European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/2374

27.10.2026

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2026/2374

tas-26 ta’ Ottubru 2026

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1183/2005 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/788/PESK tal-20 ta’ Diċembru 2010 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (1),

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1183/2005 (2) jagħti effett lil diversi miżuri previsti mid-Deċiżjoni 2010/788/PESK, inkluż l-iffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi ta’ persuni u entitajiet deżinjati.

(2)

Fl-20 ta’ Diċembru 2022, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU) adotta r-Riżoluzzjoni 2667 (2022), li tneħħi r-rekwiżiti ta’ notifika stabbiliti fil-paragrafu 5 tar-Riżoluzzjoni 1807 (2008) tal-KSNU fir-rigward tal-embargo fuq l-armi fuq entitajiet mhux governattivi u individwi li joperaw fit-territorju tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo.

(3)

Fid-29 ta’ Ġunju 2026, il-KSNU adotta r-Riżoluzzjoni 2825 (2026), li temenda l-kriterji għad-deżinjazzjoni ta’ persuni u entitajiet soġġetti għall-miżuri restrittivi stabbiliti fil-paragrafi 9 u 11 tar-Riżoluzzjoni 1807 (2008) tal-KSNU.

(4)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2026/2372 (3) temenda d-Deċiżjoni 2010/788/PESK skont dan.

(5)

Għadd mill-emendi stabbiliti fid-Deċiżjoni (PESK) 2026/2372 jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, hemm bżonn ta’ azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni biex jingħata effett lil dik id-Deċiżjoni, b’mod partikolari bl-għan li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħha fl-Istati Membri kollha.

(6)

Għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, u sabiex tiġi ggarantita l-ogħla ċertezza legali fl-Unjoni, jenħtieġ li jsiru pubbliċi l-ismijiet u d-data rilevanti oħra li jikkonċernaw persuni fiżiċi u ġuridiċi, gruppi u entitajiet li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tagħhom iridu jkunu ffriżati f’konformità ma’ dan ir-Regolament. Kwalunkwe pproċessar ta’ data personali jenħtieġ li jikkonforma mar-Regolamenti (UE) 2016/679 (4) u (UE) 2018/1725 (5) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(7)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 1183/2005 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1183/2005 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1, jiżdied il-punt li ġej:

“(k)

‘finanzjament jew għajnuna finanzjarja’ tfisser kwalunkwe azzjoni, irrispettivament mill-mezzi partikolari li jintgħażlu, li biha l-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp ikkonċernati, kondizzjonalment jew inkondizzjonalment, jiżborżaw jew jimpenjaw ruħhom li jiżborżaw fondi jew riżorsi ekonomiċi tagħhom stess inklużi, iżda mhux limitati għal għotjiet, self, garanziji, rahan, bonds, ittri ta’ kreditu, krediti tal-fornitur, krediti tax-xerrej, avvanzi fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni u t-tipi kollha ta’ assigurazzjoni u riassigurazzjoni, inkluża assigurazzjoni tal-kreditu għall-esportazzjoni; il-pagament kif ukoll it-termini u l-kundizzjonijiet tal-pagament tal-prezz miftiehem għal oġġett jew servizz, li jsiru skont il-prattika kummerċjali normali, ma jikkostitwux finanzjament jew għajnuna finanzjarja.”

;

(2)

l-Artikolu 1a huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“-1.   Għandu jkun ipprojbit il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, direttament jew indirettament, tal-oġġetti u t-teknoloġija elenkati fil-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea (*1) (‘Lista Militari Komuni’), kif ukoll armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti essenzjali tagħhom, u l-munizzjon kif definiti fir-Regolament (UE) Nru 258/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2), kemm jekk joriġinaw fl-Unjoni kif ukoll jekk le, lil kwalunkwe entità nongovernattiva jew persuna li topera fit-territorju tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (‘RDK’).

(*1)  L-aħħar verżjoni ppubblikata fil-ĠU C, C/2026/1640, 13.3.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/1640/oj."

