Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fit‑12 ta’ Novembru 2026 (1)

Kawża C‑826/24 P

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Google LLC,

Alphabet Inc.

“Appell – Kompetizzjoni – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Suq tal-intermedjazzjoni fil-qasam tar-reklamar marbut mat-tfittix online fiż-ŻEE – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 102 TFUE u tal-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE – Obbligi ta’ provvista esklużiva – Restrizzjonijiet kuntrattwali – Klawżola ta’ esklużività – Klawżola ta’ pożizzjonament – Klawżola ta’ awtorizzazzjoni minn qabel – Abbuż ta’ esklużjoni – Kriterji Intel – Tul tar-rabta kuntrattwali – Ksur uniku u kontinwu”






Werrej


I. Introduzzjoni

II. Il-fatti li wasslu għall-kawża

A. Il-prattika kuntrattwali kontenzjuża ta’ Google

B. Il-proċedura amministrattiva u d-deċiżjoni kontenzjuża

C. Ir-rikors għal annullament u s-sentenza appellata

1. Motivi u suġġett tal-appell

2. It-tieni motiv dwar il-klawżola ta’ esklużività

3. It-tielet motiv dwar il-klawżola ta’ pożizzjonament

4. Ir-raba’ motiv dwar il-klawżola ta’ awtorizzazzjoni minn qabel

D. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

III. Evalwazzjoni

A. Oġġezzjoni prinċipali fl-ewwel, fit-tieni u fit-tielet aggravju: applikazzjoni żbaljata tal-kriterji Intel

B. Portata u piż tal-kriterji Intel fil-kuntest tal-evalwazzjoni ġenerali tal-effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni

1. Kriterji ġenerali sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni skont l-Artikoli 101 u 102 TFUE

2. Elementi speċifiċi skont l-Artikolu 102 TFUE

C. Evalwazzjoni tal-applikazzjoni tal-kriterji Intel għall-klawżoli kontenzjużi fis-sentenza appellata

1. L-ewwel kriterju Intel: il-livell tal-pożizzjoni dominanti

2. It-tieni u r-raba’ kriterju Intel: il-livell tal-kopertura tas-suq u l-istrateġija għall-esklużjoni ta’ kompetituri daqstant effiċjenti

a) Osservazzjoni preliminari

b) Klawżola ta’ esklużività

c) Klawżola ta’ pożizzjonament

d) Klawżola ta’ awtorizzazzjoni minn qabel

e) Konklużjoni intermedja

3. It-tielet kriterju Intel: b’mod partikolari, it-tul tal-FSG

a) Eżami tat-tul tar-rabtiet kuntrattwali fid-deċiżjoni kontenzjuża

1) Klawżola ta’ esklużività

2) Klawżola ta’ pożizzjonament

3) Klawżola ta’ approvazzjoni minn qabel

b) Eżami mill-Qorti Ġenerali dwar il-kunsiderazzjoni tat-tul

1) Klawżola ta’ esklużività

2) Klawżola ta’ pożizzjonament

3) Klawżola ta’ approvazzjoni minn qabel

c) Konklużjonijiet

D. L-aggravji fid-dettall

1. L-ewwel aggravju dwar il-klawżola ta’ esklużività

a) L-ewwel parti: evalwazzjoni sħiħa tal-kriterji Intel u taċ-ċirkustanzi rilevanti tal-każ partikolari

b) It-tieni parti: prova suffiċjenti tal-effetti ta’ esklużjoni

c) It-tielet parti: inter alia inverżjoni inammissibbli tal-oneru tal-prova għad-detriment tal-Kummissjoni rigward l-evalwazzjoni tat-tul tal-klawżola ta’ esklużività

2. It-tieni aggravju dwar il-klawżola ta’ pożizzjonament

a) L-ewwel parti: evalwazzjoni sħiħa tal-kriterji Intel u taċ-ċirkustanzi tal-każ partikolari

b) It-tieni parti: prova suffiċjenti tal-effetti ta’ esklużjoni

c) It-tielet parti: inter alia inverżjoni inammissibbli tal-oneru tal-prova għad-detriment tal-Kummissjoni rigward l-evalwazzjoni tat-tul tal-klawżola ta’ pożizzjonament

3. It-tielet aggravju dwar il-klawżola ta’ awtorizzazzjoni minn qabel

a) L-ewwel parti: evalwazzjoni sħiħa tal-kriterji Intel u taċ-ċirkustanzi tal-każ partikolari

b) It-tieni parti: prova suffiċjenti tal-effetti ta’ esklużjoni

c) It-tielet parti: inter alia, inverżjoni inammissibbli tal-oneru tal-prova għad-detriment tal-Kummissjoni rigward l-evalwazzjoni tat-tul tal-klawżola ta’ awtorizzazzjoni minn qabel

4. Konklużjoni intermedja

5. Ir-raba’ aggravju: ksur uniku u kontinwu

E. Kawża mibgħuta lura quddiem il-Qorti Ġenerali

IV. Konklużjoni




I.      Introduzzjoni

1.        Dan l-appell, ippreżentat mill-Kummissjoni Ewropea, jikkontesta sentenza tal-Qorti Ġenerali (2) (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”) li permezz tagħha hija annullat deċiżjoni tal-Kummissjoni (3) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”) li timponi multi fuq il-konvenuti, minħabba eżami insuffiċjenti taċ-ċirkustanzi rilevanti tal-kawża u, għaldaqstant, nuqqas li jiġi stabbilit ksur tal-Artikolu 102 TFUE.

2.        L-appell iqajjem kwistjonijiet fundamentali marbuta mal-provi ta’ ksur tal-Artikolu 102 TFUE li huwa bbażat fuq rabtiet kuntrattwali u li jipproduċi effetti antikompetittivi. Peress li l-prattiki (koordinati) sottostanti jistgħu wkoll jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, għandu minn naħa jittieħed inkunsiderazzjoni r-rekwiżit ta’ interpretazzjoni koerenti tal-Artikoli 101 u 102 TFUE (4). Min-naħa l-oħra, f’dan il-kuntest, għandhom jiġu ċċarati l-portata tal-obbligi tal-Kummissjoni li teżamina u tistabbilixxi effetti bħal dawn, kif ukoll il-livell ta’ prova assoċjat magħhom.

3.        B’mod iktar preċiż, il-kwistjoni tikkonċerna l-kundizzjonijiet sabiex jiġu pprovati l-effetti ta’ esklużjoni reali jew potenzjali għad-detriment tal-kompetituri li jirriżultaw minn rabtiet kuntrattwali imposti minn impriża f’pożizzjoni dominanti fis-swieq diġitali (multilaterali) fuq il-klijenti tagħha, fil-kawża ineżami, l-operaturi tas-siti internet. L-enfasi hija fuq id-diversi kriterji li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet fis-sentenza Intel vs Il‑Kummissjoni (5) (iktar ’il quddiem is-“sentenza Intel I”) sabiex teżamina u tistabbilixxi l-eżistenza ta’ tali effetti ta’ esklużjoni (iktar ’il quddiem: il-kriterji Intel”). Dawn jinkludu wkoll it-tul tar-rabta kuntrattwali, (6) li huwa l-punt ċentrali kontroversjali f’din it-tilwima legali. Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkritikat lill-Kummissjoni talli ma eżaminatx biżżejjed dan il-kriterju fir-rigward tal-kuntratti individwali sottostanti u, għaldaqstant, talli ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ effetti ta’ esklużjoni antikompetittivi fl-intier tagħhom. Il-Kummissjoni tikkontesta dan il-punt fl-appell tagħha, essenzjalment minħabba li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tagħha tal-kriterju tat-tul u tar-relazzjoni tiegħu mal-kriterji l-oħra Intel, li hija qieset li fil-biċċa l-kbira ġew issodisfatti.

4.        Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-opportunità li tiċċara l-portata tal-kriterji Intel, b’mod partikolari t-tul tar-rabtiet kuntrattwali u r-relazzjoni tagħhom mal-kriterji l-oħra, u li teżamina f’iktar dettall ir-rekwiżiti marbuta magħhom li l-Kummissjoni għandha tissodisfa fir-rigward tal-eżami u tal-prova tal-effetti ta’ esklużjoni. F’dan ir-rigward, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll l-oġġezzjoni prinċipali mqajma mill-konvenuti, ibbażata fuq il-kompetizzjoni fuq il-mertu, li fir-rigward tagħha huma ngħataw raġun fl-ewwel istanza. Skont din l-oġġezzjoni, fid-dawl tat-tul relattivament qasir tar-rabta kuntrattwali fil-kuntratti individwali, il-Kummissjoni ma rnexxielhiex tistabbilixxi l-effetti ta’ esklużjoni peress li, wara l-iskadenza ta’ dawn il-kuntratti, il-kompetituri setgħu jikkompetu għall-volum tad-domanda li sa dak il-punt kien kopert mill-kuntratti, iżda ma rnexxilhomx jagħmlu dan minħabba li l-offerta tagħhom kienet allegatament ta’ kwalità inferjuri.

II.    Il-fatti li wasslu għall-kawża

A.      Il-prattika kuntrattwali kontenzjuża ta’ Google

5.        Il-fatti li wasslu għall-kawża huma essenzjalment dawn li ġejjin (7).

6.        Google LLC hija kumpannija fis-settur tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, li topera madwar id-dinja, inkluż fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), bis-sede tagħha f’Mountain View, California (l-Istati Uniti), u li tispeċjalizza fi prodotti u servizzi online. Hija sussidjarja ta’ Alphabet, Inc., li hija stabbilita hemmhekk ukoll (iktar ’il quddiem, kollettivament “Google” jew il-“konvenuti”), u hija l-iktar magħrufa għall-magna ta’ tfittxija jew is-servizz ta’ tfittix ġenerali tagħha “Google Search”. Dan is-servizz jippermetti lill-utenti tal-Internet isibu u jaċċedu għal siti internet li jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom billi jużaw il-brawżers u l-iperlinks tagħhom.

7.        Element ċentrali tal-mudell kummerċjali ta’ Google huwa s-servizz ewlieni tagħha, il-pjattaforma diġitali tagħha, Google Search, u s-servizzi marbuta magħha. B’mod iktar preċiż, il-mudell kummerċjali tagħha huwa bbażat fuq interazzjoni bejn, minn naħa, il-prodotti u s-servizzi online, li fil-biċċa l-kbira jiġu offruti mingħajr ħlas lill-utenti (tal-internet), u s-servizzi ta’ reklamar online, min-naħa l-oħra, (8) li permezz tagħhom tiġġenera l-maġġoranza l-kbira tad-dħul tagħha. Dan id-dħul huwa ġġenerat prinċipalment permezz tas-servizz Google Search. Il-mudell kummerċjali ta’ Google għandu primarjament l-għan li jżid l-għadd ta’ utenti ta’ Google Search sabiex irendi s-servizz ta’ tfittix iktar attraenti għar-reklamar online u sabiex ikunu jistgħu jinbigħu iktar servizzi ta’ reklamar lil terzi. Barra minn hekk, billi tiġbor data mill-interazzjonijiet mal-utenti, Google kontinwament ittejjeb il-kapaċità tagħha li tippreżenta riżultati ta’ tfittix u reklami rilevanti. B’dan il-mod, bħala pjattaforma diġitali ewlenija, hija tibbenefika minn effetti tan-network u vantaġġi oħra li huma tipiċi għal tali pjattaformi (9).

8.        Is-servizz Google Search, aċċessibbli fl-indirizz www.google.com jew indirizzi simili b’estensjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, jipprovdi riżultati ta’ tfittix li jintwerew fuq l-iskrins tal-utenti tal-internet. Il-magna ta’ tfittxija tagħżel dawn ir-riżultati abbażi ta’ kriterji ġenerali jew abbażi ta’ loġika speċjalizzata, mingħajr ma l-operaturi tas-siti internet li jkunu ġew illinkjati neċessarjament iħallsu lil Google remunerazzjoni għal dan.

9.        Madankollu, il-paġni tar-riżultati ta’ Google Search juru wkoll siti internet li jiddependu mill-ħlasijiet magħmula mill-operaturi tagħhom. Dawn ir-riżultati, komunement imsejħa “reklami” (jew “ads” fil-qosor bl-Ingliż), jirriżultaw ukoll minn tfittix li jsir minn utent tal-internet. Madankollu, dawn huma differenti mir-riżultati bla ħlas għal domandi ta’ tfittix ġenerali jew speċjalizzati sa fejn għandhom id-deżinjazzjoni addizzjonali “reklam” jew “sponsorjat”. Il-wiri preferenzjali u l-ikklassifikar rispettiv tagħhom fuq il-paġni tar-riżultati ta’ Google Search huma marbuta ma’ impenji ta’ ħlas magħmula mill-pubbliċitarji fi rkanti online. Dawn jiġu pproċessati permezz tal-pjattaforma tal-irkant diġitali ta’ Google, AdWords (10).

10.      Mill‑2003, Google operat ukoll pjattaforma diġitali għall-intermedjazzjoni tar-reklamar online, bl-isem ta’ AdSense. F’dan ir-rigward, Google żviluppat diversi servizzi, b’mod partikolari servizz għall-intermedjazzjoni fil-qasam tar-reklamar marbut mat-tfittix online magħruf bħala AdSense for Search (iktar ’il quddiem “AFS”) (11). Dan is-servizz intermedjarju jippermetti lil fornituri terzi, indipendenti minn Google u li joperaw siti internet b’magni ta’ tfittxija integrati, juru reklami relatati ma’ tfittix online permezz ta’ Google Search meta l-utenti jfittxu fuq is-siti web tagħhom. B’dan il-mod, id-dħul iġġenerat mill-wiri ta’ dawn ir-reklami jista’ jinqasam bejn l-intermedjarju u l-operatur tas-sit internet.

11.      Sabiex jużaw is-servizzi ta’ intermedjazzjoni ta’ AFS, il-pubbliċitarji kellhom jassoċjaw ir-reklami tagħhom ma’ kliem prinċipali li l-utenti tas-siti internet rilevanti aktarx kienu jużaw fit-tfittix online. Sabiex tiddetermina liema reklam kellu jintwera wara tfittxija online (u b’liema mod), Google primarjament ħadet inkunsiderazzjoni l-prezz li l-pubbliċitarju kien qabel li jħallas fl-irkant previst għal dan il-għan, kif ukoll ir-rilevanza ta’ dan ir-reklam għat-tfittix u b’hekk il-probabbiltà li l-utent jikklikkja fuq dan ir-reklam. Bħala prinċipju, il-pubbliċitarju kellu jħallas il-prezz li jirriżulta mill-wiri tar-reklam tiegħu biss jekk l-utent ikun effettivament ikklikkja fuqu.

12.      Sabiex jużaw l-AFS, l-operaturi tas-siti internet ikkonkludew, b’mod partikolari, żewġ tipi ta’ kuntratti ma’ Google.

13.      Minn naħa, huma setgħu jikkonkludu “kuntratt online”, jiġifieri kuntratt standard mhux negozjabbli, għal wieħed jew iktar mis-siti internet tagħhom. Google kklassifikat l-operaturi tas-siti internet li kkonkludew ftehim bħal dan bħala “imsieħba online”. Dan it-tip ta’ kuntratt ma huwiex is-suġġett ta’ dawn il-proċeduri.

14.      Min-naħa l-oħra, l-operaturi setgħu jikkonkludu “ftehim ta’ servizzi Google” (Google Services Agreement, iktar ’il quddiem “FSG”) għal wieħed jew iktar mis-siti internet tagħhom. B’differenza mill-kuntratti online, il-FSG ġie nnegozjat individwalment ma’ kull operatur ta’ sit internet. Google rreferiet għall-operaturi li kienu ddeċidew li jidħlu f’FSG bħala “msieħba diretti”. Madankollu, Google ħolqot mudelli għall-FSG, li ġew emendati diversi drabi, inkluż f’Marzu 2009, u li spiss intużaw bħala bażi mill-partijiet kontraenti. Barra minn hekk, l-imsieħba diretti kellhom jimlew formola tal-ordni sabiex jikkonkludu FSG. F’din il-formola kellhom jindikaw jekk ridux jużaw l-FSG jew servizz ieħor ta’ AdSense, u jelenkaw is-siti internet koperti minnhom jew l-indirizzi tagħhom.

15.      Sa Marzu 2009, il-mudell tal-FSG kien jinkludi, fost l-oħrajn, żewġ klawżoli. L-hekk imsejħa klawżola ta’ esklużività kienet tistipula li l-imsieħeb dirett ma seta’ juża l-ebda servizz fuq is-siti internet elenkati fil-formola tal-ordni li kien identiku jew sostanzjalment simili għas-servizzi pprovduti minn Google skont il-FSG, jew f’kompetizzjoni diretta magħhom. L-hekk imsejħa klawżola Ingliża kienet tistipula li, bla ħsara għall-klawżola ta’ esklużività, l-imsieħeb dirett u Google kellhom jagħmlu ħilithom sabiex jinnegozjaw formola tal-ordni ġdida qabel ma jikkuntattjaw lil kwalunkwe fornitur ieħor ta’ servizzi ta’ tfittix online jew ta’ reklamar. Fil-każ li l-imsieħeb dirett u Google ma setgħux jaqblu dwar formola tal-ordni ġdida u l-imsieħeb dirett ikun iddeċieda li jirrikorri għal tali fornitur, din il-klawżola kienet tipprevedi wkoll li Google setgħet tippreżenta offerta li kienet tikkorrispondi għat-termini u l-kundizzjonijiet offruti minn dak il-fornitur.

16.      Minn Marzu 2009, il-mudell tal-FSG kien jinkludi żewġ klawżoli ġodda li ssostitwixxew il-klawżola ta’ esklużività u l-klawżola Ingliża. Skont l-hekk imsejħa klawżola ta’ pożizzjonament, l-imsieħeb dirett kellu juri għadd minimu ta’ reklami ta’ Google fuq siti internet li kienu jużaw l-AFS. Barra minn hekk, dan ma setax juri reklami ta’ kompetituri minn intermedjarji oħra iktar ’il fuq jew direttament maġenb ir-reklami li joriġinaw minn Google. L-hekk imsejħa klawżola ta’ awtorizzazzjoni minn qabel kienet tobbliga lil dak l-imsieħeb jikseb il-kunsens ta’ Google qabel ma jagħmel kwalunkwe bidla fil-wiri ta’ tfittix online fuq sit internet elenkat, inkluż il-wiri tar-reklami ta’ kompetituri. Google setgħet tirrifjuta dan tal-aħħar biss għal raġunijiet speċifiċi. Dan il-kunsens kien jitqies li ngħata jekk Google ma tkunx wieġbet fi żmien 15-il jum ta’ xogħol.

17.      Il-FSG kollha li kien fihom il-klawżola ta’ awtorizzazzjoni minn qabel kienu jinkludu wkoll il-klawżola ta’ pożizzjonament. Madankollu, mhux il-FSG kollha li kien fihom il-klawżola ta’ pożizzjonament kienu neċessarjament jinkludu wkoll il-klawżola ta’ awtorizzazzjoni minn qabel.

18.      Skont il-formola tal-ordni fil-mudell tal-FSG ta’ Marzu 2009, kellhom jiġu inklużi r-ritratti tal-iskrin tal-paġni bir-riżultati (iktar ’il quddiem il-“mudelli”) fis-siti internet elenkati fihom għall-użu tal-AFS. Il-mudelli kellhom jirriflettu l-għadd, il-format u l-pożizzjonament tar-reklami ta’ Google f’dawn il-paġni.

B.      Il-proċedura amministrattiva u d-deċiżjoni kontenzjuża

19.      F’Jannar 2010, il-Bundeskartellamt (l-Uffiċċju Federali tal-Akkordji, il-Ġermanja) bagħat ilment lill-Kummissjoni li kien tressaq minn Ciao GmbH kontra Google.

20.      Fit‑30 ta’ Novembru 2010, il-Kummissjoni bdiet proċeduri kontra Google skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004 (12).

21.      Fil‑31 ta’ Marzu 2011, fit‑30 ta’ Marzu 2012 u fit‑30 ta’ Jannar 2013 rispettivament, Microsoft Corporation, Expedia Inc. u Initiative for a Competitive Online Marketplace ressqu lment kull wieħed kontra Google.

22.      Fit‑13 ta’ Marzu 2013, il-Kummissjoni adottat evalwazzjoni preliminari skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (13), dwar, fost l-oħrajn, l-obbligi kuntrattwali li Google kienet imponiet fir-rigward ta’ reklami marbuta mat-tfittix online.

23.      Fit‑3 ta’ April 2013, fil‑21 ta’ Ottubru 2013, u fil‑31 ta’ Jannar 2014, Google offriet lill-Kummissjoni impenji sabiex tindirizza t-tħassib imqajjem fl-evalwazzjoni preliminari.

24.      Fis‑16 ta’ Mejju 2014 u fit‑2 ta’ Lulju 2015 rispettivament, Deutsche Telekom AG ressqet, fost l-oħrajn, ilment kontra Google.

25.      Fil‑21 ta’ April 2016, Microsoft u Ciao rtiraw l-ilmenti tagħhom.

26.      Fl‑14 ta’ Lulju 2016, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibda l-proċeduri skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 773/2004 fir-rigward tal-klawżoli ta’ esklużività, pożizzjonament u awtorizzazzjoni minn qabel previsti fil-FSG (iktar ’il quddiem, kollettivament, il-“klawżoli kontenzjużi”). Fl-istess jum, hija ħarġet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet skont l-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament. F’din id-dikjarazzjoni, hija informat lil Google li l-klawżoli kontenzjużi kienu jikkostitwixxu abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-suq u għalhekk setgħu jiksru l-Artikolu 102 TFUE.

27.      Fid‑9 ta’ Settembru 2016, Google informat lill-Kummissjoni li kienet kitbet lill-imsieħba diretti kollha, fejn informathom li kienet se tieqaf tapplika l-klawżoli ta’ esklużività u ta’ awtorizzazzjoni minn qabel fl-intier tagħhom, kif ukoll ċerti dispożizzjonijiet tal-klawżola ta’ pożizzjonament.

28.      Fl‑20 ta’ Marzu 2019, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kontenzjuża.

29.      F’din id-deċiżjoni, hija kkonstatat li Google kienet wettqet tliet instanzi ta’ ksur differenti bejn l-2006 u l-2016, li flimkien kienu jikkostitwixxu ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 102 TFUE. Għalhekk, hija imponiet multa ta’ EUR 1 494 459 000 fuq Google, li parti minnha ġiet imposta in solidum ma’ Alphabet Inc.

30.      Il-Kummissjoni kkonstatat li, matul dan il-perijodu, Google kellha pożizzjonijiet dominanti fi 30 mill‑31 suq nazzjonali rilevanti tar-reklamar tat-tfittix online (bl-esklużjoni tas-suq Portugiż) u fis-suq separat minnhom għall-intermedjazzjoni fil-qasam tar-reklamar marbut mat-tfittix online fiż-ŻEE.

31.      Il-Kummissjoni kkalkolat l-ishma mis-suq sottostanti ta’ Google fuq il-bażi, minn naħa, tad-dħul gross u nett u, min-naħa l-oħra, tal-għadd ta’ tfittxijiet online (dan tal-aħħar biss fir-rigward tas-swieq nazzjonali għar-reklamar tat-tfittix online). Barra minn hekk, mill‑2006 sal‑2016, Google affaċċjat biss kompetizzjoni limitata minn fornituri oħra ta’ reklamar tat-tfittix online jew minn intermedjarji ta’ reklamar bħal dan, fosthom Microsoft u Yahoo!. Kien hemm bosta ostakoli għad-dħul u l-espansjoni fis-suq, bħall-ħtieġa ta’ investiment sostanzjali sabiex jinħolqu u jinżammu l-pjattaformi rilevanti, l-effetti tan-network, u l-fatt li kważi l-pubbliċitarji kollha kienu marbuta mal-pjattaforma tal-irkant diġitali ta’ Google, AdWords. Fl-aħħar nett, kien hemm nuqqas ta’ saħħa tax-xerrej kumpensatorja min-naħa tal-pubbliċitarji u tal-operaturi tas-siti internet (14).

