European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1768

27.6.2024

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1768

tas-26 ta’ Ġunju 2024

li japprova s-sustanza bażika pellets imnixxfa ta’ Onobrychis viciifolia (sainfoin) f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 23(5) flimkien mal-Artikolu 13(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-18 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni rċeviet applikazzjoni mingħand Multifolia Sas għall-approvazzjoni tal-pellets imnixxfa ta’ Onobrychis viciifolia (sainfoin) bħala sustanza bażika biex tintuża fil-protezzjoni tal-pjanti bħala nematiċida fid-dwieli.

(2)

Wara l-kontroll tal-ammissibbiltà, l-applikazzjoni, kif waslet f’Marzu 2021, kienet akkumpanjata mill-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 23(3), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

(3)

Il-Kummissjoni talbet lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) għall-assistenza xjentifika skont l-Artikolu 23(4) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009. Fid-9 ta’ Diċembru 2022, l-Awtorità pprovdiet rapport tekniku dwar il-pellets imnixxfa ta’ Onobrychis viciifolia (sainfoin) lill-Kummissjoni (2).

(4)

Fil-21 ta’ Marzu 2024 u fit-23 ta’ Mejju 2024 rispettivament, il-Kummissjoni ppreżentat ir-rapport ta’ rieżami (3) u abbozz ta’ dan ir-Regolament lill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf.

(5)

L-informazzjoni pprovduta mill-applikant turi li l-pellets imnixxfa ta’ Onobrychis viciifolia (sainfoin) bħalissa jinsabu fis-suq bħala għalf tal-annimali u bħala fertilizzant. Barra minn hekk, din ma tintużax b’mod predominanti għal skopijiet ta’ protezzjoni tal-pjanti, iżda l-pellets imnixxfa ta’ Onobrychis viciifolia (sainfoin) huma utli għall-protezzjoni tal-pjanti. Abbażi tal-informazzjoni pprovduta fl-applikazzjoni u fir-rapport tekniku mill-Awtorità, jista’ jiġi konkluż ukoll li l-pellets imnixxfa ta’ Onobrychis viciifolia (sainfoin) mhijiex sustanza ta’ tħassib; Ma għandhiex kapaċità inerenti li tikkawża effetti ta’ tfixkil tas-sistema endokrinali, effetti newrotossiċi jew immunotossiċi u ma tiġix introdotta fis-suq bħala prodott għall-protezzjoni tal-pjanti. Konsegwentement, il-pellets imnixxfa ta’ Onobrychis viciifolia (sainfoin) tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 23(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

(6)

Ma kienet disponibbli ebda evalwazzjoni rilevanti mwettqa skont leġiżlazzjoni Komunitarja oħra.

(7)

Wara li ġew eżaminati l-applikazzjoni u d-dokumenti relatati kollha, jista’ jkun mistenni li l-pellets imnixxfa ta’ Onobrychis viciifolia (sainfoin), b’mod ġenerali, tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, b’mod partikolari fir-rigward tal-użi li ġew eżaminati u spjegati fir-rapport ta’ rieżami tal-Kummissjoni. Għaldaqstant jixraq li l-pellets imnixxfa ta’ Onobrychis viciifolia (sainfoin) tiġi approvata bħala sustanza bażika.

(8)

Il-Kummissjoni stiednet lill-applikant iressaq il-kummenti tiegħu dwar ir-rapport tekniku tal-Awtorità u dwar l-abbozz tar-rapport ta’ rieżami tal-Kummissjoni. L-applikant ressaq il-kummenti tiegħu, li ġew eżaminati bir-reqqa.

(9)

F’konformità mal-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, flimkien mal-Artikolu 6 tiegħu u fid-dawl tal-għarfien xjentifiku u tekniku attwali, jeħtieġ li jiġu inklużi ċerti kundizzjonijiet għall-approvazzjoni.

(10)

F’konformità mal-Artikolu 13(4) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, jenħtieġ li l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (4) jiġi emendat skont dan.

