|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje C |
|
C/2024/1972 |
29.2.2024 |
Dikjarazzjoni konġunta mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar l-użu mill-ġdid ta' fondi diżimpenjati fir-rigward tal-programm ta' riċerka
(C/2024/1972)
Fid-Dikjarazzjoni Konġunta tat-22 ta' Diċembru 2020 dwar l-użu mill-ġdid ta' fondi diżimpenjati fir-rigward tal-programm ta' riċerka (1), il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni qablu li jerġgħu jagħmlu disponibbli għall-benefiċċju tal-programm ta' riċerka approprjazzjonijiet ta' impenn, li jikkorrispondu għall-ammont sa EUR 0.5 biljun (fi prezzijiet tal-2018) fil-perjodu 2021-2027 ta' diżimpenji, li jirriżulta minn nuqqas totali jew parzjali ta' implimentazzjoni ta' proġetti li jappartjenu għal dak il-programm jew il-predeċessur tiegħu, kif previst fl-Artikolu 15(3) tar-Regolament Finanzjarju.
Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-awtorità baġitarja fil-qafas tal-proċedura baġitarja annwali u għas-setgħat tal-Kummissjoni biex timplimenta l-baġit, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jaqblu li ammont ieħor ta' EUR 100 miljun (prezzijiet tal-2018) ser jerġa' jsir disponibbli għall-benefiċċju tal-programm ta' riċerka fil-perjodu mill-2025 sal-2027, li jikkorrispondi għal diżimpenji magħmula fl-2019 sal-2020 li jirriżultaw minn nuqqas ta' implimentazzjoni totali jew parzjali ta' proġetti li jappartjenu għal dak il-programm jew il-predeċessur tiegħu li ma reġgħux saru disponibbli skont l-Artikolu 15(3) tar-Regolament Finanzjarju wara d-dikjarazzjoni konġunta tat-22 ta' Diċembru 2020. Dan ma jaffettwax l-ammonti disponibbli ta' diżimpenji għall-istrument EURI msemmi fl-Artikolu 10a tar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093.
(1) Dikjarazzjoni konġunta mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar l-użu mill-ġdid ta' fondi diżimpenjati fir-rigward tal-programm ta' riċerka 2020/C 444 I/03, ĠU C 444I, 22.12.2020, p. 3.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/1972/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)