IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Strasburgu, 26.11.2024
COM(2024) 723 final
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
li tapprova l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tal-Polonja
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Strasburgu, 26.11.2024
COM(2024) 723 final
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
li tapprova l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tal-Polonja
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
li tapprova l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tal-Polonja
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 121 tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263, u b’mod partikolari l-Artikolu 17 tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni,
Billi:
KUNSIDERAZZJONIJIET ĠENERALI
Fit-30 ta’ April 2024 daħal fis-seħħ qafas ta’ governanza ekonomika tal-UE riformat. Ir-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali 1 , flimkien mar-Regolament (KE) Nru 1467/97 emendat dwar l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv 2 , u d-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE emendata dwar l-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri 3 huma l-elementi ewlenin tal-qafas riformat tal-governanza ekonomika tal-UE. L-għan tal-qafas hu li jiżgura s-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku u t-tkabbir sostenibbli u inklużiv permezz ta’ riformi u investimenti. Jippromwovi s-sjieda nazzjonali u l-fokus jinsab fuq it-terminu medju, flimkien ma’ infurzar effettiv u aktar koerenti tar-regoli.
Fiċ-ċentru tal-qafas il-ġdid ta’ governanza ekonomika hemm il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju li l-Istati Membri jippreżentaw lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. Il-pjanijiet iridu jilħqu żewġ objettivi: i) jiżguraw li sa tmiem il-perjodu ta’ aġġustament, id-dejn tal-gvern estiż ikun fuq perkors ta’ tnaqqis plawżibbli, jew jibqa’ f’livelli prudenti, u li d-defiċit tal-gvern jinġieb u jinżamm taħt il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG fuq terminu medju, u ii) jiżguraw li t-twettiq ta’ riformi u investimenti jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u jindirizzaw il-prijoritajiet komuni tal-UE. Għal dan l-għan, kull pjan għandu jippreżenta impenn fuq terminu medju għal perkors tan-nefqa netta 4 , li effettivament jistabbilixxi restrizzjoni baġitarja għad-durata tal-pjan, li jkopri 4 jew 5 snin (skont it-terminu regolari tal-leġiżlatura fi Stat Membru). Barra minn hekk, il-pjan għandu jispjega kif l-Istat Membru se jiżgura t-twettiq ta’ riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, b’mod partikolari fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (inklużi dawk li jappartjenu għall-proċedura ta’ żbilanċi makroekonomiċi (MIP), jekk applikabbli), u kif l-Istat Membru se jindirizza l-prijoritajiet komuni tal-Unjoni. Il-perjodu għall-aġġustament fiskali jkopri perjodu ta’ 4 snin, li jista’ jiġi estiż b’massimu ta’ 3 snin jekk l-Istat Membru jimpenja ruħu li jwettaq sett ta’ riformi u investimenti rilevanti li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fir-Regolament (UE) 2024/1263
Wara s-sottomissjoni tal-pjan, il-Kummissjoni trid tivvaluta jekk dan jikkonformax mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263.
Fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, il-Kunsill imbagħad irid jadotta rakkomandazzjoni li tistabbilixxi l-perkors tan-nefqa netta tal-Istat Membru kkonċernat u, fejn applikabbli, japprova s-sett ta’ impenji ta’ riforma u ta’ investiment li jirfdu estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament fiskali.
KUNSIDERAZZJONIJIET DWAR IL-PJAN FISKALI-STRUTTURALI NAZZJONALI FUQ TERMINU MEDJU TAL-POLONJA
Fid-9 ta’ Ottubru 2024, il-Polonja ppreżentat il-pjan fiskali strutturali nazzjonali tagħha fuq terminu medju lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. Is-sottomissjoni saret wara estensjoni tal-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) 2024/1263, kif maqbul mal-Kummissjoni fid-dawl tar-raġunijiet ipprovduti mill-Polonja.
Proċess qabel is-sottomissjoni tal-pjan
Fil-21 ta’ Ġunju 2024, il-Kummissjoni bagħtet, skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2024/1263, it-trajettorja referenzjarja 5 lill-Polonja. Il-Kummissjoni ppubblikat it-trajettorja referenzjarja fid-9 ta’ Ottubru 2024 6 . It-trajettorja referenzjarja hi bbażata fuq ir-riskju u tiżgura li, sa tmiem il-perjodu ta’ aġġustament fiskali u fin-nuqqas ta’ aktar miżuri baġitarji lil hinn mill-perjodu ta’ aġġustament, id-dejn tal-gvern estiż ikun fuq trajettorja plawżibbli ’l isfel jew jibqa’ f’livelli prudenti fuq terminu medju, u li d-defiċit tal-gvern estiż jinġieb taħt it-3 % tal-PDG matul il-perjodu ta’ aġġustament u jinżamm taħt dan il-valur referenzjarju fuq terminu medju. It-terminu medju huwa definit bħala l-perjodu ta’ 10 snin wara t-tmiem tal-perjodu ta’ aġġustament. F’konformità mal-Artikolu 6, il-punt (d), u l-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament (UE) 2024/1263, it-trajettorja referenzjarja hija konsistenti wkoll mal-parametru referenzjarju tad-defiċit, mas-salvagwardja tas-sostenibbiltà tad-dejn u mas-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit. It-trajettorja referenzjarja tal-Polonja turi li, abbażi tas-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni u jekk wieħed jassumi perjodu ta’ aġġustament ta’ 4 snin, jenħtieġ li n-nefqa netta ma tikbirx b’iżjed mill-valuri pprovduti fit-Tabella 1. Dan jikkorrispondi għal tkabbir medju fin-nefqa netta ta’ 4,5 % matul il-perjodu ta’ aġġustament (2025-2028).
