tas‑16 ta’ Mejju 2023 tiżgura mhux biss it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/1937, iżda tikkostitwixxi wkoll qafas normattiv iktar wiesa’ li jinkludi s-senjalazzjonijiet ta’ ksur tad-dritt nazzjonali. Dan it-twessigħ tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni prevista mid-Direttiva 2019/1937 jispjega d-dewmien fit-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-iffissar tal-koeffiċjent ta’ gravità. Min-naħa l-oħra, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu wera trasparenza u ħeffa fil-kuntest tal-kooperazzjoni tiegħu mal-Kummissjoni, li jikkostitwixxi wkoll ċirkustanza attenwanti li għandha twassal għal tnaqqis tal-koeffiċjent ta’ gravità. |
|
39 |
Għal dawn ir-raġunijiet, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jitlob it-tnaqqis tal-ammont f’daqqa ta’ kuljum. |
|
40 |
Fit-talbiet addizzjonali tagħha tat‑28 ta’ Settembru 2023, il-Kummissjoni tipproponi, wara l-komunikazzjoni mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu tad-dħul fis-seħħ, fil‑21 ta’ Mejju 2023, tal-Liġi tas‑16 ta’ Mejju 2023, li jiġi kkunsidrat li n-numru ta’ ġranet ta’ persistenza tal-ksur huwa inkluż bejn it‑18 ta’ Diċembru 2021, jiġifieri l-ġurnata ta’ wara dik tal-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/1937, u l‑20 ta’ Mejju 2023, jiġifieri l-ġurnata ta’ qabel dik tad-dħul fis-seħħ tal-liġi li tiżgura t-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva. Minn dan jirriżulta li l-ammont ta’ kuljum propost huwa ta’ EUR 900 (10 x 0.09 x1 000), li għandu jiġi mmultiplikat bin-numru ta’ ġranet ta’ persistenza tal-ksur, jiġifieri 519-il ġurnata. L-ammont tas-somma f’daqqa mitluba huwa għalhekk ta’ EUR 467100. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
41 |
L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 260(3) TFUE jipprevedi li, meta l-Kummissjoni tippreżenta rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 258 TFUE peress li tkun tqis li l-Istat Membru kkonċernat naqas mill-obbligu tiegħu li jikkomunika d-dispożizzjonijiet neċessarji għat-traspożizzjoni ta’ direttiva adottata konformement ma’ proċedura leġiżlattiva, hija tista’, meta jidhrilha xieraq, tindika l-ammont ta’ pagament ta’ somma f’daqqa jew ta’ pagament ta’ penalità li għandu jitħallas minn dan l-Istat Membru, li hija tkun tqis xieraq għaċ-ċirkustanzi. Konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 260(3) TFUE, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, hija tkun tista’ timponi fuq l-Istat Membru kkonċernat il-ħlas ta’ somma f’daqqa jew pagament ta’ penalità li ma jkunx jaqbeż l-ammont indikat mill-Kummissjoni u l-obbligu tal-ħlas jidħol fis-seħħ fid-data stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha. |
|
42 |
Peress li, kif jirriżulta mill-punt 31 ta’ din is-sentenza, huwa stabbilit li, fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata tal‑15 ta’ Lulju 2022, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu la kien adottat u lanqas, għaldaqstant, ma kien ikkomunika lill-Kummissjoni il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji għat-traspożizzjoni fid-dritt intern tagħha tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2019/1937, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hekk ikkonstatat jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE. |
|
43 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-għan imfittex mill-mekkaniżmu li jinsab fl-Artikolu 260(3) TFUE ma huwiex biss li l-Istati Membri jiġu mħeġġa jtemmu, fl-iqsar żmien possibbli, nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li, fl-assenza ta’ tali dispożizzjoni, ikollu t-tendenza li jippersisti, iżda wkoll li jtaffi u jħaffef il-proċedura għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet pekunjarji li jikkonċernaw in-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ta’ komunikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva adottata konformement mal-proċedura leġiżlattiva (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
44 |
Sabiex jintlaħaq dan l-għan, l-Artikolu 260(3) TFUE jipprevedi l-impożizzjoni, b’mod partikolari, ta’ somma f’daqqa bħala sanzjoni pekunjarja. |
