Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI
KOKOTT
ippreżentati fil‑21 ta’ Mejju 2026 (1)
Kawża C‑203/25
“NEO GROUP” UAB
vs
Valstybinė mokesčių inspekcija prie Lietuvos Respublikos finansų ministerijos
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Mokestinių ginčų komisija prie Lietuvos Respublikos Vyriausybės (il-Kummissjoni għat-Tilwim Fiskali taħt il-Gvern tar-Repubblika tal-Litwanja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Leġiżlazzjoni fiskali – Sistema fiskali komuni għal kumpanniji omm u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti – Eżenzjoni ta’ dividendi mħallsa minn kumpannija sussidjarja residenti lil kumpannija omm mhux residenti – Regola ġenerali għall-eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn – Deroga tal-imsemmija regola fil-każ ta’ abbuż jew ta’ evażjoni tat-taxxa – Rekwiżiti għal abbuż tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji”
I. Introduzzjoni
1. Din it-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Mokestinių ginčų komisija prie Lietuvos Respublikos Vyriausybės (il-Kummissjoni għat-Tilwim Fiskali taħt il-Gvern tar-Repubblika tal-Litwanja, iktar ’il quddiem il-“Kummissjoni tat-Taxxa”) tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tippreċiża l-kundizzjonijiet ta’ abbuż fis-sens tal-Artikolu 1(2) u (3) tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji (2) .
2. Fil-kawża prinċipali, Neo Group UAB (iktar ’il quddiem “NEO”) tikkontesta deċiżjoni tal-Ispettorat tat-Taxxa Litwan (iktar ’il quddiem l-“awtorità tat-taxxa nazzjonali”), li rrifjuta li jagħti lil Neo eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn fil-Litwanja għar-raġuni li Neo kienet kisbet din l-eżenzjoni b’mod abbużiv. Ċertament, NEO qassmet il-profitti tagħha lill-kumpannija omm Ċiprijotta tagħha li teżerċita attività ekonomika. Madankollu, din tal-aħħar sussegwentement qassmet mill-ġdid il-profitti lill-persuna fiżika wara l-grupp, permezz ta’ kumpannija Ċiprijotta “nanna” oħra, permezz ta’ katina ta’ tranżazzjonijiet li kellha tiġi kklassifikata bħala arranġament mhux ġenwin.
3. B’mod partikolari, it-talba għal deċiżjoni preliminari tqajjem żewġ kwistjonijiet. Minn naħa, għandu jiġi ddeterminat jekk jistax ikun hemm ukoll abbuż mill-eżenzjoni mit-taxxa f’ras l-għajn meta l-kumpannija omm tkun mhux biss formalment, iżda wkoll ekonomikament benefiċjarja tat-tqassim tal-profitti, jiġifieri li hija tista’ effettivament tiddisponi minnhom. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi eżaminat jekk abbuż tal-leġiżlazzjoni fiskali ta’ Stat Membru ieħor waqt id-distribuzzjoni ta’ dividendi lil persuna fiżika jistax jikkostitwixxi wkoll abbuż tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji.
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
4. Il-kuntest ġuridiku tal-Unjoni Ewropea f’din il-kawża huwa ddefinit mid-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji.
5. Il-premessi 3, 4 u 6 jippreċiżaw l-għanijiet tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji:
“(3) Il-għan tad-Direttiva 90/435/KE huwa li jiġu eżentati d-dividendi u t-tqassim ta’ profitti oħra mħallsa mill-kumpanniji sussidjarji lill-kumpanniji prinċipali tagħhom mit-taxxi fuq l-interessi u sabiex tiġi eliminata t-taxxa doppja fuq dan id-dħul fil-livell tal-kumpannija prinċipali.
(4) Ir-raggruppament tal-kumpanniji ta’ Stati Membri differenti jista’ jkun meħtieġ sabiex jinħolqu ġewwa l-Unjoni kondizzjonijiet analogi għal dawk ta’ suq intern u sabiex b’hekk jiġi żgurat it-tħaddim effettiv ta’ suq intern ta’ dan it-tip. Dawn il-ħidmiet ma għandhomx jiġu mfixkla bir-restrizzjonijiiet, l-iżvantaġġi jew it-tagħwiġ li jinħolqu b’mod partikolari mid-dispożizzjonijiet tat-taxxi tal-Istati Membri. Huwa għalhekk meħtieġ li, rigward dan ir-raggruppament ta’ kumpanniji fl-Istati Membri differenti, jiġu previsti regoli tat-taxxa li jkunu newtrali mill-lat tal-kompetizzjoni, sabiex l-intrapriżi jitħallew jaddattaw lilhom infushom għall-ħtiġiet tas-suq intern, sabiex iżidu l-produttività tagħhom u sabiex itejbu s-saħħa kompetittiva tagħhom fil-livell internazzjonali.
[…]
(6) Qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 90/435/KEE id-dispożizzjonijiet tat-taxxa li jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn il-kumpanniji prinċipali u dawk sussidjarji fl-Istati Membri differenti kienu jvarjaw b’mod apprezzabbli minn Stat Membru għall-ieħor u kienu ġeneralment inqas vantaġġużi minn dawk applikabbli għall-kumpanniji prinċipali u s-sussidjari fl-istess Stat Membru. Il-kooperazzjoni bejn il-kumpanniji ta’ Stati Membri differenti kienet b’hekk żvantaġġata meta mqabbla mal-kooperazzjoni bejn il-kumpanniji fl-istess Stat Membru. Kien meħtieġ li jiġi eliminat dak l-iżvantaġġ bid-dħul ta’ sistema komuni sabiex tiffaċilita r-raggruppament tal-kumpanniji fil-livell Komunitarju.”
6. Il-premessa 8 tad-Direttiva emendatorja (3) 2015/121 tipprovdi:
“(8) Filwaqt li l-Istati Membri għandhom jużaw il-klawżola kontra l-abbuż biex jiġu indirizzati arranġamenti li ma jkunux, fit-totalità tagħhom, ġenwini, jista’ jkun hemm ukoll każijiet fejn xi passi jew partijiet uniċi ta’ arranġament, meħuda separatament, ma jkunux ġenwini. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jużaw il-klawżola kontra l-abbuż biex jindirizzaw ukoll dawk il-passi jew partijiet speċifiċi, mingħajr preġudizzju għall-passi jew partijiet ġenwini li jifdal tal-arranġament. […]”
7. L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha:
“Kull Stat Membru għandu japplika din id-Direttiva:
b) għat-tqassim tal-qligħ mill-kumpanniji ta’ dak l-Istat Membru lill-kumpanniji fi Stati Membri oħra li tagħhom huma sussidjarji”.
8. L-Artikolu 1(2) u (3) tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji jinkludi klawżola ġenerali kontra l-abbuż li tipprovdi dan li ġej:
“(2) L-Istati Membri ma għandhomx jagħtu l-benefiċċji ta’ din id-Direttiva lil arranġament jew sensiela ta’ arranġamenti li, peress li jkunu ġew attwati għall-iskop ewlieni jew għal wieħed mill-iskopijiet ewlenin li jinkiseb vantaġġ tat-taxxa li jmur kontra l-objettiv jew l-iskop ta’ din id-Direttiva, ma jkunux ġenwini fid-dawl tal-fatti u ċ-ċirkostanzi rilevanti kollha.
Arranġament jista’ jinkludi aktar minn pass wieħed jew parti waħda.
(3) Għall-finijiet tal-paragrafu 2, arranġament jew sensiela ta’ arranġamenti għandhom jitqiesu bħala mhux ġenwini sa fejn ma jsirux għal raġunijiet kummerċjali validi li jirriflettu r-realtà ekonomika.”
9. L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji jiddefinixxi l-kunċetti ta’ “kumpannija omm u sussidjarja”:
“Għall-għanijiet ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva:
(a) l-istatus ta’ kumpannija prinċipali għandu jingħata:
(i) għall-inqas lil kumpannija ta’ Stat Membru li tissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 u li jkollha investiment minimu ta’ 10 % fil-kapital ta’ kumpannija ta’ Stat Membru ieħor li jissodisfa l-istess kondizzjonijiet, [...]
b) ‘sussidjarja’ tfisser kumpannija li għandha kapital li jinkludi l-investiment imsemmi fil-punt (a).”
10. L-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji jirregola l-eżenzjoni mit-taxxa f’ras l-għajn:
“Il-profitti li sussidjarja tqassam lill-kumpannija prinċipali tagħha għandhom jiġu eżentati mit-taxxa fuq l-interessi.”
