SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)
24 ta’ Ottubru 2024 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi – Direttiva 2014/24/UE – Kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet – Artikolu 42(3)(b) – Speċifikazzjonijiet tekniċi – Frażi ‘jew ekwivalenti’ – Riferiment għal standards tekniċi – Regolament (UE) Nru 305/2011 – Direttiva 2014/35/UE”
Fil-Kawża C‑513/23,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Аdministrativen sad Pleven (il-Qorti Amministrattiva ta’ Pleven, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Lulju 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑9 ta’ Awwissu 2023, fil-proċedura
Obshtina Pleven
vs
Rakovoditel na Upravlyavashtia organ na Operativna programa “Regioni v rastezh” 2014-2020,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),
komposta minn C. Lycourgos (Relatur), President tat-Tielet Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tad-Disa’ Awla, S. Rodin u O. Spineanu‑Matei, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal Obshtina Pleven, minn M. Manolova-Naydenova, advokat, |
|
– |
għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch u J. Schmoll, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Spina, G. Wils u I. Zaloguin, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 42(3)(b) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65, rettifika fil-ĠU 2015, L 275, p. 68), kif emendata bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1828 tat‑30 ta’ Ottubru 2019 (ĠU 2019, L 279, p. 25) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2014/24”), moqri flimkien mal-punt 2 tal-Anness VII ta’ din id-direttiva. |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, l-Obshtina Pleven (il-Komun ta’ Pleven, il-Bulgarija) u, min-naħa l-oħra, ir-rakovoditel na Upravliavashtia organ na Operativna programa “Regioni v rastezh” 2014‑2020 (il-Kap tal-Awtorità ta’ Ġestjoni tal-Programm Operazzjonali “Reġjuni fi Żvilupp” 2014-2020, il-Bulgarija) dwar deċiżjoni li permezz tagħha dan tal-aħħar impona fuq dan il-komun korrezzjoni tal-ispejjeż eliġibbli għall-finanzjament ta’ proġett relatat ma’ ambjent urban sostenibbli minn dan il-programm operazzjonali, minħabba ksur allegat tar-regoli dwar il-kuntratti pubbliċi. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
Id‑Direttiva 98/34/KE
|
3 |
Id-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi (ĠU 1998, L 204, p. 37), li ma kinitx għadha fis-seħħ fid-data tal-fatti tal-kawża prinċipali, hija rilevanti fid-dawl tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni applikabbli. L-Anness I ta’ din id-direttiva, intitolat “Il-Korpi Ewropej ta’ l-Istandardizzazzjoni”, kien jinkludi l-lista li ġejja: “CEN Il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Cenelec Il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni ta’ l-Elettroteknika L-ETSI L-Istitut Ewropew ta’ l-Istandards tat-Telekomunikazzjonijiet”. |
|
4 |
L-Artikolu 6(3) tal-imsemmija direttiva kien jipprevedi li l-Kummissjoni Ewropea tista’ tistieden lill-korpi Ewropej tal-istandardizzazzjoni biex ifasslu standard Ewropew f’terminu stabbilit. |
Ir‑Regolament (UE) Nru 305/2011
|
5 |
L-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2011 li jistabbilixxi kondizzjonijiet armonizzati għall-kumerċjalizzazzjoni tal-prodotti għall-bini u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE (ĠU 2011, L 88, p. 5), jipprovdi: “Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: […]
[…]” |
|
6 |
