|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/105 |
10.1.2025 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Infasslu inizjattiva ewlenija Ewropea għas-saħħa
(opinjoni fuq inizjattiva proprja)
(C/2025/105)
Relatur:
Alain COHEUR|
Konsulenta |
Martini HAGIEFSTRATIOU (għar-relatur, Grupp III) |
|
Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja |
15.2.2024 |
|
Bażi legali |
Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura Opinjoni fuq inizjattiva proprja |
|
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza |
|
Adozzjoni fis-sezzjoni |
3.10.2024 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
69/0/11 |
|
Adozzjoni fis-sessjoni plenarja |
23.10.2024 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
591 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
202/0/6 |
1. Konklużjonjiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1. |
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jappella għall-istabbiliment ta’ inizjattiva ewlenija Ewropea għas-saħħa, pereżempju viżjoni politika li tħares ’il quddiem għall-mandat 2024-2029 u li tkun ibbażata fuq il-prinċipji (1) tal-universalità, il-kwalità, l-aċċessibbiltà, is-solidarjetà u l-inklużività. L-għan ta’ din l-inizjattiva huwa li tiġi żviluppata arkitettura tas-saħħa trasversali fl-Unjoni Ewropea. Il-linji gwida politiċi għall-perjodu 2024-2029 għalhekk għandhom jagħtu post ewlieni lid-dritt universali għas-saħħa bħala l-“għażla tal-Ewropa” permezz tal-progress Ewropew u l-appoġġ tal-UE lill-Istati Membri. Il-KESE jappella għall-impenn ta’ dawk kollha li jieħdu d-deċiżjonijiet u r-rappreżentanti Ewropej kollha biex jaħdmu favur politiki tas-saħħa integrati u t-tnaqqis tal-inugwaljanzi fis-saħħa. |
|
1.2. |
Il-KESE jistabbilixxi l-pilastri strateġiċi ta’ dan il-pjan direzzjonali għal solidarjetà u kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tas-saħħa, inklużi l-miżuri li ġejjin:
|
|
1.3. |
Il-KESE jappella għall-integrazzjoni tad-diplomazija dwar is-saħħa bħala strument ta’ setgħa ta’ persważjoni (5) fil-politiki esterni tal-UE. Jeħtieġ li jiġu żviluppati inizjattivi biex jintwera l-impenn tal-UE għas-saħħa globali, li jippożizzjonawha bħala pijunier fil-governanza tas-saħħa u bħala promotur tas-solidarjetà internazzjonali tas-saħħa. |
|
1.4. |
Il-KESE josserva li l-indirizzar tad-disparitajiet sinifikanti u persistenti fis-saħħa fl-UE u l-Istati Membri tagħha huwa meqjus bħala waħda mill-isfidi ewlenin tas-saħħa pubblika. Il-KESE jtenni l-appell tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa li jiġu sfruttati l-kompetenzi attwali kollha previsti fit-Trattati, waqt li fl-istess ħin jitkompla t-tisħiħ tal-leġiżlazzjoni |
|
1.5. |
Il-KESE jappella għal involviment aktar istituzzjonalizzat tas-soċjetà ċivili fid-definizzjoni, l-evalwazzjoni u l-monitoraġġ tal-prijoritajiet tas-saħħa (6). Id-djalogu soċjali għadu l-mekkaniżmu formali u privileġġjat għall-involviment tal-imsieħba soċjali fil-politiki tas-saħħa. |
2. Il-ksib tal-Unjoni Ewropea tas-Saħħa
|
2.1. |
L-UE qed tiffaċċja diversi kriżijiet li jeħtieġu solidarjetà aktar b’saħħitha bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Ewropej, permezz ta’ pakkett tal-Unjoni Ewropea tas-Saħħa. |
|
2.2. |