|
45 |
Il-kundanna għall-ħlas ta’ somma f’daqqa hija bbażata fuq l-evalwazzjoni tal-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi imposti fuq l-Istat Membru kkonċernat fir-rigward tal-interessi privati u pubbliċi inkwistjoni, b’mod partikolari meta n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jkun ippersista għal perijodu twil (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
46 |
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni timmotiva n-natura u l-ammont tas-sanzjonijiet pekunjarji mitluba, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-linji gwida li hija adottat, bħal dawk li jinsabu fil-komunikazzjonijiet tagħha, li, filwaqt li ma jorbtux lill-Qorti tal-Ġustizzja, jikkontribwixxu sabiex jiżguraw it-trasparenza, il-prevedibbiltà u ċ-ċertezza legali tal-azzjoni meħuda mill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
47 |
Fir-rigward tal-opportunità li timponi somma f’daqqa, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha, f’kull kawża u skont iċ-ċirkustanzi tal-każ li tkun adita bih kif ukoll tal-livell ta’ persważjoni u ta’ dissważjoni li jidhrilha meħtieġ, li tiddeċiedi dwar s-sanzjonijiet pekunjarji xierqa, b’mod partikolari, għall-prevenzjoni tar-repetizzjoni ta’ ksur analogu tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
48 |
F’dan il-każ, l-elementi legali u fattwali kollha relatati man-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat jikkostitwixxu indikatur tal-fatt li l-prevenzjoni effettiva tar-repetizzjoni futura ta’ ksur simili tad-dritt tal-Unjoni hija ta’ natura li tirrikjedi l-adozzjoni ta’ miżura dissważiva bħall-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa. |
|
49 |
F’dak li jirrigwarda l-kalkolu tal-ammont ta’ din is-somma f’daqqa, għandu jitfakkar li, b’applikazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja biss hija kompetenti sabiex timponi sanzjoni pekunjarja fuq Stat Membru. Madankollu, fil-kuntest ta’ proċedura mibdija abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha biss setgħa ta’ evalwazzjoni limitata, peress li, fil-każ ta’ konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu minn din tal-aħħar, il-proposti tal-Kummissjoni jorbtu lill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tan-natura tas-sanzjoni pekunjarja li hija tista’ timponi u fir-rigward tal-ammont massimu tas-sanzjoni li hija tista’ tagħti (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
50 |
Fl-eżerċizzju tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħha f’dan il-qasam, kif inkwadrat mill-proposti tal-Kummissjoni, hija l-Qorti tal-Ġustizzja, kif tfakkar fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, li għandha tistabbilixxi l-ammont tas-somma f’daqqa li jista’ jiġi imposti fuq Stat Membru skont l-Artikolu 260(3) TFUE b’tali mod li dan l-ammont ikun, minn naħa, adattat għaċ-ċirkustanzi u, min-naħa l-oħra, proporzjonat għall-ksur imwettaq. Fost il-fatturi rilevanti f’dan ir-rigward jinsabu b’mod partikolari elementi bħall-gravità tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat, il-perijodu li matulu dan tal-aħħar ippersista kif ukoll il-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru inkwistjoni (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punti 68 u 87 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
51 |
Għandu jitfakkar ukoll li, fil-kuntest ta’ din is-setgħa ta’ evalwazzjoni, linji gwida, bħal dawk inklużi fil-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni, ma jorbtux lill-Qorti tal-Ġustizzja, iżda jikkontribwixxu sabiex tiġi ggarantita t-trasparenza, il-prevedibbiltà u ċ-ċertezza legali tal-azzjoni meħuda mill-Kummissjoni nnifisha meta dik l-istituzzjoni tagħmel proposti lill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
52 |
F’dan il-każ, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-Komunikazzjoni tal‑2023 sabiex tiġġustifika t-talba tagħha għall-kundanna tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu għall-ħlas ta’ pagament ta’ somma f’daqqa, kif ukoll sabiex tistabbilixxi l-ammont tagħha. |
|