L-Artikolu 17(5) ta’ dan ir-regolament jipprovdi: “Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-konformità tal-istandards armonizzati stabbiliti mill-korpi Ewropej għall-istandardizzazzjoni bil-mandat rilevanti. Il-Kummissjoni għandha tippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-lista ta’ referenzi ta’ standards armonizzati li huma f’konformità mal-mandati rilevanti. Għal kull standard armonizzat fil-lista għandu jiġi indikat dan li ġej:
Il-Kummissjoni għandha tippubblika kwalunkwe aġġornament ta’ dik il-lista. Mid-data tal-bidu tal-perijodu ta’ koeżistenza għandu jkun possibbli li jintuża standard armonizzat biex issir dikjarazzjoni ta’ prestazzjoni għal prodott għall-bini kopert minnu. Korpi nazzjonali għall-istandardizzazzjoni għandhom l-obbligu li jittrasponu standards armonizzati f’konformità mad-Direttiva 98/34/KE. Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 36 sa 38, [li jistabbilixxu proċeduri ssimplifikati,] mid-data tat-tmiem tal-perijodu ta’ koeżistenza, l-istandard armonizzat għandu jkun l-uniku mezz użat fit-tfassil ta’ dikjarazzjoni ta’ prestazzjoni tal-prodott għall-bini kopert minnu. Fl-aħħar tal-perijodu ta’ koeżistenza, l-istandards nazzjonali konfliġġenti għandhom jiġurtirati u l-Istati Membri għandhom itemmu l-validità ta’ kwalunkwe dispożizzjoni nazzjonali konfliġġenti.” |
Ir‑Regolament (UE) Nru 1025/2012
|
7 |
Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2012, L 316, p. 12): “Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
Id‑Direttiva 2014/24
|
8 |
Il-premessa 74 tad-Direttiva 2014/24 hija fformulata kif ġej: “Huwa meħtieġ li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi mfassla mix-xerrejja pubbliċi jippermettu li l-akkwist pubbliku jkun miftuħ għall-kompetizzjoni kif ukoll li dawn jilħqu l-objettivi tas-sostenibilità. Għal dak il-għan, għandu jkun possibbli li jintefgħu offerti li jirriflettu d-diversità ta’ soluzzjonijiet tekniċi, l-istandards u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi fis-suq, inklużi dawk imfassla abbażi tal-kriterji ta’ prestazzjoni marbuta maċ-ċiklu tal-ħajja u s-sostenibilità tal-proċess tal-produzzjoni tax-xogħlijiet, il-provvisti u s-servizzi. Konsegwentement, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għandhom jiġu abbozzati b’tali mod li jiġi evitat tnaqqis b’mod artifiċjali fil-kompetizzjoni permezz ta’ rekwiżiti li jiffavorixxu lil operatur ekonomiku speċifiku billi jirriflettu l-karatteristiċi ewlenin tal-provvisti, servizzi jew xogħlijiet li huma normalment offruti minn dak l-operatur ekonomiku. It-tfassil tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi f’termini ta’ rekwiżiti ta’ prestazzjoni u funzjonali ġeneralment jippermetti li dak l-objettiv jintlaħaq bl-aħjar mod possibbli. Ir-rekwiżiti funzjonali u dawk relatati mat-twettiq huma wkoll mezzi adatti li jiffavorixxu l-innovazzjoni fl-akkwist pubbliku u għandhom jintużaw b’mod kemm jista’ jkun wiesa’. Fejn issir referenza għal standard Ewropew jew, fin-nuqqas tiegħu, għal standard nazzjonali, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jikkunsidraw offerti bbażati fuq arranġamenti ekwivalenti. Għandha tkun ir-responsabilità tal-operatur ekonomiku li jagħti prova tal-ekwivalenza mat-tikketta mitluba. Sabiex jagħtu prova ta’ ekwivalenza, għandu jkun possibbli li l-offerenti jintalbu li jipprovdu evidenza vverifikata minn parti terza. Madankollu, għandhom ikunu permessi wkoll mezzi xierqa oħra ta’ prova bħal dossier tekniku tal-manifattur fejn l-operatur ekonomiku kkonċernat ma jkollux aċċess għal dawn iċ-ċertifikati jew rapporti tat-testijiet, jew ma jkollu l-ebda possibbiltà li jiksibhom fil-limiti ta’ żmien rilevanti, dment li l-operatur ekonomiku kkonċernat jagħti prova li x-xogħlijiet, provvisti jew servizzi jissodisfaw r-rekwiżiti jew kriterji stabbiliti fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, il-kriterji tal-għoti jew il-kondizzjonijiet tat-twettiq tal-kuntratt.” |