|
2025 |
2026 |
2027 |
2028 |
Medja 2025-2028 |
|
|
Tkabbir massimu fin-nefqa netta (annwali, %) |
5,3 |
4,6 |
4,2 |
3,9 |
4,5 |
Tabella 1: Trajettorja referenzjarja pprovduta mill-Kummissjoni lil Polonja fil-
21 ta’ Ġunju 2024
Sors: Kalkoli tal-Kummissjoni.
F’konformità mal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-Polonja u l-Kummissjoni impenjaw ruħhom fi djalogu tekniku minn Lulju sa Ottubru 2024. Id-djalogu ffoka fuq il-perkors tan-nefqa netta previst mill-Polonja u s-suppożizzjonijiet sottostanti tagħha (b’mod partikolari l-output potenzjali, ir-rati ta’ interessi, id-deflatur tal-PDG u l-multiplikaturi fiskali), id-devjazzjoni mis-salvagwardja ta’ ebda posponiment, kif ukoll it-twettiq previst ta’ riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u l-prijoritajiet komuni tal-Unjoni fi tranżizzjoni diġitali ekoloġika u ġusta, ir-reżiljenza soċjali u ekonomika, is-sigurtà tal-enerġija u l-bini tal-kapaċitajiet tad-difiża.
Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Polonja fil-pjan tagħha, ma sarx proċess ta’ konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati nazzjonali rilevanti (inklużi s-sħab soċjali) qabel is-sottomissjoni kif previst fl-Artikolu 11(3) tar-Regolament (UE) 2024/1263, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tranżizzjonali previsti fl-Artikolu 36(1), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2024/1263. Fl-istess ħin, skont l-informazzjoni pprovduta mill-Polonja fil-pjan tagħha, f’Settembru 2024, il-Polonja kienet involuta f’diskussjoni dwar ir-riformi u l-investimenti proposti mar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u s-sħab soċjali fil-qafas tal-“Grupp tas-Semestru Ewropew” nazzjonali.
Proċessi oħra relatati
Fis-26 ta’ Lulju 2024, il-Kunsill stabbilixxa l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv fil-Polonja minħabba nuqqas ta’ konformità mal-kriterju tad-defiċit 7 . Din ir-Rakkomandazzjoni tikkoinċidi mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) TFUE bil-ħsieb li tintemm is-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv tal-gvern fil-Polonja 8 . L-adozzjoni simultanja ta’ dawk ir-rakkomandazzjonijiet, li hija mfassla u ġġustifikata mit-tranżizzjoni għall-qafas il-ġdid ta’ governanza ekonomika, tiżgura konsistenza bejn il-perkorsi ta’ aġġustament rakkomandati.
Fil-21 ta’ Ottubru 2024, il-Kunsill indirizza serje ta’ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (CSRs, (country-specific recommendations)) lill-Polonja, fil-kuntest tas-Semestru Ewropew 9 .
SOMMARJU TAL-PJAN U L-VALUTAZZJONI TIEGĦU MILL-KUMMISSJONI
Skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-Kummissjoni vvalutat il-pjan kif ġej:
Il-kuntest: sitwazzjoni u previżjoni makroekonomika u fiskali
L-attività ekonomika fil-Polonja kibret b’ 0,1 % fl-2023, minħabba esportazzjonijiet netti pożittivi u investiment qawwi, filwaqt li l-inventarji u l-konsum privat ikkontribwew b’mod negattiv. Skont it-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea, l-ekonomija hija mistennija li tikber bi 3,0 % fl-2024, bis-saħħa ta’ konsum privat u pubbliku robust u kontribuzzjoni pożittiva mill-investiment. Fl-2025, il-PDG reali huwa mistenni li jiżdied bi 3,6 %, hekk kif it-tkabbir tal-konsum jibqa’ b’saħħtu, u l-investiment jaċċellera. Fl-2026, il-PDG reali huwa mistenni li jiżdied bi 3,1 %, b’kontribuzzjonijiet pożittivi mill-konsum privat u pubbliku kif ukoll mill-investiment. Matul il-perjodu ta’ tbassir (jiġifieri 2024-2026), il-PDG potenzjali fil-Polonja huwa mistenni li jikber bi ftit inqas minn 3 %, li huwa aktar dgħajjef milli fis-snin preċedenti, xprunat minn kontribuzzjoni aktar baxxa għall-ħaddiema. Ir-rata tal-qgħad kienet ta’ 2,8 % fl-2023, u hija pproġettata mill-Kummissjoni li tammonta għal 2,9 % fl-2024, 2,8 % fl-2025 u 2,7 % fl-2026. L-inflazzjoni (deflatur tal-PDG) hija pproġettata li tonqos minn 9,5 % fl-2023 għal 3,9 % fl-2024, u li tilħaq l-4,6 % fl-2025 u t-3,0 % fl-2026.