(11)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Approvazzjoni ta’ sustanza bażika

Is-sustanza pellets imnixxfa ta’ Onobrychis viciifolia (sainfoin), kif speċifikat fl-Anness I, hija approvata bħala sustanza bażika soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati f’dak l-Anness.

Artikolu 2

Emendi tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 huwa emendat f’konformità mal-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Ġunju 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/1107/oj.

(2)  EFSA (European Food Safety Authority), 2023. Technical report on the outcome of the consultation with Member States and EFSA on the basic substance application for approval of sainfoin (Onobrychis viciifolia var. Perly) dried pellets to be used in plant protection as a nematicide in grapevines. (EFSA supporting publication 2023:EN-7763. 94 pp. doi:10.2903/sp.efsa.2023.EN-7763).

(3)  Final Review report for the basic substance Onobrychis viciifolia (sainfoin) dried pellets finalised by the Standing Committee on Plants, Animals, Food and Feed on 23 May 2024 in view of the approval of Onobrychis viciifolia (sainfoin) dried pellets as basic substance in accordance with Regulation (KE) Nru 1107/2009.

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta’ Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-lista ta’ sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2011/540/oj).


ANNESS I

Isem Komuni, Numri ta’ Identifikazzjoni

Isem IUPAC

Purità (1)

Data tal-approvazzjoni

Dispożizzjonijiet speċifiċi

Pellets imnixxfa ta’ Onobrychis viciifolia (sainfoin)

Nru CAS: Mhux disponibbli

Nru CIPAC: Mhux disponibbli

Mhux disponibbli

1 000  g/kg

Impuritajiet rilevanti: Arseniku (1 g/kg), Kadmju (0,1 g/kg), Kromu-VI (0,1 g/kg), Merkurju (1 g/kg), Nikil (0,1 g/kg), Ċomb (0,3 g/kg)

Is-17 ta’ Lulju 2024

Is-sustanza bażika pellets imnixxfa ta’ Onobrychis viciifolia (sainfoin) għandha tintuża f’konformità mal-kundizzjonijiet speċifiċi inklużi fil-konklużjonijiet tar-rapport ta’ rieżami dwar il-pellets imnixxfa ta’ Onobrychis viciifolia (sainfoin) (PLAN/2024/790 RR rev1) u b’mod partikolari fl-Appendiċijiet I u II tiegħu.


(1)  Aktar dettalji dwar l-identità, l-ispeċifikazzjoni u l-modalitajiet tal-użu tas-sustanza bażika huma pprovduti fir-rapport ta’ rieżami.


ANNESS II

Fil-Parti C tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011, tiżdied l-entrata li ġejja:

Numru

Isem Komuni, Numri ta’ Identifikazzjoni

Isem IUPAC

Purità (1)

Data tal-approvazzjoni

Dispożizzjonijiet speċifiċi

“26

Pellets imnixxfa ta’ Onobrychis viciifolia (sainfoin)

Nru CAS: Mhux disponibbli

Nru CIPAC: Mhux disponibbli

Mhux disponibbli

1 000  g/kg

Impuritajiet rilevanti: Arseniku (1 g/kg), Kadmju (0,1 g/kg), Kromu-VI (0,1 g/kg), Merkurju (1 g/kg), Nikil (0,1 g/kg), Ċomb (0,3 g/kg)

Is-17 ta’ Lulju 2024

Is-sustanza bażika pellets imnixxfa ta’ Onobrychis viciifolia (sainfoin) għandha tintuża f’konformità mal-kundizzjonijiet speċifiċi inklużi fil-konklużjonijiet tar-rapport ta’ rieżami dwar il-pellets imnixxfa ta’ Onobrychis viciifolia (sainfoin) (PLAN/2024/790 RR rev1) u b’mod partikolari fl-Appendiċijiet I u II tiegħu.


(1)  Aktar dettalji dwar l-identità, l-ispeċifikazzjoni u l-modalitajiet tal-użu tas-sustanza bażika huma pprovduti fir-rapport ta’ rieżami.”


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1768/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)