|
9 |
L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jipprevedi: “Din id-Direttiva għandha tapplika għall-akkwisti li l-valur stmat tagħhom barra t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) huwa daqs jew aktar mil-limiti stabbiliti li ġejjin:
[…]” |
|
10 |
L-Artikolu 42 tal-imsemmija direttiva jipprovdi: “[…] 2. L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għandhom joffru aċċess ugwali tal-operaturi ekonomiċi għall-proċedura ta’ akkwist u ma għandux ikollhom l-effett li joħolqu xkiel mingħajr ġustifikazzjoni għall-ftuħ tal-akkwist pubbliku għall-kompetizzjoni. 3. Mingħajr preġudizzju għar-regoli tekniċi nazzjonali obbligatorji, sa fejn ikunu kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għandhom jiġu formulati b’wieħed minn dawn il-modi li ġejjin: […]
[…] 5. Fejn awtorità kontraenti tuża l-għażla li tirreferi għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 3, ma għandhiex tiċħad offerta minħabba r-raġuni li x-xogħlijiet, il-provvisti jew is-servizzi li għalihom ġiet sottomessal-offerta ma jikkonformawx mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li hi rreferiet għalihom, ladarba l-offerent jagħti prova fl-offerta tiegħu bi kwalunkwe mezz adegwat, inkluż il-mezz ta’ prova msemmi fl-Artikolu 44, li s-soluzzjonijiet proposti jissodisfaw ir-rekwiżiti definiti mill-ispeċifikazzjonijiet tekniċi b’mod ekwivalenti. […]” |
|
11 |
Skont l-Artikolu 44 tal-istess direttiva: “1. L-awtoritajiet kontraenti jistgħu jesiġu li l-operaturi ekonomiċi jissottomettu rapport tat-test minn korp għall-valutazzjoni tal-konformità jew ċertifikat maħruġ minn tali korp bħala mezz ta’ prova ta’ konformità mar-rekwiżiti jew kriterji stipulati fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, fil-kriterji tal-għoti jew fil-kondizzjonijiet kuntrattwali rigward il-prestazzjoni. Fejn l-awtoritajiet kontraenti jeħtieġu l-produzzjoni ta’ ċertifikati mħejjijin minn korp għall-valutazzjoni tal-konformità speċifiku, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jaċċettaw ukoll ċertifikati minn korpi għall-valutazzjoni tal-konformità ekwivalenti oħrajn. […] 2. L-awtoritajiet kontraenti għandhom jaċċettaw mezzi adatti oħra ta’ prova li huma differenti minn dawk imsemmija fil-paragrafu 1, bħal dossier tekniku tal-manifattur, fejn l-operatur ekonomiku konċernat ma kellux aċċess għaċ-ċertifikati jew għar-rapporti dwar l-ittestjar imsemmija fil-paragrafu 1, jew l-ebda possibilità li jiksibhom fil-limiti taż-żmien rilevanti, sakemm in-nuqqas ta’ aċċess mhuwiex attribwibbli għall-operatur ekonomiku konċernat u sakemm l-operatur ekonomiku jagħti prova li x-xogħlijiet, provvisti jew servizzi li huwa jipprovdi jissodisfaw ir-rekwiżiti jew il-kriterji stipulati fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, fil-kriterji tal-għoti jew fil-kondizzjonijiet kuntrattwali rigward il-prestazzjoni. 3. L-Istati Membri għandhom iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri oħra, fuq talba tagħhom, kull informazzjoni relatata mal-evidenza u dokumenti sottomessi skont […] l-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu. […]” |
|
12 |
L-Anness VII tad-Direttiva 2014/24 jipprevedi: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva: […]
[…]” |
Id‑Direttiva 2014/35/UE
|
13 |
L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/35/EU tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relattivament għat-tqegħid fis-suq ta’ tagħmir elettriku ddisinjat għall-użu fi ħdan ċerti limiti tal-voltaġġ (ĠU 2014, L 96, p. 357) jipprovdi: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: […]