Rigward l-iżviluppi fiskali, fl-2023 id-defiċit tal-gvern estiż tal-Polonja ammonta għal 5,3 % tal-PDG. Skont it-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea, dan huwa mistenni li jilħaq 5,8 % tal-PDG fl-2024 u li jonqos għal 5,6 % tal-PDG fl-2025 u għal 5,3 % fl-2026 fuq bażi ta’ ebda bidla fil-politika. It-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea jinkludi l-abbozz tal-baġit tal-Polonja għall-2025 li l-gvern ippropona lill-parlament nazzjonali f’Settembru. Id-dejn tal-gvern estiż kien ta’ 49,7 % tal-PDG fi tmiem l-2023. Skont it-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea, il-proporzjon tad-dejn huwa mistenni li jiżdied għal 54,7 % tal-PDG fi tmiem l-2024. Huwa proġettat li jiżdied għal 58,9 % tal-PDG fi tmiem l-2025 u għal 62,4 % fi tmiem l-2026. It-tbassir fiskali mill-Kummissjoni ma jqisx l-impenji ta’ politika fil-pjanijiet ta’ terminu medju bħala tali sakemm ma jkunux sostnuti minn miżuri ta’ politika konkreti mħabbra b’mod kredibbli u speċifikati biżżejjed.
Perkors tan-nefqa netta u suppożizzjonijiet makroekonomiċi ewlenin fil-pjan
Il-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tal-Polonja jkopri l-perjodu 2025-2028 u jippreżenta aġġustament fiskali fuq 4 snin.
Il-pjan fih l-informazzjoni kollha meħtieġa mill-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2024/1263.
Il-pjan jimpenja ruħu għall-perkors tan-nefqa netta indikat fit-Tabella 2, li jikkorrispondi għal tkabbir medju fin-nefqa netta ta’ 4,5 % matul is-snin 2025-2028. It-tkabbir medju fin-nefqa netta rrapportat fil-pjan matul il-perjodu ta’ aġġustament (2025–2028) huwa ġeneralment f’konformità mat 10 -tkabbir fin-nefqa netta medja fit-trajettorja referenzjarja trażmessa mill-Kummissjoni fil-21 ta’ Ġunju 2024. Il-pjan jassumi li t-tkabbir potenzjali tal-PDG se jonqos minn 3,2 % fl-2024 u 3,3 % fl-2025 għal 1,6 % fl-2028. Barra minn hekk, il-pjan jistenna li r-rata ta’ tkabbir tad-deflatur tal-PDG tiżdied minn 3,6 % fl-2024 għal 5,0 % fl-2025, u li mbagħad tonqos gradwalment għal 4,7 % fl-2026, għal 4,3 % fl-2027 u għal 4,0 % fl-2028.
Tabella 2: Perkors tan-nefqa netta u suppożizzjonijiet ewlenin fil-pjan tal-Polonja
|
2024 |
2025 |
2026 |
2027 |
2028 |
Medja matul il-perjodu ta’ validità tal-pjan 2025-2028 |
|
|
Tkabbir fin-nefqa netta
|
12,5 |
6,3 |
4,4 |
4,0 |
3,5 |
4,5 |
|
Tkabbir fin-nefqa netta
|
12,5 |
19,6 |
24,9 |
29,9 |
34,4 |
m.a. |
|
Tkabbir potenzjali tal-PDG (%) |
3,2 |
3,3 |
2,0 |
1,7 |
1,6 |
2,2 |
|
Inflazzjoni (Tkabbir tad-deflatur tal-PDG) (%) |
3,6 |
5,0 |
4,7 |
4,3 |
4,0 |
4,5 |
Sors: Il-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju tal-Polonja u l-kalkoli tal-Kummissjoni.
