|
28.12.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 354/88 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 708/2007 dwar l-użu ta’ speċijiet aljeni u li ma jinstabux lokalment fl-akkwakultura”
COM (2009) 541 finali — 2009/0153 (CNS)
2010/C 354/21
Relatur: is-Sur SALVATORE
Nhar il-11 ta’ Novembru 2009, il-Kunsill, b’konformità mal-Artikolu 37 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u nhar il-5 ta’ Marzu 2010, il-Parlament Ewropew, b’konformità mal-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, iddeċidew li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 708/2007 dwar l-użu ta' speċijiet aljeni u li ma jinstabux lokalment fl-akkwakultura
COM(2009) 541 finali – 2009/0153 (CNS).
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-25 ta’ Frar 2010.
Matul l-461 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-17 u t-18 ta' Marzu 2010 (seduta tas-17 ta’ Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’130 vot favur u 3 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1 |
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jaqbel mal-emendi għar-Regolament (KE) Nru 708/2007 dwar l-użu ta' speċijiet aljeni u li ma jinstabux lokalment fl-akkwakultura, fid-dawl tas-sejbiet ġodda li saru fil-qasam xjentifiku, fosthom ir-riżultati tal-azzjoni kkoordinata li saret fil-qafas tas-Sitt Programm Kwadru IMPASSE. |
|
1.2 |
Jappoġġja x-xewqa li jintlaħaq l-għan doppju stabbilit: li jitnaqqsu kemm jista’ jkun il-perikli relatati mat-trobbija tal-ispeċijiet aljeni u li ma jinstabux lokalment, u li titnaqqas il-burokrazija li jiffaċċjaw l-operaturi fis-settur. Din il-burokrazija tikkonsisti fil-permessi nazzjonali meħtieġa għall-faċilitajiet tal-akkwakultura maħsuba għat-trobbija tal-ispeċijiet aljeni u dawk li ma jinstabux lokalment. |
|
1.3 |
Għal dan il-għan, huwa importanti ħafna li tiġi garantita l-bijosikurezza tal-faċilitajiet. Dan jitlob li jiġu adottati miżuri adegwati: a) matul il-ġarr, b) permezz tal-applikazzjoni ta' protokolli li jkunu definiti biċ-ċar fil-faċilitajiet li jilqgħu l-ispeċijiet u c) billi jiġu rispettati l-proċeduri adegwati sal-istadju li fih il-prodotti tal-ħut isiru disponibbli għall-konsum. |
|
1.4 |
F’dan il-kuntest, id-definizzjoni l-ġdida tal-“faċilitajiet magħluqa tal-akkwakultura” hija fformulata tajjeb u hija konsistenti mas-sejbiet tal-proġett IMPASSE, għalkemm il-lingwaġġ purament tekniku użat jista’ jwassal għal interpretazzjonijiet li mhux dejjem ikunu korretti. Sabiex tiġi evitata kull ambigwità fil-fażi tal-implijmentazzjoni, għandha tiddaħħal referenza ċara fir-regolament il-ġdid dwar il-fatt li l-faċilitajiet magħluqa tal-akkwakultura għandhom jiġu kkunsidrati daqslikieku jinsabu fuq l-art. |
|
1.5 |