B. Id-dritt Litwan
11. Il-Lietuvos Respublikos pelno mokesčio įstatymas (l-Att dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji tar-Repubblika tal-Litwanja Nru IX‑675 tal‑20 ta’ Diċembru 2001, kif emendata bl-Att Nru XII‑2262 tat‑22 ta’ Marzu 2016) (iktar ’il quddiem “l-Att Litwan dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji”) jipprovdi dan li ġej.
12. Skont l-Artikolu 3(1) tal-Att Litwan dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji, it-taxxa fuq il-kumpanniji hija dovuta mill-kumpanniji Litwani u barranin.
13. Skont il-punt 2 tal-Artikolu 4(3) tal-Att Litwan dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji, il-bażi taxxabbli ta’ kumpannija barranija hija kkostitwita minn “dħul li joriġina mir-Repubblika tal-Litwanja, li kumpannija barranija tirċievi b’mod differenti minn stabbilimenti permanenti li jinsabu fit-territorju tagħha”.
14. Il-punt 2 tal-Artikolu 4(4) tal-Att Litwan dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji jipprovdi li “[i]d-dħul iġġenerat fir-Repubblika tal-Litwanja rċevut minn kumpannija barranija mhux permezz ta’ stabbilimenti permanenti li jinsabu fir-Repubblika tal-Litwanja jinkludi d-dħul li ġej mill-profitti mqassma”.
15. L-Artikolu 34(1) tal-Att Litwan dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji jipprovdi li “d-dividendi rċevuti minn kumpanniji barranin fir-rigward ta’ azzjonijiet, ta’ ishma ta’ kapital jew ta’ drittijiet oħra f’kumpannija Litwana huma suġġetti għal rata ta’ taxxa fuq il-kumpanniji ta’ 15 %. It-taxxa hija kkalkolata, miżmuma u mħallsa lit-Teżor Pubbliku mill-kumpannija Litwana li tħallas id-dividendi, sa mhux iktar tard mill-[għaxar] jum tax-xahar ta’ wara dak li matulu jkunu tħallsu d-dividendi.”
16. L-Artikolu 34(2) tal-Att Litwan dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji jittrasponi l-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji:
“Id-dividendi mħallsa minn kumpannija Litwana lil kumpannija barranija li, matul perijodu mhux interrott ta’ mill-inqas tnax‑il xahar, inkluża d-data ta’ distribuzzjoni tad-dividendi, iżżomm mill-inqas 10 % tal-azzjonijiet bi dritt ta’ vot (ishma, ishma kooperattivi) tal-kumpannija Litwana ma humiex intaxxati, ħlief jekk il-kumpannija barranija li lilha jitħallsu d-dividendi hija rreġistrata jew organizzata b’mod ieħor f’territorji mmirati.”
17. L-Artikolu 32(6) tal-Att Litwan dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji jittrasponi l-Artikolu 1(2) u (3) tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji (iktar ’il quddiem ir-“regola nazzjonali kontra l-abbuż”). Huwa jipprovdi li “[d]-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 34(2) […] ta’ dan il-kapitolu rigward in-nuqqas ta’ tassazzjoni tad-dividendi ma għandhomx japplikaw għal arranġament jew għal sensiela ta’ arranġamenti li, peress li l-iskop prinċipali tagħhom jew wieħed mill-iskopijiet prinċipali tagħhom huwa li jinkiseb vantaġġ fiskali li huwa kuntrarju għall-għan jew għall-iskop tad-[Direttiva 2011/96], ma jkunux ġenwini, meta jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatti u ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha.” Arranġament jista’ jinkludi iktar minn pass wieħed jew parti waħda. Arranġament jew sensiela ta’ arranġamenti għandhom jitqiesu bħala mhux ġenwini sakemm ma jkunux ġew implimentati għal raġunijiet kummerċjali validi li jirriflettu r-realtà ekonomika”.
III. Il-fatti u t-talba għal deċiżjoni preliminari
18. Neo hija persuna ġuridika stabbilita fir-Repubblika tal-Litwanja li l-ishma tagħha, mill‑10 ta’ Awwissu 2005 sal-lum, huma miżmuma fl-intier tagħhom minn Retal Industries Ltd., kumpannija Ċiprijotta.
19. Matul is-snin 2016 u 2017, Neo qassmet lil Retal Industries dividendi fl-ammont ta’ EUR 15 000 000. Matul dan il-perijodu, kumpannija Litwana oħra, Retal Lithuania UAB, li fiha Retal Industries għandha wkoll parteċipazzjoni ta’ 100 %, qassmet ukoll lil Retal Industries dividendi fl-ammont ta’ EUR 13 485 032.
20. Skont l-Artikolu 34(2) tal-Att Litwan dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji, Neo qieset li t-tqassim tal-profitti lil Retal Industries kien eżentat u għalhekk ma pproċedietx għal taxxa f’ras l-għajn fil-Litwanja.
21. Skont il-konstatazzjonijiet tal-awtorità tat-taxxa nazzjonali, il-parti l-kbira (iktar minn 90 %) tad-dħul mill-operat ta’ Retal Industries matul is-snin 2016 u 2017 kienet ikkostitwita minn dħul minn dividendi li, min-naħa tagħhom, kienu fil-parti l-kbira kkostitwiti (88 % fl‑2016 u 74 % fl‑2017) minn dividendi rċevuti minn Retal Industries mingħand Neo u mingħand Retal Lithuania.
22. Fil-kuntest ta’ kontroll fiskali li jirrigwarda s-snin 2016 u 2017, l-awtorità tat-taxxa nazzjonali kkonstatat li d-dividendi mħallsa minn Neo lil Retal Industries matul is-snin 2016 u 2017 (total ta’ EUR 15 000 000) kellhom jiġu ntaxxati fil-Litwanja bħala taxxa fuq il-kumpanniji ta’ 15 % li kienet fis-seħħ hemmhekk, peress li kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti mir-regola nazzjonali kontra l-abbuż.
23. L-awtorità tat-taxxa nazzjonali bbażat l-applikazzjoni tar-regola nazzjonali kontra l-abbuż fuq il-fatt li, minn perspettiva ekonomika, permezz ta’ katina ta’ tranżazzjonijiet, id-dividendi ta’ Neo finalment tqassmu lil PG, persuna fiżika mhux residenti fil-Litwanja. Hija tibbaża din is-suppożizzjoni fuq il-konstatazzjoni taċ-ċirkustanzi li ġejjin.
24. L-ammont totali tad-dividendi mħallsa minn Neo u minn Retal Lithuania fl‑2016 u fl‑2017 lil Retal Industries (EUR 28 485 032) kien jikkorrispondi, essenzjalment, għall-ammont tad-dividendi li Retal Industries stess ħallset fl‑2017 u fl‑2018 lill-azzjonist uniku tagħha, il-kumpannija Ċiprijotta Polymer Products Holding Ltd (iktar ’il quddiem “PPH”) (EUR 28 880 865).
25. Ftit xhur qabel, PPH li kienet għadha kif inħolqot kienet akkwistat l-azzjonijiet ta’ Retal Industries fil-kumpannija Beliżjana Clendon Holdings Inc. (iktar ’il quddiem “Clendon”) L-uniku azzjonist taż-żewġ kumpanniji (kemm ta’ Clendon kif ukoll ta’ PPH) huwa PG. Għaldaqstant, dan it-trasferiment tal-kumpannija ma rriżulta f’ebda bidla fil-persuna fiżika li teżerċita l-kontroll.
26. PPH ma timpjega ebda impjegat. Mit-twaqqif tagħha fi tmiem l-2016 sal‑31 ta’ Diċembru 2018, iktar minn 99 % tad-dħul tagħha kien jikkonsisti f’dividendi.
27. Fix-xahar ta’ Diċembru 2017, PPH kellha dejn fir-rigward ta’ PG f’ammont li jikkorrispondi għall-prezz tax-xiri (EUR 310 400 000) għall-akkwist tal-ishma ta’ Retal Industries. Minn dan, l-awtorità tat-taxxa nazzjonali ddeduċiet li Clendon kienet ittrasferixxiet lil PG id-dritt tagħha bi prezz tax-xiri. Matul is-snin 2017 u 2018, PPH tat self lil PG u ċediet krediti (li jammontaw għal total ta’ EUR 28 915 328), li sussegwentement ġew paċuti mal-kreditu ta’ PG fir-rigward ta’ PPH. Matul dan il-perijodu, PPH ma qassmitx profitti.
28. Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, l-awtorità tat-taxxa nazzjonali kkonkludiet li dawn it-tranżazzjonijiet kienu twettqu b’mod artifiċjali. PPH kienet sempliċement organizzat l-akkwist tal-ishma f'Retal Industries u d-dejn lejn PG fuq bażi pro forma. Dan kellu jagħti l-impressjoni li d-dividendi mħallsa mill-kumpanniji Litwani, Neo u Retal Lithuania, intużaw sabiex ikopru dawn id-djun.
