Brussell, 27.4.2022

COM(2022) 186 final

2022/0129(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill tal-Organizzazzjoni Dinjija Doganali b’rabta mal-adozzjoni ta’ abbozz ta’ emenda għar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat tas-Sistema Armonizzata (SA)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.    Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill tal-Organizzazzjoni Dinjija Doganali b’rabta mal-approvazzjoni prevista ta’ abbozz ta’ emenda għar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat tas-Sistema Armonizzata (SA).

2.    Kuntest tal-proposta

2.1.    Il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti

Il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti (“il-Ftehim”) 1 għandha l-għan li tiffaċilita l-kummerċ internazzjonali u l-ġbir, it-tqabbil u l-analiżi tal-istatistika, b’mod partikolari dawk dwar il-kummerċ internazzjonali. Bħala Anness din tinkludi n-Nomenklatura tas-SA li hija sistema armonizzata internazzjonali li tippermetti lill-pajjiżi parteċipanti jikklassifikaw il-merkanzija kkummerċjalizzata fuq bażi komuni għal skopijiet doganali. B’mod partikolari, in-Nomenklatura tas-SA tinkludi d-deskrizzjoni tal-merkanzija, li jidhru bħala intestaturi u subintestaturi, u l-kodiċijiet numeriċi relatati tagħhom, abbażi ta’ sistema ta’ kodiċijiet b’sitt ċifri. In-Nomenklatura tas-SA tiġi riveduta kull ħames snin 2 . Din hija applikata minn aktar minn 200 pajjiż u ekonomija minn madwar id-dinja; konsegwentement, aktar minn 98 % tal-merkanzija kkummerċjalizzata kollha fid-dinja tiġi klassifikata skont din.

Il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1988.

L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri kollha huma partijiet għall-Ftehim.

2.2.    L-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (WCO)

L-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (WCO), stabbilita fl-1952 bħala l-Kunsill għall-Kooperazzjoni Doganali, hija korp intergovernattiv indipendenti b’missjoni li jsaħħaħ l-effettività u l-effiċjenza tal-amministrazzjonijiet Doganali. Id-WCO toffri lill-Membri tagħha firxa ta’ Konvenzjonijiet u ta’ strumenti internazzjonali oħra, kif ukoll assistenza teknika u servizzi ta’ taħriġ. Illum il-ġurnata, id-WCO tirrappreżenta 184 amministrazzjoni Doganali minn madwar id-dinja.

Il-korp governattiv tad-WCO huwa l-Kunsill, li jibbaża ruħu fuq il-kompetenza u l-ħiliet ta’ Segretarjat u firxa ta’ kumitati tekniċi u konsultattivi biex iwettaq il-missjoni tiegħu.

Il-Kumitat tekniku tad-WCO, li hu inkarigat mix-xogħol preparatorju relatat mal-Ftehim, hu l-Kumitat tas-SA. Il-kompiti ewlenin tal-Kumitat tas-SA huma dawn li ġejjin:

·Li jiżgura l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni uniformi tat-testi legali tas-SA, inkluż billi jsib soluzzjonijiet għat-tilwimiet dwar il-klassifikazzjoni bejn Partijiet Kontraenti, u b’hekk jiffaċilita l-kummerċ;

·Li jipproponi emendi u aġġornamenti għas-SA biex din tirrifletti l-iżviluppi fit-teknoloġija u t-tibdiliet fix-xejriet tal-kummerċ kif ukoll ħtiġijiet oħra tal-utenti;

·Li jippromwovi l-applikazzjoni mifruxa tas-SA u li jeżamina mistoqsijiet ġenerali u kwistjonijiet ta’ politika relatati magħha.

Skont il-paragrafu 6 tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni dwar is-SA, il-Kumitat tas-SA “għandu jfassal ir-Regoli ta’ Proċedura tiegħu permezz ta’ deċiżjoni meħuda minn mhux inqas minn żewġ terzi tal-voti attribwiti lill-membri tiegħu. Ir-Regoli ta’ Proċedura hekk imħejjija għandhom jiġu approvati mill-Kunsill.”

Skont ir-Regola 26 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat tas-SA, “[d]awn ir-Regoli jistgħu jiġu riveduti, kompletament jew parzjalment, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 6 tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni.”

