European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2023/2468

9.11.2023

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/2468

tat-8 ta’ Novembru 2023

li jemenda r-Regolament (UE) 2023/1803 fir-rigward tal-Istandard Internazzjonali tal-Kontabbiltà 12

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta’ standards internazzjonali tal-kontabbiltà (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/1803 (2) ġew adottati ċerti standards internazzjonali tal-kontabbiltà u interpretazzjonijiet li kienu jeżistu fit-8 ta’ Settembru 2022.

(2)

Fit-23 ta’ Mejju 2023, il-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà (International Accounting Standards Board, “IASB”) ħareġ ċerti emendi fl-Istandard Internazzjonali tal-Kontabbiltà 12 Taxxi fuq l-Introjtu (“IAS 12”). L-emendi introduċew eċċezzjoni temporanja mill-kontabbiltà għat-taxxi differiti li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tar-regoli mudell tat-Tieni Pilastru tal-OECD, kif ukoll divulgazzjonijiet immirati għall-entitajiet affettwati.

(3)

L-eċċezzjoni temporanja għandha tiġi applikata immedjatament mal-ħruġ ta’ dawn l-emendi mill-IASB u retrospettivament f’konformità mal-Istandard Internazzjonali tal-Kontabbiltà 8, Politiki tal-Kontabbiltà, Bidliet fl-Istimi tal-Kontabbiltà u Żbalji (“IAS 8”). Ir-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni għandhom jiġu applikati għall-perjodi ta’ rappurtar annwali li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2023 jew wara. Kumpanija mhijiex obbligata tapplika r-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni f’rapporti finanzjarji interim għal perjodi interim li jintemmu fil-31 ta’ Diċembru 2023 jew qabel.

(4)

Wara l-konsultazzjoni mal-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtar Finanzjarju, EFRAG, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-emendi fl-IAS 12 jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-adozzjoni stipulati fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002.

(5)

Xi pajjiżi terzi diġà implimentaw ir-regoli mudell tat-Tieni Pilastru tal-OECD din is-sena. Sakemm ma titteħidx deċiżjoni dwar l-applikabbiltà tal-emendi tal-IAS 12, il-gruppi tal-UE se jkollhom jirrikonoxxu dawn iż-żidiet tat-tieni pilastru bħala taxxi differiti fir-rapporti finanzjarji konsolidati interim tagħhom. Sabiex dan jiġi evitat, hija meħtieġa l-adozzjoni urġenti ta’ din id-deċiżjoni għall-gruppi stabbiliti fl-Unjoni.

(6)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2023/1803 jiġi emendat skont dan.

(7)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Regolatorju dwar il-Kontabbiltà,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Anness tar-Regolament (UE) 2023/1803, l-Istandard Internazzjonali tal-Kontabbiltà 12, Taxxi fuq l-Introjtu, huwa emendat kif stabbilit fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Kull kumpanija għandha tapplika

(a)

il-paragrafi 4 A u 88 A tal-Anness ta’ dan ir-Regolament hekk kif immedjatament joħorġu dawn l-emendi u retrospettivament skont l-IAS 8; kif ukoll

(b)

il-paragrafi 88B-88D tal-Anness ta’ dan ir-Regolament għal perjodi ta’ rappurtar annwali li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2023 jew wara. Kumpanija mhijiex obbligata tiddivulga l-informazzjoni meħtieġa minn dawn il-paragrafi għal kwalunkwe perjodu interim li jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2023 jew qabel.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Novembru 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/1803 tat-13 ta’ Settembru 2023 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabbiltà f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 237, 26.9.2023, p. 1).


ANNESS

IR-RIFORMA TAT-TAXXA INTERNAZZJONALI – IR-REGOLI MUDELL TAT-TIENI PILASTRU

Emendi fl-IAS 12

Emendi fl-IAS12 Taxxi fuq l-Introjtu

Jiżdiedu l-Paragrafi 4A, 88A–88D (inkluża l-intestatura relatata tagħhom u l-kaxxa wara l-paragrafu 88D) u 98M.

Kamp ta’ applikazzjoni

...