29. Fir-realtà, l-għan ta’ Neo fit-twettiq tat-tranżazzjonijiet kien li tevadi t-taxxa dovuta fuq id-dividendi. Konsegwentement, billi bbenefikat mill-eżenzjoni mit-taxxa f’ras l-għajn prevista fl-Artikolu 34(2) tal-Att Litwan dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji (billi applikat rata ta’ taxxa fuq il-kumpanniji ta’ 0 %), Neo evadiet it-taxxa fuq il-kumpanniji.
30. NEO tikkontesta l-klassifikazzjoni tat-tranżazzjonijiet bħala arranġament mhux ġenwin. B’mod partikolari, l-awtorità tat-taxxa nazzjonali ma kkonstatatx li Retal Industries kienet kumpannija fittizja. Barra minn hekk, it-tranżazzjonijiet l-oħra jikkorrispondu wkoll għar-realtà ekonomika. L-għan tagħhom huwa li jeliminaw il-kumpanniji stabbiliti f’territorji offshore mill-istruttura korporattiva tal-grupp u li jittrasferixxu t-tmexxija tal-kumpannija omm tal-grupp lejn l-Unjoni.
31. Il-Kummissjoni tat-Taxxa li qiegħda tagħmel dan ir-rinviju tiddubita jekk l-interpretazzjoni tar-regola nazzjonali kontra l-abbuż mill-awtorità tat-taxxa nazzjonali hijiex kompatibbli mal-għanijiet tad-Direttiva dwar il-kumpanniji omm u sussidjarji u għalhekk tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċċara l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni kontra l-abbuż tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji rilevanti għat-tilwima.
32. Il-Mokestinių ginčų komisija prie Lietuvos Respublikos Vyriausybės (il-Kummissjoni għat-Tilwim Fiskali taħt il-Gvern tar-Repubblika tal-Litwanja) tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) F’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, prattika nazzjonali li teskludi, fl-Istat ta’ min iħallas id-dividendi, il-possibbiltà ta’ eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn tad-dividendi, meta d-dividendi jitħallsu lill-kumpannija omm ġenwina li topera realment fi Stat Membru differenti tal-Unjoni, li, bħala tali, hija entità ġenwina sa fejn teżerċita attivitajiet ta’ negozju, u d-dividendi jitħallsu lilha inkwantu l-benefiċjarju effettiv tad-dividendi, iżda li hija kklassifikata, mill-awtoritajiet tat-taxxa, bħala parteċipant fil-katina ta’ tranżazzjonijiet mhux ġenwini minħabba l-ħlas/trasferiment, imwettaq permezz tagħha, tad-dividendi lill-benefiċjarju effettiv tal-grupp kollu ta’ kumpanniji, hija kompatibbli mal-għanijiet tar-regola kontra l-abbuż stabbilita fid-Direttiva tal-Kunsill 2011/96/UE tat‑30 ta’ Novembru 2011 dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti?
2) Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun waħda affermattiva, il-fatt li jkun hemm korrispondenza bejn l-ammonti tad-dividendi (simili jew identiċi) fi ħdan katina ta’ tranżazzjonijiet, jippermetti li jiġi konkluż li kien hemm trasferiment ta’ dividendi fl-imsemmija katina?
3) F’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, prattika nazzjonali fejn l-awtoritajiet tat-taxxa japplikaw ir-regola kontra l-abbuż fl-Istat fejn jitħallsu d-dividendi, għalkemm it-tranżazzjonijiet, li wasslu għal katina ta’ tranżazzjonijiet meqjusa bħala arranġament (li l-awtoritajiet tat-taxxa jikkunsidraw bħala mhux ġenwin), twettqu fi Stat Membru ieħor minn persuni taxxabbli residenti f’dan l-Istat Membru l-ieħor, hija kompatibbli mal-għanijiet tar-regola kontra l-abbuż tad-Direttiva 2011/96, inkluż il-prinċipju ta’ proporzjonalità msemmi fil-[premessi] tad-Direttiva 2015/121?
4) Ir-regola kontra l-abbuż tippermetti li d-dividendi jiġu intaxxati f’ras il-għajn fl-Istat ta’ min iħallas id-dividendi irrispettivament mill-istadju tal-katina ta’ tranżazzjonijiet li fih jinkiseb il-benefiċċju tat-taxxa? Ir-rikorrenti tista’ titqies bħala li kisbet benefiċċju tat-taxxa li jmur kontra s-suġġett u l-għan tad-Direttiva 2011/96 jekk, fi tmiem din il-katina ta’ tranżazzjonijiet, il-benefiċjarju effettiv jikseb benefiċċju tat-taxxa billi juża, għal dan il-għan, id-dividendi mħallsa mir-rikorrenti?
5) F’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2011/96 jistgħu jiġu interpretati fis-sens li l-applikazzjoni tar-regola tal-‘eżenzjoni tal-parteċipazzjoni’, li timplimenta d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2011/96 fid-dritt nazzjonali, tista’ tiġi eskluża abbażi ta’ abbuż ta’ dritt minħabba l-użu tad-dividendi rċevuti, fejn il-ġbir u l-użu tad-dividendi (id-distribuzzjoni sussegwenti tal-profitti) seħħew fuq perijodu kontinwu ta’ żmien?
6) F’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, prattika nazzjonali fejn l-awtorità tat-taxxa tapplika r-regola kontra l-abbuż fil-konfront ta’ min iħallas id-dividendi, mingħajr ma jiġi stabbilit li dan tal-aħħar kien konxju jew seta’ kien konxju mill-eżistenza ta’ katina ta’ tranżazzjonijiet mhux ġenwini hija kompatibbli mal-għanijiet tar-regola kontra l-abbuż prevista fid-Direttiva 2011/96?”
33. NEO, il-Gvern Litwan, Spanjol u tal-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. NEO, il-Gvern Litwan u dak Spanjol kif ukoll il-Kummissjoni pparteċipaw fis seduta li nżammet fil‑25 ta’ Frar 2026.
IV. L-evalwazzjoni legali
34. Id-domandi magħmula mill-Kummissjoni tat-Taxxa (4) li qiegħda tagħmel dan ir-rinviju huma intiżi sabiex jiġi ddeterminat jekk iċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali jissodisfawx il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji. It-talba għal deċiżjoni preliminari hija bbażata fuq diversi domandi.
35. Fuq il-bażi ta’ dawn id-domandi, ser nesponi qabelxejn li jista’ jkun hemm b’mod eċċezzjonali abbuż tal-eżenzjoni mit-taxxa f’ras l-għajn ukoll meta l-kumpannija omm benefiċjarja tad-dividendi tkun il-benefiċjarja effettiva tad-dividendi, iżda d-dividendi jitħallsu lura lill-benefiċjarju finali permezz ta’ arranġament mhux ġenwin (din hija l-persuna fiżika li żżomm kontroll fuq il-grupp ta’ kumpanniji) (l-ewwel domanda, ara f’dan ir-rigward il-punt A). Dan jista’ jkun il-każ ukoll meta t-tranżazzjoni li għandha tiġi kklassifikata bħala arranġament mhux ġenwin isseħħ fi ħdan Stat Membru, sakemm ikun hemm ippjanar globali abbużiv intiż għal assenza illegali ta’ tassazzjoni tal-benefiċjarju finali (it-tielet u r-raba’ domanda, ara f’dan ir-rigward il-punt B.).
36. Is-sempliċi koinċidenza bejn l-ammont tad-dividendi mqassma, kif ukoll ir-rabta temporali stretta bejn il-ġbir u t-tqassim mill-ġdid, la huma indizju u lanqas kundizzjoni ta’ tali abbuż (it-tieni u l-ħames domanda, ara f’dan ir-rigward il-punt C.). Sa fejn għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi suġġettivi fir-rigward tal-“għan” ta’ arranġament fiskali, huwa qabel kollox l-għarfien tal-persuna li tieħu deċiżjoni dwar l-arranġament li huwa rilevanti (is-sitt domanda, ara f’dan ir-rigward il-punt D).
A. L-ewwel domanda: abbuż minkejja l-benefiċċju effettiv
37. Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-Kummissjoni tat-Taxxa tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk jistax ikun hemm ukoll abbuż fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji meta l-kumpannija omm benefiċjarja tad-dividendi tkun il-benefiċjarja effettiva tad-dividendi, iżda tittrasferixxihom lill-benefiċjarju finali permezz ta’ arranġament mhux ġenwin.
38. Skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji, l-Istati Membri ma għandhomx jagħtu vantaġġi ta’ din id-direttiva meta jkun jeżisti arranġament mhux ġenwin li l-għan prinċipali tiegħu huwa li jinkiseb vantaġġ fiskali li jmur kontra l-għan jew l-iskop tad-Direttiva.
39. B’dan il-mod, il-leġiżlatur irriproduċa dak li huwa rrikonoxxut ukoll mill-ġurisprudenza: l-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni ma tistax tasal sal-punt li tipproteġi t-tranżazzjonijiet imwettqa bl-għan li jibbenefikaw b’mod abbużiv mill-vantaġġi previsti mid-dritt tal-Unjoni (5).
40. Konsegwentement, l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji jistabbilixxi żewġ kundizzjonijiet sabiex tiġi rrifjutata l-eżenzjoni: l-ewwel nett, għandu jkun hemm arranġament mhux ġenwin. It-tieni nett, l-għan tiegħu għandu jkun li jinkiseb vantaġġ fiskali li jmur kontra l-għan tad-Direttiva (6). L-Artikolu 1(3) tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji jirregola ċ-ċirkustanzi li fihom arranġament fis-sens tal-ewwel kundizzjoni ma jkunx ġenwin. Għalhekk, arranġament ma huwiex ġenwin meta ma jkunx ma ġie adottat għal “raġunijiet ekonomiċi validi” li jirriflettu r-realtà ekonomika.
41. F’dan ir-rigward, l-għan huwa tassazzjoni skont it-tranżazzjonijiet ekonomiċi effettivi, jiġifieri trattament fiskali tat-tranżazzjoni konformi mal-leġiżlazzjoni fiskali.
42. Konsegwentement, l-elementi li jikkostitwixxu abbuż fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji huma ddefiniti b’mod determinanti mit-tieni kundizzjoni, jiġifieri jekk l-arranġament mhux ġenwin għandux bħala għan vantaġġ fiskali li jmur kontra l-għan jew l-iskop tad-Direttiva. Fil-fatt, dan jikkostitwixxi l-punt ta’ riferiment tal-arranġament mhux ġenwin. Id-dispożizzjoni dwar il-prattiki abbużivi tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji ma hijiex intiża sabiex tipprekludi kull arranġament fiskali konċepibbli potenzjalment mhux ġenwin, iżda biss dak li għandu bħala għan vantaġġ fiskali li jmur kontra l-għan jew l-iskop tad-Direttiva.
43. L-għan u l-iskop tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji huma għalhekk determinanti għall-konkretizzazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni dwar l-abbuż.
44. Sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda, iktar ’il quddiem ser neżamina qabelxejn l-għan u l-iskop tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji (ara, f’dan ir-rigward, il-punt 1). Sussegwentement ser nuri li jeżisti abbuż tal-eżenzjoni mit-taxxa f’ras l-għajn kull darba li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din l-eżenzjoni jiġu evitati (ara, f’dan ir-rigward, il-punt 2). B’kuntrast ma’ dan, għandu ġeneralment jiġi preżunt li n-nuqqas ta’ tassazzjoni huwa konformi mal-għan leġiżlattiv meta jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni (ara f’dan ir-rigward il-punti 3 u 4.). Madankollu, b’mod eċċezzjonali, jista’ jiġi kkunsidrat ukoll abbuż f’każijiet bħal dawn (ara f’dan ir-rigward il-punt 5).
1. L-għan u l-iskop tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji
45. Kif jirriżulta mill-premessi tagħha, id-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji hija intiża sabiex tiffaċilita l-konċentrazzjoni ta’ kumpanniji fil-livell tal-Unjoni billi telimina l-iżvantaġġi eżistenti li jaffettwaw il-kooperazzjoni transkonfinali tal-kumpanniji meta mqabbla mal-kooperazzjoni interna tal-kumpanniji (7). Fl-aħħar mill-aħħar, id-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji hija għalhekk intiża sabiex tippromwovi l-attività ekonomika transkonfinali u s-suq intern (8).
46. Għal dan il-għan, id-Direttiva għandha l-għan li tiżgura li l-profitti mqassma minn sussidjarja stabbilita fi Stat Membru lill-kumpannija omm tagħha stabbilita fi Stat Membru ieħor ikunu fiskalment newtrali (9). Għal dan il-għan, id-Direttiva tirrikjedi, minn naħa, li l-Istat Membru fejn kumpannija omm hija residenti jeżenta mit-taxxa fuq il-kumpanniji l-profitti mqassma (Artikolu 4), u, min-naħa l-oħra, tipprojbixxi lill-Istat ta’ residenza tas-sussidjarja milli jimponi taxxa f’ras il-għajn (Artikolu 5).
47. Għalhekk, minn naħa, id-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji tipprekludi li l-profitti mqassma mis-sussidjarja lil kumpannija omm ikunu suġġetti għal taxxa doppja abbażi tat-taxxa fuq il-kumpanniji, jiġifieri, l-ewwel, fil-livell tas-sussidjarja fl-Istat ta’ residenza tagħha, imbagħad fil-livell tal-kumpannija omm fl-Istat ta’ residenza tagħha (Artikolu 4).
48. Min-naħa l-oħra, billi tipprojbixxi t-tassazzjoni f’ras l-għajn, id-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji tipprekludi lill-Istat ta’ residenza tas-sussidjarja milli jintaxxa l-profitti mqassma lill-kumpannija omm permezz ta’ taxxa f’ras l-għajn. It-taxxa f’ras l-għajn taqa’ fil-kuntest tal-interess tal-Istat ta’ residenza tas-sussidjarja li jintaxxa l-profitti ġġenerati fit-territorju tiegħu u mqassma lill-kumpannija omm (10). L-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji jirrikjedi li dan l-interess jitwarrab sabiex jiġi żgurat l-istabbiliment tas-suq intern.
49. Skont it-tfassil tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji, il-profitti ta’ grupp ta’ kumpanniji huma għalhekk, bħala prinċipju, intaxxati bħala taxxa fuq il-kumpanniji biss meta dawn il-profitti jiġu ġġenerati mis-sussidjarja u li huwa biss fl-“aħħar” tqassim mill-kumpannija omm lill-azzjonist tagħha, fil-forma ta’ persuna fiżika, bħala dħul mill-kapital tagħha, li huma suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul.
50. L-għan intiż tan-newtralità fiskali tad-distribuzzjonijiet fi ħdan grupp ta’ kumpanniji huwa għalhekk il-bażi ta’ interpretazzjoni li l-Istat (jew l-Istati) li fih isseħħ “l-aħħar” distribuzzjoni mill-kumpannija omm lill-azzjonisti tagħha jintaxxa(w)hom fl-eżerċizzju tal-awtonomija fiskali tiegħu (tagħhom). Madankollu, id-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji ma timponix jekk u kif dan it-tqassim tal-profitti “tal-aħħar” għandah tiġi ntaxxata.
2. Abbuż li jirriżulta mill-evitar tal-elementi kostituttivi
51. Mill-ispirtu u mill-għan ta’ dispożizzjoni kontra l-abbuż, li huwa li tiġi żgurata tassazzjoni konformi mal-għan leġiżlattiv (ara l-punt 41 iktar ’il fuq), dejjem ikun hemm abbuż tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji meta l-elementi kostituttivi għall-applikazzjoni tagħha jiġu ssodisfatti biss pro forma sabiex jinkiseb il-vantaġġ fiskali mogħti mid-Direttiva (11).
52. Fil-fatt, f’tali każijiet, persuna li ma tkunx intitolata skont id-Direttiva tikseb, permezz ta’ arranġament purament formali, il-vantaġġi mogħtija mid-Direttiva (12). Għaldaqstant, it-tassazzjoni ma hijiex konformi mal-għan leġiżlattiv, peress li ma hijiex konformi mat-tranżazzjonijiet ekonomiċi reali.
53. Il-punt ta’ riferiment prinċipali ta’ abbuż huwa għalhekk l-element kostituttiv tad-dispożizzjoni li tippreskrivi l-konsegwenza ġuridika maħsuba. Għall-eżenzjoni mit-taxxa f’ras l-għajn inkwistjoni fil-kawża ineżami, l-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji jippreżupponi distribuzzjoni ta’ profitti ta’ sussidjarja lil kumpannija omm (13). Minn dan isegwi li jkun hemm abbuż meta tinħoloq kumpannija sussidjarja jew kumpannija omm jew meta jsir tqassim ta’ profitti biss pro forma.
54. Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat l-eżistenza ta’ arranġament mhux ġenwin fis-sens tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji meta kumpannija hekk imsejħa conduit tiġi interposta bejn il-kumpannija li tħallas id-dividendi u l-entità li hija l-benefiċjarja effettiva tad-dividendi (14). Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tali kumpannija conduit għandha, fi kwalunkwe każ, titqies li hija kkostitwita meta l-unika attività tal-kumpannija kkonċernata tikkonsisti fil-ġbir ta’ dividendi u li tgħaddihom lil persuna ġuridika oħra (15). L-istess għandu japplika meta kumpannija ma jkollhiex is-setgħa li tiddisponi ekonomikament mid-dividendi miġbura, pereżempju għaliex hija marbuta kuntrattwalment li tgħaddihom lil terz (16). Minn perspettiva ekonomika, hija għalhekk ma hijiex il-benefiċjarju reali tad-distribuzzjoni (l-hekk imsejjaħa benefiċjarju effettiv), iżda dak li lilu finalment jiġu mgħoddija l-assi.
55. Il-każ ta’ tali kumpannija conduit evidentement ma huwiex kundizzjoni imperattiva ta’ arranġament mhux ġenwin (17).
56. Għall-fini ta’ preċiżazzjoni, għandu jiġi indikat li l-eżami tal-kwistjoni dwar jekk, minn perspettiva ekonomika, l-elementi kostituttivi tal-eżenzjoni rilevanti humiex issodisfatti għandu naturalment isir billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha (18). Dan jinkludi wkoll ċirkustanzi li seħħew qabel jew wara t-tqassim tal-profitti rilevanti, fejn applikabbli fi Stat Membru ieħor. Fil-każ kuntrarju, lanqas ma huwa possibbli li jiġi ddeterminat jekk kumpannija hijiex il-benefiċjarja effettiva tad-dividendi rċevuti jew jekk sempliċement tittrasferixxihomx. Il-punt ta’ riferiment ta’ dan l-eżami huwa madankollu l-elementi kostituttivi tal-eżenzjoni prevista mid-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji.
3. Preżunzjoni ta’ tassazzjoni konformi mal-għan leġiżlattiv meta l-elementi kostituttivi jiġu ssodisfatti
57. Għall-kuntrarju, il-fatt li, minn perspettiva ekonomika, l-elementi kostituttivi huma ssodisfatti jippermetti, bħala regola ġenerali, li jiġi konkluż li ma hemmx abbuż fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji.
58. Tali preżunzjoni teżiġi ċ-ċertezza legali u l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Il-persuna taxxabbli għandha aspettattiva leġittima li tuża l-possibbiltajiet ta’ arranġament mogħtija lilha mil-liġi u li torganizza l-attività ekonomika tagħha b’tali mod li l-piż tat-taxxa tagħha jkun kemm jista’ jkun baxx (19).
59. Konsegwentement, fir-rigward tal-klawżola kontra l-abbuż tad-Direttiva dwar il-fużjoni (20), il-Qorti tal-Ġustizzja titlaq mill-prinċipju li l-vantaġġi ta’ din id-direttiva jistgħu jiġu rrifjutati biss “b’mod eċċezzjonali u f’każijiet partikolari” (21). Bħala dispożizzjoni derogatorja, din għandha tiġi interpretata b’mod strett, fid-dawl tal-formulazzjoni tagħha, tal-għan tagħha u tal-kuntest tagħha (22). L-istess japplika għall-Artikolu 1(2) tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji. Ir-riferiment purament tawtoloġiku għall-fatt li din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tipprevjeni (23) l-abbuż ma huwiex ta’ natura li jbiddel l-applikazzjoni prudenti li hija meħtieġa.
4. Bħala regola ġenerali ma hemmx abbuż minn kumpannija omm li hija l-benefiċjarja effettiva
60. Konsegwentement, it-tqassim tal-profitti minn sussidjarja lill-kumpannija omm tagħha, li hija l-benefiċjarja effettiva tad-dividendi, ġeneralment ma jikkostitwixxix arranġament mhux ġenwin.
61. B’mod partikolari, tali arranġament mhux ġenwin ma jistax jiġi dedott mis-sempliċi fatt li l-kumpannija omm li hija l-benefiċjarja effettiva tqassam mill-ġdid hija stess il-profitti tagħha (li jinkludu d-dividendi li hija rċeviet). Fil-fatt, l-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji ma jissuġġettax l-eżenzjoni mit-taxxa f’ras l-għajn għall-kundizzjoni li dawn ma jitqassmux mill-ġdid, iżda huwa intiż preċiżament sabiex tiġi evitata t-tassazzjoni multipla tat-tqassim fi ħdan grupp ta’ kumpanniji.
62. Għall-kuntrarju, it-trasferiment ta’ dividendi fi ħdan grupp ta’ kumpanniji lill-kumpannija omm dominanti, li finalment tqassam il-profitti tagħha lil persuna fiżika waħda jew iktar, jikkorrispondi pjuttost għal kumpannija b’kapital azzjonarju li tiffunzjona ekonomikament sew. Fil-fatt, l-għan ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju huwa preċiżament li tiġġenera profitti u li tqassamhom lill-azzjonisti tagħha.
63. Lanqas ma tista’ tinsilet konklużjoni oħra mill-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi T Danmark u Y Denmark, li jgħidu li t-trasferiment ta’ dividendi lil persuna mhux eliġibbli jikkostitwixxi indizju ta’ arranġament mhux ġenwin (24). Fil-fatt, kif jirriżulta mill-kuntest ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-kwistjoni determinanti għall-Qorti tal-Ġustizzja kienet dwar jekk kinitx teżisti kumpannija conduit (25). Sabiex tiġi preżunta l-eżistenza ta’ tali kumpannija conduit, hija użat bħala indizju t-trasferiment (kważi) komplet ta’ dividendi ftit taż-żmien wara li rċeviethom.
64. Madankollu, meta jiġi kkonstatat, bħal fil-kawża ineżami, li l-kumpannija omm benefiċjarja tad-dividendi ma hijiex kumpannija conduit, it-trasferiment ta’ dividendi ma jistax jikkostitwixxi fih innifsu arranġament mhux ġenwin.
5. Abbuż minkejja l-benefiċċju effettiv fil-każ ta’ eżistenza ta’ ppjanar kollettiv abbużiv
65. Madankollu, anki jekk, minn perspettiva ekonomika, l-elementi kostituttivi tal-eżenzjoni huma ssodisfatti, jista’ jkun hemm, b’mod eċċezzjonali, arranġamenti li jipprekludu tassazzjoni konformi mal-għan leġiżlattiv u għalhekk għandhom jitqiesu bħala abbużivi.
66. F’dan ir-rigward, għandu jiġi miċħud l-argument ta’ Neo li, għalkemm korrett fil-prinċipju, huwa wisq estensiv fil-forma assoluta tiegħu, li jgħid li fl-ebda ċirkustanza ma jista’ jkun hemm abbuż meta l-kumpannija omm tkun il-benefiċjarja effettiva tad-dividendi.
67. Il-punt tat-tluq għal dawn il-kunsiderazzjonijiet tiegħi huwa l-formulazzjoni tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji, li skontu, sabiex jiġi kkonstatat abbuż, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatti u ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha (ara l-punt 56 iktar’ il fuq) u li arranġament jista’ jinkludi diversi stadji jew partijiet. Skont l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji, arranġament jista’ wkoll ikun biss parzjalment mhux ġenwin (“sa ċertu punt”).
68. Madankollu, kif jirriżulta wkoll mill-formulazzjoni tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji, wieħed mill-għanijiet essenzjali tal-arranġament għandu jkun li jinkiseb vantaġġ fiskali. Huwa għalhekk neċessarju li jeżisti għan bejn l-arranġament u l-vantaġġ fiskali.
69. Minn dan isegwi li, ċertament, huma biss ċerti stadji jew partijiet ta’ struttura li jistgħu jkunu mhux ġenwini (26). Madankollu, f’dan ir-rigward ukoll, huwa neċessarju għan bejn il-parti mhux ġenwina tal-arranġament u l-vantaġġ fiskali.
70. F’dan ir-rigward, il-vantaġġ fiskali rilevanti huwa, inizjalment, dak mogħti mid-Direttiva. Fil-fatt, skont il-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ta’ projbizzjoni ta’ prattiki abbużivi, anki l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji jista’ jkun intiż biss li jiċħad il-protezzjoni lil tranżazzjonijiet imwettqa bl-għan li jibbenefikaw b’mod abbużiv mill-vantaġġi previsti mid-dritt tal-Unjoni (ara l-punt 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet) (27) .