32.      Skont il-Kummissjoni, il-klawżola ta’ esklużività kienet ikkostitwixxiet abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-suq mill‑1 ta’ Jannar 2006 sal‑31 ta’ Marzu 2016, sa fejn din kienet inkluża fil-FSG li “tipikament” kienu jkopru s-siti internet kollha tal-imsieħba diretti li fuqhom kien jidher ir-reklamar tat-tfittix online.(15) Primarjament, hija kienet tal-fehma li din il-klawżola kienet timponi obbligu ta’ provvista esklużiva fuq l-imsieħba diretti li, skont is-sentenza Hoffmann-La Roche vs Il‑Kummissjoni (16) (iktar ’il quddiem is-“sentenza Hoffmann-La Roche”), fiha nnifisha, kienet tikser l-Artikolu 102 TFUE, mingħajr il-ħtieġa li jiġi eżaminat jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi ġenerali tal-każ inkwistjoni, din setgħetx tirrestrinġi l-kompetizzjoni (17). Sussidjarjament, il-Kummissjoni qieset li din il-klawżola kienet tikkostitwixxi tali ksur minħabba li setgħet tirrestrinġi l-kompetizzjoni (18). Hija rreferiet għall-imsieħba diretti, li tipikament kienu jinkludu s-siti internet kollha tagħhom f’minn tal-inqas wieħed mill-FSG tagħhom, bħala l-“imsieħba diretti tas-siti kollha”. Skont il-Kummissjoni, l-ewwel nett, il-klawżola ta’ esklużività pprekludiet lil dawn l-imsieħba milli jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom permezz ta’ intermedjarji li jikkompetu ma’ Google; it-tieni nett, imblokkat lil dawn tal-aħħar milli jaċċessaw parti sinjifikattiva tas-suq għall-intermedjazzjoni fil-qasam tar-reklamar marbut mat-tfittix online; it-tielet nett, setgħet xekklet l-innovazzjoni; ir-raba’ nett, għenet lil Google żżomm u ssaħħaħ il-pożizzjoni dominanti tagħha fis-swieq nazzjonali għar-reklamar tat-tfittix online fiż-ŻEE (minbarra s-suq Portugiż); u l-ħames nett, setgħet għamlet ħsara lill-konsumaturi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonstatat li l-klawżola Ingliża kienet saħħet il-kapaċità tal-klawżola ta’ esklużività li tirrestrinġi l-kompetizzjoni. Il-Kummissjoni ċaħdet il-ġustifikazzjonijiet oġġettivi mressqa minn Google (19).

33.      Skont il-Kummissjoni, il-klawżola ta’ pożizzjonament fis-seħħ mill‑31 ta’ Marzu 2009 sas‑6 ta’ Settembru 2016 kienet tikkostitwixxi wkoll abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-suq peress li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ inkwistjoni, hija setgħet tirrestrinġi l-kompetizzjoni u Google naqset milli turi li l-klawżola kienet oġġettivament iġġustifikata (20). Il-klawżola ta’ pożizzjonament irriżervat l-iktar parti prominenti tas-siti internet li kienet tkopri għar-reklami li kienu joriġinaw minn Google. Skont din il-klawżola, l-imsieħba diretti kienu obbligati juru “blokka” ta’ tliet reklami ta’ Google f’“format kbir” fl-iktar partijiet viżibbli ta’ dawn is-siti internet meta ssir tfittxija minn fuq kompjuter personali (PC), u mill-inqas reklam wieħed ta’ Google meta ssir tfittxija permezz ta’ apparat mobbli. L-analiżi sottostanti tal-effetti (potenzjalment) antikompetittivi tal-klawżola ta’ pożizzjonament tikkorrispondi, f’termini kemm ta’ struttura kif ukoll ta’ eżitu, essenzjalment għall-analiżi dwar il-klawżola ta’ esklużività. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonstatat li n-natura vinkolanti tal-mudelli kienet żiedet il-kapaċità tal-klawżola ta’ pożizzjonament li tirrestrinġi l-kompetizzjoni. Il-Kummissjoni ċaħdet il-ġustifikazzjonijiet oġġettivi mressqa minn Google (21).

34.      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni kkonstatat li, mill‑31 ta’ Marzu 2009 sas‑6 ta’ Settembru 2016, il-klawżola ta’ awtorizzazzjoni minn qabel kienet tikkostitwixxi wkoll abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-suq. Fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ inkwistjoni, hija kienet kapaċi tirrestrinġi l-kompetizzjoni, u Google naqset milli turi ġustifikazzjoni oġġettiva għaliha (22). L-analiżi sottostanti, inkluż l-eżami tal-ġustifikazzjonijiet (23), tikkorrispondi fl-istruttura u fl-eżitu, għal dik li tikkonċerna l-klawżoli ta’ esklużività u ta’ pożizzjonament.

35.      Il-Kummissjoni kklassifikat it-tliet abbużi ta’ pożizzjoni dominanti fis-suq imsemmija iktar ’il fuq kollettivament bħala ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 102 TFUE, li dam mill‑1 ta’ Jannar 2006 sas‑6 ta’ Settembru 2016. Permezz tal-klawżoli kontenzjużi, Google segwiet l-istess għan, jiġifieri li teskludi l-intermedjarji kompetituri sabiex iżżomm u ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha kemm fis-suq tal-intermedjazzjoni fil-qasam tar-reklamar marbut mat-tfittix online kif ukoll fis-swieq innifishom tar-reklamar marbut mat-tfittix online, u konsegwentement il-pożizzjoni tagħha fis-suq tas-servizzi ġenerali tat-tfittix. Barra minn hekk, dawn il-klawżoli kienu jikkomplementaw lil xulxin sa fejn kellhom l-għan li jipprevjenu lill-imsieħba diretti milli jirrikorru għal reklamar kompetittiv u li jwaqqfu lill-intermedjarji kompetituri ta’ Google milli jkollhom aċċess għal parti sinjifikattiva tas-suq għall-intermedjazzjoni fil-qasam tar-reklamar marbut mat-tfittix online fiż-ŻEE (24).

C.      Ir-rikors għal annullament u s-sentenza appellata

1.      Motivi u suġġett tal-appell

36.      Google bbażat ir-rikors għall-annullament tagħha tad-deċiżjoni kontenzjuża quddiem il-Qorti Ġenerali fuq ħames motivi.

37.      Permezz tal-ewwel motiv tagħha, Google sostniet li l-Kummissjoni kienet iddefinixxiet b’mod żbaljat is-suq għall-intermedjazzjoni fil-qasam tar-reklamar marbut mat-tfittix online, u konsegwentement naqset milli tistabbilixxi l-pożizzjoni dominanti ta’ Google f’dan is-suq. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan il-motiv bħala infondat (25).

38.      Permezz tat-tieni, tat-tielet u tar-raba’ motiv tagħha, Google sostniet li l-klawżoli kontenzjużi ma kinux jikkostitwixxu abbuż fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE. Il-Qorti Ġenerali fl-aħħar mill-aħħar laqgħet dawn il-motivi, u għaldaqstant annullat id-deċiżjoni kontenzjuża f’dan ir-rigward.

39.      Il-ħames motiv kien jikkontesta l-multa imposta mill-Kummissjoni. Il-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx dwar dan il-motiv, fid-dawl tal-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża fuq il-bażi tat-tieni, tat-tielet u tar-raba’ motiv (26).

40.      L-evalwazzjoni tat-tieni, tat-tielet u tar-raba’ motiv fis-sentenza appellata tikkostitwixxi s-suġġett ċentrali ta’ dan l-appell u se tiġi spjegata f’iktar dettall iktar ’il quddiem. Fin-nuqqas ta’ appell inċidentali minn Google, din ma tapplikax għall-ewwel u għall-ħames motiv.

2.      It-tieni motiv dwar il-klawżola ta’ esklużività

41.      It-tieni motiv dwar l-evalwazzjoni tal-klawżola ta’ esklużività huwa maqsum fi tliet partijiet. L-ewwel nett, din il-klawżola ma kinitx tikkostitwixxi obbligu ta’ provvista esklużiva skont is-sentenza Hoffmann-La Roche. It-tieni nett, il-Kummissjoni kienet għalhekk obbligata tinvestiga jekk din il-klawżola setgħetx tirrestrinġi l-kompetizzjoni. It-tielet nett, il-Kummissjoni ma rnexxilhiex turi li dan kien il-każ fid-deċiżjoni kontenzjuża. Fl-aħħar mill-aħħar, il-Qorti Ġenerali laqgħet it-tliet partijiet kollha ta’ dan il-motiv.

42.      B’riferiment għall-ewwel u għat-tieni parti tat-tieni motiv, filwaqt li ħadet inkunsiderazzjoni s-sentenza Intel I u s-sentenza Unilever Italia Mkt.Operations(27), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, fid-dawl tal-kontestazzjoni ta’ Google matul il-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża ruħha fuq is-sentenza Hoffmann-La Roche iżda kienet obbligata tevalwa speċifikament, fuq il-bażi taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ individwali, jekk il-klawżoli kontenzjużi, inkluża l-klawżola ta’ esklużività, setgħux jirrestrinġu l-kompetizzjoni, liema evalwazzjoni hija kienet wettqet biss b’mod sussidjarju fid-deċiżjoni kontenzjuża (28). Il-Kummissjoni ma tikkontestax dawn il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fl-appell tagħha.

43.      Il-Qorti Ġenerali kkonstatat ukoll li t-tielet parti tat-tieni motiv dwar il-kapaċità tal-klawżola ta’ esklużività li tirrestrinġi l-kompetizzjoni, kienet fondata u laqgħetha, u b’hekk annullat id-deċiżjoni kontenzjuża f’dak ir-rigward (29).

44.      Huwa minnu li, fit-tielet parti tat-tieni motiv, il-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala infondati diversi ilmenti mressqa minn Google, b’mod partikolari dwar l-effett dissważiv tal-klawżola ta’ esklużività fuq l-imsieħba diretti tas-siti kollha kif stabbilit fid-deċiżjoni kontenzjuża, u l-ostakolu għalihom milli jiksbu aċċess għal parti sinjifikattiva tas-suq (30). Madankollu, meta evalwat it-tul li matulu l-imsieħba diretti tas-siti kollha kienu obbligati, skont din il-klawżola, jiksbu provvista mingħand Google għall-bżonnijiet kollha tagħhom jew għal parti sostanzjali minnhom, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ.

45.      Barra minn hekk, skont il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx li l-klawżola ta’ esklużività li tinsab fil-FSG konklużi ma’ dawn l-imsieħba seta’ kellha effett ta’ esklużjoni minħabba l-kopertura tagħha tas-suq bejn l‑1 ta’ Jannar u l‑31 ta’ Marzu 2016 (31). Din il-konstatazzjoni ma hijiex is-suġġett tal-appell tal-Kummissjoni u għalhekk akkwistat l-awtorità ta’ res judicata.

46.      Skont il-Qorti Ġenerali, dawn iż-żewġ “żbalji” affettwaw ir-restrizzjonijiet kollha fuq il-kompetizzjoni identifikati fid-deċiżjoni kontenzjuża. Konsegwentement, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-klawżola ta’ esklużività setgħet tiddiswadi lill-imsieħba diretti milli jiksbu l-provvista tagħhom mingħand intermedjarji kompetituri ta’ Google, jew tipprekludi lil dawn l-intermedjarji milli jaċċedu għal parti sinjifikattiva tas-suq għall-intermedjazzjoni fil-qasam tar-reklamar marbut mat-tfittix online fiż-ŻEE, u għalhekk tipproduċi l-allegat effett ta’ esklużjoni. Bl-istess mod, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx b’mod suffiċjenti fid-dritt li din il-klawżola setgħet tostakola l-innovazzjoni, tgħin lil Google żżomm u ssaħħaħ il-pożizzjoni dominanti tagħha fis-swieq nazzjonali rilevanti għar-reklamar marbut mat-tfittix online, jew tagħmel ħsara lill-konsumaturi. Dan japplika wkoll għall-effett ta’ amplifikazzjoni kkonstatat tal-klawżola Ingliża (32).

3.      It-tielet motiv dwar il-klawżola ta’ pożizzjonament

47.      Fl-evalwazzjoni tagħha tat-tielet motiv dwar il-klawżola ta’ pożizzjonament, komposta minn żewġ partijiet, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ewwel parti bħala infondata, f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-portata ta’ din il-klawżola (33). Fil-fatt, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx li l-imsieħba diretti kienu b’hekk ipprojbiti milli juru reklamar kompetitur taħt dak ta’ Google (34). Madankollu, Google ma stabbilixxietx, min-naħa tagħha, li r-reklamar kompetitur, meta jitpoġġa f’konformità ma’ din il-klawżola, seta’ jikseb fil-prattika rata ta’ klikks li kienet mill-inqas paragunabbli ma’ dik tar-reklami tagħha stess. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonstatat ġustament li l-klawżola ta’ pożizzjonament kienet tirriżerva l‑ispazji l-iktar viżibbli tal-paġni tar-riżultati tal-imsieħba diretti għar‑reklamar ta’ Google (35).

48.      Madankollu, il-Qorti Ġenerali qieset li t-tieni parti tat-tielet motiv kienet fondata, laqgħetha u annullat id-deċiżjoni kontenzjuża f’dan ir-rigward (36).

49.      Huwa minnu li l-Kummissjoni, fil-kuntest tal-eżami tagħha tal-effetti tal-klawżola ta’ pożizzjonament u r-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni marbuta magħha, ħadet inkunsiderazzjoni wkoll it-tul tagħha u l-portata tal-kopertura tas-suq li tirriżulta minnha (37). Madankollu, fl-evalwazzjoni tat-tul li matulu l-imsieħba diretti kienu obbligati, skont il-klawżola ta’ pożizzjonament, jirriżervaw il-partijiet l-iktar viżibbli tal-paġni tar-riżultati tagħhom għar-reklamar ta’ Google, hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ individwali. Il-Qorti Ġenerali waslet għal din il-konklużjoni minkejja li ċaħdet il-maġġoranza tal-oġġezzjonijiet ta’ Google bħala infondati meta evalwat l-effett dissważiv ta’ din il-klawżola, kif stabbilit fid-deċiżjoni kkontestata, u l-impossibbiltà li tirriżulta minnha għall-intermedjarji kompetituri ta’ Google li jiksbu aċċess għal parti sinjifikattiva tas-suq għall-intermedjazzjoni fil-qasam tar-reklamar marbut mat-tfittix online (38).

50.      Barra minn hekk, skont il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx li l-klawżola ta’ pożizzjonament seta’ kellha effett ta’ esklużjoni minħabba l-kopertura tagħha tas-suq bejn l-1 ta’ Jannar u s-6 ta’ Settembru 2016 (39). Din il-konstatazzjoni, bħal dik dwar il-klawżola ta’ esklużività, ma hijiex is-suġġett tal-appell tal-Kummissjoni u għalhekk akkwistat l-awtorità ta’ res judicata.

51.      Skont il-Qorti Ġenerali, dawn iż-żewġ “żbalji” affettwaw ir-restrizzjonijiet kollha fuq il-kompetizzjoni identifikati fid-deċiżjoni kontenzjuża. Konsegwentement, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-klawżola ta’ pożizzjonament setgħet tiddiswadi lill-imsieħba diretti milli jiksbu l-provvista tagħhom mingħand intermedjarji kompetituri ta’ Google, jew iċċaħħad lil dawn l-intermedjarji l-aċċess għal parti sinjifikattiva tas-suq għall-intermedjazzjoni fil-qasam tar-reklamar marbut mat-tfittix online fiż-ŻEE, u għalhekk tipproduċi l-effett ta’ esklużjoni stabbilit fid-deċiżjoni kontenzjuża. Bl-istess mod, hija ma stabbilixxietx b’mod suffiċjenti fid-dritt li din il-klawżola setgħet tostakola l-innovazzjoni, tgħin lil Google żżomm u ssaħħaħ il-pożizzjoni dominanti tagħha fis-swieq nazzjonali rilevanti għar-reklamar marbut mat-tfittix online, jew tagħmel ħsara lill-konsumaturi (40). Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx li n-natura vinkolanti tal-mudelli kienet saħħet l-effett ta’ esklużjoni tal-klawżola ta’ pożizzjonament jew li dawn il-mudelli setgħu, fihom innifishom, jipproduċu tali effett. Għaldaqstant, id-deċiżjoni kontenzjuża għandha tiġi annullata inkwantu kkonstatat li l-klawżola ta’ pożizzjonament kienet tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 102 TFUE, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra ta’ Google dwar it-tielet motiv.(41)

4.      Ir-raba’ motiv dwar il-klawżola ta’ awtorizzazzjoni minn qabel

52.      Ir-raba’ motiv dwar il-klawżola ta’ awtorizzazzjoni minn qabel kien maqsum ukoll f’żewġ partijiet.

53.      Fl-ewwel parti, Google kienet sostniet, essenzjalment, li din il-klawżola ma kinitx ipproduċiet effetti ta’ esklużjoni, ma kinitx għenitha żżomm jew issaħħaħ il-pożizzjoni dominanti tagħha fis-swieq nazzjonali rilevanti tar-reklamar marbut mat-tfittix online, u la kienet fixklet l-innovazzjoni u lanqas għamlet ħsara lill-konsumaturi (42). Fl-aħħar mill-aħħar, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li din l-ewwel parti kienet fondata u annullat id-deċiżjoni kontenzjuża fuq dan il-punt, mingħajr ma eżaminat it-tieni parti dwar il-ġustifikazzjoni oġġettiva (43).

54.      Fir-raġunament tagħha, il-Qorti Ġenerali sostniet, bħalma għamlet fir-rigward tat-tieni u t-tielet motiv, li l-Kummissjoni kienet effettivament ħadet inkunsiderazzjoni t-tul u r-rata ta’ kopertura tas-suq meta evalwat l-effetti tal-klawżola ta’ awtorizzazzjoni minn qabel fil-kuntest tar-restrizzjonijiet fuq il-kompetizzjoni identifikati fid-deċiżjoni kontenzjuża. Minkejja dan, hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni meta evalwat it-tul li matulu l-imsieħba diretti kienu obbligati, skont din il-klawżola, jiksbu l-kunsens bil-miktub minn qabel ta’ Google qabel ma jimmodifikaw il-wiri ta’ reklami kompetituri fuq il-paġni tar-riżultati tagħhom. Il-Qorti Ġenerali waslet għal din il-konklużjoni minkejja li ċaħdet kważi l-oġġezzjonijiet kollha ta’ Google bħala infondati meta evalwat l-effett dissważiv ta’ din il-klawżola fuq l-imsieħba diretti kif stabbilit fid-deċiżjoni kkontestata, l-impossibbiltà li tirriżulta minnha għall-intermedjarji kompetituri ta’ Google li jiksbu aċċess għal parti sinjifikattiva tas-suq għall-intermedjazzjoni fil-qasam tar-reklamar marbut mat-tfittix online u t-test tal-kompetitur daqstant effettiv (44).

55.      Barra minn hekk, skont il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx li l-klawżola ta’ awtorizzazzjoni minn qabel seta’ kellha effett ta’ esklużjoni minħabba l-kopertura tagħha tas-suq bejn l-1 ta’ Jannar u s-6 ta’ Settembru 2016 (45) .Din il-konstatazzjoni, bħal dawk dwar il-klawżola ta’ esklużività u ta’ pożizzjonament, ma hijiex is-suġġett tal-appell tal-Kummissjoni u għalhekk akkwistat l-awtorità ta’ res judicata.

56.      Skont il-Qorti Ġenerali, dawn iż-żewġ “żbalji” affettwaw ir-restrizzjonijiet kollha fuq il-kompetizzjoni identifikati fid-deċiżjoni kontenzjuża. Konsegwentement, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-klawżola ta’ awtorizzazzjoni minn qabel setgħet tiddiswadi lill-imsieħba diretti milli jiksbu l-provvista tagħhom mingħand intermedjarji kompetituri ta’ Google, jew tiċħad lil dawn l-intermedjarji l-aċċess għal parti sinjifikattiva tas-suq għall-intermedjazzjoni fil-qasam tar-reklamar marbut mat-tfittix online fiż-ŻEE, u għalhekk tipproduċi l-effett ta’ esklużjoni stabbilit. Barra minn hekk, hija ma stabbilixxietx b’mod suffiċjenti fid-dritt li din il-klawżola setgħet ostakolat l-innovazzjoni, għenet lil Google żżomm u ssaħħaħ il-pożizzjoni dominanti tagħha fis-swieq nazzjonali rilevanti għar-reklamar marbut mat-tfittix online u, fl-aħħar mill-aħħar, għamlet ħsara lill-konsumaturi. Għaldaqstant, l-ewwel parti tar-raba’ motiv kellha tintlaqa’, mingħajr il-ħtieġa li jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra mressqa minn Google fil-kuntest ta’ dan il-motiv. Barra minn hekk, id-deċiżjoni kontenzjuża kellha tiġi annullata inkwantu kkonstatat li l-klawżola ta’ awtorizzazzjoni minn qabel kienet tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 102 TFUE (46).

D.      Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

57.      Permezz ta’ att li wasal fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Diċembru 2024, il-Kummissjoni ppreżentat appell kontra s-sentenza appellata.

58.      Permezz ta’ nota li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis‑27 ta’ Frar 2025, il-konvenuti talbu li, fir-rigward tal-intervenjenti fl-ewwel istanza, Surfboard Holding BV u Vinden.NL BV, ċerta informazzjoni li tinsab fir-risposta tagħhom u fl-annessi mehmuża R. 2, R. 3 u R. 4 tiġi ttrattata b’mod kunfidenzjali, bl-istess mod kif għamlet il-Qorti tal-Ġenerali fl-ewwel istanza. Permezz ta’ digriet tat‑22 ta’ Mejju 2025 (47), kif irrettifikat b’digriet tat‑30 ta’ Ġunju 2025 (48), il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja laqa’ din it-talba.

59.      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata,

–        tiċħad ir-rikors inkwantu l-konvenuti jikkontestaw l-adegwatezza tal-klawżoli kontenzjużi li jirrestrinġu l-kompetizzjoni mill‑31 ta’ Marzu 2009 sal‑31 ta’ Diċembru 2015,

–        tikkundanna lill-konvenuti għall-ispejjeż tal-proċeduri tal-appell u tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali; jew

–        sussidjarjament, tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali u tirriżerva d-deċiżjoni dwar l-ispejjeż.

60.      Il-konvenuti jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż; jew

–        sussidjarjament, tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali u tirriżerva d-deċiżjoni dwar l-ispejjeż.

61.      Fis-seduta tal‑15 ta’ Lulju 2026, il-partijiet ippreżentaw sottomissjonijiet orali u wieġbu għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja.

III. Evalwazzjoni

A.      Oġġezzjoni prinċipali fl-ewwel, fit-tieni u fit-tielet aggravju: applikazzjoni żbaljata tal-kriterji Intel

62.      Bl-ewwel tliet aggravji tagħha, il-Kummissjoni tikkontesta ċerti aspetti tal-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali tal-ewwel, tat-tieni u tat-tielet motiv dwar l-effetti ta’ esklużjoni tal-klawżoli kkontestati, sa fejn dawn jirrigwardaw il-perijodu mill‑2006 sal‑2015. Il-Kummissjoni ma tikkontestax il-fatt li l-Qorti Ġenerali ddikjarat id-deċiżjoni kontenzjuża invalida fl‑2016 minħabba nuqqas ta’ evidenza tal-effetti ta’ esklużjoni. Għaldaqstant, is-sentenza appellata akkwistat l-awtorità ta’ res judicata f’dan ir-rigward. Ir-raba’ aggravju jikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk l-użu suċċessiv ta’ dawn il-klawżoli, kif stabbilit fid-deċiżjoni kontenzjuża, jikkostitwixxix ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 102 TFUE.

63.      Kif spjegat iktar ’il fuq fil-punti 41 et seq., l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar il-kapaċità tal-klawżoli kontenzjużi li jipproduċu effett ta’ esklużjoni u li jirrestrinġu l-kompetizzjoni, li wasslitha sabiex tidentifika “żbalji” min-naħa tal-Kummissjoni, hija simili kemm fl-istruttura kif ukoll fil-kontenut tagħha. Fit-tliet każijiet, il-Qorti Ġenerali tikkritika lill-Kummissjoni talli naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni u tevalwa b’mod suffiċjenti ċ-ċirkustanzi rilevanti ta’ kull każ individwali, speċjalment b’rabta mat-tul rispettiv tal-kuntratti li fihom dawn il-klawżoli, sabiex tipproduċi prova tal-effetti ta’ esklużjoni (attwali jew tal-inqas potenzjali) u tar-restrizzjonijiet fuq il-kompetizzjoni (49).