Barra minn hekk, ir-regolament il-ġdid jistabbilixxi li l-faċilitajiet magħluqa tal-akkwakultura għandhom jimpedixxu t-tixrid tal-ispeċijiet imrobbija li ma jkunux indiġeni u tal-materjal bijoloġiku fl-ilmijiet miftuħa kkawżati mill-għargħar. Għalhekk, għandha tiġi definita l-hekk imsejħa distanza ta' sikurezza minn dawn il-faċilitajiet sal-ilmijiet miftuħa, fuq il-bażi tat-tipoloġija, il-lokalizzazzjoni u l-istruttura tal-faċilità kkonċernata. |
|
1.6 |
Bl-istess mod, peress li ġie stabbilit li l-ilma mhuwiex l-uniku mezz li permezz tiegħu l-ispeċijiet jistgħu jaħarbu, għandu jiġi żgurat li jintużaw is-sistemi kollha għall-protezzjoni tal-ispeċijiet imrobbija mill-predaturi li jistgħu jxerrdu l-ispeċijiet. |
|
1.7 |
Fl-aħħar nett, il-Kumitat jaqbel mal-proposta li ċ-ċaqliq minn faċilità magħluqa tal-akkwakultura għal facilità miftuħa ma jitqisx bħala wieħed ta' rutina. F’dan ir-rigward, jissuġġerixxi li, jekk jippermetti ċ-ċiklu produttiv, il-ġestjoni u l-amministrazzjoni tal-faċilitajiet magħluqa tal-akkwakultura jkunu separati minn dawk tal-faċilitajiet miftuħa, bil-għan li jitnaqqas kwalunkwe periklu ta' kontaminazzjoni mill-ekosistemi akkwatiċi. |
2. Introduzzjoni
|
2.1 |
Fid-dawl tad-domanda dejjem tikber għall-proteini mill-prodotti tal-ħut u fid-dawl tal-fatt li s-sajd naqas minħabba li l-ibħra u l-ilmijiet interni qed jiġu sfruttati żżejjed, l-akkwakultura tista’ tipprovdi kontribut pożittiv biex tissodisfa d-domanda għal dan it-tip ta' ikel. Fil-fatt, f’dawn l-aħħar tletin sena, il-produzzjoni tal-akkwakultura żdiedet bi 11 % kull sena (Naylor & Burke, 2005) (1). |
|
2.2 |
F’dan il-kuntest, l-introduzzjoni u t-trobbija ta' speċijiet aljeni u dawk li ma jinstabux lokalment fl-Ewropa hija appoġġjata bil-qawwa mill-interessi ekonomiċi u kummerċjali li, però, għandhom jikkonformaw mal-għanijiet marbuta mal-protezzjoni tal-ekosistemi, li jistgħu jkunu esposti għall-periklu jekk dawn l-attivitajiet ma jsirux kif suppost. |
|
2.3 |
Fil-fatt, l-introduzzjoni tal-ispeċijiet aljeni tikkostitwixxi waħda mill-fatturi prinċipali tal-impatt tal-bniedem fuq is-sistemi akkwatiċi u hija t-tieni kawża, eżatt wara l-qerda tal-ħabitat, tat-telf tal-bijodiversità fil-livell dinji. Fl-ekosistemi kollha hemm bilanċ delikat, li huwa frott proċess ta' evoluzzjoni li ħa ħafna żmien, li bis-saħħa tiegħu kull organiżmu jkollu effett fuq l-ambjent tiegħu, filwaqt li jistabbilixxi sensiela ta' relazzjonijiet mal-ispazju li jokkupa u mal-organiżmi l-oħra preżenti fl-istess ekosistema. F’sitwazzjoni bħal din, kull organiżmu jaqdi rwol preċiż ħafna u jokkupa qasam ekoloġiku definit tajjeb ħafna. Il-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima fuq il-migrazzjoni tal-ispeċijiet tal-ħut fid-diversi ambjenti akkwatiċi huma ta' interess ukoll. |
|
2.4 |
Kull darba li speċi aljena tidħol tagħmel parti minn komunità ġdida, hija jkollha effett fuq l-ispeċijiet tal-komunità l-ġdida u għalhekk tista’ tbiddel – b’mod imprevedibbli – il-bilanċ li jkun intlaħaq qabel il-wasla tagħha. L-abitanti l-ġodda jistgħu jikkaċċjaw l-ispeċijiet indiġeni u jikkompetu magħhom għall-ikel u għat-territorju, jistgħu jġibu magħhom parassiti ġodda u organiżmi patoġeniċi oħra mill-pajjiżi ta' oriġini tagħhom jew jiffurmaw ibridi mal-ispeċijiet lokali. |