Implikazzjonijiet tal-impenji tan-nefqa netta tal-pjan għad-dejn tal-gvern estiż
Jekk il-perkors tan-nefqa netta impenjat fil-pjan u s-suppożizzjonijiet sottostanti jimmaterjalizzaw, id-dejn tal-gvern estiż, skont il-pjan, jiżdied minn 54,6 % fl-2024 għal 61,3 % tal-PDG fl-2027, u jonqos għal 61,2 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta’ aġġustament (2028), skont it-tabella li ġejja. Wara l-aġġustament, fuq terminu medju (jiġifieri sal-2038), il-proporzjon tad-dejn huwa mistenni li jkompli jiżdied, skont il-pjan, biex jilħaq it-52,8 % tal-PDG sal-2038. Għalhekk, skont il-pjan, id-dejn tal-gvern estiż jibqa’ taħt il-valur referenzjarju tat-Trattat ta’ 60 % tal-PDG fuq terminu medju. Dan huwa plawżibbli abbażi tas-suppożizzjonijiet tal-pjan, billi d-dejn ipproġettat li jkun taħt is-60 % tal-PDG sal-2038 skont it-testijiet tal-istress deterministiċi kollha tal-Analiżi tas-Sostenibbiltà tad-Dejn tal-Kummissjoni. Għalhekk, abbażi tal-impenji ta’ politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, il-perkors tan-nefqa netta mressaq fil-pjan huwa konsistenti mar-rekwiżit għad-dejn kif stabbilit fl-Artikolu 6, il-punt (a), u l-Artikolu16(2) tar-Regolament (UE) 2024/1263.
Tabella 3: Id-dejn tal-gvern estiż u l-iżviluppi tal-bilanċ fil-pjan tal-Polonja
|
2023 |
2024 |
2025 |
2026 |
2027 |
2028 |
2038 |
|
|
Id-dejn tal-gvern (% tal-PDG) |
49,6 |
54,6 |
58,4 |
60,9 |
61,3 |
61,2 |
52,8 |
|
Bilanċ tal-gvern (% tal-PDG) |
-5,1 |
-5,7 |
-5,5 |
-4,5 |
-3,7 |
-2,9 |
-2,0 |
Sors: Pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju tal-Polonja.
Implikazzjonijiet tal-impenji tan-nefqa netta tal-pjan għall-bilanċ tal-gvern estiż
Fuq il-bażi tal-perkors tan-nefqa netta u s-suppożizzjonijiet tal-pjan, id-defiċit tal-gvern estiż jonqos gradwalment minn 5,7 % tal-PDG fl-2024 għal 2,9 % tal-PDG fl-2028. Għalhekk, skont il-pjan, il-bilanċ tal-gvern estiż ma jaqbiżx il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta’ aġġustament (2028). Barra minn hekk, fl-10 snin wara l-perjodu ta’ aġġustament (jiġifieri sal-2038), id-defiċit tal-gvern ma jaqbiżx it-3 % tal-PDG. Għalhekk, abbażi tal-impenji ta’ politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, il-perkors tan-nefqa netta mressaq fil-pjan hu konsistenti mar-rekwiżit għad-defiċit kif stabbilit fl-Artikolu 6(b) u fl-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) 2024/1263.
Profil taż-żmien tal-aġġustament fiskali
Il-profil taż-żmien tal-aġġustament fiskali, imkejjel bħala l-bidla fil-bilanċ strutturali primarju, kif deskritt fil-pjan, ġie pospost mill-2025 għall-2026-2028 meta mqabbel mal-perkors lineari msemmi bħala regola skont l-Artikolu 6, il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2024/1263. Skont il-pjan, din id-devjazzjoni mis-salvagwardja ta’ ebda posponiment hija ġġustifikata skont id-dispożizzjoni tranżizzjonali fl-Artikolu 36(1), il-punt (e) tar-Regolament (UE) 2024/1263 min-nefqa ogħla ffinanzjata mis-self tal-RRF u mill-kofinanzjament tal-fondi tal-UE fl-2025 (stmata li tiżdied b’ 0,16 % u 0,03 % tal-PDG rispettivament), kif ukoll miż-żieda fl-investiment fid-difiża fl-2025 (ippjanata li tiżdied b’ 0,25 % tal-PDG). Għalhekk, abbażi tal-impenji ta’ politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, il-perkors tan-nefqa netta mressaq fil-pjan hu konsistenti mal-klawżola ta’ salvagwardja ta’ ebda posponiment kif stabbilit fl-Artikolu 6, il-punt (c) u fid-dispożizzjoni tranżizzjonali fl-Artikolu 36(1), il-punt (e) tar-Regolament (UE) 2024/1263.
Tabella 4: Żviluppi fil-bilanċ primarju strutturali fil-pjan tal-Polonja
|
2023 |
2024 |
2025 |
2026 |
2027 |
2028 |
|
|
Bilanċ primarju strutturali (% tal-PDG) |
-2,5 |
-2,9 |
-2,6 |
-1,5 |
-0,5 |
0,4 |
|
Bidla fil-bilanċ primarju strutturali (punti perċentwali) |
m.a. |
-0,4 |
0,3 |
1,1 |
1,0 |
1,0 |
Sors: Pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju tal-Polonja.
Konsistenza tal-pjan mal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv
Il-perkors tan-nefqa netta stabbilit fil-pjan huwa konformi mar-rekwiżiti skont il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (b’mod partikolari mal-aġġustament strutturali annwali minimu stabbilit fl-Artikolu 3(4), it-tielet subparagrafu tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97, wara li titqies iż-żieda ppjanata fl-investiment fid-difiża bħala fattur rilevanti).
