14.10.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 268/22


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2022/1943

tat-13 ta’ Ottubru 2022

li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2019/1720 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fin-Nikaragwa

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fl-14 ta’ Ottubru 2019, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2019/1720 (1) dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fin-Nikaragwa.

(2)

Id-Deċiżjoni (PESK) 2019/1720 tapplika sal-15 ta’ Ottubru 2022. Abbażi ta’ reviżjoni ta’ dik id-Deċiżjoni, jenħtieġ li l-miżuri restrittivi stabbiliti fiha jiġu estiżi sal-15 ta’ Ottubru 2023 u jenħtieġ li tiġi aġġornata d-dikjarazzjoni tar-raġunijiet għal żewġ persuni fiżiċi elenkati fl-Anness tagħha.

(3)

Għalhekk id-Deċiżjoni (PESK) 2019/1720 jenħtieġ li tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni (PESK) 2019/1720 hija emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 9 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 9

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-15 ta’ Ottubru 2023 u għandha tinżamm taħt rieżami kostanti. Għandha tiġġedded, jew tiġi emendata kif xieraq, jekk il-Kunsill iqis li l-objettivi tagħha ma jkunux intlaħqu.”;

(2)

l-Anness huwa emendat kif jidher fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-13 ta’ Ottubru 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

P. BLAŽEK


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/1720 tal-14 ta’ Ottubru 2019 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fin-Nikaragwa (ĠU L 262, 15.10.2019, p. 58).


ANNESS

Fl-Anness tad-Deċiżjoni (PESK) 2019/1720, taħt l-intestatura “A. Persuni fiżiċi msemmija fl-Artikoli 1(1) u 2(1)", l-entrati 3 u 19 huma sostitwiti b’dan li ġej:

 

Isem

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“3.

Francisco Javier DÍAZ MADRIZ

Data tat-twelid: 3 ta’ Awwissu 1961

Sess: maskil

Direttur Ġenerali tal-Pulizija Nazzjonali tan-Nikaragwa (NNP) mit-23 ta’ Awwissu 2018 u eks Deputat Direttur Ġenerali tal-NNP. Responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika fin-Nikaragwa, inkluż billi mexxa l-forzi tal-pulizija biex iwettqu vjolenza kontra l-popolazzjoni ċivili, inkluż l-użu eċċessiv tal-forza, arresti u detenzjonijiet arbitrarji u tortura. Fl-2021, huwa wettaq l-investigazzjonijiet biex jistabbilixxi każijiet kontramexxejja tal-oppożizzjoni arrestati qabel l-elezzjonijiet.

4.5.2020

19.

Lumberto Ignacio CAMPBELL HOOKER

Membru tal-Kunsill Elettorali Suprem, aġent President tal-Kunsill Elettorali Suprem fl-2018

Data tat-twelid: 3.12.1949

Post tat-twelid: Raas, Nikaragwa

Sess: maskil

Nazzjonalità: Nikaragwana

Numru tal-Passaport: A00001109 (Nikaragwa)

Numru tal-karta tal-identità: 6010302490003J

Lumberto Ignacio Campbell Hooker ilu mill-2014 membru tal-Kunsill Elettorali Suprem (SEC) – korp responsabbli għat-tħejjija, l-organizzazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni tal-elezzjonijiet ġenerali tas-7 ta’ Novembru 2021, li minħabba n-nuqqas ta’ trasparenza tagħhom, ta’ oppożizzjoni vera u ta’ dibattitu demokratiku, dgħajjef l-istituzzjonijiet u l-proċessi demokratiċi. Is-SEC ċaħħad lill-oppożizzjoni mill-opportunità li toħroġ għal elezzjonijiet ħielsa u żgura l-organizzazzjoni ta’ elezzjonijiet f’kondizzjonijiet mhux demokratiċi. Il-mandat tiegħu bħala membru tas-SEC ġie mġedded mill-Assemblea Ġenerali f’Mejju 2021.

Huwa tkellem mal-media matul l-elezzjonijiet tas-7 ta’ Novembru 2021, u ġġustifika u faħħar l-organizzazzjoni tagħhom.

Għalhekk huwa responsabbli għar-repressjoni tal-oppożizzjoni demokratika u għall-imminar tad-demokrazija u l-istat tad-dritt fin-Nikaragwa.

10.1.2022”.