[…]” |
Id‑dritt Bulgaru
|
14 |
Skont l-Artikolu 48(2) taż-Zakon za obshtestvenite porachki (il-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi, DV Nru 13, tas‑16 ta’ Frar 2016), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi”), kull riferiment għal standard, għal speċifikazzjoni, għal evalwazzjoni teknika jew għal approvazzjoni teknika għandu jiġi kkompletat bil-kliem “jew ekwivalenti”. |
Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari
|
15 |
Fl‑10 ta’ Lulju 2020, il-Komun ta’ Pleven ikkonkluda kuntratt amministrattiv mal-Ministerstvo na regionalnoto razvitie i blagoustroystvoto (il-Ministeru għall-Iżvilupp Reġjonali u għax-Xogħlijiet Pubbliċi, il-Bulgarija) għall-kisba, fil-kuntest tal-Operativna programa “Regioni v rastezh” 2014-2020 (il-Programm Operazzjonali “Reġjuni fi Żvilupp” 2014-2020), ta’ sussidju għall-finanzjament ta’ proġett li jikkontribwixxi għal ambjent urban sostenibbli. |
|
16 |
F’dan il-kuntest, dan il-komun organizza proċedura ta’ sejħa għal offerti intitolata “Twettiq ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni u ta’ installazzjoni – bini mill-ġdid ta’ oġġetti lineari tal-ambjent urban ta’ Pleven, maqsum fi tliet lottijiet distinti”. L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-lott Nru 1 kienu jagħmlu riferiment għall-istandards BDS 624:87 (Korduni tal-konkrit), BDS EN 1340:2005 (Korduni ta’ bankini tal-konkrit. Rekwiżiti u metodi ta’ ttestjar) u EN 60332-1-2 (Testijiet fuq kejbils elettriċi u kejbils tal-fibra ottika f’kundizzjonijiet ta’ nirien. Parti 1-2. Test għall-propagazzjoni vertikali tal-fjamma għal wajer jew kejbil b’fil wieħed iżolati. Proċedura għal fjamma 1 kW imħallta minn qabel). Dawn l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ma kinux jinkludu l-frażi “jew ekwivalenti”. |
|
17 |
Fid‑19 ta’ Frar 2021, intgħażel offerent rebbieħ għal kull wieħed mil-lottijiet tal-kuntratt pubbliku. Fit‑23 ta’ Marzu 2021, ġie konkluż kuntratt mal-offerent rebbieħ tal-lott Nru 1, għal valur ta’ 1449 180.17 lev Bulgaru (BGN) (madwar EUR 740000) mingħajr VAT. |
|
18 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Marzu 2023, il-kap tal-awtorità ta’ ġestjoni tal-programm operazzjonali “Reġjuni fi Żvilupp” 2014‑2020 impona korrezzjoni finanzjarja tal-ispejjeż eliġibbli għas-sussidju tal-Istat Bulgaru, li jikkorrispondi għal 25 % tal-valur tal-kuntratt. Din il-korrezzjoni finanzjarja ġiet imposta, b’mod partikolari, minħabba li l-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni ma kinitx twettqet konformement mal-Artikolu 48(2) tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi, li tittrasponi l-Artikolu 42 tad-Direttiva 2014/24 u jipprevedi b’mod partikolari li kull speċifikazzjoni teknika ta’ kuntratt pubbliku fformulata b’riferiment għal standard għandha tiġi kkompletata bil-kliem “jew ekwivalenti”. Billi naqas milli jagħmel dan, il-Komun ta’ Pleven illimita b’mod inġustifikat il-possibbiltà għal kull operatur ekonomiku interessat li jipparteċipa f’din il-proċedura, u dan ikollu effett finanzjarju, sa fejn joħloq riskju ta’ dannu għall-baġit tal-Unjoni Ewropea. |
|
19 |
Il-Komun ta’ Pleven ippreżenta quddiem l-Administrativen sad Pleven (il-Qorti Amministrattiva ta’ Pleven, il-Bulgarija), li hija l-qorti tar-rinviju, rikors intiż għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni. Huwa jsostni li l-ommissjoni tal-frażi “jew ekwivalenti” ma kellhiex l-effett li tiskoraġġixxi lill-parteċipanti potenzjali fl-imsemmija proċedura. Fil-fatt, il-prodotti għall-bini għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fir-Regolament Nru 305/2011. Issa, l-istandards BDS EN 1340:2005 u EN 60332-1-2 jikkostitwixxu “standards armonizzati”, fis-sens ta’ dan ir-regolament. Għaldaqstant, ma jeżistux regoli ekwivalenti għalihom, u kull regola oħra tmur kontra l-leġiżlazzjoni applikabbli. |
