28.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 438/41


IR-REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/2211

tat-22 ta’ Diċembru 2020

li jemenda l-Anness VI tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072 fir-rigward tar-Renju Unit

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 40(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 (2) jipprevedi miżuri protettivi kontra l-pesti tal-pjanti, applikabbli fit-territorju tal-Unjoni.

(2)

Id-dritt tal-Unjoni, inkluż ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072, huwa applikabbli għar-Renju Unit u fir-Renju Unit matul perjodu ta’ tranżizzjoni li jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2020, f’konformità mal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (“il-Ftehim dwar il-Ħruġ”), u b’mod partikolari l-Artikoli 126 u l-Artikolu 127(1) tiegħu.

(3)

Skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072, it-tuberi tal-ispeċi Solanum L., u l-ibridi tagħhom, minbarra dawk speċifikati fl-entrati 15 u 16 tal-Anness VI ta’ dak ir-Regolament (il-“pjanti speċifikati”), jistgħu jiġu introdotti fl-Unjoni mill-pajjiżi terzi elenkati fir-raba’ kolonna tal-entrata 17 ta’ dak l-Anness.

(4)

Fid-dawl tat-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni previst fil-Ftehim dwar il-Ħruġ, ir-Renju Unit issottometta talba lill-Kummissjoni għar-rikonoxximent tiegħu bħala ħieles mill-pest speċifikat, mill-1 ta’ Jannar 2021.

(5)

Id-Direttiva tal-Kunsill 93/85/KEE (3) tipprevedi miżuri li għandhom jittieħdu fl-Istati Membri, fost l-oħrajn, kontra l-pest Clavibacter sepedonicus (Spieckermann u Kottho) Nouioui et al., li hija waħda mill-kawżi għall-marda tat-tħassir forma ta’ ċirku tal-patata.

(6)

F’konformità mal-Artikolu 2 tad-Direttiva 93/85/KEE, ir-Renju Unit wettaq stħarriġiet annwali, li r-riżultati tagħhom juru li t-territorju tiegħu kien ħieles mill-pest speċifikat f’dawn l-aħħar tliet snin. Ir-riżultati ta’ dawk l-istħarriġiet ġew innotifikati fl-2020 lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra.

(7)

Barra minn hekk, ma ġiet irreġistrata l-ebda interċettazzjoni tal-pest speċifikat matul il-moviment tal-pjanti speċifikati fir-Renju Unit, jew minn dak il-pajjiż lejn l-Unjoni.

(8)

Ir-Renju Unit informa lill-Kummissjoni li l-leġiżlazzjoni rispettiva tiegħu, li ttrasponiet id-Direttiva 93/85/KEE, mhux se tinbidel u se tkompli tapplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

(9)

Għalhekk jenħtieġ li r-Renju Unit jiġi inkluż fir-raba’ kolonna tal-entrata 17 tal-Anness VI tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072, mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għar-Renju Unit u fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq f’konformità mal-Artikolu 5(4) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq għall-Ftehim dwar il-Ħruġ flimkien mal-Anness 2 ta’ dak il-Protokoll.

(10)

Sabiex jiġi żgurat li r-Renju Unit jibqa’ ħieles mill-pest speċifikat, jenħtieġ li huwa jissottometti lill-Kummissjoni, sal-28 ta’ Frar ta’ kull sena, ir-riżultati tal-istħarriġ li jikkonfermaw li Clavibacter sepedonicus (Spieckermann u Kottho) Nouioui et al. ma kienx preżenti fit-territorju tiegħu matul is-sena preċedenti.

(11)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072 jiġi emendat kif xieraq.

(12)

Peress li l-perjodu ta’ tranżizzjoni previst fil-Ftehim dwar il-ħruġ jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2020, dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

(13)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness VI tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 317, 23.11.2016, p. 4.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 tat-28 ta’ Novembru 2019 li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-miżuri protettivi kontra l-pesti tal-pjanti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 690/2008 u jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 (ĠU L 319, 10.12.2019, p. 1).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 93/85/KEE tal-4 ta' Ottubru 1993 dwar il-kontroll tat-tħassir forma ta' ċirku tal-patata (ĠU L 259, 18.10.1993, p. 1).


ANNESS

Fir-raba’ kolonna tal-entrata 17 tal-Anness VI tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072, it-test jinbidel b’dan li ġej:

“Pajjiżi terzi għajr:

(a)

l-Alġerija, l-Eġittu, Iżrael, il-Libja, il-Marokk, is-Sirja, l-Iżvizzera, it-Tuneżija u t-Turkija,

jew

(b)

dawk li jissodisfaw dan li ġejjin:

(i)

ikunu wieħed minn dawn li ġejjin:

l-Albanija, Andorra, l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Belarussja, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Gżejjer Kanarji, il-Gżejjer Faeroe, il-Georgia, l-Iżlanda, il-Liechtenstein, il-Moldova, Monaco, il-Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq, in-Norveġja, ir-Russja (il-partijiet li ġejjin biss: id-Distrett Federali Ċentrali (Tsentralny federalny okrug), id-Distrett Federali tal-Majjistral (Severo-Zapadny federalny okrug), id-Distrett Federali tan-Nofsinhar (Yuzhny federalny okrug), id-Distrett Federali Kawkasu tat-Tramuntana (Severo-Kavkazsky federalny okrug) u d-Distrett Federali ta’ Volga (Privolzhsky federalny okrug)), San Marino, is-Serbja, u l-Ukrajna, u

(ii)

jissodisfaw waħda minn dawn li ġejjin:

—

ikunu rikonoxxuti bħala ħielsa mill-Clavibacter sepedonicus (Spieckermann u Kottho) Nouioui et al., f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 107 tar-Regolament (UE) 2016/2031, jew

—

il-leġiżlazzjoni tagħhom tkun rikonoxxuta bħala ekwivalenti mar-regoli tal-Unjoni li jikkonċernaw protezzjoni kontra l-Clavibacter sepedonicus (Spieckermann u Kottho) Nouioui et al. f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 107 tar-Regolament (UE) Nru 2016/2031,

jew

(c)

ir-Renju Unit (*1), sakemm tiġi ssodisfata l-kundizzjoni li ġejja: is-sottomissjoni mir-Renju Unit lill-Kummissjoni, sat-28 ta’ Frar ta’ kull sena, tar-riżultati tal-istħarriġ li jikkonfermaw li l-Clavibacter sepedonicus (Spieckermann u Kottho) Nouioui et al. ma kienx preżenti fit-territorju tiegħu matul is-sena preċedenti.


(*1)  F’konformità mal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 5(4) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq, flimkien mal-Anness 2 ta’ dak il-Protokoll, għall-finijiet ta’ dan l-Anness, ir-referenzi għar-Renju Unit ma jinkludux l-Irlanda ta’ Fuq.”.”