64.      Il-Kummissjoni toġġezzjona għal din il-konstatazzjoni permezz tal-ewwel, tat-tieni u tat-tielet aggravju tagħha. Dawn l-aggravji huma essenzjalment ibbażati fuq l-oġġezzjoni li, fl-evalwazzjoni tagħha, il-Qorti Ġenerali ġġudikat ħażin il-portata tal-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Intel I sabiex jiġu ddeterminati l-effetti ta’ esklużjoni (50) u l-ponderazzjoni relattiva tagħhom. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali tat wisq importanza lill-kriterju tat-tul tar-rabtiet fil-kuntratti individwali u imponiet rekwiżiti probatorji eċċessivi fuq il-Kummissjoni meta kkunsidrat u eżaminat dan il-kriterju, jew pjuttost, invertiet indebitament l-oneru tal-prova għad-detriment tagħha. F’dan ir-rigward, l-appell ma għandux bħala suġġett eżami mill-ġdid (inammissibbli) tal-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi mill-Qorti Ġenerali jew “riformulazzjoni” tad-deċiżjoni kontenzjuża, kif issostni ripetutament Google, iżda pjuttost jallega żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-kriterji rilevanti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ abbuż ta’ esklużjoni.

65.      Fil-fatt, fis-sentenza Intel I, il-Qorti tal-Ġustizzja żviluppat, għall-ewwel darba, b’devjazzjoni mis-sentenza tagħha Hoffmann-La Roche, rekwiżiti probatorji addizzjonali għall-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ abbuż fir-rigward tar-rabtiet ta’ esklużività bħalma huma l-iskemi ta’ tnaqqis għal lealtà. Dawn ir-rekwiżiti japplikaw għal każijiet fejn l-impriża dominanti inkwistjoni targumenta fi proċedura amministrattiva, fuq il-bażi ta’ provi, li l-aġir tagħha ma setax jirrestrinġi l-kompetizzjoni u, b’mod partikolari, jipproduċi l-allegati effetti ta’ esklużjoni. F’dan il-każ, il-Kummissjoni għandha b’mod partikolari teżamina l-livell tal-pożizzjoni dominanti miżmuma mill-impriża kkonċernata fis-suq rilevanti (l-ewwel kriterju Intel); ir-rata ta’ kopertura tas-suq li tirriżulta mill-prattika implikata (it-tieni kriterju Intel); il-kundizzjonijiet, il-modalitajiet u t-tul ta’ din il-prattika (it-tielet kriterju Intel); kif ukoll l-eżistenza ta’ kwalunkwe strateġija intiża li teskludi l-kompetituri li huma tal-inqas daqstant effiċjenti (ir-raba’ kriterju Intel) (51).

66.      Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kriterji Intel, kif issostni ġustament Google, huma applikabbli għal rabtiet ta’ esklużività kuntrattwali bħal dawk li jinsabu fil-klawżoli kontenzjużi (52). Kif ikkonstatat ukoll il-Qorti Ġenerali (53) u ma huwiex ikkontestat mill-Kummissjoni fl-appell tagħha, ma għadx huwa biżżejjed, sabiex tiġi stabbilita l-evidenza ta’ abbuż, il-konstatazzjoni magħmula fis-sentenza Hoffmann-La Roche, jiġifieri li l-impriża dominanti timponi unilateralment jew kuntrattwalment fuq il-klijenti tagħha l-obbligu li jiksbu l-provvista kollha tagħhom jew parti sostanzjali minnha esklużivament mingħandha, b’mod li jorbothom magħha (54).

67.      Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat dan l-obbligu li teżamina u tipproduċi provi, filwaqt li ddikjarat li, sabiex jiġi stabbilit abbuż (fil-forma ta’ esklużjoni) fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, il-Kummissjoni hija meħtieġa teżamina ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ individwali (55). Madankollu, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet, b’mod żbaljat, kif se nuri iktar ’il quddiem, li dan l-obbligu ta’ eżami jinkludi mhux biss evalwazzjoni globali tad-diversi kriterji Intel, inkluż it-tul tar-rabta kuntrattwali meħuda bħala tali, iżda jeħtieġ ukoll investigazzjoni ddettaljata ferm dwar kull ċirkustanza rilevanti relatata ma’ kull kriterju individwali; in-nuqqas ta’ tali investigazzjoni jista’, fih innifsu, iwassal sabiex id-deċiżjoni kontenzjuża tiġi annullata (56). Fil-fehma tiegħi, il-Qorti Ġenerali b’hekk imponiet rekwiżiti eċċessivi fuq il-portata tal-investigazzjoni tal-kriterju tat-tul u ma kkunsidratx b’mod adegwat ir-riżultat tagħha mal-evalwazzjoni tal-kriterji l-oħra Intel jew ma pponderatux fil-kuntest globali tagħhom.

68.      Fid-deċiżjoni kontenzjuża, għalkemm il-Kummissjoni bbażat ruħha primarjament fuq is-sentenza Hoffmann-La Roche sabiex tiġġustifika l-effetti ta’ esklużjoni tal-klawżola ta’ esklużività, huwa mingħajr dubju li dawn l-effetti ġew eżaminati wkoll sussidjarjament fid-dawl tal-kriterji Intel (57). Hija għamlet l-istess fir-rigward taż-żewġ klawżoli kontenzjużi l-oħra (58). Kif il-Qorti Ġenerali, bħala prinċipju, irrikonoxxiet, (59) hija tabilħaqq ikkunsidrat u eżaminat it-tul tal-klawżoli ta’ għadd kbir ta’ FSG bħala ċirkustanza rilevanti, iżda mhux il-FSG kollha bil-mod iddettaljat u komprensiv meħtieġ minnha (ara wkoll iktar ’il fuq, il-punti 44, 49 u 54) (60).

69.      Fil-kuntest tal-ewwel tliet aggravji, se neżamina l-ewwel il-portata u l-piż tal-kriterji Intel, b’mod partikolari dak tat-tul tal-obbligu kuntrattwali, b’rabta mal-evalwazzjoni globali meħtieġa tal-effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni kif ukoll l-obbligi assoċjati fuq il-Kummissjoni li tivverifika u tipproduċi l-provi (taħt B). Sussegwentement, se neżamina l-oġġezzjoni ċentrali ta’ dawn l-aggravji kollha, jiġifieri li l-Qorti Ġenerali, fl-evalwazzjoni ta’ jekk il-Kummissjoni ssodisfatx il-kriterji Intel fid-deċiżjoni kontenzjuża, ma osservatx il-kuntest ġuridiku pprovdut minn dawn il-kriterji (taħt C). Fl-aħħar nett, fid-dawl tar-riżultati ta’ din l-analiżi, se nindirizza fil-qosor l-oġġezzjonijiet individwali mqajma fil-kuntest tal-ewwel, tat-tieni u tat-tielet aggravju, anki sa fejn dawn għadhom ma ġewx riżolti mill-analiżi preċedenti (taħt D).

B.      Portata u piż tal-kriterji Intel fil-kuntest tal-evalwazzjoni ġenerali tal-effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni

70.      Fl-eżami tal-effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm il-kriterji ġenerali applikabbli għall-ksur tal-Artikoli 101 u 102 TFUE kif ukoll il-kriterji speċifiċi li japplikaw esklużivament għall-abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE.

1.      Kriterji ġenerali sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni skont l-Artikoli 101 u 102 TFUE

71.      Skont ġurisprudenza stabbilita, hija meħtieġa evalwazzjoni ġenerali taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ individwali sabiex jiġi ddeterminat jekk prattiki unilaterali jew ikkoordinati għandhomx effetti attwali jew tal-inqas potenzjali li jirrestrinġu l-kompetizzjoni, fis-sens tal-Artikolu 101 jew 102 TFUE. Dan japplika mhux biss fil-kuntest tal-kunċett ta’ “restrizzjoni tal-kompetizzjoni”, ikkawżata minn prattiki kkoordinati, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE (61), iżda wkoll għal atti unilaterali, b’mod partikolari fil-forma ta’ prattiki ta’ esklużjoni jew ta’ tfixkil abbużivi inkwistjoni, skont l-Artikolu 102 TFUE. Anki tali prattiki, inkwantu l-ħsara partikolari tagħhom ma tkunx diġà ġiet preżunta (62), għandhom tal-inqas ikunu jistgħu jirrestrinġu l-kompetizzjoni (fuq il-bażi tal-mertu), jew, fi kliem ieħor, ikunu kapaċi jwasslu għal tali restrizzjoni, kemm b’mod reali kif ukoll potenzjali (63). Iċ-ċirkustanzi rilevanti tal-każ individwali li għandhom jiġu eżaminati huma relatati mal-kuntest ġenerali, jiġifieri, il-prattiki nnifishom inkwistjoni, is-suq jew is-swieq rilevanti, il-funzjonament tal-kompetizzjoni f’dak is-suq jew swieq, kif ukoll il-karatteristiċi tas-settur ikkonċernat kollu kemm hu (64).

72.      Ir-rekwiżiti sabiex jiġu pprovati l-effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni ma humiex, bħala prinċipju, differenti bejn il-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tal-Artikoli 101 u 102 TFUE. Fiż-żewġ każijiet, il-kwistjoni hija jekk il-kompetituri (potenzjali), bħala riżultat tal-allegati prattiki, għadx għandhom aċċess għas-suq inkwistjoni, jistgħux jibqgħu hemm, jew jistgħux itejbu l-pożizzjoni tagħhom fis-suq. Dan iqajjem il-kwistjoni taż-żieda li tirriżulta fl-ostakoli għad-dħul fis-suq jew fl-effetti ta’ għeluq tas-suq. Interpretazzjoni koerenti f’dan ir-rigward hija iktar u iktar meħtieġa peress li l-prattika inkwistjoni jaf ikollha tiġi eżaminata fuq il-bażi tal-kundizzjonijiet kemm tal-Artikolu 101 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 102 TFUE, anki jekk jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifiċi rispettivi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet (65). Dan japplika wkoll għall-kawża inkwistjoni. Dan minħabba li l-Kummissjoni setgħet ukoll teżamina mill-ġdid ir-rabtiet kuntrattwali, jiġifieri l-FSG bil-klawżoli kontenzjużi li fuqhom huwa bbażat l-allegat ksur tal-Artikolu 102 TFUE, fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħhom mal-Artikolu 101 TFUE (66).

73.      Il-kriterji li għandhom jintużaw għall-finijiet ta’ evalwazzjoni każ b’każ, fil-kuntest ta’ evalwazzjoni ġenerali sabiex jiġi ddeterminat l-effett ta’ għeluq tas-suq, ġew żviluppati fil-ġurisprudenza għal diversi snin. Essenzjalment, dawn jikkorrispondu għall-kriterji Intel irrikonoxxuti għall-abbużi ta’ esklużjoni, inklużi dawk relatati mar-rabtiet ta’ esklużività. Kif innotat Google waqt is-seduta, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Delimitis tagħha, eżaminat jekk kienx hemm restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-effett fil-forma ta’ esklużjoni mis-suq, u jekk din setgħetx tiġi attribwita lil dawk responsabbli għaliha, fuq il-bażi tal-kriterji li ġejjin: (67) l-eżistenza ta’ sensiela ta’ ftehimiet ta’ provvista simili (jew network ta’ ftehimiet) li jorbtu lix-xerrejja mal-produttur inkwistjoni u li jfixklu jew jimblokkaw b’mod kumulattiv l-aċċess għas-suq għall-produtturi kompetituri; il-volum tal-provvisti koperti minn dawn il-ftehimiet; il-kundizzjonijiet li fihom isseħħ il-kompetizzjoni fis-suq inkwistjoni, jiġifieri l-għadd u d-daqs tal-produtturi li joperaw fih, il-grad ta’ saturazzjoni tas-suq u l-lealtà tal-konsumaturi lejn trade marks eżistenti; il-portata (kunsiderevoli) jew l-importanza tal-kontribut tal-kuntratt ta’ provvista inkwistjoni u tal-partijiet kontraenti tiegħu għall-għeluq tas-suq f’dak li jirrigwarda s-sehem mis-suq tal-produttur, l-għadd ta’ klijenti marbuta miegħu meta mqabbel mal-għadd totali ta’ punti ta’ bejgħ disponibbli, u t-tul tal-kuntratt. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat li anki tul relattivament qasir tar-rabta kuntrattwali jista’ jikkontribwixxi b’mod sinjifikattiv għall-għeluq tas-suq jekk il-produttur ikollu pożizzjoni relattivament b’saħħitha fis-suq (68). Il-Kummissjoni inkorporat dawn it-termini fil-Linji Gwida tagħha dwar ir-restrizzjonijiet vertikali (69).

74.      Il-kriterji Intel huma marbuta b’mod ċar mal-kriterji msemmija iktar ’il fuq. L-ewwel kriterju Intel, il-livell tal-pożizzjoni dominanti tal-impriża kkonċernata, huwa bbażat prinċipalment fuq is-sehem mis-suq inkwistjoni, li huwa indikatur ewlieni tas-saħħa tagħha fis-suq (70). It-tieni kriterju Intel, ir-rata ta’ kopertura tas-suq, jikkorrispondi għall-provvisti li huma s-suġġett tal-kuntratt jew għall-volum tad-domanda kopert minn kuntratti ta’ provvista paragunabbli. It-tielet kriterju Intel, dwar il-kundizzjonijiet, il-modalitajiet, u t-tul, huwa simili għall-kundizzjonijiet li fihom isseħħ il-kompetizzjoni fis-suq inkwistjoni, b’mod partikolari fuq il-bażi tal-ftehimiet kuntrattwali mfassla u implimentati għal dak il-għan. Fl-aħħar nett, ir-raba’ kriterju Intel, l-eżistenza ta’ strateġija ta’ esklużjoni eventwali, huwa marbut mal-kriterji li jippermettu li l-għeluq tas-suq (tal-inqas potenzjali) tiġi attribwita lill-partijiet kontraenti.

75.      Il-Qorti Ġenerali ikkonstatat ukoll fis-sentenza appellata, b’referenza għall-punt 36 Linji Gwida dwar il-prijoritajiet tal-Kummissjoni (71), li l-probabbiltà ta’ effetti ta’ esklużjoni ġeneralment tiżdied mat-tul tal-obbligu ta’ provvista esklużiva, u li anki tul qasir jista’ jwassal għal għeluq ta’ suq restrittiv fuq il-kompetizzjoni jekk l-impriża dominanti tkun imsieħba kummerċjali indispensabbli għax-xerrejja kollha jew għall-biċċa l-kbira minnhom (72).

76.      F’din il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni ġustament tosserva, fil-fehma tiegħi, li t-tul ta’ obbligu ta’ provvista esklużiva jista’ jagħmilha iktar diffiċli għax-xerrejja li jibdlu l-fornituri, b’obbligu itwal li jżid l-effett ta’ esklużjoni mis-suq. Madankollu, din id-dikjarazzjoni ma tistax tiġi interpretata li tfisser li, fil-każ ta’ obbligu ta’ provvista esklużiva għal żmien qasir, l-esklużjoni mis-suq restrittiv fuq il-kompetizzjoni tista’ teżisti biss jekk l-impriża dominanti tkun imsieħba kummerċjali indispensabbli għax-xerrejja kollha jew għall-biċċa l-kbira tagħhom. Dan minħabba li f’każ bħal dan, l-esklużjoni mis-suq hija iktar u iktar probabbli (73). Fl-aħħar mill-aħħar, madankollu, tali interpretazzjoni, li l-Qorti Ġenerali tidher li hija inklinata lejha (74), ma hijiex deċiżiva, minħabba li l-Linji Gwida dwar il-prijoritajiet ma hijiex vinkolanti fuq il-Qorti tal-Ġustizzja (75). Pjuttost, f’konformità mal-ġurisprudenza preċedenti, għandu jiġi preżunt li t-tul tal-obbligu ta’ provvista esklużiva għandu jiġi evalwat flimkien mal-kriterji l-oħra f’evalwazzjoni ġenerali, b’importanza partikolari mogħtija lill-pożizzjoni fis-suq tal-fornitur u lir-rata ta’ kopertura tas-suq (76).

77.      Ir-rekwiżit għal evalwazzjoni ġenerali li tieħu inkunsiderazzjoni fl-istess ħin il-fatturi u l-aspetti rilevanti kollha, kif ġustament targumenta l-Kummissjoni, jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza dwar il-kunċett ta’ impediment sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva (77) fil-kuntest tal-Liġi dwar il-Kontroll tal-Fużjonijiet.(78) Jekk l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward tiġi kkontestata quddiem il-Qorti Ġenerali, hija jeħtiġilha, skont din il-ġurisprudenza, “tevalwa jekk il-fatturi u l-elementi rilevanti kollha li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni u li jistgħu jitqiesu bħala stabbiliti, inklużi dawk li ma ġewx ikkontestati, humiex biżżejjed sabiex juru l-eżistenza ta’ tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva”. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ġenerali tkun wettqet żball ta’ liġi jekk, bi tweġiba għall-oġġezzjonijiet tar-rikorrent, hija tonqos milli “[twettaq] evalwazzjoni globali tal-fatturi u tal-konstatazzjonijiet rilevanti sabiex jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni kinitx uriet l-eżistenza ta’ tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva.”(79)

2.      Elementi speċifiċi skont l-Artikolu 102 TFUE

78.      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, waħda mill-elementi speċjali li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni skont l-Artikolu 102 TFUE meta jiġi eżaminat jekk hemmx effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni (iktar ’il fuq, punt 72) hija l-kwistjoni dwar jekk il-prattika inkwistjoni hijiex kapaċi teskludi kompetituri daqstant effiċjenti mis-suq ikkonċernat. Il-parametru referenzjarju għall-effiċjenza f’dan il-kuntest huwa l-istruttura tal-ispejjeż, il-kapaċità għall-innovazzjoni, jew il-kwalità tal-impriża dominanti (80).

79.      Il-Qorti tal-Ġustizzja rrimarkat li t-test ta’ kompetitur daqstant effiċjenti (81), li huwa primarjament applikabbli għall-kompetizzjoni fil-prezzijiet, jista’ ma jkunx xieraq fil-każ ta’ prattiki mhux tariffarji, bħal rifjut ta’ provvista, jew ostakoli kbar għad-dħul fis-suq, u huwa biss wieħed minn diversi metodi sabiex jiġi evalwat jekk prattika jistax ikollha effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni (82). Madankollu, meta eżaminat jekk l-obbligi ta’ esklużività kuntrattwali, bħall-klawżoli inkwistjoni hawnhekk, jistgħux ikollhom effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni, fil-fehma tiegħi, b’mod qarrieqi (83), hija ma eskludietx kompletament l-applikazzjoni ta’ dan it-test (84).

80.      Il-Qorti tal-Ġustizzja sussegwentement iċċarat li, sabiex jiġi stabbilit abbuż minn pożizzjoni dominanti, huwa ġeneralment meħtieġ li jintwera li l-prattika inkwistjoni tiddevja mill-metodi ta’ kompetizzjoni fuq il-merti u b’hekk twassal, attwalment jew potenzjalment, għall-esklużjoni jew għat-tfixkil ta’ kompetituri daqstant effiċjenti u li tirriżulta f’restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq rilevanti jew fi swieq relatati jew ġirien (85). Għandu jiġi preżunt li dawn iż-żewġ elementi kostituttivi tal-kunċett ta’ abbuż iridu, bħala prinċipju, jiġu eżaminati u pprovati separatament.(86) Madankollu, l-eżistenza ta’ abbuż tista’ tiġi stabbilita wkoll jekk il-prattika ta’ impriża dominanti jkollha “kemm bħala effett attwali jew potenzjali, kif ukoll bħala għan, li [t]ipprekludi fi stadju preliminari, permezz tal-istabbiliment ta’ barrieri għad-dħul jew permezz tal-użu ta’ miżuri oħra ta’ esklużjoni jew ta’ mezzi oħra differenti minn dawk li jirregolaw il-kompetizzjoni abbażi tal-mertu [...] (87)”.

81.      Fi kwalunkwe każ, nifhem li din il-ġurisprudenza tfisser li l-ħolqien ta’ ostakoli għall-aċċess jew l-użu ta’ miżuri oħra ta’ għeluq mill-impriża dominanti huwa ġeneralment biżżejjed sabiex jiġu attributi lilha l-effetti ta’ esklużjoni li jirriżultaw minn dan għad-detriment tal-kompetituri u sabiex tiġi akkużata bi prattiki abbużivi, mingħajr il-ħtieġa f’kull każ ta’ prova addizzjonali ta’ devjazzjoni minn kompetizzjoni bbażata fuq l-effiċjenza (88).

82.      B’dan il-mod, il-Qorti tal-Ġustizzja tasal għall-konklużjonijiet korretti mir-responsabbiltà speċjali tal-impriża f’pożizzjoni dominanti, enfasizzata fil-ġurisprudenza stabbilita tagħha, għaż-żamma tal-kompetizzjoni fis-swieq ikkonċernati (89) u l-istruttura tas-suq meħtieġa għal dan l-għan, speċjalment minħabba li l-livell ta’ kompetizzjoni hemm huwa diġà dgħajjef preċiżament minħabba l-preżenza ta’ din l-impriża (90). Dan japplika iktar u iktar għall-istruttura tas-swieq diġitali, bħal dawk inkwistjoni hawnhekk. Din l-istruttura tinkludi ekosistema li turi ostakoli sinjifikattivi u effetti tan-network, li jikkontribwixxu sabiex jagħmluha prattikament impossibbli anki għal kompetitur daqstant effiċjenti bħall-impriża dominanti li jidħol fis-suq, jibqa’ hemm, jew saħansitra jidher fih (91).

83.      Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija konsistenti mal-ġurisprudenza dwar l-obbligi ta’ esklużività kuntrattwali fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE, li skontha effett ta’ għeluq tas-suq jista’ jiġi indikat mill-pożizzjoni partikolarment b’saħħitha fis-suq ta’ waħda mill-partijiet kontraenti, anke jekk it-tul tar-rabtiet kuntrattwali jkun relattivament qasir (ara iktar ’il fuq, il-punti 73 sa 76).

C.      Evalwazzjoni tal-applikazzjoni tal-kriterji Intel għall-klawżoli kontenzjużi fis-sentenza appellata

84.      Issa se neżamina jekk il-Qorti Ġenerali osservatx il-kuntest ġuridiku stabbilit mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif spjegat iktar ’il fuq (ara l-punt 71 et seq.).

85.      Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-kriterji Intel kollha u l-kunsiderazzjoni tagħhom mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża. Essenzjalment, bl-eċċezzjoni tat-tul tal-FSG, din il-qorti kkonfermat li l-evalwazzjoni u l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni kienu ħielsa minn żbalji ta’ liġi jew żbalji ta’ evalwazzjoni. Peress li l-konstatazzjoni tal-effetti ta’ esklużjoni hija r-riżultat ta’ evalwazzjoni ġenerali ta’ dawn il-kriterji, se nikkunsidra wkoll iktar ’il quddiem l-eżami ta’ dawn il-kriterji fis-sentenza appellata li, bħala tali, ma humiex ikkontestati fl-appell mill-Kummissjoni jew, fin-nuqqas ta’ appell inċidentali, mill-konvenuti. Għall-finijiet ta’ sempliċità, se nindirizza l-klawżoli kontenzjużi b’mod kollettiv, inkwantu dawn huma s-suġġett ta’ din l-evalwazzjoni u ta’ dan l-eżami mill-ġdid. Dan jidher li huwa iktar u iktar xieraq peress li l-Qorti Ġenerali waslet għal konstatazzjonijiet simili f’dan ir-rigward. Jiena qed nibbaża l-approċċ tiegħi fuq il-kriterji Intel bl-istess mod li l-Qorti Ġenerali eżaminat il-konformità tal-Kummissjoni magħhom.