4A

Dan l-Istandard japplika għat-taxxi fuq l-introjtu li jirriżultaw mil-liġi tat-taxxa ppromulgata jew ippromulgata b’mod sostantiv biex jiġu implimentati r-Regoli Mudell tat-Tieni Pilastru ppubblikati mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (Organisation for Economic Co-operation and Development, OECD), inkluża l-liġi tat-taxxa li timplimenta taxxi kumplimentari minimi domestiċi kwalifikati deskritti f’dawn ir-regoli. Din il-liġi tat-taxxa, u t-taxxi fuq l-introjtu li jirriżultaw minnha minn hawn ’il quddiem jissejħu bħala l-“leġiżlazzjoni tat-Tieni Pilastru” u t-“Taxxi fuq l-Introjtu tat-Tieni Pilastru”. Bħala eċċezzjoni għar-rekwiżiti ta’ dan l-Istandard, entità la għandha tirrikonoxxi u lanqas tiddivulga informazzjoni dwar assi u obbligazzjonijiet tat-taxxa differiti relatati mat-taxxi fuq l-introjtu tat-Tieni Pilastru.

...

Divulgazzjoni

...

Ir-Riforma tat-Taxxa Internazzjonali – Ir-Regoli Mudell tat-Tieni Pilastru

88A

Entità għandha tiddivulga li applikat l-eċċezzjoni għar-rikonoxximent u d-divulgazzjoni ta’ informazzjoni dwar assi u obbligazzjonijiet tat-taxxa differiti relatati mat-taxxi fuq l-introjtu tat-Tieni Pilastru (ara l-paragrafu 4A).

88B

Entità għandha tiddivulga separatament l-ispiża (l-introjtu) tat-taxxa kurrenti tagħha relatata mat-taxxi fuq l-introjtu tat-Tieni Pilastru.

88C

F’perjodi li fihom tiġi ppromulgata jew ippromulgata b’mod sostantiv il-leġiżlazzjoni tat-Tieni Pilastru, iżda li għadha mhix fis-seħħ, entità għandha tiddivulga informazzjoni magħrufa jew raġonevolment stimabbli li tgħin lill-utenti tar-rapporti finanzjarji jifhmu l-esponiment tal-entità għat-taxxi fuq l-introjtu tat-Tieni Pilastru li jirriżultaw minn din il-leġiżlazzjoni.

88D

Sabiex tilħaq l-objettiv tad-divulgazzjoni tal-paragrafu 88C, entità għandha tiddivulga informazzjoni kwalitattiva u kwantitattiva dwar l-esponiment tagħha għat-taxxi fuq l-introjtu tat-Tieni Pilastru fi tmiem il-perjodu ta’ rapportar. Din l-informazzjoni ma għandhiex għalfejn tirrifletti r-rekwiżiti speċifiċi kollha tal-leġiżlazzjoni tat-Tieni Pilastru u tista’ tiġi pprovduta fil-forma ta’ firxa indikattiva. Sa fejn l-informazzjoni ma tkunx magħrufa jew raġonevolment stimabbli, entità għandha minflok tiddivulga dikjarazzjoni għal dan l-għan u toħroġ informazzjoni dwar il-progress tal-entità fil-valutazzjoni tal-esponiment tagħha.

Eżempji li jispjegaw il-paragrafi 88C–88D

L-eżempji ta’ informazzjoni li entità tista’ tiddivulga biex tilħaq l-objettiv u r-rekwiżiti tal-paragrafi 88C–88D jinkludu:

(a)

informazzjoni kwalitattiva bħal informazzjoni dwar kif entità hija affettwata mil-leġiżlazzjoni tat-Tieni Pilastru u l-ġuriżdizzjonijiet ewlenin li fihom jistgħu jeżistu esponimenti għat-taxxi fuq l-introjtu tat-Tieni Pilastru; kif ukoll

(b)

informazzjoni kwantitattiva bħal:

(i)

indikazzjoni tal-proporzjon tal-profitti ta’ entità li jistgħu jkunu soġġetti għat-taxxi fuq l-introjtu tat-Tieni Pilastru u r-rata tat-taxxa effettiva medja applikabbli għal dawn il-profitti; jew

(ii)

indikazzjoni ta’ kif ir-rata tat-taxxa effettiva medja tal-entità kienet tinbidel li kieku kien hemm fis-seħħ il-leġiżlazzjoni tat-Tieni Pilastru.

...

Data effettiva

...

98M

Ir-Riforma tat-Taxxa Internazzjonali – Ir-Regoli Mudell tat-Tieni Pilastru, maħruġa f’Mejju 2023, żiedet il-paragrafi 4A u 88A–88D. Entità għandha:

(a)

tapplika l-paragrafi 4 A u 88 A immedjatament mal-ħruġ ta’ dawn l-emendi u retrospettivament skont l-IAS 8; kif ukoll

(b)

tapplika l-paragrafi 88B–88D għal perjodi ta’ rapportar annwali li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2023 jew wara. Entità mhijiex obbligata tiżvela l-informazzjoni meħtieġa minn dawn il-paragrafi għal kwalunkwe perjodu interim li jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2023 jew qabel.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2468/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)