71. Arranġament mhux ġenwin li jsir wara jew qabel it-tqassim legalment rilevanti mis-sussidjarja lill-kumpanija omm jista’ jikkostitwixxi vantaġġ fiskali skont id-dritt nazzjonali. Madankollu, huwa ma jistax – ikkunsidrat b’mod iżolat – jiġġustifika vantaġġ fiskali mogħti mid-Direttiva, anki jekk minn perspettiva fattwali.
72. Għalhekk, il-kundizzjoni għal abbuż hija li t-tqassim mis-sussidjarja lill-kumpannija omm, jiġifieri dak li miegħu d-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji jorbot l-għoti tal-vantaġġ fiskali, jitwettaq bil-għan li jinkiseb vantaġġ fiskali kuntrarju għad-Direttiva. Fi kliem ieħor, jista’ jkun hemm abbuż tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji fejn it-tqassim mis-sussidjarja lill-kumpanija omm – li, ikkunsidrat b’mod iżolat, jikkorrispondi mar-realtà ekonomika – jifforma parti minn pjan abbużiv globali.
73. Pereżempju, għandu jitqies li jikkostitwixxi ppjanar abbużiv globali meta d-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji tintuża sabiex jiġi ġġenerat, għall-benefiċċju tal-benefiċjarju finali (jiġifieri l-persuna fiżika wara l-grupp ta’ kumpanniji), dħul li ma jistax jiġi ntaxxat fil-livell ta’ dan tal-aħħar. Dan huwa l-każ, pereżempju, meta sussidjarja tqassam dividendi lill-kumpannija omm tagħha li tkun il-benefiċjarja effettiva sabiex taħbihom permezz ta’ tranżazzjonijiet oħra li jgħaddu minn “Stati offshore (28) li ma jikkooperawx”, b’tali mod li l-Istat ta’ residenza tal-benefiċjarju finali ma jirċevix informazzjoni dwar id-“distribuzzjoni finali” u għalhekk ma jistax jintaxxaha (29).
74. Fil-fatt, tali arranġament jiċħad l-ipoteżi li fuqha hija bbażata d-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji. Kif diġà indikajt, id-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji tassumi li l-Istat li fih iseħħ l-“aħħar” tqassim jista’ jintaxxah fl-eżerċizzju tal-awtonomija fiskali tiegħu (ara l-punt 50). Għalhekk, jekk jiġi mċaħħad minn din il-possibbiltà u jekk it-tassazzjoni tal-“aħħar” tqassim, prevista mid-Direttiva, titlef is-sens tagħha, ikun illoġiku li jingħata l-vantaġġ fiskali previst minn din id-direttiva.
6. Konklużjoni intermedjarja
75. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena tal-fehma li jista’ jkun hemm b’mod eċċezzjonali abbuż fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji meta l-kumpannija omm benefiċjarja tad-dividendi tkun il-benefiċjarja effettiva tad-dividendi, iżda tittrasferixxihom lill-benefiċjarju finali permezz ta’ arranġament mhux ġenwin. Dan huwa l-każ, pereżempju, meta d-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji tintuża sabiex jiġi ġġenerat, favur il-benefiċjarju finali, dħul li, illegalment, ma jistax jiġi ntaxxat fil-livell tiegħu.
B. It-tielet u r-raba’ domanda: abbuż tal-leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali
76. Permezz tat-tielet u tar-raba’ domanda tagħha, il-Kummissjoni tat-Taxxa tixtieq tkun taf jekk jistax ikun hemm ukoll abbuż tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji meta l-kumpannija omm tittrasferixxi d-dividendi lill-benefiċjarju finali permezz ta’ arranġament mhux ġenwin fl-Istat ta’ residenza tagħha.
77. Kif diġà indikajt, abbuż fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji jippreżupponi għan bejn l-arranġament mhux ġenwin u l-vantaġġ fiskali (ara l-punti 68 et seq.). Arranġament mhux ġenwin fi Stat Membru, ikkunsidrat b’mod iżolat, ma jistax għalhekk jikkostitwixxi vantaġġ fiskali mogħti mid-Direttiva. Huwa meħtieġ pjan abbużiv globali, jiġifieri l-prova li t-tqassim diġà sar mis-sussidjarja lill-kumpannija omm sabiex jinkiseb vantaġġ fiskali li jmur kontra d-Direttiva.
78. Fil-fehma tiegħi, dan normalment ma huwiex il-każ ta’ (allegat) abbuż fiskali fi Stat Membru (ara, f’dan ir-rigward, il-punt 1). B’mod eċċezzjonali, jista’ jkun hemm tali pjan abbużiv globali meta t-tqassim isir mis-sussidjarja lill-kumpannija omm bl-għan li tiġi evitata t-taxxa fl-Istat Membru tal-benefiċjarju finali (ara, f’dan ir-rigward, il-punt 2).
1. Assenza ta’ abbuż tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji f’każ ta’ abbuż tal-leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali
79. Fejn l-abbuż jikkonċerna s-sistema ta’ tassazzjoni ta’ Stat Membru fil-kuntest tat-tqassim lill-benefiċjarju finali, ġeneralment ma hemmx lok li jiġi preżunt abbuż tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji.
80. F’każ bħal dan, huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu jiġġieled kontra l-abbuż tal-leġiżlazzjoni fiskali tiegħu stess. Ma hemm l-ebda ħtieġa li wieħed jirrikorri għad-dritt tal-Unjoni. Jekk Stat jiġġieled l-abbuż tal-leġiżlazzjoni fiskali tiegħu biss b’mod moderat, jew xejn, minn dan ma jirriżulta ebda ġurisdizzjoni sussidjarja ta’ Stati Membri oħra, la f’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dritt fiskali barrani u lanqas f’dak li jirrigwarda t-tassazzjoni, fil-kawża ineżami fir-rigward tar-rifjut ta’ eżenzjonijiet fiskali mogħtija mid-dritt tal-Unjoni.
81. Għall-kuntrarju, jekk l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji jiġi interpretat fis-sens li awtorità tat-taxxa nazzjonali tista’ tirrifjuta l-vantaġġi fiskali mogħtija mid-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji minħabba allegat abbuż fis-sistema fiskali ta’ Stat Membru ieħor, dan iwassal għal riskji ekonomiċi kunsiderevoli għall-gruppi ta’ impriżi transkonfinali. Fil-fatt, f’dak il-każ, kull Stat Membru tal-katina ta’ tranżazzjonijiet jista’ jirrifjuta l-vantaġġi fiskali previsti minħabba allegat abbuż fl-Istat Membru tal-“aħħar” tqassim. Għandu jiġi preżunt li l-Istati Membri jibbenefikaw minn din il-possibbiltà li jiġġeneraw riżorsi fiskali. L-inċertezza li tirriżulta minn dan ikollha effett dissważiv. L-għan tad-Direttiva li jiġu promossi konċentrazzjonijiet transkonfinali ta’ impriżi koperti mid-Direttiva u, għaldaqstant, l-eżerċizzju b’mod partikolari tal-libertà ta’ stabbiliment jiġu mfixkla.
2. Ebda obbligu li tiġi ffaċilitata l-evażjoni tat-taxxa
82. Għall-kuntrarju, il-limitu ta’ pjan abbużiv globali jidher li nqabeż meta t-tqassim tal-profitti mis-sussidjarja lill-kumpannija omm tagħha li hija l-benefiċjarja effettiva isir manifestament bl-għan tal-evażjoni tat-taxxa fl-Istat Membru tal-benefiċjarju finali.
83. Bħas-sitwazzjoni deskritta bħala eżempju iktar ’il fuq, jiġifieri l-isfruttament ta’ nuqqasijiet ta’ informazzjoni transkonfinali (ara l-punt 73 iktar ’il fuq), evażjoni tat-taxxa hija kkaratterizzata mill-fatt li l-persuna taxxabbli taġixxi b’mod illegali billi tirrappreżenta ħażin fatti rilevanti mill-perspettiva fiskali.
84. Ma jkunx raġonevoli li jiġi impost ukoll fuq l-Istati Membri l-obbligu li jirrinunzjaw għat-taxxa f’ras l-għajn fuq il-profitti ġġenerati fit-territorju tagħhom anki meta l-arranġament magħżul iservi sabiex b’mod illegali ma jiġux intaxxati l-profitti ġġenerati fi Stat Membru ieħor.