|
20 |
F’dan ir-rigward, skont l-ispjegazzjonijiet li jinsabu f’ittra tal-Balgarski institut po standartizatsia (l-Istitut Bulgaru għall-Istandardizzazzjoni), ippreżentata quddiem il-qorti tar-rinviju, fl‑2005, l-istandard Bulgaru BDS EN 1340:2005, fis-seħħ fil-mument tat-tfassil ta’ din l-ittra, issostitwixxa l-istandard Bulgaru BDS 624:1987. L-istandard BDS EN 60332-1-2:2006, min-naħa tiegħu, huwa l-istandard Bulgaru li jintroduċi l-istandard Ewropew identiku għall-istandard internazzjonali IEC 60332-1-2:2004. Il-kunċett ta’ ekwivalenza ma jagħmilx sens fil-qasam tal-istandardizzazzjoni internazzjonali, Ewropea jew nazzjonali, li l-prinċipju tiegħu jikkonsisti preċiżament fl-istabbiliment ta’ standard wieħed għal kull oġġett. |
|
21 |
Fid-dawl tal-fatt li l-kuntratt pubbliku inkwistjoni huwa ffinanzjat mill-baġit tal-Unjoni, il-qorti tar-rinviju tosserva li, skont il-punt 2 tal-Anness VII tad-Direttiva 2014/24, “standard” huwa speċifikazzjoni teknika li l-osservanza tiegħu ma hijiex obbligatorja. |
|
22 |
Issa, skont din il-qorti, l-istandards inkwistjoni quddiemha huma standards armonizzati fis-sens tar-Regolament Nru 305/2011. Fid-dawl tal-punt 40 tas-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2016, James Elliott Construction (C‑613/14, EU:C:2016:821), kif ukoll tal-punti 65 u 66 tas-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑475/19 P u C‑688/19 P, EU:C:2020:1036), l-imsemmija qorti tqis li tali regoli jistgħu jitqiesu li huma vinkolanti. |
|
23 |
Fuq din il-bażi, l-istess qorti tistaqsi jekk dawn l-istandards jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 42(3)(b) tad-Direttiva 2014/24 u jekk awtorità kontraenti għandhiex l-obbligu jew id-dritt li teżiġi standard ekwivalenti. |
|
24 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Administrativen sad Pleven (il-Qorti Amministrattiva ta’ Pleven, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “L-Artikolu 42(3)([b]) tad-[Direttiva 2014/24] ikkunsidrat flimkien mal-punt 2 tal-Anness VII tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti dispożizzjoni legali nazzjonali u ġurisprudenza nazzjonali li bis-saħħa tagħhom l-awtorità kontraenti fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi hija dejjem obbligata tindika, fl-avviż ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi, l-espressjoni ‘jew l-ekwivalenti’ fir-rigward tal-istandard mixtieq, inkluż fil-każ li teżiġi konformità ma’ standard armonizzat, applikabbli bis-saħħa tar-[Regolament Nru 305/2011] [jew bis-saħħa tad-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE tal‑21 ta’ Diċembru 1988 dwar l-approssimazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar il-prodotti għall-bini (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 9, p. 296), li tħassret]?” |
Fuq id‑domanda preliminari
|
25 |
Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 42(3)(b) tad-Direttiva 2014/24 għandux jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li teżiġi li l-awtoritajiet kontraenti jżidu l-kliem “jew ekwivalenti” fil-każijiet kollha fejn l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li jinsabu fid-dokumenti tal-kuntratt jiġu fformulati b’riferiment għal standards nazzjonali li jittrasponu standards Ewropej, inklużi standards armonizzati li jaqgħu taħt ir-Regolament Nru 305/2011. |
|
26 |
Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li t-talba għal deċiżjoni preliminari ma tippermettix li jiġi stabbilit li l-valur stmat tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa ekwivalenti jew iktar mil-limitu ta’ EUR 5350000 stabbilit mill-Artikolu 4(a) tad-Direttiva 2014/24 fir-rigward tal-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet u, għaldaqstant, li dan il-kuntratt jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. |
|
27 |
Fi kwalunkwe każ, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta leġiżlazzjoni nazzjonali tikkonforma ruħha, b’mod dirett u inkundizzjonat, għas-soluzzjonijiet li hija tipprovdi għal sitwazzjonijiet mhux koperti minn att tad-dritt tal-Unjoni, ma’ dawk adottati minn dan l-att, jeżisti interess ċert tal-Unjoni li d-dispożizzjonijiet riprodotti fl-imsemmi att jiġu interpretati b’mod uniformi. Fil-fatt, dan jippermetti li jiġu evitati diverġenzi ta’ interpretazzjoni futuri u li jiġi żgurat trattament identiku għal dawn is-sitwazzjonijiet u għal dawk li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet (sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2023, Obshtina Razgrad, C‑441/22 u C‑443/22, EU:C:2023:970, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
28 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi, li ttrasponiet id-Direttiva 2014/24 fl-ordinament ġuridiku Bulgaru, tapplika b’mod iktar ġenerali għall-proċeduri kollha ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi ssussidjati minn fondi Ewropej, indipendentement mill-valur tal-kuntratti kkonċernati (sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2023, Obshtina Razgrad, C‑441/22 u C‑443/22, EU:C:2023:970, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
29 |
Issa, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-kuntratt pubbliku inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa ffinanzjat mill-baġit tal-Unjoni u li l-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi tittrasponi fid-dritt Bulgaru l-Artikolu 42(3)(b) tad-Direttiva 2014/24, b’tali mod li r-regoli stabbiliti f’din id-dispożizzjoni huma applikabbli għal dan il-kuntratt pubbliku. |
|
30 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-valur stmat tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jirriżultax minn din it-talba ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tirrispondi għad-domanda preliminari. |
|
31 |
Fid-dawl ta’ dawn il-preċiżazzjonijiet preliminari, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 42(3)(b) tad-Direttiva 2014/24 jipprovdi li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għandhom jiġu fformulati b’riferiment, b’mod partikolari, f’ordni ta’ preferenza, għall-istandards nazzjonali li jittrasponu l-istandards Ewropej, għall-istandards internazzjonali jew għall-istandards nazzjonali. Din id-dispożizzjoni tipprevedi wkoll li “kull riferiment” għandu jkun akkumpanjat mill-frażi “jew ekwivalenti”. |
|
32 |
Mill-formulazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni jirriżulta li l-frażi “jew ekwivalenti” għandha dejjem tiżdied meta speċifikazzjonijiet tekniċi jiġu fformulati b’riferiment għal standards, inklużi standards nazzjonali li jittrasponu standards Ewropej. L-istess dispożizzjoni ma tipprevedi ebda eċċezzjoni fir-rigward tal-istandards armonizzati fis-sens tal-punt 11 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 305/2011. |
|
33 |
Tali rekwiżit huwa barra minn hekk koerenti mal-punt 2 tal-Anness VII tad-Direttiva 2014/24, li jiddefinixxi l-kelma “standard” bħala li jikkorrispondi għal speċifikazzjoni teknika adottata minn korp ta’ standardizzazzjoni rrikonoxxut, kemm jekk internazzjonali, Ewropew jew nazzjonali, bl-għan ta’ applikazzjoni repetuta jew kontinwa, li l-osservanza tagħha ma hijiex obbligatorja u li titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku. |
