|
5.10.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 258/366 |
RIŻOLUZZJONI (UE) 2022/1789 TAL-PARLAMENT EWROPEW
tal-4 ta’ Mejju 2022
li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA) għas-sena finanzjarja 2020
IL-PARLAMENT EWROPEW,
|
— |
wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA) għas-sena finanzjarja 2020, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0106/2022), |
|
A. |
billi fil-kuntest tal-proċedura ta’ kwittanza, l-awtorità ta’ kwittanza tixtieq tisħaq fuq l-importanza partikolari li tissaħħaħ ulterjorment il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni billi jittejbu t-trasparenza u l-obbligu ta’ rendikont, u jiġi implimentat il-kunċett ta’ bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u l-governanza tajba tar-riżorsi umani; |
|
B. |
billi skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u l-infiq tagħha (1), il-baġit finali tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (l-“Aġenzija”) għas-sena finanzjarja 2020 kien ta’ EUR 16 058 100, li jirrappreżenta żieda ta’ 2,03 % meta mqabbel mal-2019; billi l-baġit tal-Aġenzija huwa prinċipalment derivat mill-baġit tal-Unjoni; |
|
C. |
billi l-Qorti tal-Awdituri (il-“Qorti”), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2020 (ir-“rapport tal-Qorti”), stqarret li hija kisbet aċċertament raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi huma legali u regolari; |
Ġestjoni baġitarja u finanzjarja
|
1. |
Jinnota li l-isforzi ta’ monitoraġġ tal-baġit matul is-sena finanzjarja 2020 irriżultaw f’rata ta’ implimentazzjoni tal-baġit ta’ 96,8 %, li tirrappreżenta tnaqqis ta’ 1,04 % meta mqabbla mal-2019; jiddispjaċih li r-rata ta’ eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament kienet ta’ 62,15 %, li tirrappreżenta tnaqqis ta’ 14,18 % meta mqabbla mal-2019; jinnota li r-rata baxxa ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagament hija relatata ma’ tnaqqis fir-ritmu tal-attivitajiet tal-Aġenzija kkawżat mill-pandemija tal-COVID-19; |
|
2. |
Jinnota li l-Aġenzija qed twettaq analiżi tar-raġunijiet għal riporti għoljin ħafna b’segwitu għall-osservazzjonijiet tal-Qorti fl-2019; jistieden lill-Aġenzija tinforma lill-awtorità tal-kwittanza dwar l-eżitu tal-analiżi; |
Prestazzjoni
|
3. |
Jinnota li l-Aġenzija tuża ċerti miżuri bħala indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs) biex tivvaluta l-valur miżjud ipprovdut mill-attivitajiet tagħha u miżuri oħra biex ittejjeb il-ġestjoni tal-baġit tagħha, bħat-twassil tal-programm ta’ ħidma, il-kanċellazzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament u l-kapaċità ta’ komunikazzjoni tal-intermedjarji permezz tan-networking; jilqa’ l-fatt li l-Aġenzija tuża KPI biex tkejjel l-implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn, peress li dan kien punt kritiku fis-snin preċedenti b’kummenti konsistenti tal-Qorti f’dan ir-rigward; jinnota li l-Aġenzija laħqet kważi l-miri kollha tagħha b’parti mill-programm ta’ ħidma peress li l-pandemija kellha impatt fuq l-ivvjaġġar u l-avvenimenti; |
|
4. |
Jilqa’ l-fatt li l-Aġenzija wettqet l-evalwazzjonijiet ex post ta’ prospetti finalizzati dwar is-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol (OSH) dwar mard relatat max-xogħol, l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-OSH u dwar il-mikrointrapriżi u l-intrapriżi żgħar; jinnota li l-evalwazzjoni kkonkludiet li l-Aġenzija għandha tkompli bl-isforzi tagħha f’dawn l-oqsma topiċi importanti u ngħataw rakkomandazzjonijiet speċifiċi; jilqa’ l-fatt li fl-2020 l-Aġenzija wettqet l-evalwazzjonijiet ex post tal-Kampanja dwar il-Postijiet tax-Xogħol li jġibu ’l quddiem is-Saħħa 2018-2019; jinnota li l-kampanja kienet partikolarment ta’ suċċess fil-qasam tal-involviment tal-partijiet ikkonċernati u t-tixrid tal-attivitajiet; |