(*2)  Ir-Regolament (UE) Nru 258/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2012 li jimplimenta l-Artikolu 10 tal-Protokoll tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-iffabrikar illeċitu ta’ u l-ittraffikar fl-armi tan-nar, il-partijiet, komponenti u ammunizzjoni tagħhom, li tissupplimenta l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-kriminalità organizzata transnazzjonali (il-Protokoll tan-NU dwar l-Armi tan-Nar) u li jistabbilixxi awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni, u miżuri rigward l-importazzjoni u t-tranżitu għall-armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti tagħhom u l-ammunizzjoni (ĠU L 94, 30.3.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/258/oj).”;"

(b)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Għandu jkun ipprojbit il-forniment, direttament jew indirettament, ta’:

(a)

assistenza teknika, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħrajn relatati ma’ attivitajiet militari jew mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu tal-oġġetti msemmija fil-paragrafu -1 lil kwalunkwe entità nongovernattiva jew persuna li topera fit-territorju tar-RDK;

(b)

finanzjament jew għajnuna finanzjarja relatati ma’ attivitajiet militari, għall-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tal-oġġetti msemmija fil-paragrafu -1, jew għal kwalunkwe forniment ta’ assistenza teknika, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħra relatati lil kwalunkwe entità nongovernattiva jew persuna li topera fit-territorju tar-RDK.”

;

(c)

jitħassar il-paragrafu 2;

(3)

L-Artikolu 1b huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 1b

1.   B’deroga mill-Artikolu 1a, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw:

(a)

il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ oġġetti msemmija fl-Artikolu 1a, jew l-għoti ta’ assistenza teknika relatata, finanzjament jew għajnuna finanzjarja, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħra maħsuba biss biex jappoġġaw il-Missjoni tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Istabilizzazzjoni fir-RDK (‘MONUSCO’) jew it-Task Force Reġjonali tal-Unjoni Afrikana, jew biex jintużaw minnhom;

(b)

il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ lbies protettiv, inkluż ġkieket rinfurzati u elmi militari, esportati temporanjament lejn ir-RDK mill-persunal tan-Nazzjonijiet Uniti, ir-rappreżentanti tal-media u ħaddiema u persunal assoċjat fl-ambitu umanitarju u fil-qasam tal-iżvilupp għall-użu personali tagħhom biss;

(c)

il-bejgħ, il-forniment it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ tagħmir militari mhux letali maħsub biss għall-użu umanitarju jew protettiv, jew l-għoti ta’ assistenza teknika, finanzjament jew għajnuna finanzjarja, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħra relatati;

(d)

bejgħ jew forniment ieħor ta’ oġġetti msemmija fl-Artikolu 1a, jew l-għoti ta’ assistenza teknika, finanzjament jew għajnuna finanzjarja, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħra relatati, dment li l-Kumitat tas-Sanzjonijiet stabbilit skont il-paragrafu 8 tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1533 (2004) (‘il-Kumitat tas-Sanzjonijiet’) ikun approva tali bejgħ jew forniment jew l-għoti ta’ assistenza teknika, finanzjament jew għajnuna finanzjarja, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħra minn qabel.

2.   Ma għandha tingħata l-ebda awtorizzazzjoni għal attivitajiet li diġà seħħew.”

;

(4)

fl-Artikolu 2a (1), jiżdied il-punt li ġej:

“(l)

li jostakolaw deliberatament u gravement l-implimentazzjoni tal-mandat tal-MONUSCO, inkluż billi jiċħdu l-aċċess, jirrestrinġu l-libertà tal-moviment jew jinterferixxu mal-pattulji u l-attivitajiet ta’ monitoraġġ.”

;

(5)

L-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Persuni fiżiċi u ġuridiċi, gruppi u entitajiet għandhom:

(a)

ifornu minnufih kwalunkwe informazzjoni li tiffaċilita l-konformità ma’ dan ir-Regolament, bħall-informazzjoni fuq kontijiet u ammonti ffriżati f’konformità mal-Artikolu 2(1), lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn ikunu residenti jew fejn jinsabu, u jittrażmettu din l-informazzjoni, direttament jew permezz tal-Istat Membru, lill-Kummissjoni; kif ukoll

(b)

jikkooperaw mal-awtorità kompetenti f’kwalunkwe verifika tal-informazzjoni msemmija fil-punt (a).”

;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.   L-obbligu fil-paragrafu 1 għandu japplika soġġett għar-regoli dwar il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni miżmuma mill-awtoritajiet ġudizzjarji, u konsistenti mar-rispett għall-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn l-avukati u l-klijenti tagħhom iggarantiti mill-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Għal dan il-għan, tali komunikazzjonijiet jinkludu dawk relatati ma’ parir legali pprovdut minn professjonisti ċċertifikati oħra li jkunu awtorizzati skont il-liġi nazzjonali biex jirrappreżentaw lill-klijenti tagħhom fi proċedimenti ġudizzjarji, sa fejn tali parir legali jingħata b’rabta ma’ proċedimenti ġudizzjarji pendenti jew prospettivi.”

;

(c)

il-paragrafi 2 u 3 huma sostiwtiti b’dan li ġej:

“2.   Kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li l-Kummissjoni tirċievi direttament għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri.

3.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, inklużi l-awtoritajiet tal-infurzar, l-awtoritajiet doganali skont it-tifsira tar-Regolament (UE) 2026/2108 (*3) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, l-awtoritajiet kompetenti skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 (*4) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi (UE) 2014/65/UE (*5) u (UE) 2015/849 (*6) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, kif ukoll l-amministraturi ta’ reġistri uffiċjali fejn huma rreġistrati persuni fiżiċi, persuni ġuridiċi, gruppi u entitajiet kif ukoll proprjetà immobbli jew mobbli, għandhom jipproċessaw u jiskambjaw mingħajr dewmien informazzjoni, inkluża data personali, u, jekk neċessarju, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, ma’ awtoritajiet kompetenti oħra tal-Istat Membru tagħhom, ta’ Stati Membri oħra u l-Kummissjoni, jekk tali pproċessar u skambju jkun neċessarju biex jitwettqu l-kompiti tal-awtorità tal-ipproċessar jew tal-awtorità riċeventi skont dan ir-Regolament, b’mod partikolari meta jidentifikaw każijiet ta’ ksur jew ċirkomvenzjoni, jew tentattivi ta’ ksur jew ċirkomvenzjoni, tal-projbizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament.

(*3)  Ir-Regolament (UE) 2026/2108 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2026 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni u l-Awtorità Doganali tal-Unjoni Ewropea, u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 (ĠU L, 2026/2108, 19.9.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2026/2108/oj)."

(*4)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/575/oj."

(*5)  Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2014/65/oj)."

(*6)  Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2015/849/oj).”;"

(6)

L-Artikolu 7b huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 7b

Għandha tkun ipprojbita l-parteċipazzjoni, bil-ħsieb jew intenzjonata, f’attivitajiet li l-għan jew l-effett tagħhom ikun iċ-ċirkomvenzjoni tal-projbizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament, inkluż bil-parteċipazzjoni f’tali attivitajiet mingħajr it-tfittxija b’mod deliberat ta’ dak l-għan jew l-effett iżda bl-għarfien li tali parteċipazzjoni jista’ jkollha dak l-għan jew l-effett u l-aċċettazzjoni ta’ dik il-possibbiltà.”

;

(7)

L-Artikolu 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 8

1.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lil xulxin dwar il-miżuri meħuda taħt dan ir-Regolament u jikkondividu kwalunkwe informazzjoni relevanti oħra li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom marbuta ma’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari informazzjoni dwar:

(a)

il-fondi ffriżati skont l-Artikolu 2(1);

(b)

l-awtorizzazzjonijiet mogħtija skont id-derogi stabbiliti f’dan ir-Regolament;

(c)

problemi ta’ ksur u eżekuzzjoni u sentenzi mogħtija minn qrati nazzjonali.

2.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw minnufih lil xulxin u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe informazzjoni oħra rilevanti li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom li tista’ taffettwa l-implimentazzjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament.”

;

(8)

jiddaħħlu l-artikoli li ġejjin:

“Artikolu 8a

1.   L-Istati Membri għandhom jinnominaw lill-awtoritajiet kompetenti msemmija f’dan ir-Regolament u jidentifikawhom fuq is-siti web elenkati fl-Anness II. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe bidla fl-indirizzi tas-siti web tagħhom elenkati fl-Anness II.