L-objettiv tal-Unjoni Ewropea tas-Saħħa ma jistax ikun limitat għall-ġlieda kontra l-pandemiji, iżda jrid ikun ukoll il-ksib ta’ saħħa tajba, inklużi l-iżgurar ta’ kwalità universali u l-aċċessibbiltà tas-servizzi tas-saħħa, l-iżvilupp ta’ politiki u miżuri ta’ promozzjoni u prevenzjoni, kemm primarji, sekondarji kif ukoll terzjarji, u l-inkorporazzjoni ta’ determinanti mhux mediċi. |
|
2.3. |
Il-KESE jappella għat-tkomplija ta’ aġenda ambizzjuża, li tappoġġja inizjattiva ewlenija tas-saħħa bħala parti mill-Aġenda Strateġika tal-UE 2024-2029 (7), il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Futur tal-Unjoni Ewropea tas-Saħħa (8) u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar “L-Unjoni Ewropea tas-Saħħa” (9), b’komplementarjetà u sinerġija mal-linji gwida tal-Patt Ekoloġiku, il-Patt Blu u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs). |
|
2.4. |
Għalkemm l-UE żviluppat oqfsa legali u inizjattivi biex tipproteġi s-saħħa taċ-ċittadini u tikkontribwixxi għat-titjib tagħha, ħafna ambizzjonijiet ma ntlaħqux minħabba nuqqas ta’ ħiliet. L-Unjoni Ewropea tas-Saħħa żviluppat prinċipalment b’appoġġ għall-aspetti ewlenin tal-integrazzjoni Ewropea, jiġifieri s-suq intern u l-munita unika, mingħajr ma qieset biżżejjed id-dimensjoni tas-saħħa li għaliha l-UE għandha kompetenza ta’ appoġġ. |
|
2.5. |
Biex jiġu indirizzati l-pilastri differenti tas-suq intern, ġew stabbiliti leġiżlazzjonijiet speċifiċi biex jinħoloq qafas favorevoli għall-moviment liberu ta’ oġġetti u servizzi li għandhom impatt fuq is-saħħa (apparat mediku, prodotti farmaċewtiċi), kif ukoll fuq in-nies (rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki). |
|
2.6. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) kienet attur ewlieni li influwenzat l-aċċess għall-kura tas-saħħa transkonfinali bis-saħħa tan-natura deċiżiva tas-sentenzi bbażati fuq il-prinċipji fundamentali tal-moviment liberu tal-persuni u d-dritt għall-protezzjoni soċjali u għas-saħħa. |
|
2.7. |
Il-KESE jirrakkomanda approċċ komprensiv u integrat biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-saħħa tal-UE u jiġi żgurat aċċess ugwali għall-kura tas-saħħa fis-suq uniku kollu, f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fir-rapport ta’ Enrico Letta (10). |
|
2.8. |
Il-KESE jenfasizza li s-saħħa hija ben pubbliku fundamentali li jitlob l-implimentazzjoni tal-prinċipju tal-aċċess universali, f’konformità mad-definizzjoni olistika tas-saħħa pprovduta mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO). Biex jinkiseb dan, kull Stat Membru għandu d-dritt li jorganizza s-servizzi tas-saħħa tiegħu u li jagħżel il-forma ġuridika li tirrifletti bl-aħjar mod id-diversità tat-tipi ta’ negozju li, fil-qasam tas-saħħa, jinkludu l-ekonomija soċjali u d-diversi komponenti tagħha bħall-impriżi mutwi u l-kooperattivi, u dan mentri jiġi rispettat l-interess ġenerali. Id-dinamika Ewropea għandha tappoġġja lill-Istati Membri fit-tisħiħ tas-sistemi tas-saħħa tagħhom. |
|
2.9. |
Il-KESE jinnota li l-mekkaniżmi eżistenti biex jingħelbu l-isfidi tas-saħħa għadhom frammentati u li l-objettivi mhumiex integrati b’mod trasversali fil-politiki kollha tal-UE. Huwa jistieden lill-istituzzjonijiet Ewropej jagħmlu l-inizjattiva ewlenija u l-pjan direzzjonali ta’ implimentazzjoni prijorità strateġika fiha nnifisha, f’konformità mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-Patt Ekoloġiku, il-Patt Blu, il-governanza ekonomika, id-Deċennju Diġitali, l-Istrateġija Industrijali u tal-Kompetittività u l-Pjan ta’ Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea. |