|
5. |
Jinnota li l-Aġenzija tikkollabora mill-qrib ma’ aġenziji oħra, jiġifieri l-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound), l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali, iċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali, iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka u l-Awtorità Ewropea tax-Xogħol, dwar suġġetti ta’ interess komuni bħall-politika tal-impjiegi u l-affarijiet soċjali; jinnota li l-Aġenzija, għall-iżvilupp tal-Barometru tal-OSH, ikkooperat mal-Eurostat; jinnota li l-Aġenzija ħadmet mill-qrib mal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi għall-ħidma ta’ sustanzi perikolużi; jinnota li l-Aġenzija ħadmet ukoll mill-qrib mal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima fir-rigward tal-OSH fil-kuntest tat-tixrid taż-żejt; jilqa’ l-istrateġija 2020-2024 biex tittieħed azzjoni kontra l-kanċer fuq il-post tax-xogħol; |
|
6. |
Japprezza l-attivitajiet tal-Aġenzija biex tiżviluppa, tiġbor u tipprovdi informazzjoni, analiżi u għodod affidabbli u rilevanti dwar l-OSH, li jikkontribwixxu għall-politika tal-Unjoni li għandha l-għan li tippromwovi postijiet tax-xogħol tajbin għas-saħħa u siguri fl-Unjoni kollha; |
|
7. |
Jinnota, b’mod partikolari, ir-rwol prominenti li l-Aġenzija għandha fl-appoġġ għall-implimentazzjoni tal-prinċipju 10 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali; jilqa’ l-impenn qawwi tal-Aġenzija biex tiżgura li l-ħaddiema kollha jgawdu l-istess drittijiet tal-OSH irrispettivament mid-daqs tal-impriża, mit-tip ta’ kuntratt jew mir-relazzjoni ta’ impjieg; |
|
8. |
Jisħaq fuq l-importanza, l-awtonomija u l-valur miżjud tal-Aġenzija fil-qasam ta’ kompetenza tiegħu; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żgurati riżorsi umani u finanzjarji adegwati li jippermettu lill-Aġenzija tkompli timplimenta l-programm ta’ ħidma tagħha b’rata għolja ħafna ta’ tlestija tal-attivitajiet, b’mod partikolari fid-dawl tal-implimentazzjoni tal-Qafas Strateġiku tal-UE dwar is-Saħħa u s-Sikurezza fuq il-Post tax-Xogħol il-ġdid (2021-2027), tal-leġiżlazzjoni futura dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji relatati mal-esponiment għall-asbestos fuq il-post tax-xogħol u tad-direttiva dwar il-karċinoġeni u l-mutaġeni; |
|
9. |
Jemmen li l-Aġenzija tista’ tipprovdi informazzjoni u analiżi utli dwar l-impatt tat-telexogħol u soluzzjonijiet diġitali oħra kemm għall-impjegaturi kif ukoll għall-ħaddiema dwar l-OSH fil-kuntest tal-kundizzjonijiet tax-xogħol waqt il-pandemija tal-COVID-19 b’attenzjoni partikolari għas-saħħa mentali; |
Politika dwar il-persunal
|
10. |
Jinnota li, fil-31 ta’ Diċembru 2019, 97,5 % tat-tabella tal-persunal ġiet implimentata, b’39 aġent temporanju maħtura minn total ta’ 40 aġent temporanju awtorizzati mill-baġit tal-Unjoni (meta mqabbla ma’ 40 post okkupati mill-40 awtorizzati fl-2019); jinnota li, barra minn hekk, 24 aġent kuntrattwali ħadmu għall-Aġenzija fl-2020; |
|
11. |
Jinnota bi tħassib in-nuqqas ta’ bilanċ bejn il-ġeneri fost il-maniġers superjuri bi tliet irġiel (75 %) u mara waħda (25 %); jinnota l-bilanċ aħjar bejn il-ġeneri fil-Bord tat-Tmexxija, b’51 raġel (58,6 %) u 36 mara (41,4 %), u b’mod globali fost il-persunal, b’16-il raġel (30,2 %) u 44 mara (69,8 %); jitlob lill-Aġenzija tiżgura li fil-futur ikun hemm bilanċ bejn il-ġeneri fil-livell maniġerjali u tal-persunal; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu l-importanza li jiġi żgurat bilanċ bejn il-ġeneri meta jinnominaw lill-membri tagħhom fil-Bord tat-Tmexxija tal-Aġenzija; |