Konsistenza tal-pjan mas-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit
Ir-rekwiżit tal-parti preventiva stabbilit fl-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2024/1263 dwar is-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit, li għandu l-għan li jipprovdi marġni komuni relattiv għall-valur referenzjarju tad-defiċit ta’ 3 % tal-PDG, ma japplikax għall-Polonja billi huwa ppjanat li d-defiċit jinġieb taħt it-3 % tal-PDG biss fl-aħħar sena tal-perjodu ta’ aġġustament.
Konsistenza tal-pjan mas-salvagwardja tas-sostenibbiltà tad-dejn
Skont il-pjan, id-dejn tal-gvern estiż se jkun bejn 60 % u 90 % tal-PDG fl-2026-2028. Madankollu, billi skont il-pjan id-defiċit tal-gvern jinżel taħt it-3 % tal-PDG fl-2028, li jirriżulta f’abrogazzjoni tad-deċiżjoni li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv fis-sena wara tmiem il-perjodu ta’ aġġustament, is-salvagwardja tas-sostenibbiltà tad-dejn ma tapplikax matul il-perjodu kopert mill-pjan.
Suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan
Il-pjan huwa bbażat fuq sett ta’ suppożizzjonijiet li huwa differenti mis-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni mibgħuta lill-Polonja fil-21 ta’ Ġunju 2024. B’mod partikolari, il-pjan juża suppożizzjonijiet differenti għal disa’ varjabbli, jiġifieri l-punt tat-tluq (il-bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika fl-2024), it-tkabbir potenzjali tal-PDG, id-deflatur tal-PDG fl-2024 u l-2025, it-tkabbir reali tal-PDG fl-2024 u l-2025, ir-rati tal-imgħax, l-istruttura tad-dejn, il-multiplikatur fiskali, l-aġġustamenti bejn l-istokk u l-flussi, u jinkludi profil ta’ aġġustament pospost. Il-valutazzjoni ta’ dawn id-differenzi hija pprovduta hawn taħt. Id-differenzi fis-suppożizzjonijiet bl-aktar impatt sinifikanti fuq it-tkabbir medju fin-nefqa netta huma elenkati hawn taħt, flimkien ma’ valutazzjoni ta’ kull differenza fis-suppożizzjonijiet ikkunsidrata b’mod iżolat.
Il-pjan jassumi pożizzjoni inizjali agħar meta mqabbel mas-suppożizzjoni tal-Kummissjoni. Il-bilanċ primarju strutturali kien ta’ -2,6 % tal-PDG fil-gwida preċedenti u huwa ta’ -2,9 % tal-PDG fil-pjan. Il-bilanċ primarju strutturali aktar baxx fil-pjan jirrifletti eżitu baġitarju agħar fl-ewwel tliet trimestri tal-2024 minħabba riżultat tad-dħul aktar baxx milli mistenni, b’mod partikolari mill-VAT u mit-taxxa fuq l-introjtu korporattiv, kif ukoll infiq ogħla milli mistenni. Konsegwentement, din is-suppożizzjoni titqies li hija ġġustifikata kif xieraq u tikkontribwixxi għal tkabbir medju fin-nefqa netta aktar baxx matul il-perjodu ta’ aġġustament fil-pjan, minn dak indikat fis-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni.
Il-pjan jassumi li d-deflatur tal-PDG jilħaq 3,6 % fl-2024, 5,0 % fl-2025, 4,7 % fl-2026, 4,3 % fl-2027, u 4,0 % fl-2028. Dan jikkontribwixxi għal tkabbir medju fin-nefqa netta ogħla matul il-perjodu ta’ aġġustament fil-pjan minn dak indikat fis-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni. Fil-gwida preċedenti, il-Kummissjoni pproġettat deflatur tal-PDG ta’ 4,5 % fl-2024 u ta’ 4,2 % fl-2025. Id-differenza bejn il-pjan u l-gwida preċedenti tirrifletti l-iskeda ta’ żmien riveduta għat-tneħħija gradwali sħiħa tal-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija, li qabel kienet preżunta li sseħħ f’Lulju 2024, iżda hija posposta għal Jannar 2025 skont il-leġiżlazzjoni Pollakka eżistenti kif spjegat fil-pjan u wkoll f’konformità mat-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni. Il-projezzjonijiet tat-tkabbir tad-deflatur tal-PDG għas-snin li jifdal tal-pjan huma ftit aktar baxxi mill-valur inizjali ogħla għall-2025 implikat fir-regola ta’ konverġenza fuq terminu medju. B’mod ġenerali, din is-suppożizzjoni titqies li hija ġġustifikata kif xieraq.