3. Il-mudell u l-komponenti tal-inizjattiva ewlenija
|
3.1. |
Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jerġgħu jirriflettu dwar l-implimentazzjoni tal-proposta għal Garanzija Ewropea tas-Saħħa u l-Kura, f’konformità mal-Istrateġija Ewropea għall-Kura u billi jispiraw ruħhom mill-garanziji eżistenti bħall-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-Garanzija għat-Tfal. L-għan huwa li jiġi ggarantit id-dritt universali għas-saħħa, billi tiġi żgurata kura tas-saħħa ġusta u ta’ kwalità għolja għaċ-ċittadini Ewropej kollha. |
|
3.2. |
Bħala parti minn din l-inizjattiva ewlenija, il-KESE jappella għal approċċ komuni fil-livell tal-UE bbażat fuq il-pilastri li ġejjin:
|
|
3.3. |
Il-KESE josserva li l-finanzjament għall-pilastri ta’ din l-inizjattiva ewlenija jrid ikollu baġit Ewropew sostanzjali li jikkomplementa l-baġits nazzjonali tas-saħħa. Il-KESE jtenni l-ħtieġa li jiġi rispettat il-prinċipju tas-solidarjetà, u jqis li, minbarra l-finanzjament pubbliku, jenħtieġ li jintużaw forom innovattivi ta’ finanzjament. |
|
3.4. |
Il-KESE jitlob li l-prinċipju tal-aċċess universali jiġi implimentat f’konformità mal-interess ġenerali, u billi jiġi kkunsidrat il-progress li sar fil-perjodu 2019-2024, u billi jsir iżjed lil hin minnu, bis-saħħa ta’ ppjanar strutturat. Jeħtieġ li l-UE tkompli tħejji għal kriżijiet tas-saħħa futuri, kif ukoll tinvesti f’inizjattivi strateġiċi biex ittejjeb is-saħħa, tipproteġi lin-nies u ssaħħaħ is-sistemi tas-saħħa. |
4. Kummenti ġenerali – Implimentazzjoni tal-approċċ “Saħħa Waħda”
|
4.1. |
Strateġija tas-saħħa fit-tul ibbażata fuq l-approċċ “Saħħa Waħda” hija kruċjali biex tiżdied ir-reżiljenza tal-bnedmin, tal-annimali, tal-pjanti u tal-ekosistemi, u biex ikun hemm rispons għall-interdipendenzi bejn il-pajjiżi. Biex din tinkiseb, hemm bżonn ta’ sensibilizzazzjoni kollettiva u bidla fl-attitudnijiet u fl-imġiba fil-livell lokali, reġjonali u globali. Għad fadal ħafna xi jsir biex jitnaqqsu s-silos fit-tfassil tal-politika u bejn il-politiki stess. |
|
4.2. |
Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-ħidma mwettqa mill-Kummissjoni Ewropea dwar l-approċċ “Saħħa Waħda” bil-għan li jiġi applikat b’mod effettiv u konkret. |
|
4.3. |
Il-KESE jappoġġja r-rakkomandazzjonijiet tal-konferenza li saret fil-Lussemburgu fl-2023 dwar l-iżvilupp u l-applikazzjoni ta’ dan l-approċċ permezz ta’:
|
|
4.4. |
Il-KESE jappoġġja l-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni Internazzjonali dwar il-Klima u s-Saħħa, iffirmata mill-UE fil-COP28. |
|
4.5. |
Fid-dawl tal-kriżi globali tripla (it-tibdil fil-klima, it-telf tal-bijodiversità u t-tniġġis) u l-impatti negattivi tagħha fuq is-saħħa, il-KESE jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex iżidu l-isforzi biex jikkunsidraw mill-ġdid ir-relazzjoni tagħna man-natura, jirrestawrawha, itemmu t-tniġġis, jimmitigaw u jadattaw għat-tibdil fil-klima sabiex jipproteġu s-saħħa taċ-ċittadini tagħhom. Iż-żieda fit-temperaturi, l-avvenimenti klimatiċi estremi u t-tniġġis mhux biss ikollhom impatt dirett fuq ħajjet in-nies, iżda jinfluwenzaw ukoll il-prevalenza ta’ mard kroniku u li jittieħed. |
|
4.6. |
Il-KESE jirrakkomanda li l-UE tiżviluppa politiki tas-saħħa pubblika aktar b’saħħithom li jintegraw bis-sħiħ l-impatti u r-riskji tal-kriżi globali tripla. Dan jinkludi l-espansjoni tar-riċerka u l-monitoraġġ tal-indikaturi tas-saħħa relatati mal-klima, l-ambjent u t-tniġġis, it-titjib tas-sistemi ta’ twissija bikrija u r-rispons għall-emerġenzi, kif ukoll l-investiment f’infrastruttura tas-saħħa reżiljenti. Barra minn hekk, huwa essenzjali li jiġi adottat approċċ ġust għall-politika dwar il-klima u dwar l-ambjent, li jipproteġi lil dawk l-aktar vulnerabbli. Approċċ bħal dan se jirrikjedi koordinazzjoni bejn setturi u dixxiplini differenti, u se jkollu kobenefiċċji ewlenin f’oqsma bħall-produzzjoni tal-ikel, dieti tajbin għas-saħħa, protezzjoni ambjentali u saħħa mentali. |
5. It-tisħiħ tal-objettiv tad-diġitalizzazzjoni tal-kura u tas-saħħa
|
5.1. |
L-adozzjoni tal-Att dwar l-IA u l-proposta dwar l-Ispazju Ewropew tad-Data dwar is-Saħħa (EHDS) iridu jkomplu jkunu prijorità, speċjalment fir-rigward tas-saħħa. L-implimentazzjoni tal-EHDS tista’ ttejjeb ir-riżultati għall-pazjenti u l-innovazzjoni fir-riċerka dwar is-saħħa, u hija wkoll fundamentali għal politiki mnebbħa mill-evidenza u bbażati fuq il-valuri. |
|
5.2. |
Sabiex jiġi żgurat approċċ komprensiv u effettiv, huwa essenzjali li l-EHDS ikun kompatibbli ma’ diversi regolamenti oħra, inklużi l-proposta għal Att dwar l-IA, ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR) u l-miżuri previsti fir-Regolament dwar l-Apparati Mediċi għall-applikazzjonijiet ibbażati fuq l-IA. |
|
5.3. |
F’nofs il-proċess ta’ trasformazzjoni diġitali, is-settur tas-saħħa kien il-mira ta’ bosta attakki ċibernetiċi, li jagħmel politika Ewropea taċ-ċibersigurtà orizzontali indispensabbli għall-protezzjoni tad-data personali tal-pazjenti u tal-professjonisti tas-saħħa. Għalkemm l-EHDS jinkludi għadd ta’ dispożizzjonijiet dwar iċ-ċibersigurtà u jenfasizza l-ħtieġa għal ċibersigurtà b’saħħitha, il-KESE jenfasizza b’mod usa’ l-ħtieġa li tiġi segwita strateġija komprensiva tal-UE dwar iċ-ċibersigurtà li tinkludi miżuri proattivi bħall-kriptaġġ, il-kontrolli tal-aċċess u s-segmentazzjoni tan-network, sabiex jiġu protetti s-saħħa taċ-ċittadini u d-dritt għas-saħħa. |
|
5.4. |
L-iżviluppi diġitali fis-saħħa jridu jitqiesu bħala għodda għas-servizz tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini u t-tisħiħ tar-relazzjonijiet umani bejn il-pazjenti u l-professjonisti tal-kura tas-saħħa tagħhom, li se jkollhom aktar ħin x’jiddedikaw għall-kura. |
|
5.5. |
Il-KESE jaqbel mat-tħassib tal-Uffiċċju Reġjonali tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa għall-Ewropa dwar id-distakk diġitali (11), u jtenni li kważi nofs iċ-ċittadini Ewropej ma għandhomx ħiliet diġitali (12). Huwa urġenti li jiżdiedu l-kompetenza diġitali u l-bini tal-kapaċitajiet diġitali għaċ-ċittadini u għall-professjonisti tas-saħħa biex l-EHDS ikun suċċess għal kulħadd. |
|
5.6. |
Il-KESE jappella għal sforz konġunt fir-rigward tal-programmi ta’ litteriżmu fis-saħħa billi jiffoka fuq l-iżvilupp tal-għarfien u l-ħiliet tas-saħħa taċ-ċittadini, b’mod li jkunu f’pożizzjoni li jieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar saħħithom. Fl-istess ħin, dawn il-programmi għandhom jiżguraw l-aġġornament kontinwu tal-għarfien tal-fornituri tal-kura tas-saħħa. Waħda mill-inizjattivi tista’ tkun il-ħolqien ta’ pjattaforma online għall-UE kollha, li tipprovdi riżorsi tal-edukazzjoni tas-saħħa aċċessibbli għaċ-ċittadini u għall-professjonisti tal-kura tas-saħħa. |
6. It-tisħiħ tas-sovranità u l-prosperità ekonomika Ewropej
|
6.1. |
Fid-dawl tar-rapporti strateġiċi dwar is-suq uniku Ewropew (13) u dwar il-kompetittività Ewropea, il-KESE jappella għal suq uniku Ewropew konsolidat fid-dimensjonijiet soċjali u tas-saħħa tiegħu biex tiġi żgurata distribuzzjoni ġusta tal-benefiċċji tiegħu fost iċ-ċittadini kollha tal-UE, jiġu appoġġjati l-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali, jiġi promoss it-taħriġ u jittejbu l-kundizzjonijiet tal-forza tax-xogħol fil-qasam tal-kura tas-saħħa, u jiġi integrat aċċess sostenibbli u ekwu għas-saħħa għaċ-ċittadini kollha tal-UE, fiċ-ċirkostanzi kollha. Dan l-approċċ għandu l-għan li jipproteġi l-libertajiet individwali u jsaħħaħ ir-reżiljenza soċjali u s-solidarjetà, fid-dawl tar-realtajiet demografiċi u ekonomiċi li qed jinbidlu. |
|
6.2. |
Il-KESE jappoġġja t-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u r-remunerazzjoni tal-forza tax-xogħol fil-qasam tal-kura tas-saħħa sabiex il-ħtiġijiet tas-saħħa jiġu ssodisfati permezz ta’ approċċ triplu li jinvolvi l-ippjanar, it-taħriġ (inkluż għal prattiki avvanzati) u l-ġestjoni, bil-għan li jintlaħaq l-objettiv tas-saħħa universali billi jiġu ggarantiti benefiċċji għaċ-ċittadini fl-Istati Membri kollha. Il-KESE jappella għall-implimentazzjoni ta’ kollaborazzjonijiet bejn l-UE u d-WHO Ewropa biex jinżamm, jiġi attirat u akkumpanjat il-persunal tal-kura tas-saħħa, inklużi l-infermiera li l-għadd tagħhom kulma jmur dejjem qed jonqos. |
|
6.3. |
Il-KESE jappella għall-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ finanzjament u investiment sostenibbli għas-sistemi tas-saħħa Ewropej, li jqis it-tagħlimiet misluta minn kriżijiet preċedenti, bħall-kriżi tad-dejn fil-Greċja, biex jiġi evitat li r-restrizzjonijiet baġitarji jikkompromettu l-kapaċità tal-istati li joffru servizzi tas-saħħa effettivi u inklużivi. |
|
6.4. |
Il-KESE jappella għall-implimentazzjoni tal-qafas fiskali tal-UE bil-ħsieb ta’ rkupru sostenibbli u tranżizzjonijiet ġusti, billi jiġu żgurati investimenti soċjali u tas-saħħa ġustifikati. |
|
6.5. |
Sabiex nimxu lejn governanza soċjoekonomika ffukata fuq il-benesseri u s-saħħa, il-KESE jħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jirrevedu r-regoli fiskali permezz tal-aspetti li ġejjin:
|
7. Il-ġlieda kontra l-inugwaljanzi tas-saħħa b’diversi fatturi
|
7.1. |
Fid-dawl tal-isfidi li qed jiffaċċjaw is-sistemi tas-saħħa tagħna, it-tnaqqis tal-inugwaljanzi fl-aċċess għall-kura jeħtieġ strateġija Ewropea bbażata fuq l-inklużjoni u s-solidarjetà. |
|
7.2. |
Minbarra l-ġenetika u l-għażliet tal-ħajja individwali tagħna, is-saħħa hija ddeterminata minn firxa wiesgħa ta’ fatturi personali, soċjali, ekonomiċi u ambjentali. Jeħtieġ li jiżdiedu u jiġu diversifikati l-inizjattivi Ewropej, bħall-inizjattiva tal-UE “Healthier Together” (14) dwar il-mard mhux komunikabbli. |
|
7.3. |
Peress li l-mekkaniżmi tal-assigurazzjoni tas-saħħa jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor, ċerti Stati Membri, minbarra l-kopertura tas-saħħa obbligatorja, għandhom mekkaniżmi ta’ rimborż komplementari li jinvolvu varjetà ta’ atturi ekonomiċi u mhux ekonomiċi. Il-KESE jirrimarka li dawn l-iskemi kollha jridu jikkontribwixxu għall-objettiv li jiġi żgurat li s-saħħa tkun kemm jista’ jkun affordabbli għaċ-ċittadini kollha. |
|
7.4. |
Il-KESE jissuġġerixxi li jiġu stabbiliti skemi ta’ inċentivi biex il-ħaddiema fil-qasam tal-kura tas-saħħa jitħeġġu jaħdmu fiż-żoni li mhumiex moqdijin tajjeb, inklużi deżerti mediċi fil-gżejjer u fiż-żoni rurali. |
|
7.5. |
Il-KESE jinnota li t-titjib tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol huwa element essenzjali tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li l-UE għandha tippromovi flimkien mal-Istati Membri, b’mod partikolari permezz tal-mediċina okkupazzjonali u l-iskrinjar fuq il-post tax-xogħol. Il-KESE jinsisti fuq l-aġġornament regolari tad-Direttiva dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-espożizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol (15). |
|
7.6. |
Sabiex tittejjeb il-prevenzjoni tal-mard mhux komunikabbli, jeħtieġ li jiġu kkunsidrati b’mod strutturat l-aspetti tas-saħħa fil-politiki settorjali:
|
|
7.7. |
Il-KESE jitlob li l-UE tkun pijunier fl-implimentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar ix-xogħol deċenti u l-ekonomija tal-kura fid-dawl tal-aċċellerazzjoni tat-tixjiħ, li taggrava d-diskrepanza bejn id-domanda u l-provvista tas-servizzi tal-kura u l-lakuni fl-aċċess għall-kura, minkejja li jinħtieġu aktar minn qatt qabel servizzi ta’ kwalità tajba. |
|
7.8. |
It-tisħiħ tal-24 network ta’ referenza Ewropew għall-mard rari u l-espansjoni tal-azzjoni konġunta JARDIN jenfasizzaw il-ħtieġa li dawn in-networks jiġu integrati fis-sistemi tas-saħħa nazzjonali u tiġi żgurata s-sostenibbiltà futura tagħhom. Dan irid iseħħ b’mod ikkoordinat u permezz ta’ pjani nazzjonali dwar il-mard rari fl-Istati Membri kollha. Sħubija Ewropea għall-mard rari b’mezzi finanzjarji sostenibbli hija pedament għat-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-pazjenti li jgħixu b’mard rari u l-qraba tagħhom permezz tal-iżvilupp ta’ qafas ta’ referenza orizzontali ta’ politiki u prattiki, il-ġbir flimkien tal-għarfien espert, l-identifikazzjoni ta’ ċentri ta’ speċjalizzazzjoni interkonnessi, il-koordinazzjoni bejn il-pjani nazzjonali u l-miri li għandhom jintlaħqu, kif ukoll id-dinamika tal-innovazzjoni tal-mudelli tal-kura. Għal dan l-għan, huwa essenzjali li jiġu promossi trattamenti promettenti bħall-isotopi radjuattivi u l-inklużjoni tagħhom fis-sistemi tas-saħħa tal-Istati Membri. |
8. Il-futur tal-Unjoni Ewropea tas-Saħħa
|
8.1. |
Il-KESE jappella għal leġiżlatura għall-perjodu 2024-2029 li tiżgura ħajja aħjar u drittijiet soċjali fl-Ewropa permezz ta’ impenn Ewropew akbar fil-qasam tas-saħħa. Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa għal tranżizzjonijiet interdipendenti: ġustizzja soċjali, kompetittività multidimensjonali, sostenibbiltà ekonomika, inklużjoni diġitali, sostenibbiltà ekoloġika, ekwità ġeografika, integrazzjoni demokratika u solidarjetà internazzjonali, u r-reżiljenza bħala gwida għall-azzjonijiet wara l-pandemija. |
|
8.2. |
F’konformità mal-Unjoni tas-Saħħa, l-istituzzjonijiet Ewropej iridu jżidu l-appoġġ għall-Istati Membri u jimplimentaw il-miżuri kollha stabbiliti fir-rapport u d-dikjarazzjoni interistituzzjonali tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa (16), li fiha l-KESE pparteċipa b’mod attiv. Il-KESE jisħaq fuq il-ħtieġa li:
|
|
8.3. |
