Brussell, 5.3.2019

COM(2019) 118 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-eżerċizzju tas-setgħa li tadotta atti delegati mogħtija lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) 2018/196 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Frar 2018 dwar dazji doganali addizzjonali fuq importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika


I.    Introduzzjoni

Fl-2018, l-Unjoni Ewropea (UE) adottat ir-Regolament (UE) 2018/196 1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Frar 2018 dwar dazji doganali addizzjonali fuq importazzjonijiet ta' ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka (“ir-Regolament tal-UE” minn hawn ‘il quddiem). Ir-Regolament daħal fis-seħħ fit-8 ta’ Marzu 2018.

Ir-Regolament tal-UE hi kodifikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 673/2005 li jistabbilixxi d-dazji doganali ta’ importazzjoni addizzjonali ta’ ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti ta’ l-Amerika. Dan ir-Regolament tal-Kunsill jistabbilixxi l-proċedura għall-aġġustament tal-livell annwali ta’ ritaljazzjoni applikat fit-tilwima tad-WTO fl-Att dwar il-Kumpens għall-Persistenza tad-Dumping u għaż-Żamma tas-Sussidji tal-Istati Uniti tal-2000 (“CDSOA”, jew l-Emenda Byrd). Is-CDSOA jordna d-distribuzzjoni annwali tad-dazji antidumping u kompensatorji miġbura matul is-sena fiskali preċedenti għall-kumpaniji tal-Istati Uniti. F’Jannar 2003 nstab li s-CDSOA ma kienx kompatibbli mal-obbligi tad-WTO tal-Istati Uniti.

Peress li l-Istati Uniti naqsu milli jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont il-ftehimiet tad-WTO, l-UE ġiet awtorizzata li, minbarra d-dazji doganali konsolidati, timponi dazju tal-importazzjoni addizzjonali fuq lista ta’ prodotti mill-Istati Uniti li fuq bażi annwali jkopru valur ta’ kummerċ totali li ma jaqbiżx l-ammont ta’ 72 % tal-iżborż mis-CDSOA minn dazji miġbura minn fuq importazzjonijiet mill-UE għall-aktar sena reċenti li għaliha teżisti data disponibbli. L-UE ilha mill-1 ta’ Mejju 2005 tapplika dazju doganali addizzjonali ad valorem fuq importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti fuq bażi annwali, u taġġusta l-livell ta’ ritaljazzjoni b’mod proporzjonat mal-ammont imħallas mid-dazji miġbura fuq prodotti tal-UE skont l-aktar distribuzzjoni reċenti. Regolament delegat tal-Kummissjoni li jistabbilixxi r-rata tad-dazju riveduta huwa adottat qabel l-1 ta’ Mejju ta’ kull sena kalendarja.

Wara l-kodifikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 673/2005, il-Kummissjoni ngħatat is-setgħa li tadotta atti delegati għal perjodu ta’ ħames snin mill-20 ta’ Frar 2014. Il-Kummissjoni hija taħt obbligu biex tfassal ukoll rapport dwar id-delega tas-setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel tmiem il-perjodu ta’ ħames snin.

II.    Bażi Ġuridika

F’konformità mal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) 2018/196 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Frar 2018, il-Kummissjoni għandha tfassal rapport lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew fir-rigward tar-rispett tad-delega tas-setgħa.



