|
27.4.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CA 173/1 |
AVVIŻ TA’ POST VAKANTI ECA/2022/6
Direttur — post wieħed
(Grupp tal-funzjoni AD, grad 14)
Awditjar
(2022/C 173 A/01)
MIN AĦNA
Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) ġiet stabbilita fl-1975 bħala l-awditur estern tal-Unjoni Ewropea. Waħda mis-seba’ istituzzjonijiet tal-UE, is-sede tagħha tinsab fil-Lussemburgu u hemm madwar 900 membru tal-persunal, min-nazzjonalitajiet kollha tal-UE, impjegati f’din l-istituzzjoni fil-qasam tal-awditjar, ta’ appoġġ u f’dak amministrattiv.
Il-QEA topera bħala korp kolleġġjali ta’ 27 Membru, wieħed minn kull Stat Membru tal-UE. L-awdituri tagħna jivverifikaw li l-kontijiet tal-UE jinżammu tajjeb u li din tapplika r-regoli finanzjarji tagħha b’mod korrett, kif ukoll li l-politiki u l-programmi tagħha jilħqu l-objettivi intenzjonati tagħhom u jipprovdu valur għall-flus.
Permezz tax-xogħol li nwettqu, aħna nistgħu nagħmlu differenza billi ngħinu lill-UE tagħmel użu aħjar minn flusha. Nikkontribwixxu għat-titjib tal-ġestjoni finanzjarja tal-UE u nippromwovu l-obbligu ta’ rendikont u t-trasparenza. Inwissu dwar il-possibbiltà ta’ riskji, nipprovdu aċċertament, nindikaw fejn ikun hemm nuqqasijiet u suċċessi, u noffru gwida lil dawk li jfasslu l-politika u lil-leġiżlaturi tal-UE. Nippreżentaw l-osservazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tagħna lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill tal-UE, lill-gvernijiet u l-parlamenti nazzjonali, kif ukoll lill-pubbliku.
Aħna organizzazzjoni moderna u dinamika li tistinka għall-eċċellenza, il-professjonaliżmu, it-trasparenza u l-integrità, u tippromwovihom. Niddefinixxu lilna nfusna bħala istituzzjoni diversa, flessibbli u ekwa, li toffri lill-individwi l-opportunità li jimmassimizzaw it-talent tagħhom.
Permezz tal-involviment individwali u kollettiv tagħna fl-attivitajiet tal-QEA u l-programm ta’ taħriġ ambizzjuż tagħna, l-għan tagħna huwa li l-QEA ssir post tax-xogħol intellettwalment stimulanti, u organizzazzjoni bbażata fuq it-tagħlim li tiddependi fuq għarfien istituzzjonali u fuq persuni motivati u mħarrġa sew biex jaqdu lill-UE u liċ-ċittadini tagħha.
Aħna istituzzjoni tal-UE fuq skala umana: dan jiffaċilita l-integrazzjoni, jippermetti interazzjoni aktar faċli, u jinkoraġġixxi l-ħidma f’tim. Noffru ħinijiet tax-xogħol flessibbli u telexogħol, inkluż minn barra l-post ta’ residenza. Nagħtu valur lid-diversità u l-inklużjoni, nippromwovu l-opportunitajiet indaqs, u niżguraw ambjent tax-xogħol rispettuż ibbażat fuq komunikazzjoni miftuħa, djalogu, u fiduċja reċiproka.
L-involviment tal-persunal, il-benesseri u l-ekoloġizzazzjoni huma pilastri importanti tal-politiki interni tagħna.
X’QEGĦDIN NOFFRU
Dan l-avviż ta’ post vakanti qed jinħareġ abbażi tal-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (1).
Il-kandidat magħżul se jiġi rreklutat fil-grad AD 14. Is-salarju bażiku ta’ kull xahar huwa ta’ EUR 15 225,35. Skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal, ċerti benefiċċji jistgħu jiġu miżjuda mas-salarju bażiku, li huwa suġġett għat-taxxa tal-UE u huwa eżentat mit-taxxa nazzjonali.
Il-persuna maħtura għal dan il-post ta’ Direttur tagħti rendikont lil waħda mill-Awli tal-Awditjar u tassisti lill-Membri tagħha fit-twettiq tal-kompiti tal-awditjar.