1.      L-ewwel kriterju Intel: il-livell tal-pożizzjoni dominanti

86.      Fir-rigward tal-livell tal-pożizzjoni dominanti ta’ Google fil-biċċa l-kbira tas-swieq nazzjonali inkwistjoni għar-reklamar marbut mat-tfittix online u fis-suq għall-intermedjazzjoni ta’ tali reklamar, il-Qorti Ġenerali kkonfermat bis-sħiħ il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni (92). Sussegwentement, l-ishma mis-suq ta’ Google f’dawn is-swieq żdiedu bejn l‑2006 u l‑2016, u fl‑2016, bilkemm kien għad fadal kompetituri. Barra minn hekk, dawn is-swieq kienu kkaratterizzati minn ostakoli kbar għad-dħul u l-espansjoni, kif ukoll minn nuqqas ta’ saħħa tax-xerrej kumpensatorja min-naħa tal-pubbliċitarji u tal-operaturi tas-siti internet. B’mod partikolari, l-ekonomiji ta’ skala u l-effetti tan-network għamluha iktar diffiċli għal kompetituri ġodda sabiex jidħlu fis-suq (93). Fost affarijiet oħra, din l-evalwazzjoni wasslet lill-Qorti Ġenerali għall-konklużjoni preliminari li l-klawżola ta’ esklużività fil-FSG mal-imsieħba diretti tas-siti kollha, suġġetta għal eżami tat-tul tagħha, setgħet tipproduċi l-effett ta’ esklużjoni preżunt fid-deċiżjoni kontenzjuża (94). Dan japplika wkoll, bħala prinċipju, għall-FSG bi klawżoli ta’ pożizzjonament (95) u ta’ awtorizzazzjoni minn qabel (96).

87.      Barra minn hekk, nixtieq nenfasizza li, skont il-konstatazzjonijiet li saru finali fid-deċiżjoni kontenzjuża (97), il-pożizzjoni dominanti ta’ Google fis-swieq imsemmija iktar ’il fuq kienet ibbażata fuq ishma partikolarment kbar mis-suq, jiġifieri ferm aktar minn [kunfidenzjali] % fil-parti l-kbira tas-swieq nazzjonali għar-reklamar marbut mat-tfittix online fl‑2016, u -[kunfidenzjali] % fis-suq għall-intermedjazzjoni fil-qasam tar-reklamar marbut mat-tfittix online fiż-ŻEE (98). Fil-każ tal-aħħar, il-Kummissjoni kkonstatat żieda qawwija, partikolarment sinjifikattiva, sa mill‑2006 (b’sehem mis-suq diġà kien qabeż il-[kunfidenzjali] %) (99). Kif ikkonkludiet ukoll il-Qorti Ġenerali, dan huwa iktar u iktar sinjifikattiv minħabba li dawn is-swieq kienu kkaratterizzati, minn naħa, minn ostakoli sinjifikattivi għad-dħul u l-espansjoni, kif ukoll mill-ekonomiji ta’ skala u l-effetti tan-network u, min-naħa l-oħra, mill-assenza ta’ kompetituri u saħħa tax-xerrej kumpensatorja. Fil-fehma tiegħi, dawn il-konstatazzjonijiet fihom innifishom huma indizji qawwija li l-klawżoli kontenzjużi, irrispettivament minn rabtiet kuntrattwali xi drabi qosra, mhux biss seta’ jkollhom effett ta’ esklużjoni, iżda effettivament għamlu dan. Bħala prinċipju l-Qorti Ġenerali ħadet pożizzjoni simili, iżda kkwalifikat dawn iċ-ċirkustanzi meta ħadet inkunsiderazzjoni l-kriterju tat-tul (ara iktar ’il quddiem, il-punt 103 et seq.).

2.      It-tieni u r-raba’ kriterju Intel: il-livell tal-kopertura tas-suq u l-istrateġija għall-esklużjoni ta’ kompetituri daqstant effiċjenti

a)      Osservazzjoni preliminari

88.      Il-Qorti Ġenerali eżaminat il-kriterju tal-kopertura tas-suq permezz tal-klawżoli kontenzjużi, speċifikament fil-kuntest tal-impossibbiltà għall-intermedjarji kompetituri ta’ Google li jaċċedu għal parti sinjifikattiva tas-suq għall-intermedjazzjoni fil-qasam tar-reklamar marbut mat-tfittix online u f’dan ir-rigward, hija kkonfermat id-deċiżjoni kontenzjuża (100). Preċedentement, hija eżaminat u kkonfermat l-effett dissważiv, relatat mill-qrib, li dawn il-klawżoli kellhom fuq l-imsieħba diretti (jiġifieri x-xerrejja tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tagħha), li jiskoraġġixxihom milli jirrikorru għal intermedjarji li jikkompetu ma’ Google (101).

89.      Wara li kkunsidrat il-kriterju tal-kopertura tas-suq, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-oġġezzjonijiet ta’ Google li l-Kummissjoni kienet żbaljatament ma ħaditx inkunsiderazzjoni it-test tal-kompetitur daqstant effiċjenti, li eskluda l-konstatazzjoni tal-effetti ta’ esklużjoni mill-klawżoli kontenzjużi. Dan it-test ma huwiex applikabbli fid-dawl tal-formulazzjoni ta’ dawn il-klawżoli, tal-kopertura tas-suq li jinvolvu, tal-istruttura u l-funzjonament tas-swieq ikkonċernati (ishma kbar mis-suq ta’ Google, tal-ostakoli għad-dħul fis-suq u l-espansjoni inklużi l-effetti tan-network) u tal-provi insuffiċjenti (102) ppreżentati minn Google. Barra minn hekk, huwa irrilevanti jekk Google segwietx strateġija li tbiegħed mis-suq lil kompetituri daqstant effiċjenti (intermedjarji kompetituri) (103). Il-Kummissjoni setgħet tillimita ruħha li turi dawn l-effetti ta’ esklużjoni fuq il-bażi ta’ diversi fatturi rilevanti oħra (104). Skont il-Qorti Ġenerali, l-issodisfar tal-kriterju ta’ kompetitur daqstant effiċjenti kien għalhekk irrilevanti sabiex jintwera li l-klawżoli kontenzjużi kienu jirrestrinġu l-kompetizzjoni.

90.      Minħabba r-rabta mill-qrib bejn dawn id-diversi aspetti, li huma rilevanti sabiex jintwera li l-klawżoli inkwistjoni jistgħu jipproduċu effetti ta’ esklużjoni u jirrestrinġu l-kompetizzjoni, se nindirizzahom flimkien iktar ’il quddiem, filwaqt li nkopri l-ewwel, it-tieni u t-tielet aggravju. Dan jidher li huwa iktar u iktar neċessarju peress li l-Qorti Ġenerali essenzjalment ċaħdet l-oġġezzjonijiet ta’ Google f’dan ir-rigward, u b’hekk ikkonfermat il-konstatazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni kontenzjuża.

b)      Klawżola ta’ esklużività

91.      Qabelxejn, il-Qorti Ġenerali kkonfermat il-konstatazzjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża li l-klawżola ta’ esklużività kellha effett dissważiv fuq l-imsieħba diretti tas-siti kollha, billi skoraġġithom milli jiksbu mill-inqas parti mill-provvista tagħhom mingħand intermedjarji oħra sabiex juru reklami kompetituri fuq is-siti internet tagħhom stess jew fuq uħud mill-paġni tagħhom (105). Hija kkonfermat ukoll li din il-klawżola setgħet tipprevjeni lill-kompetituri ta’ Google milli jiksbu aċċess għal sehem ssinjifikattiv mis-suq għall-intermedjazzjoni fil-qasam tar-reklamar marbut mat-tfittix online fiż-ŻEE (106). B’dan il-mod, hija essenzjalment ċaħdet ukoll l-oġġezzjonijiet ta’ Google rigward il-kopertura tas-suq allegatament insuffiċjenti (107) u l-eżami allegatament inadegwat tat-test tal-kompetitur daqstant effiċjenti (108).

92.      F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali reġgħet irreferiet għaż-żieda fis-sehem mis-suq ta’ Google bejn l‑2006 u l‑2016, għall-assenza ta’ kompetituri u tas-saħħa tax-xerrej kumpensatorja, u għall-eżistenza ta’ ostakoli kbar għad-dħul fis-suq u l-espansjoni, inklużi l-ekonomiji ta’ skala u l-effetti tan-network.(109) Wara eżami bir-reqqa (110), il-Qorti Ġenerali waslet ukoll għal konklużjoni preliminari, suġġetta għal evalwazzjoni tat-tul tar-rabtiet kuntrattwali, li l-klawżola ta’ esklużività fil-FSG mal-imsieħba diretti tas-siti kollha, minħabba l-livell ta’ kopertura tas-suq li kienu jinvolvu, setgħet tipproduċi l-effett ta’ esklużjoni identifikat fid-deċiżjoni kontenzjuża. Madankollu, dan ma japplikax għall-kopertura tas-suq fil-perijodu bejn l‑1 ta’ Jannar u l‑31 ta’ Marzu 2016 (111).

c)      Klawżola ta’ pożizzjonament

93.      Fir-rigward tal-effett dissważiv tal-klawżola ta’ pożizzjonament fuq l-imsieħba diretti, il-Qorti Ġenerali essenzjalment waslet għall-istess konklużjoni (112), filwaqt li nnotat b’mod partikolari li din il-klawżola rriżervat l-iktar partijiet viżibbli tal-paġni tar-riżultati ta’ dawn l-imsieħba, li konsegwentement iġġeneraw l-ogħla rati ta’ klikks, għar-reklami pprovduti minn Google (113).

94.      Il-Kummissjoni setgħet tikkunsidra li l-klawżola ta’ pożizzjonament kienet xierqa sabiex tirrestrinġi l-kompetizzjoni billi tipprevjeni lil dawn l-imsieħba milli jiksbu l-provvista tagħhom mingħand intermedjarji kompetituri ta’ Google (114). Il-Qorti Ġenerali ċaħdet, essenzjalment, bħala infondati l-oġġezzjonijiet imqajma minn Google f’dan ir-rigward (115). Għaldaqstant, l-inklużjoni tal-klawżola ta’ pożizzjonament fil-FSG tissuġġerixxi li, minkejja l-kwalità apparentement superjuri tal-AFS, Google qieset li fin-nuqqas ta’ din il-klawżola l-imsieħba diretti tagħha kien ikollhom inċentiv ekonomiku sabiex jiksbu l-provvista tagħhom mingħand intermedjarji oħra (116). Għalhekk, il-Qorti Ġenerali waslet ukoll għall-konklużjoni preliminari, bla ħsara għal eżami tat-tul tar-rabtiet kuntrattwali, li l-klawżola ta’ pożizzjonament setgħet skoraġġixxiet lil xi wħud mill-imsieħba diretti milli jiksbu mill-inqas parti mill-provvista tagħhom mingħand intermedjarji li jikkompetu ma’ Google (117).

95.      F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali rreferiet mill-ġdid għaż-żieda fis-sehem mis-suq ta’ Google bejn l‑2006 u l‑2016, kif ukoll għall-istruttura u l-funzjonament tas-swieq inkwistjoni (assenza ta’ kompetituri u saħħa tax-xerrej kumpensatorja, ostakoli kbar għad-dħul fis-suq u l-espansjoni, u ekonomiji ta’ skala u effetti tan-network) (118), sabiex tikkonferma, bla ħsara għal eżami mill-ġdid tat-tul, li l-klawżola ta’ pożizzjonament setgħet tipproduċi l-effett ta’ esklużjoni preżunt fid-deċiżjoni kontenzjuża (119). Barra minn hekk, fir-rigward tal-konstatazzjoni f’din id-deċiżjoni li l-intermedjarji kompetituri ta’ Google ma setgħux jaċċedu għal sehem sinjifikattiv mis-suq għall-intermedjazzjoni fil-qasam tar-reklamar marbut mat-tfittix online, kif ukoll għall-kopertura tas-suq li tirriżulta mill-klawżola inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali ċaħdet diversi oġġezzjonijiet ta’ Google bħala infondati, bl-eċċezzjoni ta’ dawk relatati mas-sena 2016 (120). Dan japplika wkoll għall-oġġezzjonijiet li l-Kummissjoni, l-ewwel nett, naqset milli teżamina b’mod adegwat it-test tal-kompetitur daqstant effiċjenti, u t-tieni nett, naqset milli turi li kompetitur daqstant effiċjenti ma setax jidħol fis-suq għall-intermedjazzjoni fil-qasam tar-reklamar marbut mat-tfittix online jew li aktarx kien jiġi eskluż minnu (121).

96.      Fl-aħħar mill-aħħar, bla ħsara għal eżami tat-tul, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kummissjoni kienet qieset b’mod korrett li (minħabba l-kopertura tas-suq li tirriżulta mill-klawżola ta’ esklużività fil-FSG konklużi mal-imsieħba diretti tas-siti kollha) il-kopertura tas-suq attribwibbli għall-klawżola ta’ pożizzjonament kienet biżżejjed sabiex din tkun tista’ tipproduċi effett ta’ esklużjoni bejn il‑31 ta’ Marzu 2009 u l‑31 ta’ Diċembru 2015 (122). Madankollu, dan ma japplikax għall-prova ta’ tali effett minħabba l-kopertura tas-suq bejn l‑1 ta’ Jannar u s‑6 ta’ Settembru 2016 (123).

d)      Klawżola ta’ awtorizzazzjoni minn qabel

97.      L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali rigward l-effett dissważiv tal-klawżola ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, li skoraġġixxiet lill-imsieħba diretti milli jiksbu l-provvista tagħhom mingħand intermedjarji kompetituri, kif ukoll l-impossibbiltà għal tali kompetituri li jiksbu aċċess għal sehem sinjifikattiv mis-suq għall-intermedjazzjoni fil-qasam tar-reklamar marbut mat-tfittix online, minħabba, b’mod partikolari, kwistjonijiet ta’ kopertura tas-suq, tikkoinċidi mal-evalwazzjoni li saret rigward iż-żewġ klawżoli l-oħra jew hija simili tagħha (124). Din l-evalwazzjoni tirrigwarda, fost l-oħrajn, l-interazzjonijiet mal-klawżola ta’ pożizzjonament, li l-effett dissważiv tagħha jista’ jsaħħaħ il-klawżola ta’ awtorizzazzjoni minn qabel (125). B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni wkoll il-portata tal-pożizzjoni dominanti ta’ Google fis-suq għall-intermedjazzjoni fil-qasam tar-reklamar marbut mat-tfittix online, u b’mod partikolari l-ostakoli sinjifikattivi għad-dħul u għall-espansjoni f’dan is-suq (126). F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-oġġezzjonijiet kollha ta’ Google bħala infondati (127). Għalhekk, hija waslet għall-konklużjoni preliminari, bħala ħsara għal eżami tat-tul, li l-klawżola ta’ awtorizzazzjoni minn qabel setgħet tipproduċi l-effett ta’ esklużjoni identifikat fid-deċiżjoni kontenzjuża (128).

98.      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali essenzjalment ikkonfermat il-konstatazzjoni magħmula fid-deċiżjoni kontenzjuża li l-klawżola ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, flimkien, b’mod partikolari, mal-kopertura tas-suq li tirriżulta mill-klawżola ta’ pożizzjonament, kienet tinkludi sehem sostanzjali mis-suq għall-intermedjazzjoni fil-qasam tar-reklamar marbut mat-tfittix online fiż-ŻEE bejn l‑2009 u l‑2015 (għalkemm mhux għall‑2016). Barra minn hekk, fir-rigward tal-konstatazzjoni f’din id-deċiżjoni li l-intermedjarji kompetituri ma setgħux jaċċedu għal sehem sinjifikattiv mis-suq għall-intermedjazzjoni fil-qasam tar-reklamar marbut mat-tfittix online, il-Qorti Ġenerali ċaħdet diversi oġġezzjonijiet ta’ Google bħala infondati (129). Dan japplika wkoll għall-oġġezzjonijiet li jikkonċernaw l-eżami insuffiċjenti tat-test tal-kompetitur daqstant effiċjenti, kif ukoll l-istrateġija allegatament nieqsa għall-esklużjoni ta’ tali kompetituri (ara wkoll iktar ’il fuq, il-punti 89 u 96). Il-Kummissjoni setgħet tillimita ruħha li tistabbilixxi, fuq il-bażi ta’ diversi fatturi rilevanti, li l-klawżola ta’ awtorizzazzjoni minn qabel setgħet tipproduċi effett ta’ esklużjoni, mingħajr ma jkollha tibbaża ruħha fuq dak it-test speċifiku. Dan kien jinkludi l-formulazzjoni tal-klawżola ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, il-fatt li din il-klawżola, flimkien mal-klawżola ta’ esklużività u l-klawżola ta’ pożizzjonament, kopriet sehem sinjifikattiv mis-suq għall-intermedjazzjoni fil-qasam tar-reklamar marbut mat-tfittix online, kif ukoll l-istruttura u l-funzjonament ta’ dak is-suq (il-livell tal-pożizzjoni dominanti ta’ Google, imkejla primarjament mill-ishma kbar mis-suq tagħha, kif ukoll l-ostakoli għad-dħul fis-suq u l-espansjoni, b’mod partikolari l-effetti tan-network) (130).

99.      Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, bla ħsara għal evalwazzjoni tat-tul tagħha, li l-Kummissjoni kienet ġustament iddeterminat li, minħabba l-kopertura tas-suq li tirriżulta mill-klawżoli ta’ esklużività u ta’ pożizzjonament, il-kopertura tas-suq attribwibbli għall-klawżola ta’ awtorizzazzjoni minn qabel kienet biżżejjed sabiex din tal-aħħar titqies li setgħet tipproduċi effett ta’ esklużjoni bejn il‑31 ta’ Marzu 2009 u l‑31 ta’ Diċembru 2015. Barra minn hekk, Google ma tistax targumenta b’suċċess li l-Kummissjoni naqset milli tistabbilixxi li kompetitur effiċjenti daqs Google ma setax jidħol fis-suq għall-intermedjazzjoni fil-qasam tar-reklamar marbut mat-tfittix online, u lanqas li tali kompetitur seta’ jiġi eskluż minn dak is-suq (131).

e)      Konklużjoni intermedja

100. Dan l-eżami ddettaljat tal-effetti tal-klawżoli kontenzjużi fuq l-imsieħba diretti u l-kompetituri, b’kunsiderazzjoni meħuda, fost fatturi oħra, tal-livell tal-kopertura tas-suq tagħhom, iwassal għall-konklużjoni inevitabbli li l-Qorti Ġenerali qieset ukoll li dawn il-klawżoli, speċjalment meta kkombinati, setgħu intrinsikament jipproduċu l-effetti ta’ esklużjoni identifikati fid-deċiżjoni kontenzjuża, u li l-Kummissjoni kienet, f’dan ir-rigward, issodisfat l-oneru tal-prova tagħha. Madankollu, il-Qorti Ġenerali kkwalifikat din il-konklużjoni fir-rigward ta’ kull waħda minn dawn il-klawżoli, billi sostniet li l-Kummissjoni kellha tikkunsidra u teżamina b’mod suffiċjenti t-tul tal-FSG u l-eżistenza ta’ dritt ta’ xoljiment unilaterali (132). Fil-fehma tiegħi, kif se jintwera iktar ’il quddiem, dan jikkostitwixxi żball ta’ liġi.

3.      It-tielet kriterju Intel: b’mod partikolari, it-tul tal-FSG

101. Għaldaqstant, sussegwentement se ninvestiga jekk, fid-dawl tal-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni, ikkonfermati mill-Qorti Ġenerali, rigward il-kapaċità tal-klawżoli inkwistjoni li jipproduċu effetti ta’ esklużjoni u b’hekk li jirrestrinġu l-kompetizzjoni, il-Qorti Ġenerali setgħetx tagħti tattribwixxi piż sinjifikattiv lit-tul (relattivament qasir) tar-rabtiet kuntrattwali individwali sabiex hija tikkontesta l-konklużjoni li kienet waslet għaliha sa dak il-punt. Fil-fehma tiegħi, dan ma huwiex il-każ. Anki li kieku kien il-każ li l-Kummissjoni, li effettivament ħadet inkunsiderazzjoni l-kriterju tat-tul, naqset milli teżamina u tevalwa dak il-kriterju bil-livell ta’ preċiżjoni meħtieġ mill-Qorti Ġenerali fir-rigward ta’ kull kuntratt individwali, il-Qorti Ġenerali nnifisha tista’ tiġi kkritikata talli naqset milli torbot b’mod adegwat il-konstatazzjonijiet tagħha mar-riżultati tal-eżami tagħha stess tal-kriterji l-oħra Intel, jew li tibbilanċjahom fi ħdan evalwazzjoni ġenerali, sabiex tiġġustifika l-konklużjoni tagħha li d-deċiżjoni għandha tiġi annullata. Madankollu, il-Qorti Ġenerali kienet obbligata tagħmel dan, minħabba r-rwol tagħha bħala qorti kompetenti li teżamina l-fatti u r-rekwiżit għal eżami komprensiv tal-fatti u l-provi rilevanti meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tistabbilixxi ksur tal-Artikolu 102 TFUE (133).

102. Madankollu, għandu l-ewwel jiġi eżaminat il-kontenut tad-deċiżjoni kontenzjuża f’iktar dettall. L-għan ma huwiex li ssir evalwazzjoni mill-ġdid tal-fatti u tal-provi rilevanti, li tkun inammissibbli fi proċeduri ta’ appell, u lanqas li tinbidel il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża; huwa pjuttost meħtieġ preliminarjament sabiex jiġi eżaminat jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ liġi meta evalwat il-kontenut ta’ dik id-deċiżjoni fid-dawl tal-kriterji Intel.

a)      Eżami tat-tul tar-rabtiet kuntrattwali fid-deċiżjoni kontenzjuża

103. B’mod ġenerali, u bi tweġiba għall-oġġezzjonijiet diġà mqajma minn Google matul il-proċedura amministrattiva, ibbażati fost affarijiet oħra fuq it-tul allegatament qasir tar-rabtiet kuntrattwali u d-drittijiet unilaterali ta’ xoljiment tal-partijiet kontraenti, fid-deċiżjoni kontenzjuża l-Kummissjoni għamlet il-konstatazzjonijiet li ġejjin rigward il-klawżoli kontenzjużi:

1)      Klawżola ta’ esklużività

104. Fir-rigward tal-klawżola ta’ esklużività, il-Kummissjoni eżaminat fost affarijiet oħra t-tul stipulat fil-FSG(134) rilevanti, bħala parti mill-evalwazzjoni tagħha taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ partikolari (135). Hija kkaratterizzat dan it-tul bħala xi drabi “twil”, jiġifieri “minn sena sa iktar minn għaxar snin” (136). F’dan ir-rigward, hija rreferiet b’mod partikolari għall-FSG mal-imsieħba kummerċjali l-iktar importanti ta’ Google, jiġifieri AOL u IAC. Pereżempju, il-FSG ma’ AOL ittraċċaw is-siti internet kollha tagħha minn nofs Ottubru 2004 sa tmiem l‑2015, perijodu ta’ iktar minn 11‑il sena, u kienu jirrappreżentaw [kunfidenzjali] % tad-dħul gross ta’ Google minn servizzi intermedjarji bejn l‑2006 u l‑2012. Fil-każ tal-IAC, il-FSG koprew is-siti internet kollha minn nofs Mejju 2003 sal-aħħar ta’ Marzu 2016, kważi 13‑il sena, u rrappreżentaw [kunfidenzjali] % tad-dħul gross ta’ Google minn dawn is-servizzi bejn l‑2002 u l‑2015. Dan huwa segwit minn lista ddettaljata, ta’ madwar żewġ paġni ta’ msieħba kummerċjali diretti importanti oħra ta’ Google bi ftehimiet kuntrattwali b’tul li jvarja minn sena għal seba’ snin. Il-FSG ma’ Nextag imbagħad dam madwar sitt snin u għaxar xhur. Fil-każijiet ta’ British Telecom u Trip Advisor, it-tul kien ta’ madwar sitt snin, ta’ Italiaonline, Kayak, ABC Startsiden, u Benchmark, dan kien ivarja minn erba’ sa kważi ħames snin b’kollox; filwaqt li CNET kienet marbuta għal madwar tliet snin u għaxar xhur. Il-kumplament tal-FSG mal-imsieħba diretti tas-siti kollha kellhom tul iqsar.

105. Sussegwentement, b’referenza għall-Kapitolu 7.3.1 (137) tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni rrimarkat li l-ostakolu għall-aċċess għal sehem sinjifikattiv mis-suq rilevanti, għad-detriment tal-intermedjarji kompetituri, li jirriżulta mill-klawżola ta’ esklużività, kien jikkoinċidi mal-iżvilupp tal-ishma mis-suq ta’ Google (138).

