|
19.2.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 46/18 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 136/2013
tat-18 ta’ Frar 2013
li jeskludi s-Subdiviżjonijiet 27 u 28.2 tal-ICES minn ċerti limitazzjonijiet tal-isforz tas-sajd għall-2013, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1098/2007 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-merluzz fil-Baħar Baltiku u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1098/2007 tat-18 ta’ Settembru 2007 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-merluzz fil-Baħar Baltiku u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2847/93 u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 779/97 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 29(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1098/2007 jistipula d-dispożizzjonijiet għall-istabbiliment ta’ limitazzjonijiet tal-isforz tas-sajd għall-istokkijiet tal-merluzz fil-Baħar Baltiku. |
|
(2) |
Abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1098/2007, l-Anness II tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1088/2012 tal-20 ta’ Novembru 2012 li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għall-2013 għal ċerti stokkijiet ta’ ħut u gruppi ta’ stokkijiet ta’ ħut applikabbli fil-Baħar Baltiku (2) stabbilixxa l-limitazzjonijiet tal-isforz tas-sajd għall-2013 fil-Baħar Baltiku. |
|
(3) |
Skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolament (KE) Nru 1098/2007, il-Kummissjoni tista’ teskludi s-Subdiviżjonijiet 27 u 28.2 tal-ICES mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ ċerti limitazzjonjiet tal-isforz tas-sajd meta l-qabdiet tal-merluzz kienu taħt ċertu livell limitu fl-aħħar perjodu ta’ rappurtar. |
|
(4) |
Fid-dawl tar-rapporti mressqa mill-Istati Membri u tal-parir tal-Kumitat Xjentifiku, Tekniku, u Ekonomiku għas-Sajd, fl-2013 is-Subdiviżjonijiet 27 u 28.2 tal-ICES għandhom ikunu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawk il-limitazzjonjiet tal-isforz tas-sajd. |
|
(5) |
Ir-Regolament (UE) Nru 1088/2012 se japplika mill-1 ta’ Jannar 2013. Biex tkun żgurata l-koerenza ma’ dak ir-Regolament, dan ir-Regolament għandu japplika retroattivament mill-1 ta’ Jannar 2013. |
|
(6) |
Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tas-Sajd u l-Akkwakultura, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(1)(b), (3), (4) u (5) tar-Regolament (KE) Nru 1098/2007 ma għandhomx japplikaw għas-Subdiviżjonijiet 27 u 28.2 tal-ICES fis-sena 2013.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2013.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Frar 2013.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO