European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2026/1822

20.3.2026

Pubblikazzjoni tal-komunikazzjoni ta’ emenda standard approvata ta’ speċifikazzjoni tal-prodott ta’ indikazzjoni ġeografika f’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 (1)

(C/2026/1822)

KOMUNIKAZZJONI TAL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD

(Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2024/1143)

“Volailles de la Champagne”

Numru ta’ referenza tal-UE: PGI-FR-0172-AM01 — 23.12.2025

1.   Isem il-prodott

“Volailles de la Champagne”

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

☐

DOP

☑

IĠP

☐

IĠ

3.   Settur

☑

Prodotti agrikoli

☐

Inbejjed

☐

Xarbiet spiritużi

4.   Pajjiż li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika

Franza

5.   Awtorità nazzjonali li tikkomunika l-emenda standard

Organizzazzjoni

Il-Ministeru għall-Agrikoltura, għas-Settur Agroalimentari u għas-Sovranità tal-Ikel

6.   Kwalifika bħala emenda standard

L-applikazzjoni għal emenda tal-IĠP “Volailles de la Champagne” ma tinvolvi l-ebda waħda mit-tliet sitwazzjonijiet li jikkostitwixxu emenda tal-Unjoni, speċifikament:

(a)

ma tinkludix bidla fl-isem tal-indikazzjoni ġeografika protetta;

(b)

ma tirriskjax li xxejjen ir-rabta maż-żona ġeografika;

(c)

ma tinvolvix restrizzjonijiet ulterjuri fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott.

Għalhekk, l-awtoritajiet Franċiżi jqisu li l-applikazzjoni hija għal emenda standard.

7.   Deskrizzjoni tal-emenda/i standard approvata/i

Titolu

Id-dipartiment responsabbli fl-Istat Membru:

Deskrizzjoni

Żdiedet it-taqsima “Dipartiment responsabbli fl-Istat Membru”, li tagħti d-dettalji ta’ kuntatt tal-Istitut Nazzjonali tal-Oriġini u tal-Kwalità (INAO, Institut national de la qualité et de l’origine), f’konformità mar-Regolament (UE) 2024/1143.

☐

L-emenda taffettwa d-dokument uniku.

Titolu

Grupp applikant

Deskrizzjoni

Ir-referenzi għall-grupp ta’ produtturi SYNDIM tħassru. Inżammet biss ir-referenza għall-grupp ta’ produtturi MALVOISINE. Id-dettalji postali u tat-telefown tiegħu ġew aġġornati u żdied l-email.

☐

L-emenda taffettwa d-dokument uniku.

Titolu

Tip ta’ prodott

Deskrizzjoni

It-taqsima relatata mat-tip ta’ prodott, li qabel kien iddefinit skont il-klassi tiegħu, tħassret mill-ispeċifikazzjoni tal-prodott.

☑

L-emenda taffettwa d-dokument uniku.

Titolu

Deskrizzjoni tal-prodott

Deskrizzjoni

Fir-rigward tal-prodotti koperti mill-IĠP, l-emenda tipprevedi l-produzzjoni ta’ prodott addizzjonali, jiġifieri l-ħasi tal-farawna.

It-taqsima ġiet issupplimentata b’deskrizzjoni tal-fenotip għal kull waħda mill-ispeċijiet u b’deskrizzjoni organolettika viżiva komuni għall-ispeċijiet kollha.

L-iffriżar qawwi f’daqqa tal-pollam ġie inkluż fil-metodi tal-kummerċjalizzazzjoni awtorizzati.

Il-possibbiltà tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti fil-forma ta’ qatgħat ġiet estiża għall-ispeċijiet kollha previsti fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott. Il-karatteristiċi tagħhom ġew speċifikati. Dawn jistgħu jiġu minn karkassi li jista’ jkollhom difetti żgħar, iżda l-biċċiet magħżulin iridu jikkonformaw mal-kriterji ta’ preżentazzjoni għall-Klassi A, u l-karkassa li minnha jittieħdu l-qatgħat ma jridx ikollha piż minimu ta’ inqas minn 90 % tal-piż speċifikat għall-pollam li jinbiegħ sħiħ.

Minbarra l-laħam tal-pollam, l-ambitu tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott ġie estiż biex jinkludi l-ġewwieni mibjugħ separatament. Il-ġewwieni kkonċernat huwa l-fwied, il-qanżħa u l-qalb.

☑

L-emenda taffettwa d-dokument uniku.

Titolu

Żona ġeografika

Deskrizzjoni

Iż-żona ġeografika ġiet emendata biex jiżdedu 66 muniċipalità tal-kantuni tal-viċinat li jinsabu bejn il-kantuni tal-viċinat li jiffurmaw parti miż-żona ġeografika.

☑

L-emenda taffettwa d-dokument uniku.

Titolu

Evidenza li l-prodott joriġina fiż-żona

Deskrizzjoni

L-evidenza ta’ traċċabilità ġiet aġġornata u stabbilita f’tabella sommarja.

☐

L-emenda taffettwa d-dokument uniku.

Titolu

Deskrizzjoni tal-metodu ta’ produzzjoni

Deskrizzjoni

Is-subtaqsima 5.1, “Tqegħid tal-flieles”

Saret referenza f’din is-subtaqsima għall-fenotipi ta’ kull speċi. Ir-razez u r-razez ibridi ġew rikonoxxuti bħala razez robusti u li jikbru bil-mod.

Is-subtaqsima 5.2, “Tmigħ tal-pollam”

Il-lista tal-kategoriji tal-għalf permess ġiet aġġornata f’konformità mal-iżviluppi regolatorji.

Il-perċentwal minimu ta’ ċereali (75 %) tnaqqas għal 70 % għall-pollam kollu. Il-limitu massimu ta’ 5 % ta’ lift fil-porzjon tal-għalf u l-esklużjoni taż-żejt tal-lift li fih aktar minn 5 % aċidu eruċiku tħassru.

Il-proporzjonijiet taċ-ċereali fid-diversi stadji tat-trobbija ġew iċċarati.

Il-limitazzjoni għall-kontenut ta’ xaħam totali għal 5 % tħassret.

Ir-referenza għall-possibbiltà li jitqassmu ċ-ċereali fil-mergħat u l-projbizzjoni fuq it-tqassim ta’ promoturi tat-tkabbir tħassru.

Is-subtaqsima relatata mal-addittivi tħassret.

Is-subtaqsima 5.3, “Karatteristiċi tal-bini tal-pollam”

Il-karatteristiċi tal-bini tal-pollam (żoni massimi, sifuni sanitarji) u t-tqassim tagħhom (id-dimensjonijiet tal-imqafes) ġew stabbiliti fid-dettall.

Ġie speċifikat ukoll li, fil-bini tal-pollam, il-pollam jitrabba fuq l-art fuq materjal ta’ friex ibbażat fuq il-pjanti.

Is-subtaqsima 5.4, “Densitajiet tal-bini tal-pollam”

It-tul ta’ żmien bejn id-data tat-tneħħija parzjali (il-prattika tad-diviżjoni tal-konsenji tal-pollam waqt it-trobbija) u l-età tal-iskarnar minima għall-ħosjien, għat-tiġieġ tas-simna u għall-ħosjien tal-farawni huwa speċikat, kif ukoll id-densitajiet fil-bini tal-pollam qabel it-tneħħija parzjali.

Għat-tiġieġ tas-simna, id-densità qabel it-tneħħija parzjali nbidlet minn 6,25 individwi/m2 għal 9 individwi/m2.

Is-subtaqsima 5.5 “Mergħat”

Ġie speċifikat l-obbligu li jiġu installati perċi fil-bini tal-pollam.

Bħal fil-każ tal-bini tal-pollam, iż-żoni minimi tal-mergħat għal kull annimal u l-limiti tal-età massimi għall-aċċess għal mergħa ġew speċifikati.

Ġiet deskritta l-mergħa użata biex l-annimali jmorru barra. Ħafna minnha hija mgħottija b’veġetazzjoni u hija mdellija (siġar, sisien ta’ sġajriet, imsaġar). L-importanza tas-siġar ġet enfasizzata mir-rekwiżit li kull mergħa jkollha siġra waħda għal kull 20 m2 tal-bini tal-pollam, b’minimu ta’ 20 siġra.

Is-subtaqsima 5.6 “Kastrazzjoni”

Żdiedu dettalji ta’ kif titwettaq il-kastrazzjoni (l-età meta titwettaq, il-kundizzjonijiet għat-twettiq tal-proċedura).

Is-subtaqsima 5.7 “Konfinament”

Ġew ipprovduti dettalji ta’ kif jitwettaq il-konfinament: konfinament ta’ durata massima ta’ 15-il jum għat-tiġieġ maħsuba għall-iskarnar ta’ aktar minn età ta’ 90 jum u għad-dundjani tal-Milied, u ta’ bejn ġimagħtejn u 4 ġimgħat għall-ħosjien u għat-tiġieġ tas-simna, u l-perċentwal minimu taċ-ċereali żdied għal 80 % għat-tiġieġ tas-simna u għall-ħosjien).

Is-subtaqsima 5.9 “Mistrieħ sanitarju”

Żdied ir-rekwiżit għall-mistrieħ sanitarju u d-durata tiegħu.

Is-subtaqsima 5.10, “Età fl-iskarnar”

L-età minima fl-iskarnar tat-tiġieġ tas-simna tnaqqset minn 126 jum għal 120 jum. Żdiedet l-età minima fl-iskarnar tal-ħosjien tal-farawni.

Is-subtaqsima 5.11, “Kundizzjonijiet għat-tneħħija u għat-trasport tal-pollam”

Żdied perjodu tal-irtirar tal-għalf minimu ta’ 5 sigħat għall-pollam qabel it-tneħħija mill-faċilità tal-bhejjem.

Żdied il-ħin ta’ trasport bejn il-faċilità tal-bhejjem u l-biċċerija: ma jistax jaqbeż 3 sigħat jew 100 km.

Is-subtaqsima 5.12, “Ħin ta’ stennija qabel l-iskarnar”

Żdied ħin ta’ stennija minimu ta’ 30 minuta sabiex il-pollam jingħata ħin ta’ rkupru wara t-trasport.

Is-subtaqsima 5.13, “Kwalità tal-laħam”

Żdiedu l-kundizzjonijiet għat-tkessiħ bl-arja tal-laħam.

Il-ħin massimu bejn l-iskarnar u t-tqattigħ huwa ta’ 96 siegħa.

Żdied test biex jiddikjara li huwa permess biss l-iffriżar qawwi f’daqqa permezz ta’ arja pulsata, u l-iffriżar huwa pprojbit.

Il-paragrafu dwar it-tqegħid fis-suq tneħħa.

☑

L-emenda taffettwa d-dokument uniku.

Titolu

Elementi li jiġġustifikaw ir-rabta mal-ambjent ġeografiku

Deskrizzjoni

Il-fatturi li jiġġustifikaw ir-rabta mal-ambjent ġeografiku nkitbu mill-ġdid, biex tkun tista’ ssir distinzjoni bejn il-karatteristiċi speċifiċi taż-żona ġeografika, il-prodott u r-rabta kawżali. L-elementi sottostanti tar-rabta mal-ambjent ġeografiku jibqgħu l-istess. Ir-rabta għadha bbażata fuq l-użu ta’ razez u ta’ ibridi adattati għall-mergħat fuq barra, fuq l-importanza u r-reputazzjoni tat-trobbija tal-pollam fiż-żona ġeografika, fuq il-fatturi umani li ppermettew li tinżamm it-trobbija tal-bhejjem tradizzjonali kif ukoll fuq il-karatteristiċi tal-ambjent favorevoli għat-trobbija fil-beraħ. L-għadd kbir ta’ illustrazzjonijiet u ta’ referenzi storiċi tħassru.

☑

L-emenda taffettwa d-dokument uniku.

Titolu

Korp ta’ spezzjoni

Deskrizzjoni

Id-dettalji ta’ kuntatt tal-awtoritajiet responsabbli għall-ispezzjonijiet fil-livell nazzjonali issa huma pprovduti, jiġifieri l-Istitut Nazzjonali tal-Oriġini u l-Kwalità (INAO, Institut national de l’origine et de la qualité) u d-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni, l-Affarijiet tal-Konsumatur u l-Prevenzjoni tal-Frodi (DGCCRF, Direction générale de la Concurrence, de la Consommation et de la Répression des Fraudes). L-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-korp taċ-ċertifikazzjoni jistgħu jinstabu fuq is-sit web tal-INAO u fil-bażi tad-data tal-Kummissjoni Ewropea.

☐

L-emenda taffettwa d-dokument uniku.

Titolu

Tikkettar

Deskrizzjoni

Il-paragrafu kurrenti tħassar u ġie ssostitwit b’sentenza li tiddeskrivi l-elementi regolatorji obbligatorji speċifiċi għall-indikazzjonijiet ġeografiċi.

☐

L-emenda taffettwa d-dokument uniku.

Titolu

Rekwiżiti nazzjonali

Deskrizzjoni

Din it-taqsima hija ppreżentata fil-forma ta’ tabella li turi l-punti ewlenin li għandhom jiġu vverifikati u l-metodi ta’ evalwazzjoni li għandhom jintużaw.

☐

L-emenda taffettwa d-dokument uniku.

DOKUMENT UNIKU

Denominazzjonijiet ta’ oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ prodotti agrikoli

“Volailles de la Champagne”

Numru ta’ referenza tal-UE: PGI-FR-0172-AM01 — 23.12.2025

1.   Isem/Ismijiet

“Volailles de la Champagne”

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

☐

DOP

☑

IĠP

☐

IĠ

3.   Pajjiż li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika definita

Franza

4.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu

4.1.   Klassifikazzjoni tal-prodott agrikolu f’konformità mal-intestatura u l-kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda, kif imsemmi fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2024/1143

02 – LAĦAM U ĠEWWIENI TAL-LAĦAM LI JITTIEKEL

4.2.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu li għalih japplika l-isem reġistrat

Il-“Volailles des Landes” huma tjur tal-ordni Galliformes. Jappartjenu għal familji differenti u jinkludi diversi tipi ta’ tjur:

—

it-tiġieġ, it-tiġieġ tas-simna, il-ħosjien;

—

il-farawni u l-ħosjien tal-farawni;

—

id-dundjani.

Dawn kollha ġejjin minn razez b’saħħithom li jikbru bil-mod li jippermettu perjodu twil ta’ trobbija u skarnar meta jilħqu l-maturità sesswali u hekk tiġi żgurata l-aħjar kwalità tal-prodott.

Jitrabbew fil-beraħ f’mergħat bil-ħaxix u bis-siġar, li huwa favorevoli għall-inklinazzjoni naturali ta’ dawn ir-razez biex jesploraw il-mergħat tagħhom, jew f’guvi bil-perċi.

Dawn il-kundizzjonijiet tat-trobbija, flimkien ma’ għalf ibbażat fuq iċ-ċereali, jagħmluha possibbli li jinkisbu l-“Volailles de la Champagne” ikkaratterizzati minn karkassi mlaħħmin b’laħam sod (fil-każ tal-pollam nej). Għandhom fletti żviluppati sew u depożiti tax-xaħam imdaqqsin fuq il-ġenb tal-koxox.

Skont it-tip ta’ pollam, il-karatteristiċi tal-prodotti finali huma kif ġej:

 

Età minima fl-iskarnar

Piż minimu (kg)

Evixxerat parzjalment

Lest għat-tisjir (RTC, ready to cook)

Tiġieġ

81 jum

1,3

1

Ħosjien

150 jum

2,9

2,5

Tiġieġ tas-simna

120 jum

1,95

1,65

Farawni

94 jum

1,1

0,85

Ħosjien tal-farawni

150 jum

1,8

1,4

Dundjani

140 jum

Maskili: 3,6

Femminili: 2,7

Maskili: 3,1

Femminili: 2,3

It-tjur sħaħ iridu jkunu karkassi tal-klassi A.

Il-qatgħat jistgħu jiġu minn karkassi

—

tal-Klassi A jew li jkollhom difetti żgħar, iżda l-biċċiet magħżula jridu jissodisfaw il-kriterji tal-preżentazzjoni għall-Klassi A;

—

il-piż minimu tagħhom ma jridx ikun inqas minn 90 % tal-piż preskritt għall-pollam sħiħ.

It-tjur sħaħ huma ppreżentati:

—

“lesti għat-tisjir” (RTC) (imnittfin, imnaddfin, bla ras, bil-ġogi tat-tarsu jew mingħajrhom), imballati mhux imgeżwrin, imgeżwrin fir-rita, imballati f’atmosfera protettiva jew imballati bil-vakwu;

—

“lesti’” (imnittfin, imnaddfin, bir-ras, bis-saqajn u bil-ġewwieni preżenti) u imballati mhux imgeżwrin.

—

Il-qatgħat jiġu imballati mhux imgeżwrin, imgeżwrin f’rita, imballati f’atmosfera protettiva jew imballati bil-vakwu.

—

Il-ġewwieni tal-pollam (il-qalb, il-qanżħa u l-fwied), meta jinbiegħ waħdu, jiġi imballat mhux imgeżwer, f’kontenitur riġidu mgeżwer b’rita, imballat bil-vakwu jew f’atmosfera protettiva.

Il-laħam u l-ġewwieni tal-“Volailles de la Champagne” jinbiegħu friski jew iffriżati b’mod qawwi f’daqqa.

4.3.   Derogi dwar l-akkwist ta’ għalf (għal prodotti li joriġinaw mill-annimali ddeżinjati b’denominazzjoni ta’ oriġini protetta biss) u restrizzjonijiet fuq l-akkwist ta’ materja prima (għal prodotti proċessati deżinjati minn indikazzjoni ġeografika protetta biss)

Il-“Volailles de la Champagne” jingħatgħu għalf li jinkludi:

—

tal-inqas 50 % ċereali fil-fażi inizjali sa 29 jum, ħlief għad-dundjani li għalihom il-proporzjon huwa tal-inqas 30 %;

—

tal-inqas 70 % ċereali għall-farawni, għall-ħosjien tal-farawni, għat-tiġieġ u għall-ħosjien tat-tiġieġ, u 50 % għad-dundjani fil-fażi tat-tismin.

Il-perċentwal ta’ prodott derivat miċ-ċereali ma jridx jaqbeż il-15 % skont il-piż tal-formula tal-għalf totali matul il-perjodu tat-trobbija kollu.

4.4.   Passi speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika definita

It-trobbija tal-pollam, kemm fil-bini tal-pollam kif ukoll fil-mergħat, isseħħ fiż-żona ġeografika tal-IĠP “Volailles de la Champagne”.

4.5.   Regoli speċifiċi dwar l-imballaġġ, it-tfettit, it-taħkik, eċċ. tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat

—

4.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat

—

4.7.   Definizzjoni qasira taż-żona ġeografika

Id-dipartimenti ta’ Marne (51), Aisne (02) u Ardennes (08) fl-intier tagħhom, u l-muniċipalitajiet tal-cantons tad-dipartimenti li ġejjin:

Id-dipartiment ta’ Aube (10):

Il-muniċipalitajiet tal-cantons ta’ Arcis-sur-Aube, Romilly-sur-Seine u Creney-près-Troyes, bl-eċċezzjoni tal-muniċipalitajiet ta’ Mergey, Luyères, Lavau, Vailly, Saint-Benoît-sur-Seine, Sainte-Maure, Villacerf, Villechétif u Creney-près-Troyes.

Il-muniċipalitajiet ta’ Magnicourt, Joncreuil, Bailly-Le-Franc, Donnement, Villeret, Chavanges, Arrembécourt, Lentilles, Balignicourt, Chalette-sur-Voire, Jasseines, Saint-Léger-sous-Margerie, Braux, Aulnay, Pars-lès-Chavanges, Montmorency-Beaufort, La Saulsotte, Montpothier, Barbuise, Périgny-la-Rose, Villenauxe-la-Grande, La Villeneuve-au-Châtelot, Plessis-Barbuise, Saint-Loup-de-Buffigny, La Fosse-Corduan, Origny-le-Sec, Orvilliers-Saint-Julien, Ossey-les-Trois-Maisons, Saint-Martin-de-Bossenay.

Id-dipartiment ta’ Haute-Marne (52):

Il-muniċipalitajiet tal-cantons ta’ Saint-Dizier, Saint Dizier-1, Saint-Dizier-3 u Wassy.

Il-muniċipalitajiet ta’ Magneux, Troisfontaines-la-Ville, Valleret, Sommancourt, Fays, Roches-sur-Marne, Domblain u Chamouilley.

Id-dipartiment ta’ Meuse (55):

Il-muniċipalitajiet tal-cantons ta’ Ancerville, Clermont-en-Argonne, Revigny-sur-Ornain u Stenay, bl-eċċezzjoni ta’ Tronville-en-Barrois, Nant-le-Grand, Guerpont, Tannois, Silmont, Velaines, Nant-le-Petit, Maulan, Chattancourt, Fromeréville-les-Vallons, Béthincourt, Marre, Montzéville, Béthelainville.

Il-muniċipalitajiet ta’ Longeville-en-Barrois, Savonnières-devant-Bar, Combles-en-Barrois, Trémont-sur-Saulx, Fains-Véel, Beausite, Èvres, Les Trois-Domaines, Nubécourt, Seuil-d’Argonne, Beaulieu-en-Argonne, Foucaucourt-sur-Thabas, Pretz-en-Argonne, Waly, Lavoye, Brizeaux, Ippécourt, Autrécourt-sur-Aire, Velosnes, Thonne-les-Près, Thonnelle, Thonne-le-Thil, Flassigny, Thonne-la-Long, Montmédy, Jametz, Juvigny-sur-Loison, Louppy-sur-Loison, Chauvency-le-Château, Avioth, Breux, Marville, Han-lès-Juvigny, Remoiville, Verneuil-Grand, Quincy-Landzécourt, Vigneul-sous-Montmédy, Bazeilles-sur-Othain, Iré-le-Sec, Chauvency-Saint-Hubert, Écouviez, Villécloye, Verneuil-Petit, Bar-le-Duc.

Id-dipartiment ta’ Nord (59):

Il-muniċipalitajiet tal-cantons ta’ Aniche, Aulnoye-Aymeries, Avesnes-sur-Helpe, Cambrai, Le Cateau-Cambrésis, Caudry, Douai, Fourmies, Maubeuges, Orchies u Sin-le-Noble.

Id-dipartiment ta’ Oise (60):

Il-muniċipalitajiet tal-cantons ta’ Compiègne-1, Crépyl-en-Valois u Noyon, bl-eċċezzjoni ta’ Choisy-au-Bac, Margny-lès-Compiègne, Clairoix, Janville, Bienville, Verberie, Saint-Vaast-de-Longmont u Carlepont.

Il-muniċipalitajiet ta’ Croutoy, Chelles, Saint-Étienne-Roilaye, Pierrefonds, Hautefontaine, Cuise-la-Motte, Acy-en-Multien, Neufchelles, Rosoy-en-Multien, Cuvergnon, Marolles, Ormoy-Villers, Villers-Saint-Genest, Réez-Fosse-Martin, Bargny, Betz, Bouillancy, Ormoy-le-Davien, Mareuil-sur-Ourcq, Étavigny, Autheuil-en-Valois, Rouville, Boursonne, Brégy, Gondreville, Rouvres-en-Multien, Lévignen, Antilly, La Villeneuve-sous-Thury, Ivors, Boullarre, Thury-en-Valois, Varinfroy, Solente, Ognolles.

Id-dipartiment ta’ Seine-et-Marne (77):

Il-muniċipalitajiet tal-cantons ta’ Coulommiers u La Ferté-sous-Jouarre, bl-eċċezzjoni ta’ Boissy-le-Châtel, Hautefeuille, Coulommiers, Pézarches, Maisoncelles-en-Brie, Touquin, Chailly-en-Brie, La Celle-sur-Morin, Aulnoy, Mauperthuis, Beautheil-Saints, Giremoutiers, Saint-Augustin, Mouroux, Poincy, Trilport, Fublaines, Montceaux-lès-Meaux, Germigny-l’Évêque, Nanteuil-lès-Meaux.

Il-muniċipalitajiet ta’ Courchamp, Sancy-lès-Provins, Melz-sur-Seine, Beauchery-Saint-Martin, Augers-en-Brie, Cerneux, Chalautre-la-Grande, Léchelle, Villiers-Saint-Georges, Saint-Martin-du-Boschet, Voulton, Rupéreux, Beton-Bazoches, Les Marêts, Courtacon, Sourdun, Louan-Villegruis-Fontaine, Champcenest u Montceaux-lès-Provins.

