|
11.7.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 183/34 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
tat-8 ta’ Lulju 2008
li temenda d-Deċiżjoni 98/481/KE li tapprova l-awdituri esterni tal-Bank Ċentrali Ewropew
(2008/571/KE)
IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra l-Protokoll dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, anness għat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 27(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni BĊE/2008/2 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-30 ta’ April 2008 lill-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),
Billi:
|
(1) |
Il-kontijiet tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u tal-banek ċentrali nazzjonali ta’ l-Eurosistema għandhom jiġu verifikati minn awdituri esterni indipendenti rakkomandati mill-Kunsill Regolatorju tal-BĊE u approvati mill-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea. |
|
(2) |
Il-mandati ta’ Coopers u Lybrand (1998-2003) u KPMG Deutsche Treuhand-Gesellschaft AG Wirtschaftsprüfingsgesellschaft (2003-2007) skadew wara l-verifika għas-sena finanzjarja 2007. Għalhekk jeħtieġ li jinħatar awditur estern mis-sena finanzjarja 2008. |
|
(3) |
Il-Kunsill Regolatorju tal-BĊE rrakkomanda li Pricewaterhouse Coopers Aktiengesellschaft Wirtschaftsprüfungsgesellschaft għandhom jinħatru bħala l-awdituri esterni tal-BĊE għas-snin finanzjarji 2008 sa 2012, |
IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:
Artikolu 1
L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/481/KE (2) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 1
PricewaterhouseCoopers Aktiengesellschaft Wirtschaftsprüfungsgesellschaft huma b’dan approvati bħala l-awdituri esterni tal-BĊE għas-snin finanzjarji 2008 sa 2012.”
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tkun innotifikata lill-BĊE.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Magħmula fi Brussell, 8 ta’ Lulju 2008.
Għall-Kunsill
Il-President
C. LAGARDE