|
11.12.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 417/317 |
RIŻOLUZZJONI (UE) 2020/1942 TAL-PARLAMENT EWROPEW
tal-14 ta’ Mejju 2020
li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) għas-sena finanzjarja 2018
IL-PARLAMENT EWROPEW,
|
— |
wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq għas-sena finanzjarja 2018, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0059/2020), |
|
A. |
billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u l-infiq tagħha (1), il-baġit finali tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (minn hawn ’il quddiem “l-Awtorità”) għas-sena finanzjarja 2018 kien ta’ EUR 44 191 067, ammont li jirrappreżenta żieda ta’ 5,02 % meta mqabbel mal-2017; billi l-Awtorità hija ffinanzjata minn kontribuzzjoni mill-Unjoni (26,59 %), kontribuzzjonijiet mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali tal-Istati Membri (46,44 %) u tariffi riċevuti minn entitajiet sorveljati (25,78 %) (2); |
|
B. |
billi l-Qorti tal-Awdituri (“il-Qorti”), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Awtorità għas-sena finanzjarja 2018 (“ir-rapport tal-Qorti”), issostni li għandha fil-pussess tagħha aċċertamenti raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Awtorità huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi huma legali u regolari; |
Ġestjoni baġitarja u finanzjarja
|
1. |
Jinnota b’sodisfazzjon li l-isforzi ta’ monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2018 irriżultaw f’rata ta’ implimentazzjoni tal-baġit ta’ 99,99 %, li meta mqabbla mal-2017 tirrappreżenta tnaqqis żgħir ta’ 0,01 %; jinnota li r-rata ta’ eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament kienet ta’ 88,87 % — tnaqqis ta’ 0,89 % meta mqabbla mas-sena preċedenti; |
|
2. |
Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, l-Awtorità, f’konformità mar-regolament dwar it-tariffi, tapplika tariffi lill-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu u li dawn it-tariffi għandhom ikopru biss l-infiq tal-Awtorità marbut mar-reġistrazzjoni, iċ-ċertifikazzjoni u s-superviżjoni tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu; jinnota li, fl-2017, it-tariffi li l-Awtorità imponiet fuqhom l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu qabżu dak l-infiq b’EUR 853 950 u l-Awtorità nefqet dak il-bilanċ pożittiv fuq attivitajiet oħra, filwaqt li fl-2018, dak l-infiq qabeż it-tariffi imposti fuq l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu b’EUR 224 664; jinnota li d-devjazzjoni akkumulata għall-perjodu mill-2015 sal-2018 tammonta għal EUR 540 412; josserva, barra minn hekk, li l-Awtorità timponi tariffi fuq ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet skont ir-regolament dwar it-tariffi relatat, u li tali tariffi għandhom ikopru biss l-infiq relatat mar-reġistrazzjoni u s-superviżjoni tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet; jinnota li, fl-2017, l-infiq tal-Awtorità relatata mar-reġistrazzjoni u s-superviżjoni tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet qabżet it-tariffi relatati mitluba b’EUR 452 466, u li, fl-2018, l-infiq tal-Awtorità f’dak il-qasam qabeż it-tariffi relatati mitluba b’EUR 30 882; jinnota li d-devjazzjoni akkumulata matul il-perjodu mill-2015 sal-2018 tammonta għal EUR 545 735 (jew 6 %); josserva li, għalkemm l-Awtorità segwiet il-gwida pprovduta mill-Kummissjoni, il-bilanċi pożittivi u d-defiċits jistgħu jwasslu għal finanzjament trasversali annwali tal-attivitajiet; jinnota t-tweġiba tal-Awtorità li fl-2017, hija kellha tirrialloka r-riżorsi biex taħdem fuq riskju partikolari relatat mar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet, u dan irriżulta f’diskrepanza bejn it-tariffi miġbura u l-infiq reali, filwaqt li dejjem użat il-gwida tal-Kummissjoni dwar il-mudell ta’ baġit għall-miżati tagħha, u li kwalunkwe żbilanċ fuq terminu qasir għandu jiġi kkumpensat fit-tul; jistieden lill-Awtorità tkompli tillimita tali finanzjament transversali sakemm devjazzjonijiet sinifikanti ma jkunux rikorrenti fil-baġit tal-Awtorità; |