106. Barra minn hekk, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq studju minn Microsoft li jkopri s-snin 2011 u 2013. Skont dan l-istudju, is-servizzi ta’ intermedjazzjoni pprovduti skont il-FSG u li ġew konklużi mal-imsieħba diretti tas-siti kollha, imkejla f’termini ta’ traffiku, kienu jammontaw għal 93 % sa 100 % tad-dominji ewlenin tal-internet fi Franza, il-Ġermanja, l-Italja, Spanja, u r-Renju Unit fl‑2010 u fl‑2013 (139).

107. Bi tweġiba għad-diversi oġġezzjonijiet imqajma minn Google, il-Kummissjoni sostniet li l-ostakolu identifikat huwa, fi kwalunkwe każ, issostanzjat billi jitqiesu biss il-FSG mal-ikbar tliet imsieħba diretti tas-siti kollha, jiġifieri AOL, eBay, u IAC.(140) Bejn l‑2006 u l‑2009, dawn il-FSG ammontaw għal bejn [kunfidenzjali] % u [kunfidenzjali] % tal-volum totali tas-suq, imkejjel f’termini tad-dħul gross ta’ Google ġġenerat mis-servizzi ta’ intermedjazzjoni (141). Il-Kummissjoni żiedet li d-dħul gross iġġenerat minn Google f’dan ir-rigward, inkluż id-dħul mill-imsieħba diretti tas-siti kollha, kien jammonta wkoll għal sehem sinjifikattiv mill-volum tas-suq, jiġifieri bejn [kunfidenzjali] % u [kunfidenzjali] % mill‑2010 sal‑2012 (142).

108. Fil-premessi 398 u 399 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni indirizzat speċifikament l-oġġezzjoni mqajma minn Google, riprodotta fil-punt 5 tal-premessa 392, li t-tul tipiku tal-FSG kien biss ta’ sentejn u li ċerti FSG, bħal dawk ma’ AOL, Orange, u Tesco, kienu jinkludu drittijiet ta’ xoljiment unilaterali. Madankollu, il-premessa 398 tirreferi għall-premessa 388, li skontha t-tul tar-rabta kuntrattwali stabbilit mill-klawżola ta’ esklużività kien “twil”, li jvarja “minn sena sa iktar minn għaxar snin”, u li (ċerti) imsieħba diretti tas-siti kollha spiss estendew il-FSG tagħhom, spiss mingħajr ebda bidla sinjifikattiva fil-kontenut tagħhom. In-nota ta’ qiegħ il-paġna 570 tinkludi tliet eżempji ta’ FSG f’dan ir-rigward, kull wieħed b’massimu ta’ tliet estensjonijiet. Fil-premessa 399, il-Kummissjoni argumentat ukoll li dritt unilaterali ta’ xoljiment ma jipprekludix l-applikazzjoni effettiva tal-klawżola ta’ esklużività, dment li d-dritt ma jkunx ġie eżerċitat (143).

2)      Klawżola ta’ pożizzjonament

109. Fir-rigward tal-klawżola ta’ pożizzjonament, il-Kummissjoni eżaminat ukoll it-tul stipulat fil-FSG bħala parti mill-evalwazzjoni tagħha taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ partikolari (144). Din l-evalwazzjoni twettqet wara analiżi tal-effett dissważiv li din il-klawżola kellha fuq l-imsieħba diretti, li skoraġġihom milli jidderieġu sehem sinjifikattiv mid-domanda tagħhom lejn intermedjarji kompetituri għas-servizzi ta’ reklamar online (145), kif ukoll l-impediment li jirriżulta għall-kompetituri sabiex jaċċessaw is-suq (146). F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni d-dħul gross iġġenerat minn Google permezz ta’ dawn is-servizzi mal-imsieħba diretti tagħha u mal-imsieħba diretti tas-siti kollha bejn l‑2009 u l‑2015, li kien jammonta għal [kunfidenzjali] % sa [kunfidenzjali] % u [kunfidenzjali] % sa [kunfidenzjali] %, rispettivament, tal-volum totali tas-suq (147). Barra minn hekk, hija rreferiet għall-fatt li l-FSG inkwistjoni koprew uħud mis-siti internet l-iktar iffrekwentati fiż-ŻEE (ara iktar ’il fuq, punt 106) (148). Ġie sostnut ukoll li dan imblokka l-aċċess tal-kompetituri għal dħul sinjifikattiv (149). Is-sehem tat-tfittxijiet li ġew iġġenerati mill-imsieħba diretti kien ukoll għoli ħafna, kif muri mis-sommarju għall-20 imsieħeb dirett l-iktar importanti ta’ Google fir-Renju Unit, il-Ġermanja, Franza, Spanja, u l-Italja, b’ċifri ta’ 73 %, 89 %, 79 %, 65 %, u 70 %, rispettivament (150).

110. Fil-premessa 519 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kkonstatat li t-“tul taż-żmien medju tal-FSG mal-imsieħba diretti”, li kien jinkludi fost l-oħrajn il-klawżola ta’ pożizzjonament, kien “twil” u li ħafna minn dawn l-imsieħba xi drabi estendew il-FSG rispettivi tagħhom diversi drabi mingħajr ebda bidla sinjifikattiva. In-nota 707 ta’ qiegħ il-paġna tipprovdi erba’ eżempji f’dan ir-rigward. Għalhekk, il-FSG ma’ Tesco, wara żewġ estensjonijiet, kien fis-seħħ mill‑1 ta’ Novembru 2011 sal‑31 ta’ Marzu 2017, perijodu ta’ iktar minn ħames snin; il-FSG ma’ Trovit, wara estensjoni waħda, dam ftit iktar minn erba’ snin; u l-FSG ma’ How to Media u Price Minister, wara żewġ estensjonijiet rispettivament (u, fl-ewwel każ, emendat ukoll), damu kważi sitt snin.

111. Fl-aħħar nett, il-fatt li, fost affarijiet oħra, il-klawżola ta’ pożizzjonament tfixkel l-aċċess tal-intermedjarji kompetituri għas-suq rilevanti huwa kkonfermat mill-iżvilupp tal-ishma mis-suq (151).

112. Fil-premessa 521 et seq. tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni ċaħdet diversi argumenti mressqa minn Google. Fil-premessa 525, il-Kummissjoni wieġbet għall-oġġezzjoni ta’ Google li l-FSG li fihom il-klawżola ta’ pożizzjonament kellhom biss tul qasir u li mill-inqas imsieħeb dirett wieħed, jiġifieri Telecom Italia, kellu dritt unilaterali ta’ xoljiment. Il-Kummissjoni ċaħdet din l-oġġezzjoni, billi rreferiet fost l-oħrajn għall-premessa 519, għar-raġuni li t-“tul taż-żmien medju” tal-FSG inkwistjoni, kif ukoll il-perijodu li matulu l-imsieħba diretti kienu meħtieġa jirriżervaw l-iktar spazju prominenti fuq il-paġni tar-riżultati tagħhom għal għadd minimu ta’ reklami marbut mat-tfittix ta’ Google, kienu “twal”. F’dan ir-rigward, in-nota 713 ta’ qiegħ il-paġna telenka għadd ta’ FSG ma’ msieħba diretti li kellhom tul li jvarja minn mill-inqas tliet snin għal ftit iktar minn erba’ snin. Barra minn hekk, id-dritt unilaterali ta’ xoljiment fil-FSG ma’ Telecom Italia kien każ eċċezzjonali (152). Fl-aħħar, il-Kummissjoni kkonkludiet li s-sehem mis-suq stabbli ta’ Google u t-tul medju tal-FSG mal-imsieħba diretti, li kienu jinkludu l-klawżola ta’ pożizzjonament, ikkontradixxew l-argument ta’ Google li l-kompetizzjoni kienet dinamika (153).

3)      Klawżola ta’ approvazzjoni minn qabel

113. Fir-rigward tal-klawżola ta’ approvazzjoni minn qabel, il-Kummissjoni eżaminat ukoll, fost fatturi oħra, it-tul stipulat fil-FSG bħala parti mill-evalwazzjoni tagħha taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ partikolari (154). Din l-evalwazzjoni segwiet il-konstatazzjonijiet tagħha li l-klawżola ta’ approvazzjoni minn qabel kienet teħtieġ negozjati triangolari kumplessi bejn l-imsieħba diretti, Google u l-intermedjarji kompetituri għas-servizzi ta’ reklamar online, li Google kienet irrifjutat li tinnegozja l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom, u li dawn l-imsieħba setgħu jiksbu iktar faċilment il-provvista tagħhom minn intermedjarji oħra fin-nuqqas ta’ klawżola bħal din (155). Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonstatat li din il-klawżola mblokkat lill-intermedjarji kompetituri milli jaċċessaw sehem sinjifikattiv mis-suq inkwistjoni (156). Fost l-oħrajn, hija sostniet fil-motivazzjoni tagħha li bejn l‑2011 u l-‑015 Google ġġenerat, fuq il-bażi ta’ FSG ma’ msieħba diretti li kien fihom din il-klawżola, bejn madwar [kunfidenzjali] % u [kunfidenzjali] % tad-dħul gross tagħha meta mqabbel mal-imsieħba diretti kollha(157) u bejn [kunfidenzjali] % u [kunfidenzjali] % tal-volum totali tas-suq inkwistjoni(158). Barra minn hekk, dawn il-FSG kienu jikkonċernaw uħud mis-siti internet l-iktar iffrekwentati fiż-ŻEE(159), u l-imsieħba diretti ġġeneraw volum kbir ta’ tfittxijiet, li kienu jammontaw għal proporzjon ssinjifikattiv ta’ tali mistoqsijiet fiż-ŻEE (160).

114. Fil-premessa 590, il-Kummissjoni, filwaqt li rreferiet għall-premessa 519 tad-deċiżjoni kontenzjuża, indikat li t-“tul taż-żmien medju tal-FSG mal-imsieħba diretti” li kien jinkludi l-klawżola ta’ approvazzjoni minn qabel kien “twil”. Barra minn hekk, il-fatt li l-klawżola ta’ approvazzjoni minn qabel kienet timblokka lill-intermedjarji kompetituri milli jaċċedu għal parti ssinjifikattiva tas-suq inkwistjoni huwa konsistenti mal-evoluzzjoni tal-ishma mis-suq (161).

115. Bi tweġiba għall-oġġezzjoni ta’ Google li l-FSG mal-imsieħba diretti, li kien fihom il-klawżola ta’ approvazzjoni minn qabel, kienu biss ta’ tul qasir (162), il-Kummissjoni tenniet fil-premessa 594 tad-deċiżjoni kontenzjuża l-konstatazzjoni tagħha li dawn il-FSG kellhom, fil-fatt, tul twil. Bħala evidenza, hija ċċitat total ta’ ħdax‑il ftehim bħal dan fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 766, filwaqt li nnotat li kellhom tul li jvarja minn tliet snin għal ftit iktar minn erba’ snin. Barra minn hekk, hija indikat li Google u l-imsieħba diretti tagħha estendew ħafna minn dawn il-FSG diversi drabi mingħajr ebda bidla sinjifikattiva. In-nota ta’ qiegħ 767 il-paġna tirreferi f’dan ir-rigward għal diversi eżempji ta’ ftehimiet li ġew estiżi minn tliet darbiet sa erbgħa. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni kkonkludiet fil-premessa 595 li l-ishma mis-suq stabbli ta’ Google u t-tul medju tal-FSG tagħha mal-imsieħba diretti kienu jdgħajfu l-argument ta’ Google li l-kompetizzjoni kienet dinamika.

b)      Eżami mill-Qorti Ġenerali dwar il-kunsiderazzjoni tat-tul

116. Il-Qorti Ġenerali qieset li din l-evalwazzjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża kienet żbaljata fir-rigward tal-klawżoli kollha kontenzjużi minħabba eżami insuffiċjenti taċ-ċirkustanzi rilevanti tal-każ partikolari u nuqqas ta’ provi li juru effetti ta’ esklużjoni, u ddikjarat din id-deċiżjoni nulla f’dan ir-rigward (163).

1)      Klawżola ta’ esklużività

117. Rigward il-klawżola ta’ esklużività, il-Qorti Ġenerali essenzjalment ikkritikat lill-Kummissjoni talli llimitat l-evalwazzjoni tagħha għall-“perijodu totali” jew għall-“perijodu [...] kumulattiv” (inklużi l-estensjonijiet volontarji) li matulhom l-imsieħba diretti tas-siti kollha kienu marbuta ma’ Google skont il-FSG, filwaqt li naqset milli tagħti biżżejjed importanza lid-drittijiet ta’ xoljiment unilaterali tal-imsieħba (164). Google kienet iġġustifikata meta indikat fost l-oħrajn it-tul qasir tal-FSG bejn Mejju 2011 u Mejju 2013, li kien jammonta għal [kunfidenzjali] % tad-dħul totali ta’ AFS mal-imsieħba diretti fiż-ŻEE (165). Fil-fehma tal-Qorti Ġenerali, meta l-Kummissjoni evalwat it-tul tar-rabta skont il-klawżola ta’ esklużività, din ma ħaditx inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ partikolari, anki kieku kellu jiġi preżunt li l-imsieħba diretti tas-siti kollha msemmija fid-deċiżjoni kontenzjuża kienu suġġetti għal tali obbligu(166). Konsegwentement, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx b’mod suffiċjenti fid-dritt li din il-klawżola setgħet tipprekludi lill-intermedjarji kompetituri ta’ Google milli jaċċedu għal parti sinjifikattiva tas-suq għall-intermedjazzjoni fil-qasam tar-reklamar marbut mat-tfittix online fiż-ŻEE tul il-perijodu li fih kienet fis-seħħ (167).

2)      Klawżola ta’ pożizzjonament

118. L-evalwazzjoni tal-Qorti dwar it-t-tul tal-FSG b’rabta mal-klawżola ta’ pożizzjonament hija, fil-fatt, l-istess bħal dik dwar il-klawżola ta’ esklużività. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kkunsidrat biss il-“perijodu totali” inklużi l-estensjonijiet possibbli jew il-“perijodu kumulat”, iżda “la l-perijodu inizjali ta’ kull wieħed mill‑imsemmija FSG, meħuda individwalment, u lanqas it-tul ta’ kull waħda mill-eventwali estensjonijiet tagħhom” (168).

119. Barra minn hekk, il-Kummissjoni bbażat id-deċiżjoni tagħha biss fuq it-tul tal-FSG konkluż ma’ massimu ta’ 15‑il imsieħeb dirett. Mill-inqas għaxar imsieħba diretti, li ma setgħux jiġu kkunsidrati bħala eċċezzjoni, kellhom dritt unilaterali ta’ xoljiment. Għalhekk, il-Kummissjoni ma setgħetx “abbażi biss tal‑kunsiderazzjonijiet [...] mingħajr ma eżaminat il-kundizzjonijiet reali u l-modalitajiet li bihom l‑estensjonijiet tal-FSG ġew maqbula, kif ukoll il-kontenut tal-klawżoli li kienu jipprevedu drittijiet ta’ xoljiment unilaterali li kellhom ċerti msieħba diretti u ta’ kundizzjonijiet li fihom dawn id-drittijiet setgħu jiġu eżerċitati, teskludi li dawn l-imsieħba [...] kellhom il-possibbiltà li jiksbu provvista mingħand intermedjarji kompetituri ta’ Google fir‑rigward tal-ispazji l-iktar viżibbli tal-paġni tar-riżultati tagħhom, inkluż qabel l-eventwali estensjoni tal-FSG tagħhom jew qabel ma ġie eżerċitat dritt ta’ xoljiment unilaterali”. Għaldaqstant, il-Kummissjoni lanqas ma setgħet tistabbilixxi li “dawn l-intermedjarji ma kellhomx il‑possibbiltà li jikkontestaw il-parti tas-suq tal-intermedjazzjoni fil-qasam tar-reklamar marbut mat-tfittix online koperta mill-FSG li kien fihom il-klawżola ta’ pożizzjonament matul il-perijodu totali ta’ dawn il-FSG, u lanqas a fortiori matul il-perijodu kumulat ta’ dawn tal-aħħar (169)”.

120. Skont il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni għalhekk naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ partikolari, u lanqas ma stabbilixxiet b’mod suffiċjenti fid-dritt li din il-klawżola ta’ pożizzjonament setgħet tipprekludi lill-intermedjarji kompetituri ta’ Google milli jaċċedu għal parti sinjifikattiva tas-suq għall-intermedjazzjoni fil-qasam tar-reklamar marbut mat-tfittix online fiż-ŻEE tul il-perijodu li fih din il-klawżola kienet fis-seħħ (170).

3)      Klawżola ta’ approvazzjoni minn qabel

121. L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar it-tul tal-FSG bi klawżola ta’ awtorizzazzjoni minn qabel tikkorrispondi primarjament għal dik li tikkonċerna l-klawżola ta’ pożizzjonament. Meta qieset it-tul medju, il-Kummissjoni bbażat ruħha biss fuq il-fatt li ċerti FSG kienu ġew estiżi, kultant diversi drabi, mingħajr ebda bidla sinjifikattiva. Għalhekk, hija ħadet inkunsiderazzjoni t-tul totali tal-FSG bi klawżola ta’ approvazzjoni minn qabel, inklużi l-estensjonijiet eventwali tiegħu, iżda la qieset it-tul inizjali ta’ kull FSG individwali u lanqas it-tul tal-estensjonijiet eventwali tiegħu (171).

122. Barra minn hekk, il-Kummissjoni, fl-analiżi tagħha tal-impatt tal-klawżola ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, naqset milli tikkunsidra d-drittijiet ta’ xoljiment unilaterali miżmuma minn xi wħud mill-imsieħba diretti affettwati. Hija bbażat id-deċiżjoni tagħha fuq it-tul tal-FSG konklużi ma’ ħdax‑il sieħeb dirett biss, minkejja li mill-inqas ħamsa minn dawn il-ftehimiet taw lill-imsieħba dritt ta’ xoljiment unilaterali. Għalhekk, din ma hijiex eċċezzjoni rari li tiġġustifika li din ma tittiħidx inkunsiderazzjoni meta jiġi evalwat l-effett ta’ esklużjoni tal-klawżola ta’ awtorizzazzjoni minn qabel (172).

123. Għaldaqstant, mingħajr ma teżamina, l-ewwel nett, it-termini u l-kundizzjonijiet attwali li fihom ġew miftiehma l-estensjonijiet tal-FSG, it-tieni nett, il-kontenut tal-klawżoli li jagħtu lil ċerti msieħba diretti dritt ta’ xoljiment unilaterali u, it-tielet nett, il-kundizzjonijiet li fihom dan id-dritt seta’ jiġi eżerċitat, il-Kummissjoni ma setgħetx teskludi l-possibbiltà li dawn l-imsieħba diretti, anki qabel l-estensjoni potenzjali tal-FSG tagħhom jew l-eżerċitar ta’ dritt ta’ xoljiment unilaterali, kellhom l-opportunità li jiksbu l-provvista tar-reklamar tagħhom mingħand intermedjarji kompetituri ta’ Google mingħajr ma kellhom għalfejn jiksbu l-kunsens minn qabel ta’ Google sabiex ibiddlu l-mod kif jidhru r-reklami kompetituri. Għalhekk, hija lanqas ma setgħet tistabbilixxi li dawn l-intermedjarji ma kellhomx l‑opportunità li jikkontestaw il-parti tas-suq għall-intermedjazzjoni fil-qasam tar-reklamar marbut mat-tfittix online koperta mill-FSG permezz tal-klawżola ta’ approvazzjoni minn qabel, jew tul il-perijodu totali ta’ dak il-FSG jew tul il-perijodu kkumulat (173).

124. Il-Kummissjoni għalhekk la ma kkunsidrat iċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ partikolari, u lanqas ma stabbilixxiet b’mod suffiċjenti fid-dritt li din il-klawżola ta’ approvazzjoni minn qabel setgħet tipprekludi lill-intermedjarji kompetituri ta’ Google milli jaċċedu għal parti sinjifikattiva tas-suq għall-intermedjazzjoni fil-qasam tar-reklamar marbut mat-tfittix online fiż-ŻEE tul il-perijodu li fih din il-klawżola kienet fis-seħħ (174).

c)      Konklużjonijiet

125. Il-konstatazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni kontenzjuża, riprodotti iktar ’il fuq fil-punt 103 et seq. u kkonstatati bħala żbaljati mill-Qorti Ġenerali, juru, fil-fehma tiegħi, li l-Kummissjoni, fost l-oħrajn, ħadet pożizzjoni ġenerali fir-rigward tat-tul tal-FSG rispettivi u tar-rabtiet kuntrattwali u użat parzjalment valuri medji sabiex tevalwa l-kontribuzzjoni tal-klawżoli kontenzjużi għall-effetti ta’ esklużjoni li kienet identifikat.

126. Dan l-approċċ jikkorrispondi għar-rekwiżit stabbilit iktar ’il fuq, fil-punti 73 u 74, li jiġu evalwati l-effetti ta’ għeluq fuq is-suq inkwistjoni fir-rigward tat-totalità ta’ ftehimiet simili li aktarx jaffettwaw il-kundizzjonijiet kompetittivi prevalenti hemmhekk. Peress li dan jikkonċerna d-determinazzjoni tal-effetti ta’ għeluq u ta’ esklużjoni attwali jew saħansitra potenzjali biss fid-dawl ta’ tali evalwazzjoni ġenerali, fil-fehma tiegħi huwa fundamentalment żbaljat, kif għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja (iktar ’il fuq, il-punti 117 sa 124), li l-Kummissjoni tintalab twettaq eżami u evalwazzjoni ddettaljati ta’ kull wieħed mill-ftehimiet sottostanti u l-applikazzjoni tagħhom sabiex tiddetermina jekk u sa liema punt dawn ikkontribwixxew għal dawn l-effetti ta’ esklużjoni. Bħala prinċipju, huwa biżżejjed li jiġu kkunsidrati b’mod kumulattiv il-ftehimiet kollha li huma sinjifikattivi għall-funzjonament tal-kompetizzjoni fis-suq inkwistjoni, flimkien mat-tul rispettiv tagħhom, u li jiġi stabbilit li, fid-dawl tal-kontenut tagħhom u tal-mod kif ġew applikati mill-partijiet kontraenti tul il-perijodu inkwistjoni, huma pproduċew kollettivament tali effetti jew setgħu jipproduċuhom (b’mod partikolari, ara l-punt 73 iktar ’il fuq).

127. In-neċessità u l-adegwatezza ta’ tali evalwazzjoni ġenerali jirriżultaw ukoll mill-fatt li Google kienet l-awtur u l-imsieħeb tal-FSG rilevanti kollha mal-klawżoli kontenzjużi, b’tali mod li kwalunkwe effett restrittiv fuq il-kompetizzjoni ta’ dawn il-klawżoli seta’ jiġi attribwit lilha fl-intier tagħha. B’dan il-mod, il-Kummissjoni setgħet jew kellha, kif stabbilit fid-deċiżjoni kontenzjuża, tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss it-tul formalment vinkolanti tal-FSG, iżda wkoll l-estensjonijiet (volontarji) possibbli tiegħu u n-nuqqas ta’ eżerċitar tad-drittijiet ta’ xoljiment unilaterali minn ċerti msieħba diretti (importanti) tas-siti kollha bħala ċirkustanzi rilevanti tal-każ partikolari (175). Kif targumenta wkoll il-Kummissjoni, id-determinazzjoni ta’ jekk jeżistux effetti ta’ esklużjoni attwali jew saħansitra potenzjali ma tiddependix fuq jekk il-ftehimiet sottostanti kinux jinkludu, matul il-perijodu tal-applikazzjoni tagħhom, tul minimu kuntrattwalment vinkolanti, jew jekk kinux sempliċiment estiżi volontarjament, jew mhux xolti, mill-partijiet kontraenti. Fil-kuntest ta’ kif jiffunzjonaw is-swieq diġitali, il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk reċentement u ġustament enfasizzat li l-evalwazzjoni ta’ jekk hemmx effetti ta’ esklużjoni tiddependi primarjament mir-realtà ekonomika (176).