Ir-responsabbiltajiet prinċipali tiegħu jinkludu:
|
— |
il-ġestjoni tal-persunal u tar-riżorsi finanzjarji; |
|
— |
l-ipprogrammar, il-monitoraġġ u r-rappurtar; |
|
— |
il-kontribut għat-twettiq tal-kompiti orizzontali tal-QEA u għall-ilħuq tal-objettivi strateġiċi tagħha, kif ukoll il-ħidma f’organizzazzjoni bbażata fuq il-kompiti; |
|
— |
l-għoti ta’ appoġġ u għarfien ta’ kwalità; |
|
— |
l-iżgurar tas-superviżjoni u l-kontroll tal-awditjar; u |
|
— |
l-iżgurar li l-kompiti kollha jitwettqu kif xieraq u f’konformità mar-rekwiżiti tal-kwalità tal-QEA u l-prattiki u l-istandards tal-awditjar. |
X’QEGĦDIN INFITTXU
I. KRITERJI TA’ ELIĠIBBILTÀ
1. Kundizzjonijiet ta’ reklutaġġ
Skont l-Artikolu 28 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-kandidati jridu, fid-data tal-applikazzjoni tagħhom:
|
— |
ikunu ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-UE; |
|
— |
igawdu mid-drittijiet kollha tagħhom bħala ċittadini; |
|
— |
ikunu wettqu kull obbligu impost fuqhom mil-liġijiet ta’ reklutaġġ dwar is-servizz militari; u |
|
— |
jissodisfaw ir-rekwiżiti dwar il-karattru meħtieġa għad-dmirijiet involuti. |
2. Kwalifiki
Skont l-Artikolu 5 tar-Regolamenti tal-Persunal:
|
(i) |
livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji kkompletati u ċċertifikati b’lawrja meta l-perjodu normali tal-edukazzjoni universitarja jkun ta’ erba’ snin jew aktar, jew |
|
(ii) |
livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji kkompletati u ċċertifikati b’lawrja kif ukoll esperjenza professjonali xierqa ta’ mill-inqas sena, meta l-perjodu normali tal-edukazzjoni universitarja jkun ta’ mill-inqas tliet snin, jew |
|
(iii) |
fejn ikun iġġustifikat fl-interess tas-servizz, livell ekwivalenti ta’ taħriġ professjonali. |
3. Esperjenza professjonali
Mill-anqas 18-il sena ta’ esperjenza professjonali ddokumentata, minn meta tkun inkisbet il-kwalifika msemmija hawn fuq, inkluż mill-anqas 4 snin fil-ġestjoni tar-riżorsi umani u baġitarji. B’mod partikolari, tinħtieġ esperjenza soda u ddokumentata ta’ mill-anqas 10 snin fil-qasam tal-awditjar (inklużi l-ippjanar, is-superviżjoni, il-kontroll tal-kwalità, u r-rappurtar relatati mal-awditjar).
4. Għarfien tal-lingwi
Billi l-Ingliż u l-Franċiż huma l-lingwi uffiċjali ta’ ħidma tal-QEA, huwa meħtieġ għarfien tajjeb ħafna f’waħda minn dawn il-lingwi (livell minimu ta’ C1 fil-fehim, l-espressjoni orali u l-kitba), kif ukoll għarfien tajjeb fil-lingwa l-oħra (livell minimu ta’ B2 fl-istess kategoriji).
Biex tivvaluta ħilietek fil-lingwi barranin, ara s-sit web: https://www.coe.int/en/web/common-european-framework-reference-languages/table-2-cefr-3.3-common-reference-levels-self-assessment-grid
II. KRITERJI TAL-GĦAŻLA
|
1) |
Għarfien eċċellenti tal-istandards u l-metodoloġija tal-awditjar, kemm fl-oqsma tal-awditjar finanzjarju, tal-prestazzjoni u tal-konformità kif ukoll tal-ġestjoni finanzjarja tajba; |
|
2) |
Għarfien tajjeb ħafna tal-awditjar tal-finanzi pubbliċi tal-UE u l-awditjar tas-settur pubbliku; |
|
3) |
Kapaċità eċċellenti fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ strateġiji organizzazzjonali jew relatati mal-qasam; |
|
4) |
Għarfien eċċellenti tal-metodi ta’ ġestjoni; |
|
5) |
Kapaċità eċċellenti fit-tmexxija u f’dak li jirrigwarda l-immotivar ta’ timijiet multilingwi u multikulturali, kif ukoll fl-identifikazzjoni u l-massimizzazzjoni tal-potenzjal tal-persunal u fl-immaniġġjar tal-kunflitti; |
|
6) |
Motivazzjoni qawwija ħafna li jkun parti mit-tim ta’ ġestjoni amministrattiva ta’ istituzzjoni tal-UE li qed tistinka b’mod kostanti biex itejjeb is-servizzi tagħha; |
|
7) |
Ħiliet ta’ komunikazzjoni li jkunu eċċellenti; |
|
8) |
Sens qawwi ħafna ta’ tattika u diplomazija kemm fir-rigward tal-kontropartijiet jew tal-partijiet ikkonċernati kif ukoll tal-persunal; |
|
9) |
Għarfien tar-Regolamenti tal-Persunal u tar-Regolament Finanzjarju (2) tal-Unjoni Ewropea jitqies bħala vantaġġ. |
PROĊEDURA TAL-GĦAŻLA
I. ELIĠIBBILTÀ
F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Qorti Nru 31-2015 dwar il-proċeduri għall-għażla ta’ maniġers prinċipali u diretturi, se jiġi stabbilit Bord ta’ Qabel l-Għażla biex jivvaluta l-kandidati eliġibbli abbażi tal-erba’ kriterji ta’ eliġibbiltà deskritti taħt “X’qegħdin infittxu”.