Il-pożizzjonijiet li għandhom jittieħdu mill-Unjoni fid-WCO dwar il-kwistjonijiet tas-SA huma kkoordinati mal-Istati Membri. L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha flimkien għandhom vot wieħed biss fil-Kumitat tas-SA tad-WCO. Fil-Kunsill tad-WCO, għall-kwistjonijiet ta’ kompetenza tal-UE bħall-kwistjonijiet tas-SA, l-UE tivvota f’isem l-Istati Membri preżenti fil-laqgħa.

2.3.    L-att previst tal-Kunsill tad-WCO

Fil-139/140 sessjoni tiegħu (23-25 ta’ Ġunju 2022), il-Kunsill tad-WCO se japprova l-emendi għar-Regoli ta’ Proċedura 19 u 20 tal-Kumitat tas-SA (“l-att previst”).

Waqt l-64 sessjoni (Settembru 2019), il-Kumitat tas-SA qabel b’kunsens dwar il-proposta għal emenda għar-Regola ta’ Proċedura 20 biex tiġi ċċarata l-proċedura ta’ riżerva. Minħabba l-pandemija, din il-mistoqsija għadha ma ġietx sottomessa lill-Kunsill tad-WCO għall-approvazzjoni.

Fit-68 sessjoni tiegħu (Settembru 2021), il-Kumitat tas-SA qabel dwar il-proposta għal emenda għar-Regola ta’ Proċedura 19 biex tiġi ċċarata l-proċedura ta’ votazzjoni.

Il-proposti għal emenda għar-Regoli ta’ Proċedura 19 u 20 huma spjegati hawn taħt.

Emendi għar-Regola ta’ Proċedura 19

–Billi jiġu emendati t-tielet u r-raba’ paragrafu tar-Regola 19, l-abbozz ta’ emenda jiċċara d-determinazzjoni tal-maġġoranza meħtieġa biex il-Kumitat tas-SA jieħu d-deċiżjonijiet dwar l-emendi għall-Konvenzjoni dwar is-SA (mill-inqas minn żewġ terzi tal-voti mitfugħa mill-Membri tal-Kumitat), eż. għall-emendi għan-Nomenklatura tas-SA, kif ukoll għal deċiżjonijiet oħra li jeħtieġu maġġoranza sempliċi (aktar minn 50 fil-mija tal-voti mitfugħa mill-Membri tal-Kumitat), eż. għal deċiżjonijiet ta’ klassifikazzjoni, Noti ta’ Spjegazzjoni, Opinjonijiet ta’ Klassifikazzjoni, eċċ.

–L-għan ewlieni huwa li jiġi żgurat li, f’każ li jkollhom jiġu diskussi diversi għażliet, tiġi segwita proċedura bla xkiel u trasparenti biex id-deċiżjoni tal-Kumitat tirriżulta fl-appoġġ ta’ maġġoranza globali tal-membri tal-Kumitat għall-għażla li jifdal wara l-eliminazzjoni progressiva ta’ dawk l-għażliet li jkunu rċevew inqas appoġġ.

–L-abbozz ta’ emenda jidher fit-tabella ta’ hawn taħt (u l-bidliet issottolinjati):

Test attwali

Test ġdid

It-tielet paragrafu

Id-deċiżjonijiet dwar l-emendi għall-Konvenzjoni għandhom jittieħdu b’maġġoranza ta’ mhux inqas minn żewġ terzi tal-voti mitfugħa mill-Membri tal-Kumitat.

Id-deċiżjonijiet dwar l-emendi għall-Konvenzjoni għandhom jittieħdu b’maġġoranza ta’ mhux inqas minn żewġ terzi tal-voti mitfugħa mill-Membri tal-Kumitat. Madankollu, jekk ikun hemm żewġ għażliet jew aktar għall-emenda, il-Kumitat għandu l-ewwel iwettaq proċedura ta’ votazzjoni pass pass kif deskritt hawn taħt skont il-proċeduri ta’ votazzjoni b’maġġoranza sempliċi, biex l-għażliet jitnaqqsu għal waħda. Ladarba jkun hemm għażla waħda għall-emenda, issir votazzjoni finali dwar jekk l-emenda jkollhiex tiġi aċċettata jew irrifjutata skont ir-regola tal-maġġoranza ta’ żewġ terzi. 