128. Fil-fehma tiegħi, għall-kuntrarju tal-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, id-deċiżjoni kontenzjuża (minkejja xi formulazzjoni dubjuża (177)) tissodisfa r-rekwiżiti rigward kemm l-evalwazzjoni individwali meħtieġa tal-kriterju tat-tul kif ukoll l-evalwazzjoni ġenerali tal-kriterji Intel. B’mod speċifiku, hija tirreferi, fit-test ewlieni, b’mod partikolari fit-tabelli jew fin-noti ta’ qiegħ il-paġna, għall-FSG identifikati mill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva, speċjalment dawk mal-imsieħba diretti l-iktar importanti ta’ Google, u tevalwahom fit-termini tat-tul tagħhom bħala parti minn analiżi komprensiva ta’ jekk il-kriterji Intel humiex issodisfatti. Il-konstatazzjonijiet li saru f’din id-deċiżjoni, speċifikament fil-premessi 364 et seq. (klawżola ta’ esklużività) (178), 496 et seq. (klawżola ta’ pożizzjonament) (179), u 574 et seq. (klawżola ta’ approvazzjoni minn qabel) (180) rigward il-klawżoli kontenzjużi, għall-kuntrarju tal-fehma tal-Qorti Ġenerali, fl-aħħar mill-aħħar ma jistgħux jiġu oġġezzjonati.

129. Dan japplika speċjalment għall-kunsiderazzjoni tat-tul partikolarment twil tal-FSG mal-imsieħba kummerċjali l-iktar importanti ta’ Google – anki għall-evalwazzjoni tal-kopertura tas-suq u l-funzjonament tal-kompetizzjoni fis-suq inkwistjoni, li kien fih il-klawżola ta’ esklużività. Fir-rigward tal-klawżola ta’ pożizzjonament, il-Qorti Ġenerali, fil-fehma tiegħi, takkuża b’mod żbaljat lill-Kummissjoni li ma ħaditx inkunsiderazzjoni la t-tul oriġinali ta’ kull wieħed mill-FSG ikkonċernati u lanqas it-tul tal-estensjonijiet eventwali tagħhom (181), iżda li bbażat ruħha biss fuq it-tul tal-FSG konklużi ma’ massimu ta’ 15-il imsieħeb dirett, iżda mhux ma’ dawn l-imsieħba kollha.

130. Għall-kuntrarju tal-opinjoni tal-Qorti Ġenerali (iktar ’il fuq, il-punti 117 sa 124) u ta’ Google, ma kienx hemm il-ħtieġa ta’ eżami iktar iddettaljat ta’ dawn iċ-ċirkustanzi rilevanti, b’mod partikolari mhux ta’ kull FSG individwali ma’ msieħba kummerċjali inqas sinifikanti, li jistgħu ma jkunux sinjifikattivi jew rappreżentattivi – anki għall-evalwazzjoni tal-kopertura tas-suq u l-funzjonament tal-kompetizzjoni fis-suq inkwistjoni. F’dan ir-rigward, la l-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata u lanqas Google ma jakkużaw lill-Kummissjoni, kif ġie kkonfermat ukoll fis-seduta orali, li ma ħaditx inkunsiderazzjoni jew ma qisitx ċerti FSG importanti jew ftehimiet ma’ intermedjarji kompetituri (182) li kienu jippermettu li tiġi kkontestata l-evalwazzjoni tal-effetti ta’ esklużjoni li jirriżultaw fid-deċiżjoni kontenzjuża. Skont il-fehma (żbaljata) tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni naqset milli twettaq id-dmir tagħha li tieħu biżżejjed inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti tal-każ partikolari fir-rigward tal-klawżola ta’ esklużività, anki jekk kellu jiġi preżunt li l-imsieħba diretti tas-siti kollha msemmija fid-deċiżjoni kontenzjuża kienu obbligati jiksbu l-provvista kollha tagħhom jew parti sostanzjali minnha esklużivament mingħand Google (183).

131. Kemm fil-proċedura amministrattiva kif ukoll fl-ewwel istanza, Google essenzjalment ikkritikat biss l-analiżi allegatament superfiċjali tal-Kummissjoni, billi argumentat li t-tul relattivament qasir ta’ ħafna FSG ma kienx ipprekluda lill-imsieħba marbuta direttament milli jirrikorru għal intermedjarji kompetituri fir-rigward tad-domanda totali (kontestabbli) tagħhom. Fis-seduta orali, Google essenzjalment tenniet li dawn l-intermedjarji kellhom l-opportunità li jikkompetu għad-domanda tal-imsieħba diretti wara l-iskadenza jew ix-xoljiment tal-FSG, li kellu jwassal lill-Kummissjoni tiċħad l-eżistenza ta’ kwalunkwe effett ta’ esklużjoni minħabba l-klawżoli kontenzjużi. Dan għaliex, minħabba t-tul xi drabi qasir tar-rabta kuntrattwali, dan kultant affettwa kważi 90 % tal-volum tad-domanda. Madankollu, Google dejjem irrikonoxxiet li, minkejja n-natura kontestabbli ta’ din id-domanda, l-intermedjarji kompetituri kienu fil-biċċa l-kbira mingħajr suċċess bis-servizzi allegatament inferjuri tagħhom meta mqabbla ma’ dawk offruti minn Google. Google lanqas ma setgħet turi jekk u sa liema punt l-iskadenza tal-FSG, li skontha kellha tiġġedded bejn Mejju 2011 u Mejju 2013 u li kienet tammonta għal [kunfidenzjali] % tad-dħul totali ġġenerat minn AFS ma’ msieħba diretti fiż-ŻEE (184), kienet fil-fatt wasslet għal bidla fil-fornitur (185).

132. L-eżistenza ta’ żball ta’ liġi min-naħa tal-Qorti Ġenerali ssir iktar evidenti meta l-evalwazzjoni tat-tul tal-FSG li tinsab fid-deċiżjoni kontenzjuża tiġi kkunsidrata flimkien ma’ dik tal-kriterji rilevanti l-oħra (Intel) għad-determinazzjoni ta’ effett ta’ għeluq jew ta’ esklużjoni fil-perijodu inkwistjoni, li l-Qorti Ġenerali kkonfermat fil-parti l-kbira, u definittivament fin-nuqqas ta’ appell inċidentali mressaq minn Google, bħala ħielsa minn żbalji ta’ evalwazzjoni u ta’ liġi. Dan japplika b’mod partikolari għall-evalwazzjoni, l-ewwel nett, tal-iżvilupp tal-ishma mis-suq ta’ Google; it-tieni nett, tal-effett dissważiv li l-klawżoli kontenzjużi kellhom fuq l-imsieħba diretti, li jiskoraġġihom milli jirrikorru għal intermedjarji kompetituri; it-tielet nett, tas-suq kopert mill-FSG; u r-raba’, tal-ostakolu li jirriżulta għal dawn l-intermedjarji sabiex jiksbu aċċess għal parti sinjifikattiva tas-suq inkwistjoni (186). Kif irrikonoxxiet ukoll il-Qorti Ġenerali, bħala prinċipju, ħlief fir-rigward tat-tul, dawn iċ-ċirkustanzi u l-effetti, inkluż fir-rabta bejn il-klawżoli kontenzjużi, saħħew lil xulxin. L-evalwazzjoni f’dan ir-rigward fid-deċiżjoni kontenzjuża u l-konstatazzjonijiet li jikkonfermaw dan fis-sentenza appellata jindikaw, pjuttost, li l-Kummissjoni, anki fil-fehma tal-Qorti Ġenerali, irnexxielha mill-inqas parzjalment tistabbilixxi effetti ta’ esklużjoni reali (jiġifieri mhux biss potenzjali) ikkawżati mill-klawżoli kontenzjużi.

133. Partikolarment sinjifikattiv f’dan ir-rigward huwa l-iżvilupp tal-ishma mis-suq ta’ Google għad-detriment tal-kompetituri tagħha tul il-validità u l-applikazzjoni tal-FSG fil-perijodu inkwistjoni (187), kif ukoll il-fatt li s-swieq rilevanti kienu kkaratterizzati minn ostakoli kbar għad-dħul u l-espansjoni, ekonomiji ta’ skala u effetti tan-network, u l-assenza ta’ kompetituri u tas-saħħa tax-xerrej kumpensatorja. Kif irrikonoxxut mill-Qorti Ġenerali, u mhux ikkontestat minn Google, il-Kummissjoni kienet iġġustifikata li tikkonkludi li kien hemm effetti ta’ esklużjoni, permezz tal-effett dissważiv fuq l-imsieħba diretti tagħha li jirrikorru għal intermedjarji kompetituri kkawżati mill-klawżoli kontenzjużi, il-kopertura tas-suq mill-FSG (188) u l-ostakolu li jirriżulta għal dawn l-intermedjarji milli jiksbu aċċess għal parti sinjifikattiva tas-suq inkwistjoni. Dan japplika għall-klawżoli kontenzjużi kollha, mill-inqas sa tmiem l-2015. Il-Qorti Ġenerali essenzjalment qablet (189) ma’ dan fis-sentenza appellata, bl-eċċezzjoni tat-tul (190). Fid-dawl tal-kunsiderazzjoni ġenerali meħtieġa ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, u minħabba l-eżami allegatament insuffiċjenti tal-Kummissjoni tal-kriterju tat-tul fl-intier tiegħu, l-akkuża tal-Qorti Ġenerali li l-Kummissjoni naqset milli tipproduċi prova legali suffiċjenti li l-klawżoli kontenzjużi kellhom, jew mill-inqas seta’ jkollhom, effetti ta’ esklużjoni tidher ukoll kontradittorja (191).

134. Fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, takkuża lill-Kummissjoni li naqset milli teżamina b’mod suffiċjenti, jew li tevalwa u tqis fil-kuntest ġenerali tagħhom, id-diversi ċirkustanzi u kriterji rilevanti għall-evalwazzjoni tal-effetti potenzjali ta’ esklużjoni. Bl-istess mod, ma jistax jiġi inferit mill-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali miġbura fil-qosor hawn fuq (192) jekk u sa liema punt il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni, ikkonfermati mill-Qorti Ġenerali (u għalhekk finali), rigward il-pożizzjoni fis-suq ta’ Google, l-istruttura u l-funzjonament tas-swieq rilevanti, u l-kopertura tas-suq miksuba mill-klawżoli kontenzjużi bejn l‑2006 u l‑2015, kif ukoll il-kapaċità tagħhom li jeskludu lil intermedjarji kompetituri, setgħu ġew ikkwalifikati mill-eżami u l-evalwazzjoni allegatament insuffiċjenti tat-tul tal-FSG u ta’ dawn il-klawżoli. Għall-kuntrarju, il-Qorti Ġenerali ma tispjegax fis-sentenza appellata jekk, jew sa liema punt, analiżi iktar iddettaljata ta’ dan it-tul, f’sens pożittiv jew negattiv, setgħetx biddlet l-eżitu tal-evalwazzjoni tagħha. Dan jgħodd wisq inqas peress li l-perijodu (kumulattiv) u/jew ta’ applikazzjoni, li fihom il-klawżoli kontenzjużi, b’mod partikolari l-klawżola ta’ esklużività iżda wkoll il-klawżola ta’ pożizzjonament ma’ ħafna mill-imsieħba kummerċjali ewlenin ta’ Google, kien wieħed sostanzjali.

135. L-argument ċentrali mressaq repetutament minn Google, li l-volum tad-domanda marbut magħha kien kontestabbli minn intermedjarji kompetituri minħabba rabtiet kuntrattwali għal żmien qasir, u li l-isforzi ta’ dawn tal-aħħar fallew biss minħabba li l-offerti tagħhom kienu ta’ kwalità inferjuri, ma jistax jinvalida dawn il-konklużjonijiet. Sa fejn Google targumenta li l-effetti ta’ esklużjoni identifikati mill-Kummissjoni ma jistgħux jiġu attribwiti għall-klawżoli kontenzjużi, hija ma tiħux inkunsiderazzjoni l-ħafna indizji ppreżentati iktar ’il fuq, u li ma għadhomx ikkontestati minn Google, li l-Kummissjoni użat (u kienet intitolata li tuża) sabiex tippreżumi l-oppost. F’dan ir-rigward, tqum il-kwistjoni, li tqajmet ukoll mill-Kummissjoni f’din il-proċedura, dwar għaliex, mill-perspettiva ta’ Google, kien meħtieġ li dawn il-klawżoli jiġu introdotti u jitkomplew mal-imsieħba kuntrattwali tagħha għal snin sħaħ b’mod gradwali, minkejja l-allegata kwalità aħjar tas-servizz tagħha. Fid-dawl tal-kuntest ġenerali stabbilit fid-deċiżjoni kontenzjuża u kkonfermat b’mod definittiv fis-sentenza appellata, dan ir-raġunament ta’ Google ma jistax, fi kwalunkwe każ, jikkontesta r-rabta kawżali u l-imputazzjoni, aċċettati mill-Kummissjoni u kkonfermati mill-Qorti Ġenerali, bejn il-klawżoli inkwistjoni, minn naħa, u l-effetti ta’ esklużjoni u r-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni, li kienu tal-inqas potenzjali, jekk mhux reali, min-naħa l-oħra.

136. Dan l-iżball ta’ liġi mill-Qorti Ġenerali, evidenti b’mod konsistenti fis-sentenza appellata waqt l-evalwazzjoni tat-tieni, tat-tielet, u tar-raba’ motiv, ifisser, fil-fehma tiegħi, li l-ewwel, it-tieni, u t-tielet aggravju għandhom jintlaqgħu t-tlieta li huma fir-rigward tal-biċċa l-kbira tal-oġġezzjonijiet imqajma mill-Kummissjoni. Għalhekk, l-osservazzjonijiet li ġejjin jindirizzaw dawn l-oġġezzjonijiet biss fil-qosor u sa fejn ma jkunux diġà ġew imwieġba mill-analiżi preċedenti.

D.      L-aggravji fid-dettall

1.      L-ewwel aggravju dwar il-klawżola ta’ esklużività

137. It-tliet partijiet tal-ewwel aggravju, li jikkoinċidu kunsiderevolment fil-kontenut, huma fil-fehma tiegħi ġġustifikati fil-biċċa l-kbira tagħhom għar-raġunijiet imsemmija iktar ’il fuq.

a)      L-ewwel parti: evalwazzjoni sħiħa tal-kriterji Intel u taċ-ċirkustanzi rilevanti tal-każ partikolari

138. Mill-osservazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq (punti 71 et seq.) jirriżulta li l-Qorti Ġenerali għamlet żball meta akkużat lill-Kummissjoni li wettqet evalwazzjoni inkompleta tal-effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni tal-klawżola ta’ esklużività, speċifikament fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kriterji Intel, u b’mod partikolari l-kriterju dwar it-tul (ara iktar ’il fuq, il-punti 116 et seq.).

139. Pjuttost, f’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni kienet eżaminat, qieset, u interrelatat b’mod suffiċjenti (193)dawn il-kriterji, filwaqt li ħadet inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ partikolari, sabiex tistabbilixxi li, matul il-perijodu mill‑2006 sal‑2015, din il-klawżola pproduċiet l-effetti ta’ esklużjoni identifikati fid-deċiżjoni kontenzjuża.

b)      It-tieni parti: prova suffiċjenti tal-effetti ta’ esklużjoni

140. Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali, kif spjegat iktar ’il fuq fil-punti 116 et seq., applikat kriterju legali żbaljat kemm fl-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi rilevanti tal-każ partikolari kif ukoll fid-determinazzjoni tal-livell ta’ prova meħtieġ (livell ta’ prova) sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ effetti ta’ esklużjoni fil-perijodu mill‑2006 sal‑2015. Kif argumentat il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali naqset ukoll fis-sentenza appellata milli tispjega jekk u sa liema punt l-eżami iktar iddettaljat li kienet talbet rigward it-tul tal-FSG li kien fihom il-klawżola ta’ esklużività setax jikkontesta l-effetti ta’ esklużjoni kkonfermati minnha stess, kif stabbilit fid-deċiżjoni kontenzjuża. Madankollu, fil-fehma tiegħi, dan ma jwassalx neċessarjament għal konstatazzjoni ta’ nuqqas (formali) ta’ motivazzjoni, peress li l-motivazzjoni pprovduta fis-sentenza appellata tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tivverifika u tiddetermina jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ liġi (jiġifieri, fil-kuntest tal-fondatezza) (194).

c)      It-tielet parti: inter alia inverżjoni inammissibbli tal-oneru tal-prova għad-detriment tal-Kummissjoni rigward l-evalwazzjoni tat-tul tal-klawżola ta’ esklużività

141. Fil-fehma tiegħi, id-diversi żbalji ta’ liġi (195) allegati kontra l-Qorti Ġenerali fit-tielet parti tal-ewwel aggravju ma jeħtiġux eżami ddettaljat jew isseparat; pjuttost, dawn jikkoinċidu fil-biċċa l-kbira mal-oġġezzjonijiet diġà indirizzati fil-kuntest tal-ewwel u t-tieni parti tal-ewwel aggravju. Dan jikkonċerna b’mod partikolari l-allegat obbligu tal-Kummissjoni li twettaq eżami ddettaljat fir-rigward tat-tul (qasir biss), id-dritt ta’ xoljiment u l-estensjonijiet ta’ kull FSG partikolari u l-allegata distorsjoni tal-kontenut tad-deċiżjoni kontenzjuża u s-sottomissjonijiet tal-Kummissjoni fl-ewwel istanza, il-motivazzjoni kontradittorja jew sostituttiva mill-Qorti Ġenerali u l-inverżjoni inammissibbli tal-oneru tal-prova għad-detriment tagħha, kif ukoll l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 102 TFUE fid-dawl tal-punt 36 tal-Linji Gwida dwar il-prijoritajiet.

142. B’mod partikolari, l-oġġezzjoni bbażata fuq inverżjoni inammissibbli tal-oneru tal-prova hija ġġustifikata wkoll fid-dawl tal-kriterji ta’ eżami u ta’ prova żbaljati applikati mill-Qorti Ġenerali u fid-dawl tal-fatt li, skont il-konstatazzjonijiet l-oħra tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni kienet stabbilixxiet b’mod suffiċjenti mhux biss l-effetti potenzjali ta’ esklużjoni tal-klawżoli kontenzjużi iżda anki dawk reali. Dan japplika wkoll għall-oġġezzjoni tal-Qorti Ġenerali kontra motivazzjoni kontradittorja, peress li din ikkonfermat fil-biċċa l-kbira li l-klawżola ta’ esklużività kellha effetti ta’ esklużjoni, hija madankollu kkontestat il-konstatazzjoni ta’ tali effetti, għar-raġuni biss li l-kriterju tat-tul allegatament ma kienx ġie eżaminat biżżejjed, sabiex id-deċiżjoni kontenzjuża tiġi ddikjarata nulla f’dan ir-rigward.

143. Barra minn hekk, fil-fehma tiegħi, l-oġġezzjonijiet minħabba l-falsifikazzjoni u l-motivazzjoni mhux xierqa huma fil-biċċa l-kbira infondati. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ma rrappreżentatx daqstant ħażin il-kontenut tad-deċiżjoni kontenzjuża jew l-argumenti tal-Kummissjoni peress li bbażat il-motivazzjoni tagħha fuq premessa legali żbaljata dwar il-portata tal-obbligu li jittieħdu inkunsiderazzjoni u jiġu eżaminati ċ-ċirkustanzi rilevanti tal-każ partikolari. Dan kien prinċipalment minħabba din il-premessa żbaljata li l-Kummissjoni qieset l-eżami tagħha ta’ dawn iċ-ċirkustanzi u l-motivazzjoni mogħtija fid-deċiżjoni kontenzjuża rigward il-kriterju tat-tul, anki fil-forma kumulattiva tiegħu, bħala insuffiċjenti, għalkemm din id-deċiżjoni kien fiha l-evalwazzjonijiet u l-provi kollha meħtieġa f’dan ir-rigward. Fi kwalunkwe każ, huwa biżżejjed li jiġi stabbilit tali żball ta’ liġi min-naħa tal-Qorti Ġenerali, mingħajr ma jkun meħtieġ li l-preżunzjoni neċessarjament żbaljata u l-eżami tal-fatti u tal-provi rilevanti jiġu kklassifikati bħala żnaturament jew bħala vvizzjati bi żball ta’ liġi għal raġunijiet oħra. Għalhekk, nemmen li jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ssegwi l-proposti tiegħi, hija għandha toqgħod lura milli twieġeb għal dawn l-oġġezzjonijiet (196) pjuttost minuri mqajma mill-Kummissjoni.

144. B’hekk ma huwiex meħtieġ li jiġi indirizzat l-ilment imqajjem ripetutament minn Google, li huwa fil-biċċa l-kbira infondat, li dawn l-oġġezzjonijiet għandhom parzjalment l-għan li jwasslu għal evalwazzjoni mill-ġdid tal-fatti jew tal-provi, li wħud minnhom ġew ippreżentati tardivament mill-Kummissjoni, jew sabiex id-deċiżjoni kontenzjuża “terġa’ tinkiteb” mill-qrati tal-Unjoni (197), li fil-prinċipju jaqa’ barra mill-ġuriżdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ stħarriġ fi proċeduri ta’ appell (198).

145. Konsegwentement, it-tliet partijiet tal-ewwel aggravju għandhom jintlaqgħu.

2.      It-tieni aggravju dwar il-klawżola ta’ pożizzjonament

146. Għall-motivi msemmija iktar ’il fuq, it-tliet partijiet tat-tieni aggravju huma wkoll fil-biċċa l-kbira fondati.

a)      L-ewwel parti: evalwazzjoni sħiħa tal-kriterji Intel u taċ-ċirkustanzi tal-każ partikolari

147. L-ewwel parti tat-tieni aggravju, ifformulata b’mod konċiż, essenzjalment tirreferi għall-ewwel parti tal-ewwel aggravju, b’tali mod li, għall-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq fil-punt 138, dan għandu jintlaqa’ wkoll fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-effetti ta’ esklużjoni (199) kkawżati mill-klawżola ta’ pożizzjonament.

b)      It-tieni parti: prova suffiċjenti tal-effetti ta’ esklużjoni

148. Insostenn tat-tieni parti tat-tieni aggravju, il-Kummissjoni essenzjalment targumenta li l-Qorti Ġenerali fil-biċċa l-kbira, bl-eċċezzjoni tat-tul, ikkonfermat b’mod definittiv l-evalwazzjoni tal-kriterji Intel fid-deċiżjoni kontenzjuża u l-provi tal-effetti ta’ esklużjoni riżultanti. Madankollu, hija wettqet żball ta’ liġi meta naqset milli tispjega għaliex l-eżami allegatament insuffiċjenti tat-tul biss seta’ jikkontesta r-riżultat ta’ din l-analiżi ġenerali taċ-ċirkustanzi rilevanti tal-każ partikolari rigward il-kapaċità tal-klawżola ta’ pożizzjonament li tirrestrinġi l-kompetizzjoni.

149. Nista’ biss naqbel ma’ dan l-argument fir-rigward tal-osservazzjonijiet tiegħi dwar l-effetti ta’ esklużjoni kkawżati mill-klawżola ta’ pożizzjonament (iktar ’il fuq, punti 125 et seq.), kif stabbiliti fid-deċiżjoni kontenzjuża (200). F’dan ir-rigward, ma għadux rilevanti jekk u sa liema punt it-tieni sentenza Intel tal-Qorti tal-Ġustizzja (201) tista’ tikkontradixxi din il-konklużjoni (iktar ’il fuq, punt 144).

c)      It-tielet parti: inter alia inverżjoni inammissibbli tal-oneru tal-prova għad-detriment tal-Kummissjoni rigward l-evalwazzjoni tat-tul tal-klawżola ta’ pożizzjonament

150. Fir-rigward tat-tielet parti tat-tieni aggravju, nirreferi għall-osservazzjonijiet tiegħi hawn fuq fil-punti 141 sa 145. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tqajjem ukoll diversi oġġezzjonijiet li jikkoinċidu ma’ dawk tal-ewwel u tat-tieni parti tat-tieni aggravju u li huma simili ħafna għal dawk tat-tielet parti tal-ewwel aggravju (202). L-ilment dwar inverżjoni tal-oneru tal-prova għad-detriment tal-Kummissjoni huwa għalhekk iġġustifikat hawn ukoll. Madankollu, għall-motivi diġà msemmija, ma huwiex neċessarju li tingħata risposta separata għal kull waħda minn dawn l-oġġezzjonijiet (rigward l-iżnaturament tal-kontenut tad-deċiżjoni kontenzjuża jew tas-sottomissjonijiet tal-Kummissjoni).