II. QABEL L-GĦAŻLA
Il-Bord ta’ Qabel l-Għażla se jivvaluta u jqabbel il-kwalifiki, l-esperjenza professjonali u l-ħiliet tal-kandidati eliġibbli kollha abbażi tal-informazzjoni pprovduta fl-applikazzjonijiet tagħhom.
F’dan l-istadju tal-proċedura tal-għażla, il-Bord se jwettaq il-valutazzjoni tiegħu abbażi biss tal-kriterji tal-għażla 1 sa 7.
Billi din l-għażla inizjali hija bbażata fuq valutazzjoni komparattiva tal-merti individwali, il-kandidati li jissodisfaw il-kriterji kumplessivi stipulati f’dan l-avviż ta’ post vakanti u meqjusa mill-Bord matul il-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet ma jipproċedux awtomatikament għall-istadju li jmiss tal-proċedura.
Il-Bord imbagħad se jagħżel it-8 (tmien) (3) kandidati li jkunu l-aktar adatti fuq il-bażi ta’ din il-valutazzjoni komparattiva.
III. GĦAŻLA
Il-Bord se jivvaluta l-kandidati li jkunu fil-lista mqassra abbażi ta’ intervista u valutazzjoni bil-miktub (ara l-kriterji tal-għażla ta’ hawn fuq).
Il-Bord mhux se jqis il-kriterji tal-għażla 6 u 9 għall-valutazzjoni bil-miktub.
Il-Bord se jqis il-kriterji tal-għażla kollha matul l-intervista.
Ir-riżultati tal-intervista u tal-valutazzjoni bil-miktub se jservu bħala bażi biex jiġi identifikat il-kandidat li jkun meqjus l-aktar ikkwalifikat għall-post.
Abbażi tar-rapport tal-Bord ta’ Qabel l-Għażla, matul waħda mil-laqgħat tiegħu, il-Qorti se tadotta deċiżjoni biex taħtar kandidat wieħed.
APPLIKAZZJONIJIET
Id-data ta’ skadenza għall-applikazzjonijiet hija l-20 ta’ Mejju 2022 f’12.00 (nofsinhar) CET.
L-applikazzjonijiet iridu jitfasslu bl-Ingliż jew bil-Franċiż u jintbagħtu biss permezz tal-formola online li hija pprovduta isfel nett fl-avviż ta’ post vakanti (bl-Ingliż jew bil-Franċiż) disponibbli fil-paġna Opportunitajiet ta’ Impjieg, tal-QEA (taħt “Open positions”): https://www.eca.europa.eu/mt/Pages/JobOpportunities.aspx
L-applikazzjoni trid tinkludi d-dokumenti li ġejjin, imfassla bl-Ingliż jew bil-Franċiż:
|
— |
ittra ta’ motivazzjoni (mhux itwal minn erba’ paġni); |
|
— |
CV aġġornat (mhux itwal minn seba’ paġni), li preferibbilment ikun fil-format “Europass” (ara: https://europa.eu/europass/). |
Applikazzjonijiet li ma jikkonformawx strettament ma’ dawn l-istruzzjonijiet jiġu rifjutati.
Il-kumitat tal-għażla jevalwa l-applikazzjonijiet abbażi biss tal-informazzjoni mogħtija f’dawn id-dokumenti. Huwa jista’ jitlob lill-applikanti biex jipprovdu evidenza ta’ sostenn għad-dikjarazzjonijiet magħmula fl-applikazzjonijiet tagħhom. Jekk l-applikanti jonqsu milli jipprovdu din l-evidenza meta tintalab, l-applikazzjonijiet tagħhom jiġu rifjutati.