Ir-raba’ paragrafu

Deċiżjonijiet oħra għandhom jittieħdu b’maġġoranza sempliċi tal-voti mitfugħa mill-Membri tal-Kumitat.

Deċiżjonijiet oħra għandhom jittieħdu b’maġġoranza sempliċi (aktar 50 fil-mija) tal-voti mitfugħa mill-Membri tal-Kumitat. Jekk ikun hemm aktar minn żewġ għażliet u l-ebda waħda minnhom ma tikseb aktar minn 50 fil-mija tal-voti mitfugħa mill-Membri tal-Kumitat, għandha tiġi applikata prattika ta’ votazzjoni pass pass permezz ta’ votazzjoni b’maġġoranza sempliċi, li tnaqqas l-għadd ta’ għażliet billi telimina l-għażla bl-inqas ammont ta’ voti sakemm l-għażla bl-akbar ammont ta’ voti tikseb aktar minn 50 fil-mija tal-voti mitfugħa mill-Membri tal-Kumitat.

Emendi għar-Regola ta’ Proċedura 20

–Billi tiġi emendata r-Regola 20, il-paragrafi 1 u 4, li jsiru l-paragrafi 2 u 1 rispettivament, l-abbozz ta’ emenda jiċċara li n-notifiki mibgħuta lis-Segretarju Ġenerali tad-WCO biex jirreferi kwalunkwe kwistjoni eżaminata mill-Kumitat tas-SA lill-Kunsill jew lura lill-Kumitat tas-SA għal rieżami, għandhom jaslu għand is-Segretarju Ġenerali qabel 24:00 (ħin ta’ Brussell) tal-aħħar jum tal-perjodu.

–Din l-emenda hija partikolarment rilevanti għall-amministrazzjonijiet li jinsabu f’żona tal-ħin differenti minn dik tal-kwartieri ġenerali tad-WCO, li n-notifiki tagħhom jistgħu jaslu għand is-Segretarju Ġenerali tad-WCO wara l-iskadenza tal-perjodu permess għad-dħul ta’ tali talbiet għal rieżami skont iż-żona tal-ħin fejn ikun jinsab is-Segretarjat tad-WCO.

–L-abbozz ta’ emenda jidher fit-tabella ta’ hawn taħt (u l-bidliet issottolinjati):

Test attwali

Test ġdid

Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 298, is-Segretarju Ġenerali jista’ jirreferi l-kwistjonijiet li jirriżultaw skont il-paragrafu 2 tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni direttament lura lejn il-Kumitat fuq talba ta’ Parti Kontraenti, dment li t-talba ssir bil-miktub sa mhux aktar tard minn tmiem it-tieni xahar wara dak li fih tkun ingħalqet sessjoni tal-Kumitat. Is-Segretarju Ġenerali mbagħad għandu jqiegħed il-kwistjoni fuq l-Aġenda tas-sessjoni li jmiss tal-Kumitat għal rieżami.

Jekk it-talbiet relatati mal-istess kwistjoni jaslu għand il-Partijiet Kontraenti differenti għal riferiment kemm lill-Kunsill kif ukoll lill-Kumitat, jew jekk Parti Kontraenti ma tispeċifikax jekk il-kwistjoni jkollhiex tiġi riferuta lill-Kunsill jew direttament lill-Kumitat, il-kwistjoni għandha tiġi riferuta lill-Kunsill. Is-Segretarju Ġenerali għandu jinforma lill-Partijiet Kontraenti kollha dwar il-wasla ta’ talba għal riferiment ta’ kwistjoni lill-Kunsill jew lill-Kumitat.

Parti Kontraenti li tagħmel talba għal riferiment ta’ kwistjoni lill-Kunsill jew lill-Kumitat tista’ tirtira t-talba tagħha fi kwalunkwe ħin qabel ma l-kwistjoni tiġi eżaminata mill-Kunsill jew rieżaminata mill-Kumitat. Madankollu, il-Kumitat jeżamina kwistjoni jekk din tkun ġiet riferuta mill-Kunsill. F’każ li Parti Kontraenti tirtira talba, id-deċiżjoni oriġinali tal-Kumitat għandha titqies bħala approvata, dment li talba minn Parti Kontraenti oħra li tittratta l-istess kwistjoni ma tkunx għadha pendenti. Is-Segretarju Ġenerali għandu jinnotifika lill-Partijiet Kontraenti bi kwalunkwe rtirar.