|
3. |
Josserva li s-surpluses akkumulati matul il-perjodu 2015-2018 li jirriżultaw minn tariffi mħallsa minn aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu fir-rigward tar-reġistrazzjoni, iċ-ċertifikazzjoni u s-superviżjoni ta’ dawn l-entitajiet jammontaw għal EUR 0,5 miljun; huwa tal-fehma li dawn is-surpluses għandhom ikunu temporanji u m’għandhomx jintużaw biex jiffinanzjaw b’mod permanenti attivitajiet oħra b’mod trasversali; |
Prestazzjoni
|
4. |
Jinnota li l-Awtorità lestiet 90 % tal-attivitajiet inklużi fil-programm ta’ ħidma annwali tagħha; |
|
5. |
Jinnota li l-implimentazzjoni tal-MiFID II kienet l-akbar proġett li l-Awtorità wettqet fl-2018; jinnota, barra minn hekk, li waħda mill-isfidi u mill-objettivi ewlenin tal-Awtorità kienet it-tħejjija għal proċess ordnat biex jiġi indirizzat l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni mingħajr ftehim, fejn kienu meħtieġa sforzi akbar fil-kuntest tal-inċertezza; |
|
6. |
Jinnota li l-ammont ta’ xogħol tal-Awtorità qed jevolvi b’mod kostanti u jinkludi kemm kompiti regolatorji kif ukoll l-infurzar u l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni; |
|
7. |
Jinnota li l-Awtorità, flimkien mal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) u l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA), tifforma parti minn kumitat konġunt li għandu l-għan li jiżgura konsistenza transsettorjali u pożizzjonijiet konġunti fil-qasam tas-superviżjoni tal-konglomerati finanzjarji u fuq kwistjonijiet transsettorjali oħra, u li tikkondividi uffiċjal tal-kontabilità mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji u li ħadet sehem f’ħafna akkwisti konġunti ma’ aġenziji oħra, u dejjem fittxet effiċjenzi permezz tal-kooperazzjoni; iħeġġeġ bil-qawwa lill-Awtorità biex b’mod attiv tipprova tikseb aktar kooperazzjoni u kooperazzjoni usa’ mal-aġenziji kollha tal-Unjoni; |
|
8. |
Jinnota, fid-dawl tal-kummenti li saru mill-awtorità tal-kwittanza marbuta mal-evalwazzjoni esterna tat-tliet Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE) li saru fl-2017, il-konklużjoni b’suċċess tal-proċess leġiżlattiv dwar ir-rieżami tal-ASE fir-Rebbiegħa 2019, u jinnota li l-bidliet kemm għar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) kif ukoll għal-leġiżlazzjoni settorjali rilevanti tal-Unjoni issa qed jiġu implimentati kif xieraq; |
|
9. |
Jilqa’ l-inkjesta tal-Awtorità dwar skemi ta’ kummerċ ta’ arbitraġġ tad-dividendi bħal cum-ex jew cum-cum; iħeġġeġ lill-Awtorità tislet konklużjonijiet konkreti minn dik l-inkjesta sabiex twaqqaf u tipprevjeni prattiki futuri li jheddu l-integrità tas-swieq finanzjarji tal-Unjoni; |
|
10. |