53 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-gravità tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat, mill-punt 3.2 tal-Komunikazzjoni tal‑2023 jirriżulta li, skont il-Kummissjoni, l-assenza ta’ komunikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva adottata fil-kuntest ta’ proċedura leġiżlattiva titqies dejjem bħala gravi. Għaldaqstant, dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jiġġustifika l-applikazzjoni awtomatika ta’ koeffiċjent ta’ gravità ta’ 10. |
|
54 |
Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jikkontesta l-livell ta’ dan il-koeffiċjent u l-awtomatiċità tal-applikazzjoni tiegħu fiċ-ċirkustanzi tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat. |
|
55 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-obbligu tal-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet li jiżguraw it-traspożizzjoni sħiħa ta’ direttiva u tal-obbligu ta’ komunikazzjoni tagħhom lill-Kummissjoni jikkostitwixxu obbligi essenzjali ta’ Stati Membri sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni, u li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ dawn l-obbligi għandu, għaldaqstant, jitqies bħala ta’ gravità ċerta (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
56 |
F’dan il-każ, għandu jiġi enfasizzat li d-Direttiva 2019/1937 hija strument kruċjali tad-dritt tal-Unjoni sa fejn hija tistabbilixxi, skont l-Artikolu 1 tagħha, moqri flimkien mal-premessa 1 tagħha, regoli minimi komuni li jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni bbilanċjata u effettiva tal-persuni li jirrapportaw ksur ta’ dan id-dritt f’oqsma li fihom tali ksur jista’ jippreġudika b’mod partikolari l-interess ġenerali. Fil-fatt, billi tistabbilixxi sistema ta’ protezzjoni tal-persuni li jirrapportaw ksur tad-dritt tal-Unjoni f’kuntest professjonali, din id-direttiva tikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta’ preġudizzju għall-interess pubbliku, f’oqsma partikolarment sensittivi, bħal dawk tal-kuntratti pubbliċi, tal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu, tal-protezzjoni tal-ambjent jew tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva jipprevedu l-obbligu, kemm għall-entitajiet tas-settur pubbliku kif ukoll għal dawk tas-settur privat, li jistabbilixxu kanali ta’ senjalazzjoni interna, proċeduri ta’ riċeviment u ta’ segwitu tas-senjalazzjonijiet, filwaqt li jiggarantixxu d-drittijiet tal-persuni li jirrapportaw ksur tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll il-kundizzjonijiet li fihom dawn jistgħu jibbenefikaw mill-protezzjoni hekk prevista (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 73). |
|
57 |
Issa, l-assenza ta’ traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2019/1937 fit-terminu mogħti neċessarjament tikser id-dritt tal-Unjoni u l-applikazzjoni uniformi u effettiva tiegħu, peress li ksur ta’ dan id-dritt jista’ ma jkunx is-suġġett ta’ senjalazzjoni jekk il-persuni li jkunu jafu b’tali ksur ma jibbenefikawx minn protezzjoni kontra eventwali ritaljazzjoni (ara, f’dan is-sens is-sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 74). |
|
58 |
Madankollu, l-ammont tas-sanzjonijiet pekunjarji imposti fuq Stat Membru skont l-Artikolu 260(3) TFUE għandu jiġi adattat għaċ-ċirkustanzi u proporzjonat mal-ksur imwettaq (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 75), kif tfakkar fil-punt 50 ta’ din is-sentenza. |
|
59 |
Din hija r-raġuni għalfejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-applikazzjoni awtomatika tal-istess koeffiċjent ta’ gravità fil-każijiet kollha ta’ assenza ta’ traspożizzjoni kompleta ta’ direttiva u, għaldaqstant, ta’ assenza ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva neċessarjament tostakola l-adattament tal-ammont tas-sanzjonijiet pekunjarji għaċ-ċirkustanzi li jikkaratterizzaw il-ksur u l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet proporzjonati (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 76). |
|