Id-dipartiment ta’ Somme (80):

Il-muniċipalitajiet tal-canton ta’ Péronne, bl-eċċezzjoni ta’ Lesbœufs, Hem-Monacu, Rancourt, Flers, Hardecourt-aux-Bois, Gueudecourt, Ginchy, Maurepas, Sailly-Saillisel, Équancourt, Combles, Herbécourt, Mesnil-en-Arrouaise, Longueval, Guillemont, Étricourt-Manancourt.

Il-muniċipalitajiet ta’ Monchy-Lagache, Villecourt, Y, Athies, Muille-Villette, Offoy, Quivières, Brouchy, Tertry, Esmery-Hallon, Douilly, Croix-Moligneaux, Ham, Eppeville, Sancourt, Ennemain, Matigny, Ugny-l'Équipée.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Ir-rabta kawżali mal-oriġini ġeografika hija bbażata fuq

☑

reputazzjoni

☑

kwalità nominali

☐

karatteristiċi oħra

Sommarju tar-rabta

Ir-rabta mal-oriġini tal-“Volailles de la Champagne” hija bbażata fuq ir-reputazzjoni tiegħu u l-karatteristiċi speċifiċi tal-prodott marbuta mal-għarfien prattiku tal-bdiewa tal-pollam.

Il-karatteristiċi distintivi taż-żona ġeografika

Iż-żona ġeografika tokkupa l-Lvant tal-Baċir ta’ Pariġi, fuq substrat ġeoloġiku prinċipalment Terzjarju sedimentari (b’mod partikolari tal-Kretaċju ta’ Fuq (ġibs)). Il-pajsaġġ jinsab bejn suċċessjoni ta’ cuestas, b’alternazzjoni ta’ skarpati li jiddeskrivu arki li ġeneralment ikunu orjentati lejn it-Tramuntana-in-Nofsinhar u li jinsabu fuq inklinazzjonijiet ta’ wara li jiffurmaw plateaux kbar, li jaqsmu mit-Tramuntana għan-Nofsinhar permezz tax-xmajjar Aisne, Marne, Aube u Seine. It-terren għalhekk jipprovdi varjetà ta’ ambjenti, li jvarjaw minn pjanuri għal qablibiet għal plateaux, f’pajsaġġi pjuttost miftuħa b’ħamrija, b’topografija u b’orjentazzjonijiet li jvarjaw li appoġġaw varjetà wiesgħa ta’ prattiki tal-biedja, mill-vitikultura sat-trobbija tal-bhejjem, inkluża l-kultivazzjoni ta’ għelejjel li jinħartu fuq art li hija l-aktar fertili u l-aktar faċli biex tinħasad bil-magni. F’żoni rurali ħafna, dan irriżulta f’ekonomija agrikola diversifikata, b’distribuzzjoni tal-art favorevoli ħafna għall-preżenza ta’ farms kbar li jkabbru għelejjel li jinħartu, għadd kbir ta’ farms imħalltin tal-għelejjel u tal-bhejjem u farms speċjalizzati iżgħar (azjendi tal-inbid).

Iż-żona ġeografika għandha klima oċeanika modifikata b’influwenza kontinentali żgħira. Ix-xita annwali hija pjuttost għolja u kkaratterizzata minn xita regolari matul is-sena, li twassal għal livelli baxxi ta’ dawl tax-xemx (inqas minn 1 700 siegħa/sena bħala medja). Id-differenzi fit-temperatura bejn is-sajf u x-xitwa huma pjuttost konsiderevoli (xtiewi ħorox u sjuf sħan u tipikament bil-maltempati) bi staġuni tranżizzjonali moderati. It-terren jidher li għandu effett żgħir fuq dawn il-kundizzjonijiet globali, iżda hemm varjazzjoni fil-livell lokali, assoċjata b’mod partikolari mal-iskarpata tal-Côte d’Île-de-France. Din il-klima hija partikolarment favorevoli għat-tkabbir tal-ħaxix fuq il-pjanuri, b’mod partikolari fl-artijiet mistagħdra ta’ Champagne.