Jilqa’ r-Rapport tal-Awtorità ta’ Lulju 2019 dwar is-sejbiet preliminari dwar skemi multipli ta’ taxxa minn ras il-għajn b’reazzjoni għar-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta’ Novembru 2018 dwar l-iskandlu cum-ex: il-kriminalità finanzjarja u l-lakuni fil-qafas legali attwali (2018/2900(RSP)), fejn il-Parlament Ewropew talab lill-Awtorità twettaq inkjesta dwar skemi bħal cum-ex u cum-cum; jilqa’ wkoll il-fatt li l-bord tas-superviżuri tal-Awtorità approva t-tnedija ta’ inkjesta formali skont l-Artikolu 22(4) tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010; iħeġġeġ lill-Awtorità tislet konklużjonijiet konkreti minn dik l-inkjesta sabiex twaqqaf u tipprevjeni prattiki futuri li jheddu l-integrità tas-swieq finanzjarji tal-Unjoni; |
|
11. |
Jenfasizza li r-rwol tal-Awtorità fil-promozzjoni ta’ reġim superviżorju u regolatorju komuni fis-sistema finanzjarja Ewropea huwa essenzjali biex tiġi żgurata stabilità finanzjarja, suq finanzjarju integrat aħjar, aktar effiċjenti u sikur, kif ukoll livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur fl-Unjoni billi tippromwovi l-korrettezza u t-trasparenza fis-suq tal-prodotti u s-servizzi finanzjarji; |
|
12. |
Jissottolinja l-fatt li l-Awtorità, meta twettaq l-attivitajiet tagħha, jeħtiġilha tagħti attenzjoni partikolari biex tiżgura l-kompatibilità mad-dritt tal-Unjoni, filwaqt li tirrispetta l-prinċipju tal-proporzjonalità u tikkonforma mal-prinċipji fundamentali tas-suq intern; |
|
13. |
Huwa mħasseb li l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet superviżorji tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) fil-forma ta’ linji gwida u mistoqsijiet u tweġibiet tista’ tpoġġi piż żejjed fuq atturi iżgħar u għalhekk tnaqqas il-kompetizzjoni fis-suq (5); |
|
14. |
Jisħaq fuq il-fatt li, filwaqt li tiżgura li l-funzjonijiet kollha assenjati lilha jitwettqu bis-sħiħ u fil-ħin, l-Awtorità għandha taderixxi u tagħmel użu sħiħ mill-kompiti u l-mandat assenjati lilha mill-Parlament u mill-Kunsill, u li l-Awtorità jeħtiġilha li qatt ma tmur lil hinn mill-mandat tagħha; jirrimarka li l-iffukar fuq il-mandat assenjat mill-Parlament u mill-Kunsill iwassal għal użu aktar effettiv u effiċjenti tar-riżorsi; |
Politika dwar il-persunal
|
15. |
Jinnota li, fil-31 ta’ Diċembru 2018, kien ġie eżegwit 95,51 % mill-pjan ta’ stabbiliment, u li kienu nħatru 149 aġent temporanju mill-156 awtorizzati mill-baġit tal-Unjoni, (meta mqabbla mal-150 post tax-xogħol awtorizzati fl-2017); jinnota li, barra minn hekk, 68 aġent kuntrattwali u 14-il espert nazzjonali sekondat kienu qed jaħdmu għall-Awtorità fl-2018; |
|
16. |
Jistaqsi jekk ir-riżorsi allokati lill-Awtorità humiex biżżejjed biex jippermettulha twettaq in-numru dejjem akbar ta’ kompiti tagħha, pereżempju fl-oqsma tat-titolizzazzjoni, il-Prospectus 3 u l-fondi tas-suq monetarju fejn l-ammont ta’ xogħol żdied iżda ma ġie allokat l-ebda persunal ġdid; |
|
17. |
Jinnota b’sodisfazzjoni l-bilanċ ugwali bejn is-sessi rrappurtat mill-Awtorità fir-rigward tal-maniġers superjuri (raġel wieħed u mara waħda) u l-bord maniġerjali (tliet irġiel u tliet nisa); |
|
18. |
Jinnota li r-rata ta’ tibdil tal-persunal tal-Awtorità kienet ta’ 6,9 %, li tilħaq il-mira tal-Awtorità ta’ inqas minn 10 %; |
|
19. |
Jinnota li l-Awtorità adottat politika dwar il-protezzjoni tad-dinjità tal-persuna u l-prevenzjoni tal-fastidju u aġġornat ir-regoli preċedenti tagħha permezz ta’ deċiżjoni adottata mill-bord maniġerjali f’Diċembru 2018, f’konformità mal-mudell tal-Kummissjoni; jinnota li l-Awtorità taħtar konsulenti kunfidenzjali u torganizza sessjonijiet regolari ta’ għarfien; |
|
20. |
Jistaqsi jekk l-użu ta’ ħaddiema temporanji u konsulenzi esterni minflok ma żżid il-persunal tagħha, huwiex l-aħjar użu tar-riżorsi fuq terminu twil; |
|
21. |