60 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li, billi tippreżumi li l-ksur tal-obbligu li jiġu kkomunikati l-miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva għandu jitqies li għandu l-istess gravità tkun liema tkun id-direttiva kkonċernata, il-Kummissjoni ma hijiex f’pożizzjoni li tadatta s-sanzjonijiet pekunjarji skont il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ dan l-obbligu fuq l-interessi privati u pubbliċi, kif previst mill-punt 3.2.2 tal-Komunikazzjoni tal‑2023 (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 77). |
|
61 |
F’dan il-każ, in-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu li jiġu adottati l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/1937 huwa partikolarment serju peress li, kif ġie enfasizzat fil-punt 56 ta’ din is-sentenza, id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, sa fejn huma intiżi li jipproteġu l-persuni li jirrapportaw il-ksur tad-dritt tal-Unjoni fl-oqsma koperti minnha, jikkontribwixxu sabiex jiżguraw l-applikazzjoni uniformi u effettiva ta’ dan id-dritt (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 79). |
|
62 |
Fir-rigward taċ-ċirkustanzi attenwanti invokati mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni li tkopri kamp ta’ applikazzjoni li jmur lil hinn minn dak tad-Direttiva 2019/1937 ma jistax ikollha effett fuq l-evalwazzjoni tal-gravità tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, peress li din hija għażla deliberata tal-Istat Membru li, f’dan il-każ, sar għad-detriment ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva fit-terminu stabbilit. |
|
63 |
Min-naħa l-oħra, sa fejn il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jsostni li wera trasparenza u ħeffa fil-kuntest tal-kooperazzjoni tiegħu mal-Kummissjoni, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali mal-Kummissjoni jaqa’ fi kwalunkwe każ fuq l-Istati Membri skont l-Artikolu 4(3) TUE, li jimplika li kull Stat Membru huwa obbligat jiffaċilita għal din l-istituzzjoni t-twettiq tal-missjoni tagħha li, skont l-Artikolu 17 TUE, hija li tiżgura, bħala gwardjan tat-Trattati, l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni taħt l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, hija biss kooperazzjoni mal-Kummissjoni kkaratterizzata minn passi li juru l-intenzjoni ta’ konformità fl-iqsar żmien possibbli mal-obbligi li jirriżultaw mid-direttiva li tista’ ttieħed inkunsiderazzjoni bħala ċirkustanza attenwanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 98 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
64 |
F’dan il-każ, għandu jitqies li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu ma tax prova ta’ ħeffa eżemplari billi dam 8 xhur mill-iskadenza tat-terminu ta’ xahrejn mogħti, wara l-komunikazzjoni tiegħu, fl-opinjoni motivata tal‑15 ta’ Lulju 2022 u madwar 17-il xahar mill-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-Artikolu 26(1) tad-Direttiva 2019/1937 sabiex jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu taħt din id-direttiva. |
|
65 |
Fit-tieni lok, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tat-tul tal-ksur, għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-bidu tal-perijodu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit l-ammont tas-somma f’daqqa, id-data li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-evalwazzjoni tat-tul tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni ma hijiex dik tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata tal-Kummissjoni, iżda d-data li fiha jiskadi t-terminu għat-traspożizzjoni previst mid-direttiva inkwistjoni (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
66 |
Huwa paċifiku li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu ma kienx, fl-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni previst fl-Artikolu 26(1) tad-Direttiva 2019/1937, jiġifieri fis‑17 ta’ Diċembru 2021, adotta il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jiżgura t-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva u, għaldaqstant, lanqas ma kien ikkomunika dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni, kuntrarjament għal dak previst fl-Artikolu 26(3) tal-imsemmija direttiva. Minn dan isegwi li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni, li ntemm biss fl‑20 ta’ Mejju 2023, bid-dħul fis-seħħ tal-liġi tas‑16 ta’ Mejju 2023, baqa’ għaddej għal kważi sena u nofs. |