3.      It-tielet aggravju dwar il-klawżola ta’ awtorizzazzjoni minn qabel

151. It-tielet aggravju għandu jiġi evalwat bl-istess mod bħall-ewwel u t-tieni aggravju. Għaldaqstant, dan għandu jintlaqa’ wkoll.

a)      L-ewwel parti: evalwazzjoni sħiħa tal-kriterji Intel u taċ-ċirkustanzi tal-każ partikolari

152. Fir-rigward tal-klawżola ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, l-argumenti tal-Kummissjoni dwar l-ewwel parti tat-tielet aggravju huma fondati, fid-dawl tal-osservazzjonijiet preċedenti (ara l-punt 138). Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset bħala insuffiċjenti l-kunsiderazzjonijiet u l-provi stabbiliti fid-deċiżjoni kontenzjuża dwar l-eżistenza ta’ effetti ta’ esklużjoni (tal-inqas potenzjali) minħabba din il-klawżola (203).

b)      It-tieni parti: prova suffiċjenti tal-effetti ta’ esklużjoni

153. Minn dan jirriżulta li t-tieni parti tat-tielet aggravju hija ġġustifikata wkoll fir-rigward tal-eżami taċ-ċirkustanzi rilevanti tal-każ partikolari u tal-prova ta’ konformità mal-kriterji Intel fid-deċiżjoni kontenzjuża dwar il-klawżola ta’ awtorizzazzjoni minn qabel (204).

c)      It-tielet parti: inter alia, inverżjoni inammissibbli tal-oneru tal-prova għad-detriment tal-Kummissjoni rigward l-evalwazzjoni tat-tul tal-klawżola ta’ awtorizzazzjoni minn qabel

154. It-tielet parti tat-tielet aggravju tinkludi għadd ta’ oġġezzjonijiet li jikkoinċidu ma’ dawk tal-ewwel u tat-tieni parti ta’ dan l-aggravju u huma simili ħafna għal dawk tat-tielet parti tal-ewwel u tat-tieni aggravju, rispettivament (205). Għall-motivi msemmija hawn fuq, fil-punti 141 sa 145, l-allegazzjoni ta’ inverżjoni tal-oneru tal-prova għad-detriment tal-Kummissjoni hija ġġustifikata wkoll f’dan ir-rigward. Madankollu, ma huwiex neċessarju li tingħata risposta separata għal kull waħda minn dawn l-oġġezzjonijiet (rigward l-iżnaturament tal-kontenut tad-deċiżjoni kontenzjuża jew tas-sottomissjonijiet tal-Kummissjoni).

4.      Konklużjoni intermedja

155. Konsegwentement, l-ewwel, it-tieni, u t-tielet aggravju għandhom jintlaqgħu.

5.      Ir-raba’ aggravju: ksur uniku u kontinwu

156. Mill-osservazzjonijiet dwar l-ewwel, it-tieni u t-tielet aggravju jirriżulta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi f’kull każ billi akkużat lill-Kummissjoni li naqset milli turi l-eżistenza ta’ effetti ta’ esklużjoni li jirriżultaw, fost l-oħrajn, mill-klawżoli kontenzjużi. Konsegwentement, il-konstatazzjoni tagħha li l-ksur ibbażat fuq dawn il-klawżoli ma setax jikkostitwixxi ksur uniku u kontinwu, kif stabbilit fid-deċiżjoni kontenzjuża (206), hija neċessarjament ukoll legalment żbaljata (207).

157. F’dan ir-rigward, nixtieq inżid ma’ dan il-kjarifika reċenti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li skontha l-kriterji oġġettivi u suġġettivi għall-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu japplikaw ukoll fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE (208), b’mod partikolari jekk l-impriża b’pożizzjoni dominanti tkun qiegħda ssegwi strateġija ġenerali sabiex teskludi l-kompetituri (209). Kif tenniet il-Kummissjoni fis-seduta orali, li sitwazzjoni bħal din teżisti hawn hija ovvja, iżda jkollha tiġi evalwata iktar mill-qrib mill-Qorti Ġenerali wara r-rinviju lilha li jiena rrakkomandajt (hawn taħt, punti 161 et seq.). Dan huwa l-uniku mod sabiex tiġi spjegata t-tranżizzjoni gradwali, mibdija minn Google, fit-tfassil tal-FSG bejn l‑2006 u l‑2015, mill-klawżola ta’ esklużività għall-klawżoli ta’ pożizzjonament u ta’ awtorizzazzjoni minn qabel. Fi kwalunkwe każ, l-allegata loġika u neċessità ekonomiċi tagħhom bilkemm jistgħu jiġu rrikonċiljati mal-affermazzjoni ta’ Google li s-servizzi li hija toffri huma ta’ kwalità superjuri, jew ma’ prattika fuq il-bażi biss tal-kompetizzjoni fuq il-merti (ara iktar ’il fuq, il-punt 135).

158. Għaldaqstant, ir-raba’ aggravju għandu jintlaqa’ wkoll.

E.      Kawża mibgħuta lura quddiem il-Qorti Ġenerali

159. Skont l-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali jekk l-appell ikun fondat. Hija tista’ tiddeċiedi t-tilwima legali hija stess b’mod definittiv meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tibgħat lura l-kwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidiha.

160. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-appell huwa fondat u s-sentenza appellata għandha tiġi annullata inkwantu ddikjarat id-deċiżjoni kontenzjuża bħala invalida minħabba l-assenza ta’ provi tal-effetti ta’ esklużjoni fil-perijodu mill‑2006 sa tmiem l-2015.

161. Minbarra l-oġġezzjonijiet individwali li ma ġewx indirizzati fit-tieni, fit-tielet u fir-raba’ aggravju, il-Qorti Ġenerali, fis-sentenza appellata, la eżaminat l-ammissibbiltà u l-fondatezza tal-argument ta’ Google, ikkontestati mill-Kummissjoni, li permezz tagħhom hija kkontestat il-klassifikazzjoni tal-prattiki tagħha bħala ksur uniku u kontinwu, u lanqas il-ħames aggravju, li kkontesta l-impożizzjoni tal-multa.

162. Fir-rigward tal-iffissar tal-multi mill-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali għandha, skont l-Artikolu 261 TFUE u l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, setgħa diskrezzjonali mingħajr limiti. Għalhekk, lil hinn mis-sempliċi verifika tal-legalità ta’ dawn il-multi, hija awtorizzata tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni bl-evalwazzjoni tagħha stess u għaldaqstant tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa imposta, jekk tintalab tagħmel dan (210). B’kuntrast ma’ dan, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax, fil-proċeduri ta’ appell, “għal raġunijiet ta’ ekwità, tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali b’tagħha”, iżda tista’ tikkonstata biss li hemm żball ta’ liġi jekk il-“livell tas-sanzjoni huwa mhux biss mhux xieraq, iżda wkoll eċċessiv, tant li huwa sproporzjonat” (211).

163. Fir-rigward, speċjalment, ta’ dawn il-kundizzjonijiet tal-aħħar, ma nqisx li t-tilwima legali hija fi stat li tiġi deċiża. Dan minħabba li, fil-każ ta’ deċiżjoni indipendenti, il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha tindirizza għall-ewwel darba l-oġġezzjonijiet iddettaljati ta’ Google rigward il-metodu użat mill-Kummissjoni sabiex tikkalkola l-multa u l-proporzjonalità tagħha, li primarjament jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Qorti Ġenerali bħala l-qorti responsabbli mill-evalwazzjoni tal-fatti (212). Barra minn hekk, il-multa imposta fid-deċiżjoni kontenzjuża għandha fi kwalunkwe każ titnaqqas, peress li l-Kummissjoni rrikonoxxiet l-assenza ta’ provi tal-effetti ta’ esklużjoni fl‑2016 fir-rigward tal-klawżoli kontenzjużi jew ma kkontestatx l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward.

164. Għal dawn ir-raġunijiet, fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tiddeċiedi b’mod definittiv dwar il-motivi u l-oġġezzjonijiet kollha mqajma fl-ewwel istanza, b’mod partikolari l-ħames motiv.

165. Għaldaqstant, il-kawża trid tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali, u d-deċiżjoni dwar l-ispejjeż għandha tiġi rriżervata.

IV.    Konklużjoni

166. Għalhekk, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

–        Is-sentenza tat‑18 ta’ Settembru 2024, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (Google AdSense for Search) (T‑334/19, EU:T:2024:634) għandha tiġi annullata.

–        Il-kawża għandha tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

–        Id-deċiżjoni dwar l-ispejjeż hija rriżervata.


1      Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2      Sentenza tat‑18 ta’ Settembru 2024, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (Google AdSense for Search) (T‑334/19, EU:T:2024:634).


3      Deċiżjoni C(2019) 2173 final tal‑20 ta’ Marzu 2019 li tirrigwarda proċeduri skont l-Artikolu 102 TFUE u l-Artikolu 54 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE (Kawża AT.40411 – Google Search (AdSense)).


4      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company (C‑333/21, EU:C:2023:1011, punti 119 u 186).


5      Sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017 (C‑413/14 P, EU:C:2017:632).


6      Sentenza Intel I (punt 139).


7      Ara l-punti  2 sa 15 tas-sentenza appellata.


8      Għalhekk isir riferiment għalihom bħala swieq (diġitali) b’żewġ naħat, kunċett li ilu familjari, b’mod partikolari mit-televiżjoni ffinanzjata mir-reklamar; ara l-ħarsa ġenerali fil-Competition Committee tal-OECD, Two-Sided Markets, Series Roundtables on Competition Policy Nru 97, 2009 (disponibbli minn: Two-Sided Markets | OECD); ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Collins fil-kawża Booking.com u Booking.com (il-Ġermanja) (C‑264/23, EU:C:2024:470, Nru 69).


9      Ara l-premessi 2, 13 u 25 tar-Regolament (UE) 2022/1925 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Settembru 2022 dwar swieq kontestabbli u ġusti fis-settur diġitali u li jemenda d-Direttivi (UE) 2019/1937 u (UE) 2020/1828 (l-Att dwar is-Swieq Diġitali) (ĠU 2022, L 265, p. 1, rettifika fil-ĠU L, 2025/90024): “ekonomiji ta’ skala estremi, […] l-effetti qawwija ħafna tan-network, l-abbiltà li jikkollegaw ħafna utenti kummerċjali ma’ ħafna utenti finali permezz tad-diversi naħat li għandhom dawn is-servizzi, grad sinifikanti ta’ dipendenza tal-utenti kummerċjali u tal-utenti finali, l-effetti ta’ intrappolament tal-klijentela, in-nuqqas ta’ multi-homing għall-istess għan mill-utenti finali, l-integrazzjoni vertikali, u l-vantaġġi xprunati mid-data”.


10      Ara l-premessi 16 sa 20 tad-deċiżjoni kontenzjuża u s-sentenza tal‑5 ta’ Awwissu 2024 tal-United States District Court for the District of Columbia, Case No.  20-cv-3010 (APM), punti 172 et seq. u 238 et seq. (disponibbli fi: Google Search Engine Monopoly Ruling.pdf).


11      Ħarsa ġenerali lejn id-diversi servizzi ta’ intermedjazzjoni tinsab fil-premessa 21 et seq. tad-deċiżjoni kontenzjuża.


12      Regolament tal-Kummissjoni tas‑7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikolu [101] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3 p. 81).


13      Regolament tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).


14      Ara l-premessi 222 et seq. u 274 et seq. tad-deċiżjoni kontenzjuża; punti 39 et seq. tas-sentenza appellata.


15      Il-premessa 340 et seq. tad-deċiżjoni kontenzjuża; punti 67 sa 73 tas-sentenza appellata.


16      Sentenza tat‑13 ta’ Frar 1979 (85/76, EU:C:1979:36).


17      Premessi 340 sa 361 tad-deċiżjoni kontenzjuża. Ara s-sentenza Hoffmann-La Roche (punt 89), li tgħid li “impriża li ssib ruħha f’pożizzjoni dominanti f’suq, il-fatt li torbot xerrejja - anki jekk fuq it-talba tagħhom - permezz ta’ obbligu jew ta’ wegħda li jiksbu l-bżonnijiet kollha tagħhom jew parti kunsiderevoli mill-bżonnijiet tagħhom esklużivament mingħand l-imsemmija impriża [...] jikkostiwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-sens tal-Artikolu [102 TFUE]”.


18      Premessi 362 et seq. tad-deċiżjoni kontenzjuża; miġbura fil-qosor fil-punti 71 sa 73 tas-sentenza appellata.


19      Premessi 437 et seq. tad-deċiżjoni kontenzjuża; miġbura fil-qosor fil-punti 74 sa 77 tas-sentenza appellata.


20      Premessi 459 et seq. tad-deċiżjoni kontenzjuża; miġbura fil-qosor fil-punti 78 et seq. tas-sentenza appellata.


21      Premessi 553 sa 562 tad-deċiżjoni kontenzjuża; miġbura fil-qosor fil-punti 83 sa 86 tas-sentenza appellata.


22      Premessi 566 et seq. tad-deċiżjoni kontenzjuża; miġbura fil-qosor fil-punti 87 et seq. tas-sentenza appellata.


23      Premessi 615 et seq. tad-deċiżjoni kontenzjuża; miġbura fil-qosor fil-punti 90 sa 92 tas-sentenza appellata.


24      Premessi 625 et seq. tad-deċiżjoni kontenzjuża; miġbura fil-qosor fil-punti 93 sa 95 tas-sentenza appellata.


25      Punti 114 sa 369 tas-sentenza appellata.


26      Punti 1003 sa 1005 tas-sentenza appellata.


27      Sentenza tad‑19 ta’ Jannar 2023 (C‑680/20, EU:C:2023:33).


28      Punti 379 sa 391 tas-sentenza appellata.


29      Punti 398 sa 727 tas-sentenza appellata.


30      Punti 409 sa 682 tas-sentenza appellata.


31      Punti 717 u 722 sa 724 tas-sentenza appellata.


32      Punti 724 sa 727 tas-sentenza appellata.


33      Punti 732 sa 768 tas-sentenza appellata.


34      Punt 748 tas-sentenza appellata.


35      Punti 767 u 768 tas-sentenza appellata.


36      Punti 769 sa 913 tas-sentenza appellata.


37      Punt 907 tas-sentenza appellata.


38      Punti 749 sa 883 u 902 tas-sentenza appellata.


39      Ara wkoll il-punti 908 u 909 tas-sentenza appellata.


40      Punti 910 u 911 tas-sentenza appellata.


41      Punti 912 u 913 tas-sentenza appellata.


42      Punt 923 tas-sentenza appellata.


43      Punti 914 sa 1002 tas-sentenza appellata.


44      Punti 929 sa 981 u 992 tas-sentenza appellata.


45      Punti 997 sa 999 (b’referenza għall-punt 993) tas-sentenza appellata. Madankollu, dan l-aħħar aspett ma huwiex is-suġġett tal-appell.


46      Punti 1000 sa 1002 tas-sentenza appellata.


47      Digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑22 ta’ Mejju 2025, Il‑Kummissjoni vs Google u Alphabet (C‑826/24 P, EU:C:2025:386).


48      Digriet tat‑30 ta’ Ġunju 2025, Il‑Kummissjoni vs Google u Alphabet (C‑826/24 P, EU:C:2025:538).


49      F’dan ir-rigward, l-approċċ tal-Qorti Ġenerali jfakkar il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fil-kawża Intel vs Il‑Kummissjoni (C‑413/14 P, EU:C:2016:788, punti 147 sa 157).


50      Sentenza Intel I (punt 139).


51      F’dan is-sens, ara s-Sentenzi Intel I (punti 137 sa 139), u tal‑24 ta’ Ottubru 2024, Il‑Kummissjoni vs Intel Corporation (C‑240/22 P, EU:C:2024:915, punti 130, 144, 180, 273 u 331). Ara wkoll is-sentenzi tat‑12 ta’ Mejju 2022, Servizio Elettrico Nazionale et (C‑377/20, EU:C:2022:379, punt 51), u tal‑10 ta’ Settembru 2024, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (Google Shopping) (C‑48/22 P, EU:C:2024:726, punt 265).


52      Ara, fir-rigward tal-obbligi probatorji korrispondenti tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri, is-sentenza tad‑19 ta’ Jannar 2023, Unilever Italia Mkt. Operations (C‑680/20, EU:C:2023:33, punt 48 et seq.).


53      Punti 379 u 380 tas-sentenza appellata.


54      Ara f’dan is-sens, is-sentenza Hoffmann-La Roche (punt 89).


55      Ara f’dan is-sens, is-sentenzi Intel I (punti 111 u 129 et seq., li jirreferu għaċ-ċirkustanzi rilevanti għall-iskemi ta’ tnaqqis għal lealtà, bħall-ammont tal-iskontijiet inkwistjoni, it-tul tagħhom, l-ishma mis-suq affettwati, il-ħtiġijiet tax-xerrejja u l-kwistjoni dwar jekk l-iskontijiet setgħux iwasslu biex kompetitur daqstant effiċjenti jitkeċċa mis-suq); tat‑12 ta’ Mejju 2022, Servizio Elettrico Nazionale et (C‑377/20, EU:C:2022:379, punt 72), u tad‑19 ta’ Jannar 2023, Unilever Italia Mkt. Operations (C‑680/20, EU:C:2023:33, punti 40, 41, 44 u 62, dwar l-obbligi tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni li jeżaminaw u jipproduċu provi).


56      Ara l-punti 107 et seq., 238, 381, 385, 388 sa 390, 562, 595, 597, 614, 694 sa 699, 715 sa 722, 835, 843, 848, 891 sa 898, 903 sa 908, u 988 sa 998 tas-sentenza appellata.


57      Premessi 340 sa 361, 362 et seq. tad-deċiżjoni kontenzjuża.


58      Premessi 459 et seq. u 566 et seq. tad-deċiżjoni kontenzjuża.


59      Ara l-punti 698, 699, 702, 715, 721, 776, 849, 884, 893, 894, 897, 907, 926, 982, 988 sa 990 u 997 tas-sentenza appellata.


60      Ara l-premessi 364, 373, 388, 392, 398 u 399 (dwar il-klawżola ta’ esklużività); 496, 519, 525 u 527 (dwar il-klawżola ta’ pożizzjonament), kif ukoll 574, 590, 592, 594 u 595 (dwar il-klawżola ta’ awtorizzazzjoni minn qabel) tad-deċiżjoni kontenzjuża.


61      Fir-rigward tal-kunċett ta’ effetti “potenzjali” li jirrestrinġu l-kompetizzjoni, ara, l-iktar reċenti, is-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2024, Tallinna Kaubamaja Grupp u KIA Auto (C‑606/23, EU:C:2024:1004, punti 32 u 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).


62      Fir-rigward tal-prattiki restrittivi fuq il-kompetizzjoni “min-natura proprja tagħhom”, u li għalihom ma hija meħtieġa l-ebda prova tal-effetti tagħhom, ara s-sentenzi tat‑12 ta’ Jannar 2023, Lietuvos geležinkeliai vs Il‑Kummissjoni (C‑42/21 P, EU:C:2023:12, punti 76 et seq.), u tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company (C‑333/21, EU:C:2023:1011, punti 147 sa 152 u 178). Fir-rigward tar-“restrizzjonijiet puri”, ara s-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2022, Intel Corporation vs Il‑Kummissjoni (T‑286/09 RENV, EU:T:2022:19, punti 88 sa 96), u s-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2024, Il‑Kummissjoni vs Intel Corporation (C‑240/22 P, EU:C:2024:915, punti 38, 83 u 97), li ċaħdet l-appell tal-Kummissjoni, kif ukoll is-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2025, Intel Corporation vs Il‑Kummissjoni (T‑1129/23, EU:T:2025:1091) (appell u appell inċidentali pendenti fil-kawża C‑143/26 P).


63      Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2024, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (Google Shopping) (C‑48/22 P, EU:C:2024:726, punti 165 sa 168 u 265). Ara wkoll is-sentenzi tat‑2 ta’ Lulju 2026, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (C‑738/22 P, EU:C:2026:533, punti 187 sa 190 u 274), u tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company (C‑333/21, EU:C:2023:1011, punti 129 sa 131).


64      F’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Lulju 2026, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (C‑738/22 P, EU:C:2026:533, punt 189 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll il-punt 191, li skontu “t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ element fattwali bħala element tal-kuntest rilevanti għall-evalwazzjoni tal-effetti ta’ aġir fid-dawl tal-Artikolu 102 TFUE ma jiddependix mill-punt dwar jekk dan l-element jaqax taħt aġir [ieħor] li huwa fih innifsu abbużiv”).


65      Ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et (C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 146), u b’mod partikolari tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company (C‑333/21, EU:C:2023:1011, punti 119 u 186).


66      Ara s-sitwazzjoni paragunabbli li fuqha hija bbażata s-sentenza tad‑19 ta’ Jannar 2023, Unilever Italia Mkt. Operations (C‑680/20, EU:C:2023:33).


67      Sentenza tat‑28 ta’ Frar 1991 (C‑234/89, EU:C:1991:91, punti 19 sa 27). Ara wkoll is-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2015, Maxima Latvija (C‑345/14, EU:C:2015:784, punti 25 sa 30, li tippreċiża li prova ta’ effett potenzjalment restrittiv fuq il-kompetizzjoni hija wkoll suffiċjenti).


68      Ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Frar 1991, Delimitis (C‑234/89, EU:C:1991:91, punt 26).


69      Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Linji Gwida dwar restrizzjonijiet vertikali (ĠU 2022, C 248, p. 1), punti 281, 302 (“Aktar ma jkun għoli l-proporzjon tas-sehem mis-suq tiegħu li fornitur ibigħ taħt obbligu ta’ marka unika u aktar ma jkun twil it-tul ta’ żmien tal-obbligi ta’ marka unika, aktar huwa probabbli li tkun sinifikanti l-esklużjoni”) u 324 (“Minbarra l-pożizzjoni tas-suq tax-xerrej fis-suq upstream u downstream, huwa importanti wkoll li jitqiesu l-firxa u t-tul ta’ żmien tal-obbligu ta’ provvista esklużiva. Aktar ma jkun għoli s-sehem tal-provvista marbuta, u aktar ma jkun twil it-tul ta’ żmien tal-obbligu tal-provvista esklużiva, aktar huwa probabbli li jkun sinifikanti l-effett ta’ esklużjoni”).


70      Ara l-punti 13 sa 15 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Linji Gwida dwar il-prijoritajiet ta’ infurzar tal-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu [102 TFUE] għal imġiba esklużjonarja abbużiva minn impriżi dominanti” (ĠU 2009, C 45, p. 7). Din l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni hija riflessa wkoll fil-punt 106 tal-Komunikazzjoni tagħha tat‑3 ta’ Settembru 2026 [C(2026) 6118 final] – “Linji Gwida dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal imġiba abbużiva ta’ esklużjoni minn impriżi dominanti” (disponibbli fuq: Il-Kummissjoni tadotta l-Linji Gwida tal-UE dwar prattiki ta’ esklużjoni abbużivi).


71      Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Linji Gwida dwar il-prijoritajiet ta’ infurzar tal-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu [102 TFUE] għal imġiba esklużjonarja abbużiva minn impriżi dominanti” (ĠU 2009, C 45, p. 77).


72      Punti 696 u 712 tas-sentenza appellata.


73      Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Intel vs Il‑Kummissjoni (C‑413/14 P, EU:C:2016:788, punt 150, li skontu t-tul qasir ta’ ftehim ma jeskludix l-effetti restrittivi tiegħu fuq il-kompetizzjoni); kif ukoll il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat‑3 ta’ Settembru 2026 (nota ta’ qiegħ il-paġna 70), punt 106, l-ittra d: “B’mod ġenerali, aktar ma jkun għoli s-sehem tal-bejgħ totali fis-suq rilevanti affettwat mill-imġiba u aktar ma tkun twila d-durata tal-imġiba, aktar tkun kbira l-kapaċità tal-imġiba li tipproduċi effetti ta’ esklużjoni” (korsiv miżjud).