In-notifiki li jsiru lis-Segretarju Ġenerali biex jirreferi kwalunkwe kwistjoni lill-Kunsill jew lill-Kumitat għal rieżami skont l-Artikolu 8.2 tal-Konvenzjoni u d-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 298 ma jistgħux jiġu sottomessi qabel il-jum wara dak tal-għeluq tas-sessjoni tal-Kumitat, iżda jridu jiġu sottomessi sa tmiem it-tieni xahar wara dak li matulu tkun ingħalqet is-sessjoni.

Meta, skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3 tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni u d-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 298, kwalunkwe kwistjoni tiġi riferuta kompletament jew parzjalment lill-Kumitat għal rieżami, il-Parti Kontraenti li tkun talbet li l-kwistjoni tiġi rieżaminata għandha tissottometti nota lis-Segretarju Ġenerali, mhux inqas minn 60 jum qabel id-data tal-ftuħ tas-sessjoni li jmiss tal-Kumitat, li tistabbilixxi r-raġunijiet tagħha għat-talba għal rieżami, flimkien mal-proposti tagħha biex tissolva l-kwistjoni. Is-Segretarju Ġenerali għandu jiċċirkola din in-nota lill-Partijiet Kontraenti l-oħra.

In-Notifiki mibgħuta lis-Segretarju Ġenerali biex jirreferi kwalunkwe kwistjoni lill-Kunsill jew lill-Kumitat għal rieżami skont il-paragrafu 2 tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni u d-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 298 ma jistgħux isiru qabel il-jum wara dak tal-għeluq tas-sessjoni tal-Kumitat, iżda jridu jsiru sa tmiem it-tieni xahar wara dak li fih tkun ingħalqet is-sessjoni. Notifika għandha titqies li tkun saret fil-perjodu jekk din tkun waslet għand is-Segretarju Ġenerali qabel 24:00 (ħin ta’ Brussell) tal-aħħar jum tal-perjodu.

Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 298, is-Segretarju Ġenerali jista’ jirreferi l-kwistjonijiet li jirriżultaw skont il-paragrafu 2 tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni direttament lura lejn il-Kumitat fuq talba ta’ Parti Kontraenti, dment li t-talba ssir fil-perjodu speċifikat fil-paragrafu preċedenti. Is-Segretarju Ġenerali mbagħad għandu jqiegħed il-kwistjoni fuq l-Aġenda tas-sessjoni li jmiss tal-Kumitat għal rieżami.

Jekk it-talbiet relatati mal-istess kwistjoni jaslu għand il-Partijiet Kontraenti differenti għal riferiment kemm lill-Kunsill kif ukoll lill-Kumitat, jew jekk Parti Kontraenti ma tispeċifikax jekk il-kwistjoni jkollhiex tiġi riferuta lill-Kunsill jew direttament lill-Kumitat, il-kwistjoni għandha tiġi riferuta lill-Kunsill. Is-Segretarju Ġenerali għandu jinforma lill-Partijiet Kontraenti kollha dwar il-wasla ta’ talba għal riferiment ta’ kwistjoni lill-Kunsill jew lill-Kumitat.

Parti Kontraenti li tagħmel talba għal riferiment ta’ kwistjoni lill-Kunsill jew lill-Kumitat tista’ tirtira t-talba tagħha fi kwalunkwe ħin qabel ma l-kwistjoni tiġi eżaminata mill-Kunsill jew rieżaminata mill-Kumitat. Madankollu, il-Kumitat jeżamina kwistjoni jekk din tkun ġiet riferuta mill-Kunsill. F’każ li Parti Kontraenti tirtira talba, id-deċiżjoni oriġinali tal-Kumitat għandha titqies bħala approvata, dment li talba minn Parti Kontraenti oħra li tittratta l-istess kwistjoni ma tkunx għadha pendenti. Is-Segretarju Ġenerali għandu jinnotifika lill-Partijiet Kontraenti bi kwalunkwe rtirar.