|
67 |
Fit-tielet lok, fir-rigward tal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru inkwistjoni, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, bla ħsara għall-possibbiltà għall-Kummissjoni li tipproponi sanzjonijiet finanzjarji bbażati fuq diversi kriterji, sabiex tippermetti, b’mod partikolari, li tinżamm differenza raġonevoli bejn id-diversi Stati Membri, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-PDG ta’ dan l-Istat bħala fattur predominanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas tiegħu u tal-iffissar ta’ sanzjonijiet suffiċjentement dissważivi u proporzjonati, sabiex tiġi evitata b’mod effettiv ir-repetizzjoni futura ta’ ksur analogu tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
68 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod ripetut li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni reċenti tal-PGD tal-Istat Membru kif tkun fid-data tal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
69 |
F’dan il-każ, il-fattur “n”, li jirrappreżenta l-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru kkonċernat meta mqabbel mal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istati Membri l-oħra, applikat mill-Kummissjoni skont il-punti 3.4. u 4.2. tal-Komunikazzjoni tal‑2023, huwa ddefinit bħala medja ġeometrika ponderata tal-PDG tal-Istat Membru kkonċernat meta mqabbel mal-medja tal-PDG tal-Istati Membri, li tgħodd għal żewġ terzi tal-kalkolu tal-fattur “n”, u tal-popolazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat meta mqabbla mal-medja tal-popolazzjoni tal-Istati Membri, li tgħodd għal terz tal-kalkolu tal-fattur “n”, kif jirriżulta mill-ekwazzjoni msemmija fil-punt 9 ta’ din is-sentenza. Il-Kummissjoni tiġġustifika dan il-metodu ta’ kalkolu tal-fattur “n” kemm bl-għan li tinżamm differenza raġonevoli tal-fatturi “n” tal-Istati Membri, meta mqabbla ma’ kalkolu bbażat biss fuq il-PDG tal-Istati Membri kif ukoll l-għan li tiġi żgurata ċerta stabbiltà fil-kalkolu tal-fattur “n”, peress li huwa improbabbli li l-popolazzjoni tvarja b’mod sinjifikattiv fuq bażi annwali (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
70 |
Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-determinazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru kkonċernat ma tistax tinkludi fil-metodu ta’ kalkolu tal-fattur “n” it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ kriterju demografiku skont il-modalitajiet previsti fil-punti 3.4 u 4.2 tal-Komunikazzjoni tal‑2023 (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punti 84 u 86). |
|
71 |
Għaldaqstant, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 67 ta’ din is-sentenza u fin-nuqqas ta’ kriterju rilevanti, imressaq mill-Kummissjoni sabiex tiggarantixxi stabbiltà fil-kalkolu u żżomm differenza raġonevoli fil-fatturi “n” tal-Istati Membri, huwa billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-medja tal-PGD tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu tal-aħħar tliet snin li għandu jiġi ffissat l-ammont tas-somma f’daqqa. |
|
72 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet u fid-dawl tas-setgħa ta’ evalwazzjoni mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja fl-Artikolu 260(3) TFUE, li jipprevedi li din tal-aħħar ma tistax, fir-rigward tas-somma f’daqqa, tiffissa ammont li jeċċedi dak indikat mill-Kummissjoni, għandu jitqies li l-prevenzjoni effettiva tar-ripetizzjoni futura ta’ ksur analogu għal dak li jirriżulta mill-ksur tal-Artikolu 26(1) tad-Direttiva 2019/1937 u li jippreġudika l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni tirrikjedi l-impożizzjoni ta’ ħlas ta’ somma f’daqqa li l-ammont tagħha għandu jiġi ffissat għal EUR 375000. |
Fuq l-ispejjeż
|
73 |
Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni talbet li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu jiġi kkundannat għall-ispejjeż u peress li dan tilef fir-rigward tal-motivi tiegħu, hemm lok li jiġi kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, dawk sostnuti mill-Kummissjoni. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.