Jinnota li l-Qorti identifikat tendenza orizzontali fost l-aġenziji fir-rigward tal-użu ta’ persunal estern impjegat fi rwoli ta’ konsulenza tal-IT; jitlob li d-dipendenza fuq ir-reklutaġġ estern f’dak il-qasam importanti u sensittiv jitnaqqas kemm jista’ jkun biex jiġu limitati r-riskji potenzjali; |
Akkwist
|
22. |
Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, l-Awtorità tuża kuntratti ma’ kumpaniji tal-IT li huma fformulati b’mod li jistgħu jimplikaw l-assenjazzjoni ta’ ħaddiema interim minflok il-forniment ta’ servizzi jew prodotti tal-IT definiti b’mod ċar, filwaqt li għandhom japplikaw regoli speċifiċi f’konformità mad-Direttiva 2008/104/KE (6), u l-użu ta’ ħaddiema temporanji jista’ jsir biss permezz ta’ kuntratti ma’ aġenziji ta’ xogħol temporanju awtorizzati; jinnota li l-użu ta’ kuntratti ta’ servizzi tal-IT għall-forniment ta’ ħaddiema ma jikkonformax mar-regoli tal-Unjoni dwar is-servizzi soċjali u l-impjiegi, u jesponi lill-Awtorità għal riskji legali u reputazzjonali; jistieden lill-Awtorità tiżgura li l-kuntratti jevitaw kwalunkwe konfużjoni bejn l-akkwist ta’ servizzi tal-IT u l-assenjazzjoni ta’ ħaddiema interim; |
|
23. |
Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, fl-2018, l-Awtorità nediet il-proċedura ta’ akkwist għall-kiri ta’ spazju ġdid għall-uffiċċji f’Pariġi; jinnota li inizjalment l-Awtorità kienet ippjanat proċedura konġunta ta’ akkwist ma’ korpi oħra tal-Unjoni, bħall-EBA, li, f’dak iż-żmien, kienet qed tħejji għar-rilokazzjoni tagħha minn Londra għal Pariġi; jinnota li l-Awtorità u l-EBA waslu għall-konklużjoni li l-vantaġġi previsti ta’ proċedura ta’ akkwist konġunta ma kinux se jimmaterjalizzaw, u li l-Awtorità u l-EBA wettqu proċeduri ta’ akkwist separati għall-kiri tal-ispazju għal uffiċċji tagħhom u għal servizzi relatati oħra, u tilfu l-opportunità għall-ekonomiji tal-kobor u effiċjenza; jistieden lill-Awtorità ssaħħaħ il-kooperazzjoni tagħha mal-aġenziji l-oħra u tuża proċeduri ta’ akkwist konġunt kull fejn ikun possibbli, sabiex ma jintilfux opportunitajiet għal ekonomiji ta’ skala u titjib fl-effiċjenza; |
|
24. |
Jinnota li filwaqt li l-Awtorità għamlet sforzi sinifikanti fir-rigward tat-tħejjija ta’ dokumenti tal-offerta għall-kiri ta’ spazju ġdid għall-uffiċċji u fir-rigward tal-metodoloġija ta’ evalwazzjoni tal-offerti tagħha, xorta teħtieġ ittejjeb id-dokumentazzjoni u t-traċċabilità tal-evalwazzjonijiet tal-offerti; b’mod partikolari peress li r-rapporti ta’ evalwazzjoni jservu bħala r-referenza prinċipali għall-istadji differenti tal-proċeduri ta’ akkwist, il-kontenut tagħhom għandu jkun eżawrjenti u jipprovdi d-dettalji rilevanti kollha; |
Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess, trasparenza u demokrazija
|
25. |
Jinnota li 28 % tal-baġit tal-Awtorità ġej minn tariffi imposti fuq l-entitajiet li jinsabu taħt is-superviżjoni tagħha; jinnota li ġew implimentati miżuri sabiex jittaffa kwalunkwe kunflitt ta’ interess u li dawk il-miżuri ġew awditjati; jistieden lill-Awtorità tkompli tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza dwar il-miżuri li ħadet biex tiżgura li ma jseħħ l-ebda kunflitt ta’ interess; jinnota, barra minn hekk, li l-Awtorità temmen li, kieku l-Kummissjoni ġabret it-tariffi, kienu jinħolqu ineffiċjenzi u r-riskji ta’ ineżattezza u ta’ kalkolu ħażin kienu jiżdiedu b’konsegwenza ta’ ħsara fir-reputazzjoni; |
|
26. |