85. Ma hemmx lok li jitqies li d-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji għandha l-għan li tippermetti nuqqas ta’ ħlas ta’ taxxa illegali tat-tqassim tal-profitti u lanqas li teżenta mit-taxxa f’ras l-għajn tqassim magħmul għal dan il-għan. Fil-fatt, tali tranżazzjoni ma tikkostitwixxix eżerċizzju li jistħoqqlu protezzjoni ta’ attività ekonomika transkonfinali fid-dawl tal-istabbiliment ta’ suq intern (ara l-punt 45 iktar ’il fuq), iżda tikkostitwixxi l-użu tal-possibbiltajiet maħluqa għal dan il-għan sabiex jippermettu aġir illegali. Konsegwentement, l-għoti tal-vantaġġi fiskali previsti mid-Direttiva jmur kontra l-għan u l-iskop tagħha.
3. Indikazzjonijiet dwar iċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali
86. Hija l-Kummissjoni tat-Taxxa li qiegħda tagħmel dan ir-rinviju li għandha tevalwa l-eżistenza ta’ tali ppjanar abbużiv globali billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ. Għal dan il-għan, it-tqassim ta’ Neo lil Retal Industries kien sar bl-għan li jippermetti lil PG tevadi t-taxxa f’Ċipru.
87. Bla ħsara għall-verifika mill-Kummissjoni tat-Taxxa li qiegħda tagħmel dan ir-rinviju, il-fatti kkonstatati ma jidhrux li jippermettu li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ evażjoni tat-taxxa.
88. Sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta l-eżistenza ta’ ppjanar globali abbużiv, inkluż fil-każ ta’ abbuż tal-leġiżlazzjoni fiskali ta’ Stat Membru ieħor, għandu jiġi enfasizzat dan li ġej.
89. L-awtorità tat-taxxa nazzjonali tidher li tikkunsidra li l-ħlas minn PPH lil PG jikkostitwixxi tip ta’ tqassim moħbi ta’ profitti. Bl-iskuża tal-ħlas ta’ dejn, PPH kienet effettivament ħallset dividendi lil PG. Id-dejn allegatament imħallas huwa d-dritt għall-prezz tax-xiri tal-ishma ta’ Retal Industries li Clendon ttrasferixxiet lil PG. Għalhekk, l-awtorità tat-taxxa nazzjonali tidher li tqis li d-dejn inħoloq biss pro forma billi t-trasferiment tal-azzjonijiet ta’ Retal Industries lil PPH sar mingħajr “raġunijiet ekonomiċi validi” fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji. F’dan ir-rigward, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li t-trasferiment ta’ impriża minn Clendon għal PPH (u t-trasferiment sussegwenti tas-sede mill-Beliże għal Ċipru) jista’ tabilħaqq ikun iġġustifikat minn “raġunijiet ekonomiċi validi”. Ma huwiex eskluż li istituzzjonijiet ta’ kreditu u kontropartijiet oħra joqogħdu lura minn relazzjoni ta’ negozju jew jagħtu termini kuntrattwali “inqas favorevoli” lil kumpanija omm fi Stati offshore (30). Bl-istess mod, it-tqassim f’tali Stati jista’ jwassal għal żvantaġġi fiskali.
90. Jekk wieħed jaċċetta din id-deċiżjoni korporattiva, il-fatt li l-azzjonist PG iffinanzja l-akkwist tal-impriża lanqas ma jista’ jagħti lok għal vantaġġ fiskali. Fil-fatt, fil-każ kuntrarju, PPH kien ikollha tissellef mingħand istituzzjoni ta’ kreditu sabiex tiffinanzja l-akkwist tal-impriża. Li kieku PPH kienet użat it-tqassim ta’ Retal Industries sabiex tħallas lura dan is-self, lanqas ma kien ikun hemm taxxa f’dan ir-rigward, peress li l-ħlas lura ta’ self ma jikkostitwixxix dħul taxxabbli, iżda biss ir-rimbors tal-kapital inizjalment imħallas.
C. It-tieni u l-ħames domanda: distribuzzjoni ta’ dividendi
91. Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-Kummissjoni tat-Taxxa tixtieq tkun taf jekk, fil-każ ta’ konkordanza (wiesgħa) fl-ammont ta’ dividendi ttrasferiti fil-kuntest ta’ katina ta’ tranżazzjonijiet, jistax jiġi preżunt li d-dividendi ġew imqassma mill-ġdid. Permezz tal-ħames domanda tagħha, hija tixtieq tkun taf ukoll jekk abbuż jippreżupponix l-eżistenza ta’ rabta temporali stretta bejn il-ġbir u t-trasferiment tad-dividendi.
92. Iż-żewġ domandi huma spjegati mill-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi T Danmark u Y Denmark, li skonthom il-fatt li dividendi jiġu (kważi) kompletament ittrasferiti mill-kumpannija omm lil entitajiet li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji ftit wara li jiġu rċevuti jikkostitwixxi indizju tal-eżistenza ta’ abbuż (31).
93. Kif diġà spjegajt, sempliċi trasferiment ta’ dividendi ma jikkostitwixxix fih innifsu arranġament mhux ġenwin (ara l-punti 61 et seq.). Dan japplika indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk it-tqassim mill-ġdid imwettaq mill-kumpannija omm jikkorrispondix jew le għal dak tas-sussidjarja f’termini ta’ ammont u tar-rabta ratione temporis bejniethom.
94. L-eżistenza ta’ rabta temporali stretta bejn il-ġbir u t-tqassim ta’ dividendi mill-kumpannija omm la hija kundizzjoni suffiċjenti u lanqas obbligatorja sabiex jiġi konkluż li jeżisti abbuż.
D. Is-sitt domanda: għarfien tas-sussidjarja
95. Finalment, il-Kummissjoni tat-Taxxa tistaqsi jekk għandux jiġi pprovat li s-sussidjarja li tqassam id-dividendi kienet taf jew ma kinitx taf b’negliġenza dwar l-arranġament mhux ġenwin fil-każ ta’ katina ta’ tranżazzjonijiet.
96. Fil-fehma tiegħi, dan ma huwiex il-każ. Fil-każ ta’ arranġament li jinkludi diversi partijiet, il-valutazzjoni ma tiddependix fuq l-għarfien jew in-nuqqas negliġenti ta’ għarfien ta’ kull attur individwali fil-katina tat-tranżazzjonijiet. Ċertament, l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji jirrikjedi li l-arranġament ikun maħsub biex jinkiseb vantaġġ fiskali kuntrarju għad-Direttiva. Madankollu, dan l-għan għandu jiġi evalwat b’mod oġġettiv, b’kont meħud taċ-ċirkustanzi kollha, inklużi elementi suġġettivi bħall-għarfien jew saħansitra l-intenzjoni. Fl-ewwel lok, huwa l-għarfien tal-persuna li tagħmel l-għażla tal-arranġament li huwa determinanti f’dan ir-rigward. Inkella, min jieħu d-deċiżjonijiet b’“mala fide” jista’ jinħeba wara intermedjarju li jaġixxi b“bona fide” sabiex jeskludi l-eżistenza tal-abbuż.
97. Id-deċiżjoni dwar it-tqassim tad-dividendi tittieħed mill-azzjonisti dominanti, b’tali mod li huwa l-għarfien tagħhom li huwa determinanti. Fejn, fi grupp korporattiv b’ħafna livelli, il-benefiċjarju finali huwa (indirettament) l-uniku azzjonist tal-kumpanniji rilevanti kollha, huwa l-għarfien ta’ dik il-persuna li huwa determinanti. F’każ bħal dan, huwa irrilevanti jekk is-sussidjarja kinitx taf, jew kellhiex tkun taf, bl-eżistenza tal-katina tat-tranżazzjonijiet.
V. Konklużjoni
98. Għalhekk nipproponi r-risposti li ġejjin lill-Mokestinių ginčų komisija prie Lietuvos Respublikos Vyriausybės (il-Kummissjoni għat-Tilwim Fiskali taħt il-Gvern tar-Repubblika tal-Litwanja):
1) B’mod eċċezzjonali, jista’ jkun hemm ukoll abbuż fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji meta l-kumpannija omm benefiċjarja tad-dividendi tkun il-benefiċjarja effettiva tad-dividendi, iżda tittrasferixxihom lill-benefiċjarju finali permezz ta’ arranġament mhux ġenwin.
2) Abbuż tal-leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali ta’ Stat Membru normalment ma jikkostitwixxix abbuż fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji. Għall-kuntrarju, jekk it-tqassim tal-profitti mis-sussidjarja lill-kumpannija omm tagħha li tkun il-benefiċjarja effettiva jsir bl-għan tal-evażjoni tat-taxxa mill-benefiċjarju finali fl-Istat Membru tiegħu, jista’ jkun hemm abbuż fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji.