|
2.5 |
Dan kollu jesiġi li jiġu ddefiniti l-karatteristiċi prinċipali tal-faċilitajiet magħluqa tal-akkwakultura: l-eżistenza ta' separazzjoni fiżika bejn l-organiżmi li jgħixu fl-ambjent naturali tagħhom u dawk li jitrabbew fil-faċilitajiet imsemmija, it-trattament tal-iskart solidu, ir-rimi – kif suppost – tal-organiżmi mejta u l-monitoraġġ u t-trattament tal-ilma li jidħol u joħroġ. |
3. Kummenti ġenerali
|
3.1 |
Jekk is-sistemi ta' monitoraġġ jonqsu, jiżdied il-periklu li l-ispeċijiet aljeni u dawk li ma jinstabux lokalment jaħarbu mill-faċilitajiet tat-trobbija. Is-sistemi magħluqa, li permezz tagħhom l-akkwakultura tkun ristretta għal żona bi strutturi sikuri protetti minn barrieri fiżiċi u kimiċi, inaqqsu l-periklu ta' ħrib, mentri s-sistemi estensivi u miftuħa tat-trobbija jipprovdu l-aktar livell baxx ta' sikurezza b’mod li, xi drabi, anke jekk dan ma jkunx l-iskop, l-ispeċijiet importati jmorru lura fl-ambjenti naturali tagħhom. |
|
3.2 |
Huwa stmat li madwar 20 % tal-ispeċijiet aljeni jitrabbew f’sistemi miftuħa u inqas minn 10 % jitrabbew f’sistemi intensivi u magħluqa, iżda f’ċerti każi (il-molluski bivalvi), l-annimali ħajjin jittieħdu f’post ieħor għal xi żmien, saħansitra distanzi konsiderevoli ’l bogħod, għall-fażi tal-purifikazzjoni f’faċilitajiet kemm magħluqa kif ukoll miftuħa, u għalhekk il-periklu li jixterrdu jikber ħafna (IMPASSE) (2). |
|
3.3 |
Is-sistemi eżistenti magħluqa jużaw diversi teknoloġiji għall-purifikazzjoni tal-ilma li jidħol u joħroġ, iżda fil-każi kollha jeżistu arranġamenti separazzjoni fiżika bejn il-ħut imrobbi f’dawn il-faċilitajiet u l-ekosistemi akkwatiċi naturali. Madankollu, l-iżvilupp rapidu ta' dawn it-teknoloġiji relatati mat-trobbija u l-evoluzzjoni tad-diversi sistemi tal-akkwakultura wasslu lill-Kunsill biex jippubblika r-regolament li qed jiġi diskuss f’din l-opinjoni. |
|
3.4 |
Ir-Regolament (KE) Nru 708/2007 tal-Kunsill stabbilixxa qafas li jirregola l-użu tal-akkwakultura tal-ispeċijiet aljeni u ta' dawk li ma jinstabux lokalment bil-għan li jevalwa u jnaqqas l-impatt potenzjali ta' dawn l-ispeċijiet fuq il-ħabitats akkwatiċi. Ir-regolament jistabbilixxi sistema ta' permessi fil-livell nazzjonali. |
|
3.5 |
Dawn il-permessi mhumiex meħtieġa f’każ li l-faċilitajiet magħluqa tal-akkwakultura jiżguraw il-bijosikurezza tat-trobbija. It-tnaqqis tal-periklu jitlob li jiġu adottati miżuri adegwati matul il-ġarr, li jiġu applikati protokolli li jkunu definiti biċ-ċar fil-faċilitajiet li jilqgħu l-ispeċijiet u li jiġu rispettati l-proċeduri adegwati sal-istadju li fih il-prodotti tal-ħut isiru disponibbli għall-konsum. |
|
3.6 |
Id-definizzjoni l-ġdida tal-faċilitajiet magħluqa tal-akkwakultura tirrikonoxxi b’mod adegwat ir-riżultat tal-azzjoni meħuda fil-qafas tal-IMPASSE, iżda għandha tagħmel referenza ċara għall-faċilitajiet magħluqa tal-akkwakultura li jitqiesu daqslikieku jinsabu fuq l-art. |