|
12. |
Jilqa’ l-fatt li ma ġie rrappurtat l-ebda każ ta’ fastidju u li l-Aġenzija għandha impenn qawwi fil-promozzjoni ta’ politiki kontra l-fastidju, fl-organizzazzjoni regolari ta’ sessjonijiet ta’ sensibilizzazzjoni għall-persunal tagħha u fil-ħolqien ta’ paġna tal-intranet speċjalizzata dwar is-suġġett; |
|
13. |
Jiddispjaċih li l-persunal iħossu iżolat minħabba t-telexogħol; madankollu, jilqa’ l-fatt li l-maniġment joffri ħafna appoġġ psikoloġiku, sessjonijiet ta’ mindfulness u jagħmel l-almu tiegħu biex joħloq l-aħjar atmosfera possibbli, abbażi ta’ x’jeħtieġu l-membri tal-persunal u x’tiddeċiedi l-amministrazzjoni lokali; |
|
14. |
Jesprimi tħassib dwar il-proċedura twila u mhux trasparenti tal-ħatra tad-direttur eżekuttiv il-ġdid tal-Aġenzija; |
Akkwist
|
15. |
Jinnota li l-Aġenzija żviluppat strateġija ta’ konsolidazzjoni tal-funzjoni finanzjarja u tal-akkwist tagħha li għandha l-għan li tottimizza l-użu tar-riżorsi, tarmonizza l-proċessi, u tiddefinixxi aħjar ir-rwoli u r-responsabbiltajiet; jinnota li, minħabba l-pandemija tal-COVID-19, l-implimentazzjoni, oriġinarjament ippjanata għall-2020, ġiet posposta u bdiet tard fl-2020 bil-ħatra ta’ espert estern biex jassisti b’arranġamenti prattiċi; |
|
16. |
Jinnota li l-implimentazzjoni tas-sistema ta’ ġestjoni tad-dokumenti tal-Aġenzija tlestiet fl-2020; jinnota wkoll l-adozzjoni tal-akkwist elettroniku, b’mod partikolari s-sejħiet għall-offerti elettroniċi u s-sottomissjoni elettronika, il-proċedura tal-firem elettroniċi, u s-simplifikazzjoni u d-diġitalizzazzjoni ta’ diversi flussi tax-xogħol interni; ifakkar fl-importanza li tiżdied id-diġitalizzazzjoni tal-Aġenzija f’termini ta’ operazzjoni u ġestjoni interni iżda anki sabiex titħaffef id-diġitalizzazzjoni tal-proċeduri; jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jittieħdu l-miżuri ta’ sigurtà meħtieġa kollha biex jiġi evitat kwalunkwe riskju għas-sigurtà online tal-informazzjoni pproċessata; |
Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess u trasparenza
|
17. |
Jirrikonoxxi l-miżuri eżistenti u l-isforzi kontinwi tal-Aġenzija biex tiżgura t-trasparenza u l-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess; jinnota li f’Jannar 2020 il-Bord tat-Tmexxija rreveda l-politika dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess u li l-membri tal-Bord tat-Tmexxija huma mitluba jipprovdu dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ kunflitti ta’ interess flimkien ma’ dikjarazzjoni ta’ interessi; jilqa’ l-fatt li ż-żewġ dikjarazzjonijiet huma disponibbli fuq is-sit web tal-Aġenzija; |
Kontrolli interni
|
18. |
Jilqa’ l-fatt li l-Aġenzija tuża strateġija ta’ nuqqas ta’ konformità li tirreġistra mhux biss eċċezzjonijiet ex ante, iżda wkoll avvenimenti ex post, bil-għan li ttejjeb il-proċeduri eżistenti u tidentifika dgħufijiet fil-kontroll intern; jinnota li fl-2020 in-nuqqasijiet ta’ konformità rreġistrati ma indikawx dgħufijiet sinifikanti f’termini tal-kontrolli eżistenti; jinnota li l-Aġenzija reġgħet ħadet sehem fl-eżerċizzju ta’ rieżami bejn il-pari dwar il-ġestjoni tar-riskju fl-aġenziji deċentralizzati mniedi mill-Kummissjoni, billi qasmet l-għarfien, il-metodoloġiji u r-riskji kritiċi mal-aġenziji l-oħra li qed jieħdu sehem fil-grupp ta’ ħidma; |
|
19. |
