3.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 387/133


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1904

tad-29 ta’ Ottubru 2021

li jadotta d-disinn ta’ logo komuni għall-bejgħ bl-imnut mill-bogħod ta’ prodotti mediċinali veterinarji

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/6 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar prodotti mediċinali veterinarji u li jħassar id-Direttiva 2001/82/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 104(7) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-persuni li għandhom permess ifornu l-prodotti mediċinali veterinarji f’konformità mal-Artikolu 103 tar-Regolament (UE) 2019/6, taħt ċerti kundizzjonijiet jistgħu joffru dawn il-prodotti għall-bejgħ mill-bogħod. Se jiġi adottat logo komuni li jinkludi iperlink għal-lista tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru rilevanti, ta’ bejjiegħa li għandhom il-permess joffru l-prodotti mediċinali veterinarji mill-bogħod, bil-għan li jgħin lill-pubbliku jivverifika jekk sit web li jkun qed joffri dawn il-prodotti għall-bejgħ mill-bogħod ikunx intitolat li jagħmel dan b’mod legali.

(2)

Id-disinn tal-logo komuni għall-forniment ta’ prodotti mediċinali veterinarji mill-bogħod se jinkludi kemm disinn grafiku kif ukoll iperlink li jwassal għal-lista ta’ bejjiegħa bl-imnut li għandhom il-permess joffru l-prodotti mediċinali veterinarji mill-bogħod fis-sit web tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru rilevanti.

(3)

F’konformità mal-maġġoranza tal-opinjonijiet tal-Istati Membri li tlissnu fil-laqgħa tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Mediċinali Veterinarji fit-2 ta’ Diċembru 2019, u mal-opinjonijiet li ħarġu minn konsultazzjoni bil-posta elettronika fis-26 ta’ Novembru 2019 immirata lejn il-partijiet ikkonċernati, jenħtieġ li l-logo komuni jitfassal fuq il-mudell tal-logo ekwivalenti għall-prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (2). Instab li fil-prattika dan il-logo huwa effettiv billi jippermetti li l-pubbliku jkun jista’ jivverifika li bejjiegħ bl-imnut ikun intitolat bil-liġi li jbiegħ il-prodotti mediċinali online. Biex ikun hemm distinzjoni bejn id-disinn grafiku tal-logo li diġà jeżisti għall-prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u d-disinn għall-prodotti mediċinali veterinarji, jenħtieġ li jintuża kulur differenti u li jinżiedu l-ittri “vet”, li jfissru veterinarju.

(4)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament jibda japplika mit-28 ta’ Jannar 2022 f’konformità mal-Artikolu 153(1) tar-Regolament (UE) 2019/6.

(5)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Mediċinali Veterinarji,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Id-disinn tal-logo komuni msemmi fl-Artikolu 104(6) tar-Regolament (UE) 2019/6 għandu jsegwi l-mudell stabbilit fl-Anness.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mit-28 ta’ Jannar 2022.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Ottubru 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 4, 7.1.2019, p. 43.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 699/2014 tal-24 ta’ Ġunju 2014 dwar it-tfassil tal-logo komuni li jidentifika l-persuni li joffru prodotti mediċinali lill-pubbliku għall-bejgħ mill-bogħod, u dwar ir-rekwiżiti tekniċi, elettroniċi u kriptografiċi għall-verifika tal-awtentiċità tiegħu (ĠU L 184, 25.6.2014, p. 5).


ANNESS

(1)

Il-mudell għal-logo komuni msemmi fl-Artikolu 1 huwa dan ta’ hawn taħt:

Image 1

(2)

Il-kuluri ta’ referenza huma:

PANTONE 647 CMYK 88/50/12/0 RGB 63/107/162; PANTONE 2925 CMYK 78/28/0/0 RGB 78/138/224; PANTONE 2905 CMYK 45/10/0/0 RGB 159/195/239; PANTONE 421 CMYK 13/11/8/26 RGB 204/204/204.

(3)

Fl-ispazju rettangolari abjad li jidher f’nofs il-logo komuni (fin-naħa tax-xellug) għandha tiddaħħal il-bandiera nazzjonali tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit il-bejjiegħ bl-imnut li jforni l-prodotti mediċinali lill-pubbliku mill-bogħod permezz tas-servizzi tal-informatika.

(4)

Il-lingwa tat-test fil-logo għandha tiġi stabbilita mill-Istat Membru ta’ fejn ikun stabbilit il-bejjiegħ bl-imnut li jforni l-prodotti mediċinali veterinarji lill-pubbliku mill-bogħod permezz tas-servizzi tal-informatika.

(5)

Il-logo komuni għandu jkollu wisa’ minima ta’ 90 pixel.

(6)

Il-logo komuni għandu jkun statiku.

(7)

Jekk il-logo jintuża fuq sfond ikkulurit li jnaqqas mill-viżibbiltà tiegħu, tista’ tintuża linja madwar il-bordura tal-logo li toħorġu mill-isfond u żżid il-kuntrast mal-kulur tal-isfond.

Image 2

(8)

L-iperlink imsemmi fl-Artikolu 104(5)(c) tar-Regolament (UE) 2019/6 li jikkollega s-sit web tal-bejjiegħ bl-imnut li għandu l-permess iforni l-prodotti mediċinali veterinarji lill-pubbliku mill-bogħod permezz tas-servizzi tal-informatika mas-sit web li jżomm il-lista nazzjonali msemmija fl-Artikolu 104(8)(c) tar-Regolament, għandu jkun fiss u reċiproku.