Il-pjan jassumi li rati tal-imgħax nominali impliċiti jilħqu 4,9 % fl-2024, 5,2 % fl-2025, 4,6 % fl-2026, 4,5 % fl-2027, u 4,4 % fl-2028. Dan jikkontribwixxi għal tkabbir medju fin-nefqa netta ogħla matul il-perjodu ta’ aġġustament fil-pjan milli skont is-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni. Il-gwida preċedenti tal-Kummissjoni assumiet rati tal-imgħax nominali impliċiti ta’ 4,8 % fl-2024, 4,8 % fl-2025, 5,1 % fl-2026, 5,2 % fl-2027, u 5,4 % fl-2028. Ir-rati tal-imgħax nominali impliċiti aktar baxxi tal-pjan jirriflettu rati tal-imgħax tas-suq aktar baxxi, sehem ogħla ta’ dejn b’rati tal-imgħax tas-suq fuq terminu qasir biex jirriflettu l-ammont sinifikanti ta’ dejn fit-tul maħruġ b’rati tal-imgħax varjabbli, tnaqqis mistenni tar-rati tal-politika tal-bank ċentrali mill-2025 u l-maturità qasira ħafna tad-dejn pubbliku Pollakk. B’mod ġenerali, is-suppożizzjoni tal-pjan titqies li hija ġġustifikata kif xieraq bl-użu ta’ data tas-suq aktar reċenti, dekompożizzjoni tad-dejn aktar granulari u fatturi speċifiċi għall-pajjiż rilevanti għall-projezzjonijiet tad-dejn.
Kif imsemmi hawn fuq, il-pjan jassumi profil taż-żmien tal-aġġustament fiskali, imkejjel bħala l-bidla fil-bilanċ strutturali primarju, pospost għall-2026-2028. Dan jikkontribwixxi għal tkabbir medju aktar baxx fin-nefqa netta matul il-perjodu ta’ aġġustament fil-pjan milli skont is-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni. Din id-differenza hija xprunata mir-raġunijiet elenkati fil-premessa 19. Fl-istess ħin, ir-rata ta’ tkabbir fin-nefqa netta fl-2025 li l-Polonja timpenja ruħha għaliha timplika titjib akbar fil-bilanċ strutturali primarju fl-2025 minn dak indikat fil-pjan ibbażat fuq il-qafas ta’ projezzjoni tad-dejn tal-gvern fuq terminu medju tal-Kummissjoni. Konsegwentement, din is-suppożizzjoni titqies li hija ġġustifikata kif xieraq.
Kollox ma’ kollox, l-impatt tas-suppożizzjonijiet li huma debitament ġustifikati jinnewtralizza l-impatt tal-pożizzjoni fiskali inizjali agħar fuq it-tkabbir medju fin-nefqa netta. Id-differenzi li jifdal fis-suppożizzjonijiet, filwaqt li mhux dejjem ikunu konsistenti mal-qafas komuni tad-DSA, ma għandhomx impatt sinifikanti fuq it-tkabbir medju fin-nefqa netta meta mqabbla mas-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni se tqis il-valutazzjoni ta’ hawn fuq tas-suppożizzjonijiet tal-pjan f’valutazzjonijiet futuri tal-konformità mal-perkors tan-nefqa netta.
Strateġija fiskali fil-pjan
Skont l-istrateġija fiskali indikattiva fil-pjan, l-impenji fuq in-nefqa netta se jitwettqu kemm permezz ta’ trażżin tan-nefqa kif ukoll permezz ta’ żidiet diskrezzjonali fid-dħul. Il-konsolidazzjoni fiskali ppjanata fl-2025 hija bbażata fuq l-infiq u d-dħul ippjanati inklużi fl-abbozz tal-baġit tal-2025. Dan jinkludi l-impatt fiskali tal-limiti tat-taxxa fuq l-introjtu personali fiss, iż-żidiet fid-dazji tas-sisa, il-kanċellazzjoni tar-rata aktar baxxa tal-VAT fuq l-ikel, l-irtirar tal-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija li ġew estiżi sa tmiem l-2024 u l-iffriżar tal-valur nominali ta’ xi benefiċċji soċjali (inklużi l-programmi Family 800 Plus u Active Parent). Fit-tliet snin ta’ wara tal-pjan, il-konsolidazzjoni fiskali trid tinkiseb permezz ta’ miżuri kemm fuq in-naħa tad-dħul kif ukoll fuq in-naħa tan-nefqa, b’kontribuzzjonijiet kważi ugwali minn kull naħa. Fl-2026-2028, il-miżuri ewlenin tad-dħul jinkludu l-kontinwazzjoni tal-iffriżar tal-livelli limitu nominali għat-taxxa fuq l-introjtu personali u żieda fid-dazji tas-sisa fuq l-alkoħol u t-tabakk. Fuq in-naħa tan-nefqa, il-miżuri ewlenin huma limitati għal-livelli nominali tal-konsum intermedju tal-gvern u tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali esklużi l-pensjonijiet. L-ispeċifikazzjoni tal-miżuri ta’ politika li se jiġu adottati għandha tiġi kkonfermata jew aġġustata u kkwantifikata fil-baġits annwali. Fl-istess ħin, hemm riskji għall-implimentazzjoni tal-istrateġija fiskali indikattiva fil-pjan, li jirriżultaw minn riskji għas-suppożizzjonijiet makroekonomiċi li jirfdu l-pjan u ż-żieda fil-ħtiġijiet ta’ nfiq fuq id-difiża, li jistgħu jimplikaw trażżin f’elementi oħra ta’ nefqa netta. Il-baġit li l-gvern ressaq quddiem il-parlament nazzjonali f’Settembru 2024 għall-2025 jispeċifika l-miżuri ta’ politika li permezz tagħhom se jinkiseb l-impenn tan-nefqa netta għall-2025.