III.    Eżerċizzju tad-Delega

Ir-Regolament tal-UE jagħti setgħat lill-Kummissjoni sabiex timplimenta wħud mid-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament, b’mod partikolari:

-rigward il-kalkolu tal-livell ta' nullifikazzjoni jew insuffiċjenza ekwivalenti għal 72 % tal-ammont ta' żburzar taħt is-CDSOA relatati ma' dazji antidumping jew kompensatorji mħallsa fuq importazzjonijiet mill-Unjoni għall-aktar sena riċenti li għaliha tkun disponibbli data f'dak il-waqt, kif ippubblikata mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti;

-fir-rigward tal-adattament tal-Annessi I u II tar-Regolament tal-UE meta l-livell tas-sospensjoni jiżdied biż-żieda ta’ prodotti elenkati fl-Anness II tal-Anness I;

-fir-rigward tal-adattament tal-Annessi I u II tar-Regolament tal-UE meta l-livell ta’ sospensjoni jonqos bit-tneħħija tal-prodotti elenkati fl-Anness I, fl-ordni speċifikata mir-Regolament tal-UE;

-fir-rigward tal-modifika tar-rata ta' dazju addizzjonali fuq l-importazzjoni meta l-livell ta' sospensjoni ma jistax jiġi aġġustat għal-livell ta' nullifikazzjoni jew insuffiċjenza biż-żieda jew it-tneħħija ta' prodotti mil-lista fl-Anness I.

Peress li r-Regolament tal-UE daħal fis-seħħ fit-8 ta’ Marzu 2018, l-ebda att delegat ma ġie adottat s’issa. Aħna se ninfurmaw b’mod xieraq lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill hekk kif ir-regolament delegat tal-2019 jiġi adottat mill-Kulleġġ.

Madankollu, mill-20 ta’ Frar 2014 il-Kummissjoni adottat erba’ (4) atti delegati bbażati fuq ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 673/2005 (il-predeċessur tar-Regolament tal-UE) kif ġej:

-Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/675 tas-26 ta’ Frar 2015 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 673/2005 li jistabbilixxi d-dazji doganali ta’ importazzjoni addizzjonali ta’ ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika li jistabbilixxi dazju ta’ importazzjoni addizzjonali ta’ 1.5 % fuq il-prodotti elenkati fl-Anness I;

-Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/654 tas-26 ta’ Frar 2016 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 673/2005 li jistabbilixxi d-dazji doganali ta’ importazzjoni addizzjonali ta’ ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika li jistabbilixxi dazju ta’ importazzjoni addizzjonali ta’ 0.45 % fuq il-prodotti elenkati fl-Anness I;

-Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/750 tal-24 ta’ Frar 2017 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 673/2005 li jistabbilixxi d-dazji doganali ta’ importazzjoni addizzjonali ta’ ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika li jistabbilixxi dazju ta’ importazzjoni addizzjonali ta’ 4.3 % fuq il-prodotti elenkati fl-Anness I; kif ukoll

-Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/632 tad-19 ta’ Frar 2018 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 673/2005 li jistabbilixxi d-dazji doganali ta’ importazzjoni addizzjonali ta’ ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika li jistabbilixxi dazju ta’ importazzjoni addizzjonali ta’ 0.3 % fuq il-prodotti elenkati fl-Anness I.

Is-setgħa li tadotta kull wieħed mill-atti delegati elenkati hawn fuq ġiet eżerċitata sabiex jiġi aġġustat b’mod preċiż il-livell annwali ta’ dazju ta’ importazzjoni addizzjonali għall-ammont attwali ta’ nullifikazzjoni u insuffiċjenza kkalkulat abbażi tal-ammont ta’ dazji miġbura fuq il-prodotti tal-UE fl-aktar distribuzzjonijiet annwali riċenti mill-Istati Uniti taħt is-CDSOA. F’kull wieħed mill-każijiet imsemmija hawn fuq, dan l-aġġustament wassal għal modifika tar-rata ta’ dazju applikata addizzjonali fuq il-lista limitattiva ta’ prodotti elenkati fl-Anness 1 tar-Regolament tal-UE.

IV.    Konklużjonijiet

Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jieħdu nota ta’ dan ir-rapport fil-kuntest tal-eżerċizzju kif suppost min-naħa tal-Kummissjoni tas-setgħat delegati mir-Regolament tal-UE.

(1)

 ĠU L 44, 16.2.2018, p. 1.