Biex tiżgura li l-applikazzjoni tiegħek tiġi kkompletata fil-ħin, nirrakkomandaw ferm biex ma tistenniex sal-aħħar sigħat biex tapplika. L-esperjenza turi li r-riskji ta’ konġestjoni fis-sistema jiżdiedu hekk kif toqrob id-data ta’ skadenza.
POLITIKA TA’ REKLUTAĠĠ
F’konformità mal-politika tal-QEA dwar id-Diversità u l-Inklużjoni u mal-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal, il-QEA tħaddan id-diversità u tippromwovi opportunitajiet indaqs. Aħna naċċettaw applikazzjonijiet mingħajr diskriminazzjoni fuq kwalunkwe bażi u nieħdu passi biex niżguraw reklutaġġ ibbilanċjat ta’ rġiel u nisa, skont l-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Nieħdu wkoll miżuri li jippermettu r-rikonċiljazzjoni tal-ħajja tax-xogħol ma’ dik personali.
Jekk inti tkun teħtieġ xi arranġamenti speċjali għal diżabbiltà speċifika sabiex tkun tista’ tieħu sehem f’din il-proċedura tal-għażla, nitolbuk tibgħat email fi żmien xieraq lil ECA-Selection@eca.europa.eu
PROTEZZJONI TAD-DATA
Il-QEA hija impenjata li tiżgura li d-data personali tal-kandidati tiġi pproċessata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).
Għal iktar informazzjoni, ara l-istqarrija ta’ privatezza speċifika tagħna dwar ir-reklutaġġ li tinsab fl-indirizz li ġej: https://www.eca.europa.eu/Lists/ECADocuments/Specific_Privacy_Statement_vacancies/Specific_Privacy_Statement_vacancies_MT.PDF
TALBIET GĦAL REVIŻJONI MILL-ĠDID — ILMENTI U APPELLI — ILMENTI LILL-OMBUDSMAN EWROPEW
Jekk, f’xi stadju fil-proċedura tal-għażla, inti tqis li xi deċiżjoni li tkun ittieħdet fir-rigward tiegħek tkun żbaljata, tista’ tuża l-mezzi li ġejjin.
I. TALBA GĦAL REVIŻJONI TAD-DEĊIŻJONI LI TKUN ITTIEĦDET MILL-BORD TAL-GĦAŻLA
Inti tista’ tippreżenta talba motivata, bil-miktub, biex deċiżjoni li tkun ittieħdet mill-bord tal-għażla tiġi riveduta mill-ġdid. Din it-talba trid tintbagħat, fi żmien 10 ijiem min-notifika tad-deċiżjoni, lil ECA-Recours@eca.europa.eu
II. ILMENTI
Skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, inti tista’ tippreżenta lment bil-miktub kontra d-deċiżjoni tal-QEA li tirrifjuta l-applikazzjoni tiegħek, fi żmien tliet xhur mid-data tan-notifika ta’ dik id-deċiżjoni, fl-indirizz li ġej:
|
The Secretary-General |
|
European Court of Auditors |
|
12, rue Alcide De Gasperi |
|
L-1615 Lussemburgu |
|
LUXEMBOURG |
III. APPELLI ĠUDIZZJARJI
Skont l-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, jekk l-ilment tiegħek jiġi rifjutat u din id-deċiżjoni taffettwak b’mod avvers, tista’ tressaq appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Dan l-appell irid jitressaq minn avukat fi żmien tliet xhur mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni ta’ rifjut tal-ilment.
IV. ILMENTI LILL-OMBUDSMAN EWROPEW
Jekk inti tqis li t-trattament tal-applikazzjoni tiegħek kien jinvolvi amministrazzjoni ħażina mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, tista’ tressaq ilment lill-Ombudsman Ewropew, wara li l-ewwel tkun ikkuntattjajt lill-QEA bl-għan li ssolvi t-tilwima. Inti trid tippreżenta l-ilment tiegħek bil-miktub fi żmien sentejn minn meta ssir taf bil-fatti rilevanti. Formola online tal-ilmenti hija disponibbli fuq is-sit web tal-Ombudsman Ewropew. Rikors għall-Ombudsman Ewropew ma tirriżultax f’sospensjoni tad-dati ta’ skadenza tal-perjodu li fih jista’ jsir l-appell, kif indikati hawn fuq.
(1) https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:01962R0031-20220101&qid=1612273468772&from=MT
(2) https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:32 018R1046&from=MT
(3) Dment li jkun hemm ammont suffiċjenti ta’ kandidati.
(4) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).