74      Ara l-punt 712 tas-sentenza appellata.


75      Ara f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il‑Kummissjoni (C‑603/13 P, EU:C:2016:38, punt 90). Rigward in-nuqqas ta’ effett vinkolanti fuq l-Istati Membri, ara s-sentenzi tat‑13 ta’ Diċembru 2012, Expedia (C‑226/11, EU:C:2012:795, punt 29), u tal‑20 ta’ Jannar 2016, DHL Express (Italy) u DHL Global Forwarding (Italy) (C‑428/14, EU:C:2016:27, punt 33).


76      Interpretazzjoni simili hija espressa fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat‑3 ta’ Settembru 2026 (nota ta’ qiegħ il-paġna 70), punti 106, 142 u 161.


77      Ara l-Artikolu 2(2) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal‑20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (“ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet”) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40).


78      Sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2023, Il‑Kummissjoni vs CK Telecoms UK Investments (C‑376/20 P, EU:C:2023:561, punt 262).


79      F’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2023, Il‑Kummissjoni vs CK Telecoms UK Investments (C‑376/20 P, EU:C:2023:561, punt 270).


80      Bl-istess mod, rigward ir-rabtiet ta’ esklużività, ara s-sentenza tad‑19 ta’ Jannar 2023, Unilever Italia Mkt. Operations (C‑680/20, EU:C:2023:33, punti 39 u 41 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Punti 106 u 108 tas-sentenza appellata jirreferu wkoll għal dan.


81      Bl-Ingliż, huwa magħruf bħala "As-Efficient-Competitor-Test" (it-test AEC). Rigward l-applikazzjoni (obbligatorja) tiegħu fil-kuntest tal-kompetizzjoni fil-prezzijiet, ara s-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2024, Il‑Kummissjoni vs Intel Corporation (C‑240/22 P, EU:C:2024:915, punti 181, 201 u 343).


82      F’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Jannar 2023, Unilever Italia Mkt. Operations (C‑680/20, EU:C:2023:33, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll il-punt 661 tas-sentenza appellata. Kemm-il darba għamiltha ċara li tali limitazzjoni hija meħtieġa, b’mod partikolari fil-kuntest tas-swieq diġitali; ara, pereżempju, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (C‑738/22 P, EU:C:2025:463, punti 125 et seq.).


83      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (C‑48/22 P, EU:C:2024:14, punti 194 sa 197).


84      Ara f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Jannar 2023, Unilever Italia Mkt. Operations (C‑680/20, EU:C:2023:33, punti 59 sa 61).


85      F’dan is-sens, ara l-formulazzjoni kemxejn kumplessa użata mill-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal‑10 ta’ Settembru 2024, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (Google Shopping) (C‑48/22 P, EU:C:2024:726, punt 165 u l-ġurisprudenza ċċitata).


86      Sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2024, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (Google Shopping) (C‑48/22 P, EU:C:2024:726, punti 170 sa 172). Diġà enfasizzajt il-ħtieġa ta’ din id-distinzjoni u ta’ dan l-eżami separat fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (C‑48/22 P, EU:C:2024:14, punt 144). Il-Qorti tal-Ġustizzja tidher li reċentement irrikonoxxiet dan billi kklassifikathom bħala kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti b’mod kumulattiv; ara s-sentenza tat‑2 ta’ Lulju 2026, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (C‑738/22 P, EU:C:2026:533, punt 264 u l-ġurisprudenza ċċitata fiha; korsiv miżjud).


87      F’dan is-sens, ara s-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2024, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (Google Shopping) (C‑48/22 P, EU:C:2024:726, punt 167 u l-ġurisprudenza ċċitata fiha; korsiv miżjud). Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (C‑48/22 P, EU:C:2024:14, punt 192 et seq.). Dan l-approċċ huwa kkonfermat mis-sentenza tat‑2 ta’ Lulju 2026, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (C‑738/22 P, EU:C:2026:533, punti 271 sa 274).


88      Rigward il-“bejgħ marbut” fis-swieq diġitali, li ġeneralment jitqies bħala mezz li jiddevja mill-kompetizzjoni fuq il-bażi tal-effiċjenza u li l-effetti restrittivi tiegħu fuq il-kompetizzjoni ma għandhomx jiġu evalwati billi jiġi ttestjat kompetitur daqstant effiċjenti, ara s-sentenza tat‑2 ta’ Lulju 2026, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (C‑738/22 P, EU:C:2026:533, punti 269 et seq.).


89      Ara f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Jannar 2023, Unilever Italia Mkt. Operations (C‑680/20, EU:C:2023:33, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata), tal‑10 ta’ Settembru 2024, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (Google Shopping) (C‑48/22 P, EU:C:2024:726, punt 163 u l-ġurisprudenza ċċitata).


90      Ara f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2024, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (Google Shopping) (C‑48/22 P, EU:C:2024:726, punt 88 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza tat‑2 ta’ Lulju 2026, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (C‑738/22 P, EU:C:2026:533, punt  264 u l-ġurisprudenza ċċitata, li skontha l-applikazzjoni ta’ prattika jista’ jkollha effett ta’ esklużjoni, li jagħmilha iktar diffiċli għall-kompetituri li jidħlu jew jibqgħu fis-suq inkwistjoni, u b’hekk tista’ taffettwa l-istruttura tas-suq; korsiv miżjud). Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (C‑738/22 P, EU:C:2025:463, punti 106 u 131 sa 136). Sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2023, Towercast (C‑449/21, EU:C:2023:207, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata, tindika direzzjoni simili (il-protezzjoni tal-istruttura tas-suq), li skontha biex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ abbuż huwa meħtieġ fost l-oħrajn prova, “peress li għandu jiġi stabbilit li l-livell ta’ dominanza hekk miksub ifixkel il-kompetizzjoni b’mod sostanzjali, jiġifieri jħalli li jibqgħu biss impriżi dipendenti, fl-aġir tagħhom, mill-impriża dominanti.”


91      F’dan is-sens – fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet fejn la huwa possibbli u lanqas utli li l-evalwazzjoni tal-effetti ta’ esklużjoni ta’ prattika partikolari tiġi bbażata fuq jekk kompetitur daqstant effiċjenti (ipotetikament) jistax jirreplika din il-prattika – ara s-sentenza tat‑2 ta’ Lulju 2026, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (C‑738/22 P, EU:C:2026:533, punti 273 u 278). Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (C‑738/22 P, EU:C:2025:463, punti 125 et seq.).


92      Premessi 230, 276 u 364 tad-deċiżjoni kontenzjuża.


93      Ara l-punti  558 sa 560, 666, 846, 882, 944, 980 tas-sentenza appellata.


94      Punt 562 tas-sentenza appellata, b’referenza għall-premessa 364 tad-deċiżjoni kontenzjuża.


95      Punti 848 tas-sentenza appellata, b’referenza għall-premessa 496 tad-deċiżjoni kontenzjuża.


96      Ara b’mod partikolari l-punti 944 u 978 sa 981 tas-sentenza appellata.


97      Premessi 228 et seq. u 274 et seq.


98      Ara b’mod partikolari l-premessa 253 tad-deċiżjoni kontenzjuża.


99      Ara b’mod partikolari l-premessi 280 et seq. tad-deċiżjoni kontenzjuża.


100      Punti 563 et seq. (dwar il-klawżola ta’ esklużività), punti 849 et seq. (dwar il-klawżola ta’ pożizzjonament) u punti 954 et seq. (dwar il-klawżola ta’ awtorizzazzjoni minn qabel) tas-sentenza appellata.


101      Punti 409 et seq. (dwar il-klawżola ta’ esklużività), punti 781 et seq. (dwar il-klawżola ta’ pożizzjonament) u punti 929 et seq. (dwar il-klawżola ta’ awtorizzazzjoni minn qabel) tas-sentenza appellata.


102      Skont il-Qorti Ġenerali, Google ma kinitx issottomettiet analiżi, la fil-proċeduri amministrattivi u lanqas fil-proċeduri tal-qorti, ibbażata fuq it-test tal-kompetitur daqstant effiċjenti fis-sens tas-sentenza Intel I (punti 138 et seq.); ara l-punti 671, 881 u 979 tas-sentenza appellata.


103      Punti 651 et seq. (dwar il-klawżola ta’ esklużività), punti 876 et seq. (dwar il-klawżola ta’ pożizzjonament) u punti 974 et seq. (dwar il-klawżola ta’ awtorizzazzjoni minn qabel) tas-sentenza appellata.


104      Punti 665, 678 sa 682, 716 (dwar il-klawżola ta’ esklużività), 880 sa 883 (dwar il-klawżola ta’ pożizzjonament), 963, u 978 sa 981 (dwar il-klawżola ta’ awtorizzazzjoni minn qabel) tas-sentenza appellata.


105      Punti 409 sa 562 tas-sentenza appellata.


106      Punti 563 sa 682 tas-sentenza appellata.


107      Punti 571, 578, 584, 590, 592, 605, 618, 633 u 642 tas-sentenza appellata.


108      Punti 665, 682 u 716 tas-sentenza appellata.


109      Punti 558 sa 560 tas-sentenza appellata, b’riferiment għall-osservazzjonijiet li jinsabu fil-premessi 230, 276, u 364 tad-deċiżjoni kontenzjuża.


110      Punti 572 et seq. tas-sentenza appellata.


111      Punti (562 u) 650 tas-sentenza appellata, li ma humiex is-suġġett tal-appell.


112      Punt 843 tas-sentenza appellata.


113      Punt 767 tas-sentenza appellata.


114      Punti 839 u 840 tas-sentenza appellata.


115      Punti 788, 789, 797 sa 802 (b’referenza għall-premessa 499 tad-deċiżjoni kontenzjuża), 825, 832, u 838 sa 848 tas-sentenza appellata.


116      Punti 841 u 842 tas-sentenza appellata, b’referenza għall-premessi 504 u 505 tad-deċiżjoni kontenzjuża.


117      Punti 843 sa 845 (b’referenza għall-punt  825 u 832 tas-sentenza appellata.


118      Punt 846 tas-sentenza appellata, b’referenza għall-premessi 230 u 276 tad-deċiżjoni kontenzjuża.


119      Punt 848 tas-sentenza appellata, b’referenza għall-premessa 496 tad-deċiżjoni kontenzjuża.


120      Punt 849 et seq., b’mod partikolari l-punti  854 sa 861 tas-sentenza appellata. Dan japplika wkoll għal ċerti oġġezzjonijiet rigward il-provi invokati mill-Kummissjoni dwar it-traffiku tad-data u l-għadd ta’ tfittxijiet ifformulati online; ara l-punti  866 et seq. tas-sentenza appellata.


121      Punt 880 sa 883 (b’referenza għall-punti 650, 656, 657, 665, 671, 678 sa 681 u 859) u l-punt 902 (b’referenza għall-punt 882) tas-sentenza appellata.


122      Punt 902 (b’referenza għall-punt 859) tas-sentenza appellata.


123      Punt 903 (b’referenza għall-punt 861) tas-sentenza appellata. Din il-parti tas-sentenza appellata ma hijiex is-suġġett tal-appell.


124      Punti 929 et seq. u 955 et seq. tas-sentenza appellata.


125      Punti 943 (b’referenza għall-punt 843) tas-sentenza appellata.


126      Punt 944 tas-sentenza appellata.


127      Punti 929 sa 953 tas-sentenza appellata.


128      Punti 945 sa 953 tas-sentenza appellata, b’referenza fost l-oħrajn għall-premessa 574 tad-deċiżjoni kontenzjuża.


129      Punti 962 et seq. tas-sentenza appellata.


130      Punti 978 sa 981 (b’referenza għall-punti 650, 656, 657, 665, 671, 678 sa 681, 859, 880 u 881) tas-sentenza appellata.


131      Punt 992 (b’referenza għall-punti 967 u 980) tas-sentenza appellata.


132      Punt 683 et seq. (dwar il-klawżola ta’ esklużività), punti 884 et seq. (dwar il-klawżola ta’ pożizzjonament) u punti 982 et seq. (dwar il-klawżola ta’ awtorizzazzjoni minn qabel) tas-sentenza appellata.


133      Rigward dawn ir-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfatti, ara s-sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2024, Il‑Kummissjoni vs Servier et (C‑176/19 P, EU:C:2024:549, punt 423 u l-ġurisprudenza ċċitata).


134      Premessa 348 tad-deċiżjoni kontenzjuża tinkludi lista ta’ FSG konklużi ma’ 34 imsieħeb dirett, li kienu jinkludu klawżoli ta’ esklużività li tipikament kienu jkopru s-siti internet kollha tagħhom. Il-premessa 349 u n-nota 464 ta’ qiegħ il-paġna ta’ din id-deċiżjoni jsemmu 69 imsieħeb ieħor bħal dawn li ma setgħux jiddikjaraw b’ċertezza jekk kinux inkludew is-siti internet kollha tagħhom f’dawn il-FSG.


135      Ara l-premessi 364 et seq. tad-deċiżjoni kontenzjuża.


136      Premessa 388 tad-deċiżjoni kontenzjuża.


137      Premessi 277 et seq. tad-deċiżjoni kontenzjuża.


138      Premessa 389 tad-deċiżjoni kontenzjuża.


139      L-ishma rispettivi tad-dominji tal-Internet affettwati għal dawn il-pajjiżi huma maqsumin fid-dettall fit-Tabella 16; ara l-premessa 390 tad-deċiżjoni kontenzjuża.


140      Premessa 394, moqrija flimkien mal-premessa 382 tad-deċiżjoni kontenzjuża.


141      Ara l-premessa 382 tad-deċiżjoni kontenzjuża u t-Tabella 13 li tinsab fiha.


142      Premessa 395, b’referenza għall-premessi 381 sa 383 tad-deċiżjoni kontenzjuża.


143      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni rreferiet għas-sentenza tal‑1 ta’ April 1993, BPB Industries u British Gypsum vs Il‑Kummissjoni (T‑65/89, EU:T:1993:31, punt 73, li skontha “d-dritt ta’ xoljiment ta’ kuntratt b’ebda mod ma jostakola l-applikazzjoni effettiva tiegħu, sakemm ma jkunx sar użu mill-fakultà ta’ xoljiment [traduzzjoni mhux uffiċjali]”).


144      Ara l-premessa 496 tad-deċiżjoni kontenzjuża.


145      Premessi 498 et seq. tad-deċiżjoni kontenzjuża.


146      Premessi 511 et seq. tad-deċiżjoni kontenzjuża.


147      Premessi 512 u 513, kif ukoll it-tabelli 24, 25 u 26 tad-deċiżjoni kontenzjuża.


148      Premessa 515 moqrija flimkien mal-premessa 390 tad-deċiżjoni kontenzjuża.


149      Premessi 516 u 517 tad-deċiżjoni kontenzjuża.


150      Premessa 518 u t-tabella 27 tad-deċiżjoni kontenzjuża.


151      Premessa 520, b’referenza għall-premessa 276 tad-deċiżjoni kontenzjuża.


152      Premessa 526 tad-deċiżjoni kontenzjuża.


153      Premessa 527, b’referenza għall-Kapitolu 7.3.1 u l-premessa 519 tad-deċiżjoni kontenzjuża.


154      Ara l-premessa 574 tad-deċiżjoni kontenzjuża.


155      Premessi 577 sa 579 tad-deċiżjoni kontenzjuża.


156      Premessi 584 et seq. tad-deċiżjoni kontenzjuża.


157      Premessa 586, u t-tabella 28 tad-deċiżjoni kontenzjuża.


158      Premessa 587, u t-tabella 29 tad-deċiżjoni kontenzjuża.


159      Premessa 588, b’referenza għall-premessa 515 tad-deċiżjoni kontenzjuża.


160      Premessa 589, b’referenza għall-premessa 518 tad-deċiżjoni kontenzjuża.


161      Premessa 591, b’referenza għall-premessa 276 tad-deċiżjoni kontenzjuża.


162      Punt 2 fil-premessa 592 tad-deċiżjoni kontenzjuża.


163      Punti 717 sa 727, 716 (il-klawżola ta’ esklużività), 893 sa 904 (il-klawżola ta’ pożizzjonament), u 988 sa 1002 (il-klawżola ta’ approvazzjoni minn qabel) tas-sentenza appellata.


164      Punti 698 sa 700 u 710 et seq. tas-sentenza appellata.


165      Punt 703 tas-sentenza appellata.


166      Punti 717 u 722 tas-sentenza appellata.


167      Punt 718 tas-sentenza appellata.


168      Punti 893 sa 895 tas-sentenza appellata.


169      Punti 896 sa 898 tas-sentenza appellata.


170      Punti 903 u 904 tas-sentenza appellata.


171      Punti 988 u 989 (b’referenza għall-punti 892 u 893) tas-sentenza appellata.


172      Punt 990 (b’referenza għall-punt 897) tas-sentenza appellata.


173      F’dan is-sens, il-punt 991 (b’referenza għall-punt 898) tas-sentenza appellata.


174      Punt 993 (b’referenza għall-punti 969 u 991) u 994 tas-sentenza appellata.


175      Ara f’dan is-sens, id-deċiżjoni tat‑28 ta’ Settembru 2006, Unilever Bestfoods vs Il‑Kummissjoni (C‑552/03 P, EU:C:2006:607, punt 55, li fih il-Qorti Ġenerali “ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet li, peress li l-possibbiltà li jiġu xolti l-ftehimiet ta’ distribuzzjoni bl-ebda mod ma tipprekludi l-infurzar effettiv ta’ dawn il-ftehimiet matul il-perijodu li fih din l-għażla ma tintużax, huwa neċessarju li jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul effettiv ta' dawn il-ftehimiet fl-evalwazzjoni tal-effetti tagħhom fuq is-suq rilevanti [traduzzjoni mhux uffiċjali]”).


176      Rigward il-kunsiderazzjoni tal-hekk imsejjaħ “vantaġġ tal-istatus quo” b’rabta mal-applikazzjonijiet preinstallati fuq sistema operatorja, ara s-sentenza tat‑2 ta’ Lulju 2026, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (C‑738/22 P, EU:C:2026:533, punti 210 et seq.). Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (C‑738/22 P, EU:C:2025:463, punti 95 et seq.).


177      Għaldaqstant, l-użu tat-termini “tul taż-żmien medju” u “twil” fil-premessi 388, 398, 519, 525, u 590 huwa qarrieqi.


178      B’mod partikolari, il-premessi 388, 398 u 399 tad-deċiżjoni kontenzjuża.


179      B’mod partikolari, il-premessi 519, 525 u 526 tad-deċiżjoni kontenzjuża.


180      B’mod partikolari, il-premessi 590 u 594 tad-deċiżjoni kontenzjuża.


181      Punti 893 sa 895 tas-sentenza appellata.


182      Ara, minflok, il-lista estensiva ta’ dawn il-FSG fil-premessi 348 u 349 tad-deċiżjoni kontenzjuża. F’dan ir-rigward, Google sempliċement targumenta li t-tul tal-ftehimiet la huwa msemmi u lanqas evalwat b’mod espliċitu fis-sentenza.


183      Punt 717 tas-sentenza appellata (enfażi miżjuda).


184      Ara l-punt 703 tas-sentenza appellata.


185      Matul is-seduta, Google ċaħdet li kellha tali provi, filwaqt li rreferiet biss għall-punt 71 tar-risposta tagħha għall-appell (madankollu, ara l-punti 670 u 671 tas-sentenza appellata). Fil-proċedura amministrattiva, hija kienet sostniet fost l-oħrajn li l-imsieħba diretti mexxew proċessi kompetittivi tul il-perijodu rilevanti kollu u spiss innegozjaw simultanjament kemm ma’ Google kif ukoll ma’ Microsoft/Yahoo! Madankollu, Microsoft, fost l-oħrajn, irnexxielha tikkonkludi ftehim fit-tul ma’ AOL fl‑2015. Barra minn hekk, l-istqarrija ta’ Surfboard, iċċitata fil-punt  686 tas-sentenza appellata, tikkonferma li l-FSG ma’ Google ġew estiżi b’mod frekwenti ħafna.


186      Ara s-sunt iktar ’il fuq, il-punti 85 sa 99.


187      Ara l-premessi 228 et seq. u 274 et seq. tad-deċiżjoni kontenzjuża. Fl‑2016, dawn l-ishma kienu jammontaw għal ferm iktar minn [kunfidenzjali] % fil-biċċa l-kbira tas-swieq nazzjonali għar-reklamar marbut mat-tfittix online, u għal [kunfidenzjali] % fis-suq għall-intermedjazzjoni fil-qasam tar-reklamar marbut mat-tfittix fiż-ŻEE (il-premessa 253) u fil-każ tal-aħħar, is-sehem kien żdied b’mod partikolarment qawwi mill‑2006, meta qabeż il-[kunfidenzjali] % (il-premessa 280 et seq.).


188      Imkejla f’termini tad-dħul gross iġġenerat minn Google permezz tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tagħha, kif ukoll tal-għadd ta’ tfittxijiet ifformulati li ġew affettwati jew ta’ dominji u siti tal-Internet iffrekwentati; ara l-punti 107 u 109 iktar ’il fuq.


189      Ara iktar ’il fuq, il-punti 86 sa 99.


190      Punti 683 et seq. (dwar il-klawżola ta’ esklużività), punti 884 et seq. (dwar il-klawżola ta’ pożizzjonament) u punti 982 et seq. (dwar il-klawżola ta’ awtorizzazzjoni minn qabel) tas-sentenza appellata.


191      Ara iktar ’il, il-punti 46, 51 u 56.


192      Punti 41 et seq., 86 u 116 et seq.


193      Ara fost l-oħrajn is-sentenzi tal‑10 ta’ Settembru 2024, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (Google Shopping) (C‑48/22 P, EU:C:2024:726, punt 166), u tat‑2 ta’ Lulju 2026, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (C‑738/22 P, EU:C:2026:533, punt 188: “billi tibbaża ruħha fuq elementi ta’ analiżi u provi preċiżi u konkreti”).


194      Rigward l-għan tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali, li huwa, fost l-oħrajn, li jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-funzjoni superviżorja tagħha fil-proċeduri ta’ appell, ara s-sentenzi tas‑26 ta’ Settembru 2024, Orlen vs Il‑Kummissjoni (C‑255/22 P, EU:C:2024:790, punt 171) u tas‑26 ta’ Frar 2026, Cargolux Airlines vs Il‑Kummissjoni (C‑401/22 P, EU:C:2026:132, punt 151 u l-ġurisprudenza ċċitata).


195      Dawn jikkonċernaw il-punti 683, 698, 699, u 702 sa 714 tas-sentenza appellata.


196      Dawn waħedhom jammontaw għal 40 punt fl-appell tal-Kummissjoni.


197      B’mod partikolari, ara l-punti 704 sa 709 tas-sentenza appellata.


198      Ara s-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2024, Il‑Kummissjoni vs Intel Corporation (C‑240/22 P, EU:C:2024:915, punti 328 u 329).


199      Punti 890 et seq. tas-sentenza appellata.


200      Punti 840, 859, 874, 882, 883, 885, 902 u 967 tas-sentenza appellata.


201      Sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2024, Il‑Kummissjoni vs Intel Corporation (C‑240/22 P, EU:C:2024:915).


202      Dawn jirreferu għall-punti 892 et seq. tas-sentenza appellata.


203      Punti 986 et seq. tas-sentenza appellata.


204      Punti 944, 967 u 980 et seq. tas-sentenza appellata.


205      Dawn jirreferu għall-punt 989 et seq. tas-sentenza appellata.


206      Premessi 625 sa 630 tad-deċiżjoni kontenzjuża.


207      Ara l-punti 1003 u 1004 tas-sentenza appellata.


208      Sentenza tat‑2 ta’ Lulju 2026, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (C‑738/22 P, EU:C:2026:533, punti 381 u 382 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


209      Ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Lulju 2026, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (C‑738/22 P, EU:C:2026:533, punti 385 sa 387; korsiv miżjud).


210      F’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Lulju 2026, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (C‑738/22 P, EU:C:2026:533, punt 398 u l-ġurisprudenza ċċitata).


211      Sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 2016, Pilkington Group et vs Il‑Kummissjoni (C‑101/15 P, EU:C:2016:631, punt  73), tas‑27 ta’ April 2017, FSL et vs Il‑Kummissjoni (C‑469/15 P, EU:C:2017:308, punt 78), u tat‑18 ta’ Marzu 2021, Pometon vs Il‑Kummissjoni (C‑440/19 P, EU:C:2021:214, punt 137).


212      Ara l-punti 189 sa 210 tar-rikors fl-ewwel istanza.