2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti tagħhom, inklużi d-dettalji ta’ kuntatt ta’ dawk l-awtoritajiet kompetenti, mingħajr dewmien wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, u għandhom jinnotifikawha dwar kwalunkwe emenda sussegwenti.

3.   Jekk dan ir-Regolament jistipula rekwiżit li l-Kummissjoni tiġi nnotifikata, infurmata, jew li b’xi mod ieħor issir komunikazzjoni magħha, l-indirizz u d-dettalji l-oħra tal-kuntatt li jridu jintużaw għal tali komunikazzjoni għandhom ikunu dawk indikati fl-Anness II.

Artikolu 8b

Kwalunkwe informazzjoni mogħtija jew riċevuta minnha f’konformità ma’ dan ir-Regolament għandha tintuża għall-għanijiet li għalihom tkun ingħatat jew ġiet riċevuta biss.”

;

(9)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 9a

1.   Il-Kunsill, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-‘Rappreżentant Għoli’) jistgħu jipproċessaw data personali sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom skont dan ir-Regolament. Dawn il-kompiti jistgħu jinkludu:

(a)

fir-rigward tal-Kunsill, it-tħejjija u l-emendar tal-Anness I u Ia;

(b)

fir-rigward tar-Rappreżentant Għoli, it-tħejjija ta’ emendi għall-Annessi I u Ia; kif ukoll

(c)

fir-rigward tal-Kummissjoni:

(i)

l-inklużjoni tal-kontenut tal-Annessi I u Ia fil-lista kkonsolidata elettronika tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi, il-gruppi u l-entitajiet soġġetti għal sanzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni u fil-mappa interattiva tas-sanzjonijiet, li tnejn li huma huma disponibbli għall-pubbliku;

(ii)

l-ipproċessar ta’ informazzjoni dwar l-impatt tal-miżuri ta’ dan ir-Regolament bħall-valur tal-fondi ffriżati u informazzjoni dwar l-awtorizzazzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti.

2.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, il-Kunsill, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli huma maħtura bħala ‘kontrollur’ skont it-tifsira tal-Artikolu 3, il-punt (8), tar-Regolament (UE) 2018/1725 fir-rigward tal-attivitajiet ta’ pproċessar meħtieġa biex jitwettqu l-kompiti msemmija fil-paragrafu 1.”

;

(10)

L-Artikolu 10 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 10

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-pieni, inkluż kif xieraq pieni kriminali, applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li huma implimentati. Il-pieni previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jipprovdu wkoll il-miżuri xierqa ta’ konfiska tar-rikavat minn tali ksur.

2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar ir-regoli msemmija fil-paragrafu 1 mingħajr dewmien wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u għandhom jinnotifikawha dwar kwalunkwe emenda sussegwenti.”

;

(11)

L-Artikolu 11 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 11

Dan ir-Regolament għandu japplika:

(a)

fit-territorju tal-Unjoni;

(b)

abbord kwalunkwe inġenju tal-ajru jew bastiment fil-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru;

(c)

għal kwalunkwe persuna fiżika fit-territorju jew barra mit-territorju tal-Unjoni li tkun ċittadina ta’ Stat Membru;

(d)

għal kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp, fit-territorju jew barra mit-territorju tal-Unjoni, li jkunu inkorporati jew kostitwiti taħt il-liġi ta’ Stat Membru;

(e)

għal kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp fir-rigward ta’ kwalunkwe kummerċ li jkun sar, interament jew parzjalment, fl-Unjoni.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, is-26 ta’ Ottubru 2026.

Għall-Kunsill

Il-President

M. HEYDON


(1)   ĠU L 336, 21.12.2010, p. 30, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/788/oj.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1183/2005 tat-18 ta’ Lulju 2005 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (ĠU L 193, 23.7.2005, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2005/1183/oj).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2026/2372 tas-26 ta’ Ottubru 2026 li temenda d-Deċiżjoni 2010/788/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (ĠU L, 2026/2372, 26.10.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/2372/oj).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/679/oj).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2026/2374/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)