Intenzjonijiet ta’ riforma u investiment fil-pjan bħala reazzjoni għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u għall-indirizzar tal-prijoritajiet komuni tal-Unjoni
Il-pjan jiddeskrivi l-intenzjonijiet ta’ politika li jikkonċernaw ir-riformi u l-investimenti biex jiġu indirizzati l-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, speċjalment is-CSRs, u biex jiġu indirizzati l-prijoritajiet komuni tal-UE. Il-pjan jinkludi 14-il riforma u investiment li jindirizzaw il-prijoritajiet komuni tal-UE, li minnhom 11 huma appoġġati finanzjarjament mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, u 6 mill-fondi tal-politika ta’ koeżjoni.
F’dak kollu li jirrigwarda l-prijorità komuni ta’ tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ġusta, inklużi l-objettivi klimatiċi stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/1119, il-pjan jinkludi investimenti f’internet b’veloċità għolja, ir-robotizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni tan-negozji, it-trasformazzjoni diġitali tan-negozji permezz tal-użu tal-cloud computing kif ukoll riformi li jikkonċernaw it-trasformazzjoni ekoloġika f’żoni urbani u l-kwalità tal-ilma għall-konsum mill-bniedem u l-investiment fl-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-ilma. Dawn il-miżuri huma intenzjonati li jindirizzaw l-isfidi identifikati mis-CSRs, b’mod partikolari dawk li jirreferu għad-diġitalizzazzjoni tan-negozji (irrakkomandati fl-2024 u fl-2022), l-innovazzjonijiet (2022 u 2019) kif ukoll ir-riżorsi tal-ilma (2024). Il-miżuri magħżula mill-Polonja fil-pjan ma jirrispondux għas-CSRs relatati mal-ħiliet ekoloġiċi (2023), il-ħiliet diġitali (2022 u 2020), it-tagħlim għall-adulti (2022), l-investimenti privati (2020) jew id-diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika (2022).
Rigward il-prijorità komuni tar-reżiljenza soċjali u ekonomika, inkluż il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-pjan jinkludi riforma li hija mistennija trawwem l-innovazzjoni u l-kompetittività tal-ekonomija permezz ta’ protezzjoni aktar b’saħħitha tal-proprjetà industrijali, miżuri li jsaħħu l-aċċess għall-akkwist pubbliku għan-negozji żgħar u ta’ daqs medju kif ukoll riforma tas-sistema tal-kura fit-tul. Dawn il-miżuri għandhom l-għan li jindirizzaw l-isfidi identifikati mis-CSRs, b’mod partikolari dawk li jirreferu għall-kura fit-tul (rakkomandati fl-2024, fl-2022 u fl-2019) kif ukoll l-akkwist pubbliku (2024). Il-miżuri magħżula mill-Polonja fil-pjan ma jirrispondux għas-CSRs relatati mat-titjib tal-effiċjenza tal-infiq pubbliku (2024, 2023, 2022, 2020 u 2019), immirar aħjar tal-benefiċċji soċjali (2024, 2023, 2022 u 2020), l-iżgurar tal-adegwatezza u s-sostenibbiltà futuri tas-sistema tal-pensjonijiet (2024, 2023, 2022 u 2019), it-titjib tar-reżiljenza, l-aċċessibbiltà u l-effettività tas-sistema tas-saħħa (2022, 2020 u 2019), it-titjib tal-konsultazzjonijiet pubbliċi u l-involviment tas-sħab soċjali (2022, 2020 u 2019), l-iżgurar ta’ edukazzjoni ta’ kwalità u inklużiva (2022 u 2019), it-tneħħija tal-ostakli għal tipi aktar permanenti ta’ impjiegi, inkluż li l-kuntratti tal-liġi ċivili jiġu soġġetti għall-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali (2022 u 2019), il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol ta’ gruppi sottorappreżentati (2024, 2022 u 2019) u t-titjib tal-aċċess għall-indukrar tat-tfal (2022 u 2019).
Rigward il-prijorità komuni tas-sigurtà tal-enerġija, il-pjan jinkludi riforma tal-enerġija mir-riħ kif ukoll investimenti f’parks eoliċi lil hinn mill-kosta, sistemi ta’ ħżin tal-enerġija, teknoloġiji tal-idroġenu, infrastruttura tal-enerġija kif ukoll miżuri ta’ appoġġ għall-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli. Dawn il-miżuri għandhom l-għan li jindirizzaw l-isfidi identifikati mis-CSRs, b’mod partikolari dawk li jirreferu għat-tisħin distrettwali (irrakkomandata fl-2024), l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika (2023 u 2022) u l-infrastruttura tal-enerġija (2019). Il-miżuri magħżula mill-Polonja fil-pjan ma jirrispondux għas-CSRs relatati mat-trasport sostenibbli (2023, 2020, 2022 u 2019).