Meta, skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3 tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni u d-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 298, kwalunkwe kwistjoni tiġi riferuta kompletament jew parzjalment lill-Kumitat għal rieżami, il-Parti Kontraenti li tkun talbet li l-kwistjoni tiġi rieżaminata għandha tissottometti nota lis-Segretarju Ġenerali, mhux inqas minn 60 jum qabel id-data tal-ftuħ tas-sessjoni li jmiss tal-Kumitat, li tistabbilixxi r-raġunijiet tagħha għat-talba għal rieżami, flimkien mal-proposti tagħha biex tissolva l-kwistjoni. Is-Segretarju Ġenerali għandu jiċċirkola din in-nota lill-Partijiet Kontraenti l-oħra.

3.    Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

Il-pożizzjoni proposta għandha l-għan li tesprimi appoġġ għall-abbozz ta’ emenda għar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat tas-SA.

Huwa importanti għall-UE li tali emenda tiġi adottata peress li din għandha l-għan li tiċċara l-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Kumitat tas-SA, u li tiżgura li d-deċiżjonijiet jittieħdu minn maġġoranza mhux ikkontestata tal-Membri ta’ dan il-Kumitat.

Il-konsultazzjonijiet twettqu mal-Istati Membri fi ħdan il-Grupp ta’ Esperti Doganali – Is-Settur tal-Koordinazzjoni SA/WCO, u fi ħdan il-Kunsill.

Għaldaqstant, il-pożizzjoni proposta hi kif ġej:

–Fir-rigward tal-emenda għar-Regoli ta’ Proċedura, l-Unjoni għandha tappoġġa l-adozzjoni tal-emenda.

–Skont il-każ, l-Unjoni għandha tappoġġa wkoll l-emendi editorjali ulterjuri li jistgħu jiġu proposti mis-Segretarjat tad-WCO.

Il-pożizzjoni proposta tal-UE hi konformi mal-politika Doganali stabbilita u mal-prattika segwita mill-Kumitat tas-SA.

Il-pożizzjoni proposta hi meħtieġa biex l-UE tkun tista’ tesprimi pożizzjoni fil-Kunsill tad-WCO li jmiss.

4.    Bażi ġuridika

4.1.    Bażi ġuridika proċedurali

4.1.1.    Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregola l-korp ikkonċernat. Dan jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni” 3 .

Għaldaqstant, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni u rigward l-att previst hi l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

4.1.2.    Applikazzjoni għall-każ preżenti

Il-Kunsill tad-WCO hu korp stabbilit permezz ta’ ftehim, jiġifieri l-Konvenzjoni li Tistabbilixxi Kunsill għall-Kooperazzjoni Doganali tal-15 ta’ Diċembru 1950. Skont il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti, il-Kunsill tad-WCO hu l-korp responsabbli għall-ħruġ ta’ rakkomandazzjonijiet lill-Partijiet Kontraenti għall-emendar ta’ din il-Konvenzjoni u għall-approvazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat tas-SA.

F’konformità mal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni tas-SA, il-Kunsill tad-WCO hu mistenni japprova emenda għar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat tas-SA fil-laqgħa tiegħu ta’ Ġunju. Ladarba tiġi aċċettata, l-emenda se jkollha effett legali fil-leġiżlazzjoni tal-UE, jiġifieri: l-Anness 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana. Dan huwa minħabba li l-Artikolu 1(2)(a) tar-Regolament imsemmi jiddikjara “2.  In-nomenklatura magħquda għandha tiġbor fiha: (a) in-nomenklatura tas-sistema armonizzata;” u li din l-emenda se jkollha effett fuq kif il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-interpretazzjoni u l-emenda tan-Nomenklatura tas-Sistema Armonizzata jitmexxa fil-Kumitat tas-SA, u konsegwentement, kif tiġi interpretata n-nomenklatura magħquda.

L-att previst la jissupplimenta u lanqas jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.

