|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/2876 |
11.11.2024 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2024/2876
tat-8 ta’ Novembru 2024
li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2022/1968 dwar Missjoni ta’ Assistenza Militari tal-Unjoni Ewropea b’appoġġ għall-Ukrajna (EUMAM Ukraine)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 42(4) u l-Artikolu 43(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Il-Kunsill Ewropew, fil-konklużjonijiet tiegħu tal-24 ta’ Frar 2022, kif ukoll f’ konklużjonijiet sussegwenti, ikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-aggressjoni militari mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna u tenna l-appoġġ sod tiegħu għall-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna fil-fruntieri rikonoxxuti internazzjonalment tagħha. |
|
(2) |
Fis-17 ta’ Ottubru 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2022/1968 (1), li tistabbilixxi Missjoni Ewropea ta’ Assistenza Militarib’appoġġ għall-Ukrajna (EUMAM Ukraine) bl-objettiv strateġiku li tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kapaċità militari tal-Forzi Armati tal-Ukrajna biex jirriġeneraw u biex iwettqu b’mod effettiv operazzjonijiet, sabiex l-Ukrajna tkun tista’ tiddefendi l-integrità territorjali tagħha fil-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment, teżerċita b’mod effettiv is-sovranità tagħha u tipproteġi liċ-ċivili fl-Ukrajna. |
|
(3) |
Fl-14 ta’ Novembru 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2022/2243 (2), li nediet l-EUMAM Ukraine. |
|
(4) |
Fil-21 ta’ Marzu 2024, il-Kunsill Ewropew laqa’ ż-żieda fil-kapaċità tal-EUMAM Ukraine. |
|
(5) |
Il-Kunsill Ewropew, fil-konklużjonijiet tiegħu tas-27 ta’ Ġunju 2024, fakkar fil-konklużjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-appoġġ li jibqa’ jingħata għall-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna fil-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment u kkonferma mill-ġdid l-impenn sod tal-Unjoni Ewropea li tibqa’ tipprovdi appoġġ politiku, finanzjarju, ekonomiku, umanitarju, militari u diplomatiku lill-Ukrajna u lill-poplu tagħha sakemm ikun hemm bżonn u bl-intensità meħtieġa. Barra minn hekk, il-Kunsill Ewropew iddikjara li sabiex tgħin aħjar biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ta’ taħriġ tal-militar Ukren, l-Unjoni hija lesta li tkompli żżid il-kapaċità tal-EUMAM Ukraine. |
|
(6) |
Fit-3 ta’ Settembru 2024, il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) qabel, fil-kuntest tar-rieżami strateġiku tal-EUMAM Ukraine, li l-EUMAM Ukraine għandha tiġi estiża sal-15 ta’ Novembru 2026. Barra minn hekk, il-KPS qabel li jenħtieġ li l-iskambju meħtieġ ta’ informazzjoni klassifikata jiġi awtorizzat bejn l-EUMAM Ukraine u l-kmand tan-NATO ta’ Assistenza u Taħriġ fil-Qasam tas-Sigurtà għall-Ukrajna b’mod inklużiv, reċiproku u mhux diskriminatorju. |
|
(7) |
Fit-22 ta’ Ottubru 2024, il-KPS qabel li jenħtieġ li rieżami strateġiku tal-EUMAM Ukraine jiġi ppreżentat mhux aktar tard minn Jannar 2025 bil-ħsieb għal deċiżjoni biex jissaħħu l-kapaċitajiet u l-effettività tal-EUMAM Ukraine. |
|
(8) |
Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2022/1968 tiġi emendata kif meħtieġ, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Id-Deċiżjoni (PESK) 2022/1968 hija emendata kif ġej:
|
(1) |
fl-Artikolu 7, jiżdied il-paragrafu li ġej: “4. L-EUMAM Ukraine għandha tikkoopera man-NATO, b’mod partikolari l-kmand tan-NATO ta’ Assistenza u Taħriġ fil-Qasam tas-Sigurtà għall-Ukrajna (NSATU), b’rispett sħiħ tal-prinċipji tat-trasparenza, ir-reċiproċità u l-inklużività, kif ukoll l-awtonomija u l-proċeduri tat-teħid ta’ deċiżjonijiet taż-żewġ organizzazzjonijiet.” |
|
(2) |
fl-Artikolu 11, jiżdied il-paragrafu li ġej: “6. L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-ispejjeż komuni tal-EUMAM Ukraine għall-perjodu mill-14 ta’ Novembru 2024 sal-15 ta’ Novembru 2026 għandu jkun ta’ EUR 408 800 000. Il-perċentwal tal-ammont ta’ referenza msemmi fl-Artikolu 51(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 għandu jkun ta’ 0 % għall-impenji u 0 % għall-pagamenti.” |
|
(3) |
fl-Artikolu 13, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej: “2. Ir-RGħ għandu wkoll ikun awtorizzat jgħaddi lill-Ukrajna, lill-Istati Uniti, lir-Renju Unit, lill-Kanada, lill-NSATU u lill-IDCC, f’konformità mal-ħtiġijiet operazzjonali tal-EUMAM Ukraine, informazzjoni klassifikata tal-UE sal-livell ‘RESTREINT UE/EU RESTRICTED’ li tiġi ġġenerata għall-finijiet tal-EUMAM Ukraine, f’konformità mad-Deċiżjoni 2013/488/UE. L-arranġamenti neċessarji bejn ir-RGħ u l-awtoritajiet kompetenti tal-Ukrajna, l-NSATU u l-IDCC għandhom jitfasslu għal dak il-għan.” |
|
(4) |
fl-Artikolu 14, il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej: “1. Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha. Għandha tapplika sal-15 ta’ Novembru 2026. 2. Għandha tiġi ppreżentata valutazzjoni strateġika tal-EUMAM Ukraine mhux aktar tard minn Jannnar 2025. Għandu jitwettaq rieżami strateġiku tal-EUMAM Ukraine fi żmien xieraq qabel l-iskadenza ta’ din id-Deċiżjoni.”. |
Artikolu 2
Id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Għandha tapplika mis-16 ta’ Novembru 2024.
Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Novembru 2024.
Għall-Kunsill
Il-President
BÓKA J.
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/1968 tas-17 ta’ Ottubru 2022 dwar Missjoni ta’ Assistenza Militari tal-Unjoni Ewropea b’appoġġ għall-Ukrajna (EUMAM Ukraine) (ĠU L 270, 18.10.2022, p. 85).
(2) Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/2243 tal-14 ta’ Novembru 2022 li tniedi l-Missjoni ta’ Assistenza Militari tal-Unjoni Ewropea b’appoġġ għall-Ukrajna (EUMAM Ukraine) (ĠU L 294, 15.11.2022, p. 21).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2876/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)