Il-KESE jirrakkomanda li l-UE u l-Istati Membri jaqdu rwol ewlieni fis-saħħa globali billi jimplimentaw azzjonijiet konkreti biex jippromovu l-progress lejn kopertura tas-saħħa universali. Il-KESE jappella għal kooperazzjoni multilaterali effettiva fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti. L-estensjoni tas-sħubijiet bilaterali, reġjonali u globali hija kruċjali. Il-KESE jenfasizza wkoll fuq il-ħtieġa li jissaħħaħ b’mod kollettiv il-finanzjament globali tas-saħħa, tiġi appoġġjata l-mobilizzazzjoni tar-riżorsi domestiċi fil-pajjiżi msieħba u tiġi żviluppata diplomazija globali koerenti dwar is-saħħa. Biex dawn l-inizjattivi jirnexxu, jeħtieġ li jiżdiedu l-kapaċitajiet tas-saħħa fid-delegazzjonijiet tal-UE u jiġu vvalutati b’mod regolari l-progress u l-impatt tal-Istrateġija tal-UE għas-Saħħa Globali (17). |
Brussell, it-23 ta’ Ottubru 2024.
Il-President
tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Oliver RÖPKE
(1) ĠU C 146, 22.6.2006, p. 1 [mhux disponibbli bil-Malti].
(2) Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar ‘L-Istrateġija Ewropea għall-Kura’ ” (COM (2022) 440 final) ( ĠU C 140, 21.4.2023, p. 39).
(3) Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — It-tisħiħ ta’ tkabbir inklużiv fit-tul permezz ta’ riformi u investiment (Opinjoni esploratorja – Presidenza Belġjana) (ĠU C, C/2024/3378, 31.5.2024, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/C/2024/3378/oj).
(4) Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Niżguraw solidarjetà Ewropea b’saħħitha għall-pazjenti b’mard rari” (opinjoni fuq inizjattiva proprja) ( ĠU C 75, 28.2.2023, p. 67).
(5) Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Strateġija tal-UE għas-Saħħa Globali — Saħħa Aħjar għal Kulħadd f’Dinja li qed Tinbidel” (COM(2022) 675 final) (ĠU C, C/2023/883, 8.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/883/oj).
(6) Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “It-tisħiħ tad-djalogu ċivili u d-demokrazija parteċipattiva fl-UE: it-triq ’il quddiem” (opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Belġjana) (ĠU C, C/2024/2481, 23.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/2481/oj).
(7) https://www.consilium.europa.eu/mt/european-council/strategic-agenda-2024-2029/.
(8) https://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2024/06/21/european-health-union-council-calls-on-commission-to-keep-health-as-a-priority/.
(10) https://www.consilium.europa.eu/media/ny3j24sm/much-more-than-a-market-report-by-enrico-letta.pdf.
(11) https://www.who.int/europe/en/news/item/05-09-2023-digital-health-divide--only-1-in-2-countries-in-europe-and-central-asia-have-policies-to-improve-digital-health-literacy--leaving-millions-behind.
(12) https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/ip_22_4560.
(13) https://www.consilium.europa.eu/media/ny3j24sm/much-more-than-a-market-report-by-enrico-letta.pdf.
(14) https://health.ec.europa.eu/non-communicable-diseases/healthier-together-eu-non-communicable-diseases-initiative_en?prefLang=en.
(15) ĠU L 88, 16.3.2022, p. 1.
(16) https://www.consilium.europa.eu/mt/policies/conference-on-the-future-of-europe/.
(17) https://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2024/01/29/eu-global-health-strategy-council-approves-conclusions/.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/105/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)