29.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 359/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1569

tat-23 ta’ Lulju 2020

li jemenda l-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 692/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, dwar il-klassifikazzjoni tal-pajjiżi tar-residenza tal-ospiti li jkunu qed joqogħdu fi stabbilimenti għall-akkomodazzjoni turistika fil-kuntest tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 692/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2011 dwar l-istatistika Ewropea dwar it-turiżmu (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Fl-1 ta’ Frar 2020, ir-Renju Unit ħareġ mill-Unjoni Ewropea.

(2)

Skont ir-Regolament (UE) Nru 692/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, l-Istati Membri jeħtieġ jissottomettu lill-Kummissjoni, data dwar il-kapaċità u l-okkupanza tal-istabbilimenti għall-akkomodazzjoni turistika f’konformità mal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 692/2011. Dak l-Anness jiddefinixxi, fost l-oħrajn, il-kategoriji meħtieġa tal-pajjiżi u taż-żoni ġeografiċi tar-residenza tal-ospiti li jkunu qed joqogħdu fi stabbilimenti għall-akkomodazzjoni turistika.

(3)

Ir-Regolament (UE) Nru 692/2011 fih referenza impliċita għar-Renju Unit fil-kategorija “l-Unjoni Ewropea (l-Unjoni); għandha tiġi rrappurtata separatament: kull Stat Membru” taħt il-klassifikazzjoni li jeħtieġ tiġi applikata għat-Taqsima 2 tal-Anness I, kif elenkat fit-Taqsima 3 tal-Anness I.

(4)

Wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, ir-Renju Unit ma għadux parti minn dik il-kategorija. Għaldaqstant, l-Istati Membri ma għadhomx obbligati li jissottomettu separtament id-data fir-rigward tar-Renju Unit taħt ir-Regolament (UE) Nru 692/2011.

(5)

L-industrija tat-turiżmu tal-Unjoni tokkupa post importanti fl-ekonomija tal-Istati Membri, b’attivitajiet turistiċi li jirrappreżentaw sors kbir tal-impjiegi. L-istatistika Ewropea dwar it-turiżmu hija essenzjali biex issir valutazzjoni tal-kompetittività tal-industrija u l-volum u l-flussi tat-turiżmu.

(6)

Filwaqt li titqies l-importanza tar-Renju Unit bħala suq li jiġġenera t-turiżmu fl-Unjoni, huwa essenzjali li tiġi żgurata l-kontinwità fis-sottomissjoni tad-data mill-Istati Membri, bir-Renju Unit bħala kontroparti wara l-ħruġ tiegħu mill-Unjoni.

(7)

Minħabba li r-Renju Unit sar pajjiż terz, il-pożizzjonament tiegħu fil-klassifika tal-pajjiżi u taż-żoni ġeografiċi tal-ospiti li jkunu qed joqogħdu fi stabbilimenti għall-akkomodazzjoni turistika, jeħtieġ li jiġi modifikat skont dan.

(8)

Għaldaqstant, it-Taqsima 3 “E. Pajjiżi u żoni ġeografiċi” tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 692/2011, jenħtieġ li tiġi emendata biex tinkludi lir-Renju Unit bħala pajjiż tar-residenza separat tal-ospiti li jkunu qed joqogħdu fi stabbilimenti għall-akkomodazzjoni turistika. Dan l-aġġornament iċaqlaq biss lir-Renju Unit minn kategorija għal oħra u għaldaqstant la jaffettwa l-piż tar-rapportar u lanqas ma jimmodifika l-qafas kunċettwali sottostanti applikabbli.

(9)

Ma jingħatax il-parir li pajjiż jew żona ġeografika jiġu mċaqalqa minn subkategorija għal oħra f’sena bażi speċifika. Huwa preferibbli li l-klassifikazzjoni emendata tiġi applikata għas-sena bażi kollha tal-2020 u ’l quddiem,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 692/2011 huwa emendat kif ġej:

Fit-Taqsima 3, il-punt “E. Pajjiżi u żoni ġeografiċi”, huwa emendat kif ġej:

(1)

it-tielet inċiż huwa sostitwit kif ġej:

“—

pajjiżi Ewropej oħrajn (minbarra l-UE jew l-EFTA; mhux inklużi r-Renju Unit, ir-Russja, it-Turkija, l-Ukrajna),”;

(2)

l-inċiż li ġej jiddaħħal qabel “— ir-Russja,”:

“—

ir-Renju Unit,”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandu japplika mis-sena bażi tal-2020 u ’l quddiem.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Lulju 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 192, 22.7.2011, p. 17.