Għaldaqstant, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

4.2.    Bażi ġuridika sostantiva

4.2.1.    Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva biex tittieħed deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li dwaru tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċement inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tkun ibbażata fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.    Applikazzjoni għall-każ preżenti

Peress li l-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst huma relatati mal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet fl-interpretazzjoni tat-tariffa u l-applikazzjoni ta’ ftehim internazzjonali fil-politika kummerċjali komuni u l-implimentazzjoni tan-nomenklatura tas-SA u tan-Nomenklatura Magħquda tal-UE, il-bażi ġuridika sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikoli 31, 43(2) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) tat-TFUE.

4.3.    Konklużjoni

Il-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta għandha tkun l-Artikoli 31, 43(2) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

5.    Implikazzjonijiet baġitarji

Din il-proposta ma għandhiex implikazzjoni fuq il-baġit tal-Unjoni Ewropea.     

2022/0129 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill tal-Organizzazzjoni Dinjija Doganali b’rabta mal-adozzjoni ta’ abbozz ta’ emenda għar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat tas-Sistema Armonizzata (SA)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 31, 43(2) u 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)    Il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta' Oġġetti (“il-Ftehim”), konkluża mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369 41, daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1988.

(2)    Skont l-Artikolu 6(6) tal-Ftehim, il-Kumitat tas-Sistema Armonizzata (SA) għandu jfassal ir-Regoli ta’ Proċedura tiegħu permezz ta’ deċiżjoni meħuda minn mhux inqas minn żewġ terzi tal-voti attribwiti lill-membri tiegħu. Ir-Regoli ta’ Proċedura hekk imħejjija jridu jiġu approvati mill-Kunsill.

(3)    Il-Kunsill tad-WCO hu mistenni japprova abbozz ta’ emenda dwar ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat tas-SA waqt is-sessjonijiet tiegħu ta’ Ġunju. Tali emenda se tiġi approvata abbażi ta’ proposta mfassla mill-Kumitat tas-SA u ffinalizzata matul l-64 (18-27 ta’ Settembru 2019) u t-68 (6-28 ta’ Settembru 2021) sessjoni tiegħu. Din se tidħol fis-seħħ mal-adozzjoni.

(4)    Huwa ta’ importanza kbira li l-Kumitat tas-SA jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu b’mod trasparenti u effiċjenti, u li tali deċiżjonijiet jirċievu l-appoġġ massimu mill-membri ta’ dan il-Kumitat.

(5)    Peress li dan l-abbozz ta’ emenda għar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat tas-SA jrid jiġi adottat mill-Kunsill tad-WCO, huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni billi, ladarba jiġu approvati, ir-Regoli ta’ Proċedura emendati se jkunu vinkolanti għall-Unjoni u se jkollhom il-kapaċità li jinfluwenzaw il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 52.

(6)    Għalhekk, huwa xieraq li l-pożizzjoni tal-Unjoni tkun li tappoġġa l-abbozz ta’ emenda tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat tas-SA, u kwalunkwe adattament editorjali jew lingwistiku li jista’ jitqies meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fis-sessjonijiet ta’ Ġunju 2022 tal-Kunsill tad-WCO għandha tkun li jiġi appoġġat l-abbozz ta’ emenda għar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat tas-SA, kif stabbilit fl-Anness.

Ir-rappreżentanti tal-Unjoni jistgħu jaqblu dwar adattamenti editorjali jew lingwistiċi minuri fid-dawl tal-iżviluppi fis-sessjonijiet li ġejjin tal-Kunsill tad-WCO, wara konsultazzjoni mal-Istati Membri, jew matul il-laqgħat ta’ koordinazzjoni fuq il-post, mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill. 

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369 tas-7 ta’ April 1987 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti u tal-Protokoll li Jemendaha (ĠU L 198, 20.7.1987, p.1).
(2)    Mill-introduzzjoni tagħha fl-1988, in-Nomenklatura tas-SA ġiet reveduta sitt darbiet. Dawn ir-reviżjonijiet daħlu fis-seħħ fl-1996, fl-2002, fl-2007, fl-2012, fl-2017 u fl-2022.
(3)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, il-Kawża C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafi 61 sa 64.
(4) 1    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE tas-7 ta’ April 1987 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti u tal-Protokoll li Jemendaha (ĠU L 198, 20.7.1987, p. 1).
(5) 2    Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7/9/1987, p. 1)