Jinnota li l-qafas ta’ kontroll intern (QKI) tal-Aġenzija ġie adottat mill-Bord tat-Tmexxija fl-2019, abbażi ta’ qafas ta’ kontroll intern tal-Kummissjoni; jinnota li l-Aġenzija wettqet valutazzjoni tal-QKI għas-sena ta’ rapportar 2020 li kkonkludiet li l-qafas huwa preżenti u jiffunzjona b’mod adegwat fir-rigward tal-komponenti kollha ta’ kontroll intern; |
|
20. |
Jinnota li r-reġistru tar-riskju korporattiv tal-Aġenzija huwa marbut mal-QKI u li t-tnejn huma soġġetti għal rieżamijiet perjodiċi mill-maniġment superjuri; jinnota li r-riskji kollha mmonitorjati matul l-2020 ġew ikkategorizzati bħala relatati mal-“ambjent estern” u li l-ebda wieħed minnhom ma huwa kklassifikat bħala theddida potenzjali għar-reputazzjoni jew għall-kisba strateġika tal-Aġenzija; |
|
21. |
Jieħu nota tal-fatt li żewġ azzjonijiet korrettivi rrappurtati mill-Qorti marbuta mal-approprjazzjonijiet impenjati eċċessivi riportati mis-snin preċedenti għadhom għaddejjin; |
Rispons għall-COVID-19 u kontinwità tal-operat
|
22. |
Jinnota b’sodisfazzjon li l-Aġenzija pprovdiet informazzjoni u riżorsi utli biex tivvaluta r-riskji u l-impatt fuq il-post tax-xogħol u ttaffihom; jinnota li l-Aġenzija rrappurtat l-azzjonijiet kollha mwettqa u ppjanati, bħal proġetti relatati mat-telexogħol, rapporti li għandhom l-għan li jevalwaw ir-riskji psikosoċjali tal-pandemija tal-COVID-19, il-gwida għall-post tax-xogħol u l-parteċipazzjoni f’diversi laqgħat ta’ livell għoli relatati mal-protezzjoni tal-ħaddiema fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19; |
|
23. |
Jinnota li l-Aġenzija appoġġat arranġamenti ta’ xogħol remot għall-persunal, u nediet proċeduri interni elettroniċi ġodda biex tiffaċilita l-kontinwità tal-operat; jinnota li l-Aġenzija pprovdiet lill-persunal b’tagħmir xieraq ta’ telexogħol u aċċess sigur għas-sistemi tal-IT tal-Aġenzija; jinnota li l-laqgħat interni u esterni tmexxew online, u li ġew stabbiliti flussi ta’ xogħol mingħajr karti biex jippermettu lill-Aġenzija tkompli tissodisfa l-obbligi finanzjarji u kuntrattwali tagħha; |
|
24. |
Jinnota li fl-2020, l-Aġenzija kompliet tikkomunika u tippromwovi b’mod effettiv l-OSH; jinnota li l-Aġenzija, minkejja r-restrizzjonijiet tal-COVID-19, irnexxielha tippreżenta b’mod attiv il-ħidma tagħha f’aktar minn 300 avveniment; jinnota li l-Aġenzija pprovdiet gwida multilingwi (25 lingwa) għall-postijiet tax-xogħol, li hija fost l-aktar pubblikazzjonijiet imniżżla u aċċessati fl-istorja tal-Aġenzija, u ġew żviluppati u kkomunikati firxa ta’ riżorsi oħra tal-COVID-19 permezz tas-sit web tal-Aġenzija; iħeġġeġ lill-Aġenzija tkompli taħdem fuq linji gwida biex tgħin lill-impjegaturi u lill-ħaddiema jadattaw għall-evoluzzjoni tal-pandemija tal-COVID-19; |
Kummenti oħra
|
25. |
Jinnota li l-Aġenzija bdiet kooperazzjoni mas-CERT-UE permezz ta’ ftehim dwar il-livell ta’ servizz sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni ċibernetika għall-Aġenzija; jinnota li fl-2020, iċ-ċibersigurtà ġiet identifikata bħala kwistjoni u li l-Aġenzija ssuġġeriet li titnieda sejħa għall-offerti għall-forniment ta’ servizzi taċ-ċibersigurtà fl-2021; jistieden lill-Aġenzija tinforma lill-awtorità tal-kwittanza dwar il-progress li sar; |
|
26. |
Jinnota li bil-proklamazzjoni tal-Pilastru Ewropew dwar id-Drittijiet Soċjali, l-Aġenzija tingħata rwol importanti fl-implimentazzjoni tal-prinċipji tagħha; |
|
27. |
Jirreferi, rigward kummenti oħrajn ta’ natura orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta’ Mejju 2022 (2) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji. |
(1) ĠU C 114, 31.3.2021, p. 45.
(2) Testi adottati, P9_TA(2022)0196.