Rigward il-prijorità komuni tal-kapaċitajiet ta’ difiża, il-pjan jinkludi informazzjoni dwar l-investimenti fit-tisħiħ tal-kapaċità tad-difiża tal-Polonja, ippreżentata fil-kuntest tal-UE u tan-NATO. L-infiq fuq id-difiża huwa mistenni li jiżdied minn 2,6 % tal-PDG fl-2024 għal 2,8 % tal-PDG fl-2025, inkluża żieda ta’ 0,25 pps. fl-investimenti militari (minn 0,7 % tal-PDG għal 0,9 % tal-PDG, rispettivament). Fis-snin li jsegwu l-perjodu ta’ aġġustament, l-infiq fuq id-difiża huwa mistenni li jammonta għal mill-inqas 3 % tal-PDG (f’termini ta’ flus kontanti) kif meħtieġ mil-liġi nazzjonali.
Il-pjan jipprovdi informazzjoni dwar il-konsistenza u, fejn xieraq, il-komplementarjetà mal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni u mal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza (RRP, recovery and resilience plan) tal-Polonja. Il-biċċa l-kbira tal-miżuri inklużi fil-pjan hija ffinanzjata mill-fondi tal-RRP. Il-miżuri li ma jikkonċernawx l-RRP huma dawk relatati mal-protezzjoni tal-proprjetà industrijali, mat-titjib tal-akkwist pubbliku u mal-ilma għall-konsum mill-bniedem. Sitt miżuri jibbenefikaw addizzjonalment mill-finanzjament tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni.
Il-pjan jipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-bżonn ta’ investiment pubbliku tal-Polonja b’rabta mal-prijoritajiet komuni tal-UE. Rigward it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ġusta kif ukoll is-sigurtà tal-enerġija, il-pjan jevoka s-sejbiet tar-rapport 11 “Il-futur tal-kompetittività Ewropea”, filwaqt li jenfasizza l-ħtieġa għal investimenti biex jitnaqqsu l-prezzijiet tal-enerġija, inkluż permezz tal-investimenti tal-RRP fil-produzzjoni u l-ħżin tal-idroġenu rinnovabbli u l-bini ta’ parks eoliċi, kif ukoll il-ħtieġa li jittejbu l-ħiliet diġitali u l-aċċess għal internet b’veloċità għolja. Rigward ir-reżiljenza soċjali u ekonomika, il-pjan jenfasizza l-ħtieġa li tinkiseb indipendenza ekonomika akbar, inkluż billi tiġi żgurata s-sigurtà tal-ktajjen tal-provvista tal-materja prima kritika u tas-semikondutturi ewlenin. Il-pjan jispjega wkoll li għal xi politiki pubbliċi, inklużi l-politika tal-enerġija, tas-saħħa, dik soċjali u tal-edukazzjoni, għaddej rieżami tar-riformi u tal-investimenti li jillimita l-ambitu għal valutazzjoni aktar preċiża tal-ħtiġijiet ta’ investiment sal-2028. Rigward l-akkumulazzjoni tal-kapaċitajiet tad-difiża, il-pjan jinkludi żieda fl-infiq għad-difiża lil hinn minn 2 % tal-PDG, f’allinjament mal-impenji tan-NATO. Il-pjan jirreferi wkoll għall-kundizzjonijiet esterni li qed jinbidlu, inkluża l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja, u l-prijoritajiet strateġiċi emerġenti tal-UE u l-ħtiġijiet ta’ investiment li jirriżultaw.
Konklużjoni tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni
B’mod ġenerali, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-pjan tal-Polonja jissodisfa r-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263.
KONKLUŻJONI ĠENERALI
F’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-perkors tan-nefqa netta kif stabbilit fil-pjan jenħtieġ li jiġi rrakkomandat mill-Kunsill lill-Polonja.
B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Polonja:
1.Tiżgura li t-tkabbir fin-nefqa netta ma jaqbiżx il-massimi stabbiliti fl-Anness I ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.
Barra minn hekk, il-Kunsill jistieden lill-Polonja tiżgura t-twettiq ta’ riformi u ta’ investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, b’mod partikolari fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, u li jindirizzaw il-prijoritajiet komuni tal-Unjoni.
ANNESS I
Rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta
(rati ta’ tkabbir annwali u kumulattivi, f’termini nominali)
Il-Polonja
|
Snin |
2025 |
2026 |
2027 |
2028 |
|
|
Rati ta’ tkabbir (%) |
Annwali |
6,3 |
4,4 |
4,0 |
3,5 |
|
Kumulattiv (*) |
19,6 |
24,9 |
29,9 |
34,4 |
|
(*) Ir-rati ta’ tkabbir kumulattivi huma kkalkulati b’referenza għas-sena bażi 2023.
Magħmul fi Strasburgu,
Għall-Kunsill
Il-President