Jilqa’ l-pubblikazzjoni ta’ rekords dwar il-laqgħat tal-partijiet ikkonċernati kif mitlub mill-Ombudsman Ewropew; jistieden lill-Awtorità ssegwi s-suġġeriment tal-Ombudsman Ewropew li tinkludi fl-informazzjoni tagħha għall-pubbliku indikazzjoni dwar jekk jeżistux rekords dettaljati ta’ laqgħa speċifika mal-partijiet ikkonċernati u għalhekk tistax tkun soġġetta għal talba għal aċċess pubbliku għal dokumenti, sakemm il-kontenut ta’ dawk ir-rekords ma jkunx kummerċjalment sensittiv; |
|
27. |
Jissottolinja l-importanza ta’ amministrazzjoni miftuħa, effiċjenti u indipendenti għall-aġenziji kollha tal-Unjoni u l-Unjoni kollha kemm hi; ifakkar fil-problema tal-kunflitti ta’ interess li tinqala’ mis-sitwazzjonijiet ta’ “bibien iduru” u jisħaq fuq il-ħtieġa għal qafas ġuridiku unifikat biex jindirizza dawn il-kwistjonijiet; |
Kontrolli interni
|
28. |
Jinnota, fid-dawl tal-kummenti u l-osservazzjonijiet mill-awtorità tal-kwittanza relatati mal-awditjar tas-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni (IAS) dwar l-Eżamijiet bejn il-Pari tal-Awtoritajiet Nazzjonali Kompetenti, li l-azzjonijiet relatati kollha ngħalqu; |
|
29. |
Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, fl-2018 l-IAS ħareġ rapport tal-awditjar dwar “Id-Dħul u l-Ġestjoni Bbażata fuq l-Attività fl-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq” u li l-Awtorità ħejjiet pjan ta’ azzjoni biex tindirizza l-oqsma fejn jista’ jsir titjib; jistieden lill-Awtorità tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza dwar il-miżuri meħuda f’dak ir-rigward; |
Kummenti oħrajn
|
30. |
Jinnota li matul l-2018, il-ħruġ mistenni tar-Renju Unit mill-Unjoni kellu impatt sinifikanti fuq il-ħidma u r-riżultati ppjanati tal-Awtorità, u ġġenera ħafna xogħol ta’ tħejjija, b’mod partikolari fl-oqsma tal-konverġenza superviżorja, il-prevenzjoni tal-frammentazzjoni u l-arbitraġġ regolatorju, is-superviżjoni diretta u l-valutazzjoni tar-riskju; jinnota li l-Awtorità analizzat fid-dettall x’impatt operattiv ikollu l-ħruġ mistenni tar-Renju Unit mill-Unjoni fuq l-organizzazzjoni tagħha, u li hija allokat persunal dedikat biex jipprovdi pariri dwar dawk il-kwistjonijiet u jirrapporta dwarhom b’mod regolari; |
|
31. |
Jistieden lill-Awtorità titfa’ l-attenzjoni tagħha fuq it-tixrid tar-riżultati tar-riċerka tagħha mal-pubbliku, u tikkomunika mal-pubbliku permezz tal-midja soċjali u mezzi oħra tal-midja; |
|
32. |
Jissottolinja r-responsabilità li għandha s-sistema finanzjarja biex tissodisfa l-isfidi relatati mas-sostenibilità u tiżgura li l-Unjoni tissodisfa l-obbligi tagħha meħuda fil-qafas tal-Ftehim ta’ Pariġi skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima; jenfasizza r-rwol kruċjali tal-Awtorità fl-integrazzjoni ta’ fatturi relatati mal-ambjent u l-governanza u dawk soċjali fil-qafas regolatorju u superviżorju u fil-mobilizzazzjoni u l-iggwidar tal-flussi kapitali privati lejn investimenti sostenibbli; għaldaqstant jisħaq fuq il-ħtieġa li jkun hemm biżżejjed riżorsi biex tiġi mmonitorjata l-implimentazzjoni ta’ dak il-qafas mill-istituzzjonijiet finanzjarji u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali; |
|
33. |
Jirreferi, rigward kummenti oħrajn ta’ natura orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Mejju 2020 (7) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji. |
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq), li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).
(4) Ir-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 1.).
(5) Ibbażat fuq il-feedback riċevut mill-Creditreform Rating AG.
(6) Id-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija (ĠU L 327, 5.12.2008, p. 9).
(7) Testi adottati, P9_TA(2020)0121.