|
In-Notifiki magħmula lis-Segretarju Ġenerali biex jirreferi kwalunkwe kwistjoni lill-Kunsill jew lill-Kumitat għal rieżami skont il-paragrafu 2 tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni u d-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 298 ma jistgħux isiru qabel il-jum wara dak tal-għeluq tas-sessjoni tal-Kumitat, iżda jridu jsiru sa tmiem it-tieni xahar wara dak li fih tkun ingħalqet is-sessjoni. Notifika għandha titqies li tkun saret fil-perjodu jekk din tkun waslet għand is-Segretarju Ġenerali qabel 24:00 (ħin ta’ Brussell) tal-aħħar jum tal-perjodu.
Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 298, is-Segretarju Ġenerali jista’ jirreferi l-kwistjonijiet li jirriżultaw skont il-paragrafu 2 tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni direttament lura lejn il-Kumitat fuq talba ta’ Parti Kontraenti, dment li t-talba ssir fil-perjodu speċifikat fil-paragrafu preċedenti. Is-Segretarju Ġenerali mbagħad għandu jqiegħed il-kwistjoni fuq l-Aġenda tas-sessjoni li jmiss tal-Kumitat għal rieżami.
Jekk it-talbiet relatati mal-istess kwistjoni jaslu għand il-Partijiet Kontraenti differenti għal riferiment kemm lill-Kunsill kif ukoll lill-Kumitat, jew jekk Parti Kontraenti ma tispeċifikax jekk il-kwistjoni jkollhiex tiġi riferuta lill-Kunsill jew direttament lill-Kumitat, il-kwistjoni għandha tiġi riferuta lill-Kunsill. Is-Segretarju Ġenerali għandu jinforma lill-Partijiet Kontraenti kollha dwar il-wasla ta’ talba għal riferiment ta’ kwistjoni lill-Kunsill jew lill-Kumitat.
Parti Kontraenti li tagħmel talba għal riferiment ta’ kwistjoni lill-Kunsill jew lill-Kumitat tista’ tirtira t-talba tagħha fi kwalunkwe ħin qabel ma l-kwistjoni tiġi eżaminata mill-Kunsill jew rieżaminata mill-Kumitat. Madankollu, il-Kumitat jeżamina kwistjoni jekk din tkun ġiet riferuta mill-Kunsill. F’każ li Parti Kontraenti tirtira talba, id-deċiżjoni oriġinali tal-Kumitat għandha titqies bħala approvata, dment li talba minn Parti Kontraenti oħra li tittratta l-istess kwistjoni ma tkunx għadha pendenti. Is-Segretarju Ġenerali għandu jinnotifika lill-Partijiet Kontraenti bi kwalunkwe rtirar.
Meta, skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3 tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni u d-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 298, kwalunkwe kwistjoni tiġi riferuta kompletament jew parzjalment lill-Kumitat għal rieżami, il-Parti Kontraenti li tkun talbet li l-kwistjoni tiġi rieżaminata għandha tissottometti lis-Segretarju Ġenerali, mhux inqas minn 60 jum qabel id-data tal-ftuħ tas-sessjoni li jmiss tal-Kumitat, nota li tistabbilixxi r-raġunijiet tagħha għat-talba għal rieżami, flimkien mal-proposti tagħha biex tissolva l-kwistjoni. Is-Segretarju Ġenerali għandu jiċċirkola din in-nota lill-Partijiet Kontraenti l-oħra.
|