|
34 |
Għaldaqstant, leġiżlazzjoni nazzjonali ma tistax tiġi kkritikata li teżiġi mill-awtoritajiet kontraenti ż-żieda tal-frażi “jew ekwivalenti” fil-każijiet kollha fejn speċifikazzjonijiet tekniċi huma fformulati b’riferiment għal standards. |
|
35 |
Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-konstatazzjoni li, skont l-Artikolu 42(5) ta’ din id-direttiva, meta x-xogħlijiet, il-provvisti jew is-servizzi offruti ma jkunux konformi mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi fformulati, skont l-Artikolu 42(3)(b) tal-imsemmija direttiva, b’riferiment għal standards, l-offerent jista’ juri fl-offerta tiegħu li s-soluzzjonijiet proposti jissodisfaw b’mod ekwivalenti r-rekwiżiti ddefiniti minn dawn l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi. |
|
36 |
L-evalwazzjoni li tinsab fil-punt 34 ta’ din is-sentenza hija kkorroborata wkoll mill-għan tad-Direttiva 2014/24 imsemmi fil-premessa 74 tagħha, intiż sabiex l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti mill-akkwirenti pubbliċi jippermettu l-ftuħ tal-kuntratti pubbliċi għall-kompetizzjoni u li jirriflettu b’mod partikolari d-diversità tas-soluzzjonijiet tekniċi eżistenti fis-suq. |
|
37 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, f’dan il-każ, huwa irrilevanti li l-istandard EN 1340:2003, traspost permezz tal-istandard BDS EN 1340:2005 msemmi mill-qorti tar-rinviju, jidher, mingħajr ma ġie sussegwentement issostitwit jew iddikjarat obsolet, fil-lista tal-istandards armonizzati li tinsab fl-aħħar komunikazzjoni tal-Kummissjoni ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fil-kuntest tal-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 305/2011 (ĠU 2018, C 92, p. 139). Bl-istess mod, huwa irrilevanti l-fatt li, fiż-żmien tal-fatti li taw lok għall-kawża prinċipali, l-istandard EN 60332-1-2:2004 kien jinsab fil-lista ta’ standards armonizzati ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea permezz ta’ komunikazzjoni tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2014/35 (ĠU 2018, C 326, p. 4). |
|
38 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 42(3)(b) tad-Direttiva 2014/24 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li teżiġi li l-awtoritajiet kontraenti jżidu l-frażi “jew ekwivalenti” fil-każijiet kollha fejn l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li jinsabu fid-dokumenti tal-kuntratt jiġu fformulati b’riferiment għal standards nazzjonali li jittrasponu standards Ewropej, inklużi standards armonizzati li jaqgħu taħt ir-Regolament Nru 305/2011. |
Fuq l‑ispejjeż
|
39 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 42(3)(b) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE, kif emendata bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1828 tat‑30 ta’ Ottubru 2019, |
|
għandu jiġi interpretat fis-sens li: |
|
ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li teżiġi li l-awtoritajiet kontraenti jżidu l-frażi “jew ekwivalenti” fil-każijiet kollha fejn l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li jinsabu fid-dokumenti tal-kuntratt jiġu fformulati b’riferiment għal standards nazzjonali li jittrasponu standards Ewropej, inklużi standards armonizzati li jaqgħu taħt ir-Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2011 li jistabbilixxi kondizzjonijiet armonizzati għall-kumerċjalizzazzjoni tal-prodotti għall-bini u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.