|
3.7 |
Il-Kumitat jappoġġja bis-sħiħ l-għan stabbilit fir-regolament il-ġdid li jiġi evitat li l-iskart solidu jew l-organiżmi mrobbija fil-faċilitajiet jew xi wħud minnhom jidħlu fl-ilmijiet miftuħa. Iżda, fid-dawl tal-iżvilupp teknoloġiku qawwi fis-settur tal-filtrazzjoni u l-purifikazzjoni tal-ilma mormi u fid-dawl tal-prijorità tas-sikurezza bijoloġika, hemm bżonn li nikkunsidraw il-fatt li dan jista’ jseħħ permezz ta' għadd ta' sistemi fiżiċi, kimiċi, bijoloġiċi jew permezz ta’ taħlita tagħhom ilkoll. |
4. Kummenti speċifiċi
|
4.1 |
Hemm bżonn li jiġu ddefiniti miżuri adegwati ta' monitoraġġ u kontroll b’rabta mal-introduzzjoni u t-trasferiment tal-ispeċijiet akkwatiċi aljeni jew dawk li ma jinstabux lokalment sabiex jiġi evitat il-periklu li l-ekosistemi akkwatiċi jiġu kkontaminati. Dan huwa possibbli biss permezz tat-tfassil, l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' sensiela ta' kodiċi internazzjonali ta' prattiki u proċeduri adegwati. |
|
4.2 |
Fid-dawl tal-fatt li ġie stabbilit li l-ilma mhuwiex l-uniku mezz li permezz tiegħu l-ispeċijiet jistgħu jaħarbu, għandu jiġi żgurat li jintużaw is-sistemi kollha għall-protezzjoni tal-ispeċijiet imrobbija f’faċilitajiet magħluqa mill-predaturi, b’mod partikolari l-għasafar, li jistgħu jxerrdu l-ispeċijiet imrobbija fl-ambjent naturali. |
|
4.3 |
Tajjeb ukoll li l-faċilitajiet magħluqa tal-akkwakultura jitmexxew separatament minn dawk miftuħa, bil-għan li jitnaqqas kwalunkwe periklu ta' kontaminazzjoni mill-ekosistemi akkwatiċi. |
|
4.4 |
Il-Kumitat jaqbel li l-Istati Membri għandhom jiġu fdati bir-responsabbiltà li, kull tant żmien, jaġġornaw il-lista – disponibbli fuq l-internet – tal-faċilitajiet magħluqa tal-akkwakultura disponibbli fit-territorju tagħhom. B’hekk, jiġi żgurat li dawn il-faċilitajiet jiġu rreklamati kemm jista’ jkun, bil-għan li kemm l-operaturi kif ukoll id-diversi partijiet interessati fil-livell lokali jerfgħu r-responsabbiltajiet individwali tagħhom rigward il-ġestjoni adatta tal-ispeċijiet imrobbija. |
Brussell, 17 ta’ Marzu 2010.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Mario SEPI
(1) Naylor, R. & Burke M. (2005). Aquaculture and Ocean Resources: Raising Tigers of the Sea. Annual Review of Environment and Resources. 30:185-218.
(2) Il-proġett tal-IMPASSE Nru 44142. D1.3. Deliverable 3.1. Review of risk assessment protocols associated with aquaculture, including the environmental, disease, genetic and economic issues of operations concerned with the introduction and translocation of species. (Gordon H. Copp, Esther Areikin, Abdellah Benabdelmouna, J. Robert Britton, Ian G. Cowx, Stephan Gollasch, Rodolphe E. Gozlan, Glyn Jones, Sylvie Lapègue, Paul J. Midtlyng, L. Miossec, Andy D. Nunn, Anna Occhipinti Ambrogi, S. Olenin, Edmund Peeler, Ian C. Russell, Dario Savini). – 2008 – (p. 14).