3) Il-fatt li kumpannija omm li hija l-benefiċjarja effettiva tqassam lill-azzjonisti tagħha ammont (kważi) identiku għal dak li hija rċeviet preċedentement mingħand is-sussidjarja tagħha ma jikkostitwixxix, bħal fil-każ tal-eżistenza ta’ rabta temporali stretta bejn il-ġbir u t-tqassim ta’ dividendi mill-kumpannija omm, kundizzjoni suffiċjenti jew obbligatorja sabiex jiġi konkluż li jeżisti arranġament mhux ġenwin.
4) Sa fejn għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi suġġettivi fir-rigward tal-“għan” ta’ arranġament fiskali, huwa qabel kollox l-għarfien tal-persuna li tagħmel l-għażla tal-arranġament li huwa rilevanti. Dawn huma, bħala regola ġenerali, is-soċji dominanti.
1 Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.
2 Direttiva 2011/96/UE tat‑30 ta’ Novembru 2011 dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti (ĠU 2011, L 345, p. 8).
3 Direttiva tal-Kunsill tas‑27 ta’ Jannar 2015 li temenda d-Direttiva 2011/96/UE dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti (ĠU 2015, L 21, p. 1).
4 Fir-rigward tat-tħassib tiegħi dwar il-fatt li l-Kummissjoni tat-Taxxa għandha (tibqa’) titqies bħala qorti jew tribunal fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża “ARVI” ir ko (C‑56/21, EU:C:2022:223, punti 24 sa 26) u fil-kawża Žaidimų valiuta (C‑472/24, EU:C:2025:699, punti 27 u 28).
5 Sentenzi tas‑26 ta’ Frar 2019, T Danmark u Y Denmark (C‑116/16 u C‑117/16, EU:C:2019:135, punt 71), tal‑5 ta’ Lulju 2007, Kofoed (C‑321/05, EU:C:2007:408, punt 38), u tal‑21 ta’ Frar 2006, Halifax et (C‑255/02, EU:C:2006:121, punt 69); fundamentalment fuq il-kunċett ġenerali ta’ abbuż fid-dritt tal-Unjoni, ara s-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2000, Emsland-Stärke (C‑110/99, EU:C:2000:695, punti 52 u 53).
6 Ara wkoll is-sentenza tat‑3 ta’ April 2025, Nordcurrent group (C‑228/24, EU:C:2025:239, punt 45).
7 Premessa 6 tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji; ara wkoll il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2011/96/UE dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpaniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti, COM (2013) 814 final, p. 7, li tgħid li “l-għan fundamentali [...] sabiex jinħoloq ambjent ekwu”. Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, T Danmark u Y Denmark (C‑116/16 u C‑117/16, EU:C:2019:135, punt 112).
8 Premessa 4 tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji.
9 Premessi 3 u 4 tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji. Ara s-sentenzi tas‑26 ta’ Frar 2019, T Danmark u Y Denmark (C‑116/16 u C‑117/16, EU:C:2019:135, punti 112 u 78) u tat‑8 ta’ Marzu 2017, Wereldhave Belgium et (C‑448/15, EU:C:2017:180, punt 25).
10 Il-Mudell ta’ Konvenzjoni tal-OECD għall-eliminazzjoni tat-tassazzjoni doppja u t-tnaqqis u l-evażjoni fiskali fil-qasam tat-taxxi fuq id-dħul u l-patrimonju għalhekk jagħtih, skont l-Artikolu 10(2) tiegħu, possibbiltà ta’ tassazzjoni limitata.
11 Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, T Danmark u Y Denmark (C‑116/16 u C‑117/16, EU:C:2019:135, punt 100).
12 Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, T Danmark u Y Denmark (C‑116/16 u C‑117/16, EU:C:2019:135, punt 101).
13 Sabiex titqies bħala kumpannija omm fis-sens tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji, l-Artikolu 3(1)(a) jistabbilixxi diversi kriterji. B’mod partikolari, hija meħtieġa parteċipazzjoni minima ta’ 10 % tal-kumpannija omm fil-kapital ta’ kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor.
14 Sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, T Danmark u Y Denmark (C‑116/16 u C‑117/16, EU:C:2019:135, punt 100).
15 Sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, T Danmark u Y Denmark (C‑116/16 u C‑117/16, EU:C:2019:135, punt 104).
16 Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, T Danmark u Y Denmark (C‑116/16 u C‑117/16, EU:C:2019:135, punt 105).
17 Sentenza tat‑3 ta’ April 2025, Nordcurrent group (C‑228/24, EU:C:2025:239, punt 28). Sitwazzjoni maħsuba oħra hija, pereżempju, li żewġ kumpanniji li jżommu kull waħda “biss 5% tal-ishma ta’ kumpannija fi Stat Membru ieħor jingħaqdu pro forma sabiex jilħqu l-livell ta’ 10% previst fil-punt (a) tal-Artikolu 2(1). Dan jista’ jsir, pereżempju, bil-konklużjoni ta’ kuntratt fiduċjarju li fih kumpannija tirċievi l-ishma ta’ kumpannija oħra, iżda tkun kuntrattwalment obbligata li tittrasferixxi lilha l-parti proporzjonali tad-dividendi.
18 Artikolu 1(2) tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji, sentenzi tat‑3 ta April 2025, Nordcurrent group (C‑228/24, EU:C:2025:239, punt 30), tas‑26 ta’ Frar 2019, T Danmark u Y Denmark (C‑116/16 u C‑117/16, EU:C:2019:135, punt 98).
19 Fuq il-libertà li wieħed jagħżel arranġamenti fiskali vantaġġużi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud, ara s-sentenzi tat‑30 ta’ Ġunju 2022, “ARVI” ir ko (C‑56/21, EU:C:2022:509, punt 39), tas‑17 ta’’ Diċembru 2015, WebMindLicenses (C‑419/14, EU:C:2015:832, punt 42).
20 Artikolu 15 tad-Direttiva tal-Kunsill 2009/133/KEE tad‑19 ta’ Ottubru 2009 dwar is-sistema komuni ta’ tassazzjoni applikabbli għal mergers, diviżjonijiet, diviżjonijiet parzjali, trasferimenti ta’ assi u skambji ta’ ishma li jikkonċernaw kumpanniji ta’ Stati Membri differenti u għat-trasferiment tal-uffiċċju reġistrat ta’ SE jew SCE bejn Stati Membri (ĠU 2009, L 310, p. 34, rettifika fil-ĠU L, 2026/90151).
21 Sentenzi tal‑20 ta’ Mejju 2010, Zwijnenburg (C‑352/08, EU:C:2010:282, punt 45), u tal‑5 ta’ Lulju 2007, Kofoed (C‑321/05, EU:C:2007:408, punt 37).
22 Sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2010, Zwijnenburg (C‑352/08, EU:C:2010:282, punt 46).
23 Sentenza tat‑3 ta’ April 2025, Nordcurrent group (C‑228/24, EU:C:2025:239, punt 26).
24 Sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, T Danmark u Y Denmark (C‑116/16 u C‑117/16, EU:C:2019:135, punt 101).
25 Sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, T Danmark u Y Denmark (C‑116/16 u C‑117/16, EU:C:2019:135, punti 100 sa 104).
26 Premessa 8 tad-Direttiva 2015/121; sentenza tat‑3 ta’ April 2025, Nordcurrent group (C‑228/24, EU:C:2025:239, punti 34 u 35).
27 Kif enfasizzat ġustament il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kwistjoni tal-eżistenza ta’ tali vantaġġ fiskali għandha tiġi riżolta wkoll billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatti u ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, jiġifieri skont l-effett fiskali globali. Ara s-sentenza tat‑3 ta’ April 2025, Nordcurrent group (C‑228/24, EU:C:2025:239, punt 52).
28 Ara l-lista tal-Unjoni ta’ ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta’ taxxa, aġġornata l-aħħar mill-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas‑17 ta’ Frar 2026, Dokument tal-Kunsill 5869/26.
29 Ara l-konklużjonijiet preċedenti tiegħi fil-kawża T Danmark (C‑116/16, EU:C:2018:144, punt 75). Il-persuna taxxabbli tista’ tirribatti l-akkuża bbażata fuq ippjanar globali abbużiv billi tipprovdi l-informazzjoni korrispondenti, ara ibidem, punt 76.
30 Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal‑25 ta’ Mejju 2016 adottati fl-istess żmien tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar strateġija esterna għal tassazzjoni effettiva, id-Dokument tal-Kunsill 9452/16, kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal‑5 ta’ Diċembru 2017 dwar il-lista ta’ ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta’ taxxa, id-Dokument tal-Kunsill 15429/17, li fuqha deher ukoll il-Beliże (p. 15).
31 Sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, T Danmark u Y Denmark (C‑116/16 u C‑117/16, EU:C:2019:135, punt 101).