Iż-żona ġeografika għandha żoni rurali kbar u b’popolazzjoni skarsa, maqsuma minn konurbazzjonijiet kbar u b’popolazzjoni densa, bir-Reims fiċ-ċentru, konness permezz tar-rotot ta’ komunikazzjoni ewlenin għal Saint-Quentin, Charleville-Mézières u Châlons-en-Champagne fuq il-periferija. Għalkemm il-prossimità ma’ Pariġi u l-kundizzjonijiet favorevoli għall-għelejjel li jinħartu fuq il-plateaux ta’ Champagne iffavorixxew iċ-ċereali u l-għelejjel li jinħartu, f’postijiet fejn ma tħawlux dwieli, il-produzzjoni tal-pollam żviluppat fuq farms imħalltin tal-għelejjel u tal-bhejjem fiż-żoni aktar rurali, li dak iż-żmien ibbenifikaw mill-provvista viċin taċ-ċereali, it-tkabbir tal-ħaxix ifaċilitat mill-kundizzjonijiet klimatiċi, il-mergħat tat-tiġieġ u l-użu ta’ razez b’saħħithom adattati tajjeb għax-xtiewi ħorox.

Speċifiċità tal-prodott

Il-“Volailles de la Champagne” jiġu minn razez b’saħħithom li jikbru bil-mod b’perjodu ta’ trobbija twil fuq mergħat bil-ħaxix u bl-imsaġar.

Il-grad ta’ kopertura tax-xaħam tagħhom jagħmilha possibbli li jinkiseb pollam b’karkassi mlaħħmin u laħam nej sod. Għandhom fletti żviluppati sew u depożiti tax-xaħam imdaqqsin fuq il-ġenb tal-koxox.

Rabta kawżali

Il-produzzjoni tal-“Volailles de la Champagne” żviluppat bis-saħħa tal-varjetà ta’ ambjenti naturali disponibbli fil-livell taż-żona ġeografika u l-azjendi tal-irziezet individwali.

Il-bnedmin fasslu sistemi ta’ biedja komplementari biex jagħmlu l-aħjar użu mill-art kollha, jiġifieri, il-biedja mħallta tal-għelejjel u tal-bhejjem u l-produzzjoni taċ-ċereali b’mod partikolari, u l-biedja tal-bhejjem.

L-għażla ta’ razez b’saħħithom, flimkien mal-klima oċeanika b’influwenzi kontinentali, tagħmilha possibbli li l-mergħat jintużaw is-sena kollha. Dan jippermetti l-inġestjoni mill-pollam tal-ħaxix preżenti fil-mergħat mingħajr diffikultà.

L-għalf huwa ssupplimentat, b’mod partikolari permezz taċ-ċereali, li jammontaw għal minimu ta’ 70 % tal-għalf waqt il-fażi tat-tismin.

L-aċċess għal mergħa, l-għalf ipprovdut u l-perjodu ta’ trobbija twil jippermettu li l-pollam jissemmen bil-mod u b’hekk jinkisbu karkassi mlaħħmin; il-laħam nej tal-pollam huwa sod, b’filletti żviluppati sew u depożiti tax-xaħam imdaqqsin fuq il-ġenb laterali tal-koxox.

Il-prossimità taċ-ċentri urbani, li barra minn hekk, jistgħu jintlaħqu relattivament faċilment, tiżgura li hemm ħwienet għal din il-produzzjoni u din ikkontribwiet għar-reputazzjoni tal-pollam permezz tal-wiri tiegħu fir-riċetti.

Flimkien, dawn il-fatturi jwasslu għall-kwalità rikonoxxuta u r-reputazzjoni assoċjata tal-prodott lest, kif jintwera mill-medalji li nkisbu fil-Concours Général Agricole f’Pariġi sa mill-1998. Il-medalji l-iktar reċenti mogħtija lill-IĠP “Volailles de la Champagne” huma medalja tal-fidda għall-poulet blanc (tiġieġa bajda) u għall-poulet jaune (tiġieġa safra) fl-2023 u fl-2025 u medalja tal-bronż għall-poulet jaune fl-2022.

Referenza elettronika (URL) għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott

https://info.agriculture.gouv.fr/boagri/document_administratif-adb8c281-1cb3-499e-ad36-4df85dd44b9c


(1)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 tat-30 ta’ Ottubru 2024 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’regoli dwar ir-reġistrazzjoni u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, speċjalitajiet tradizzjonali garantiti u termini tal-kwalità mhux obbligatorji u li jħassar ir-Regolament Delegat (UE) Nru 664/2014 (ĠU L, 2025/27, 15.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/27/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/1822/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)