KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SAUGMANDSGAARD ØE
ippreżentati fid-19 ta’ Marzu 2020 ( 1 )
Kawżi magħquda C-21/19 sa C-23/19
Proċeduri kriminali
kontra
XN (C-21/19),
YO (C-22/19),
P.F. Kamstra Recycling BV (C-23/19),
fil-preżenza ta’:
Openbaar Ministerie
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Gerechtshof Arnhem‑Leeuwarden (il-Qorti tal-Appell ta’ Arnhem-Leeuwarden, il‑Pajjiżi l-Baxxi))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Vjeġġ ta’ skart ġewwa l-Unjoni Ewropea – Direttiva 2008/98/KE – Artikolu 5(1) – Kunċett ta’ ‘prodott sekondarju’ – Kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 – Artikolu 1(3)(d) – Regolament (KE) Nru 1069/2009 – Kunċett ta’ ‘prodotti sekondarji mill-annimali’ u ta’ ‘kategoriji ta’ materjali’ – Applikazzjoni għat-taħlitiet ta’ prodotti sekondarji mill‑annimali u ta’ skart mhux perikoluż – Riskju ta’ evażjoni abbużiva”
I. Introduzzjoni
|
1. |
It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Gerechtshof Arnhem-Leeuwarden (il-Qorti tal-Appell ta’ Arnhem-Leeuwarden, il‑Pajjiżi l-Baxxi) tirrigwarda l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-iskart, u b’mod iktar partikolari dwar it-trasport ta’ prodotti sekondarji mill‑annimali mħallta ma’ skart mhux perikoluż. |
|
2. |
Wara s-sentenza ReFood ( 2 ), dwar it-trasport ta’ prodotti sekondarji mill-annimali tal-Kategorija 3, l-inqas waħda perikoluża, li kienet tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk dan it-trasport kienx irregolat mir‑Regolament (KE) Nru 1069/2009 ( 3 ) jew mir-regolament iktar restrittiv li jikkostitwixxi, meħud kollu kemm hu, ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 ( 4 ), il-Qorti tal-Ġustizzja għal darb’oħra hija mitluba tiddeċiedi dwar l-interazzjoni bejn dawn iż-żewġ regolamenti, iżda din id-darba fil-każ ta’ taħlita ta’ materjali. |
|
3. |
Din il-kawża tiżvela numru ta’ problemi fir-redazzjoni u, għalhekk, fl-interpretazzjoni tat-testi applikabbli li ser nipprova nenfasizza. |
|
4. |
Fl-analiżi tiegħi ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex, filwaqt li ssegwi l-linja meħuda mis-sentenza ReFood, tiddeċiedi li t‑trasport ta’ taħlita ta’ prodotti sekondarji mill-annimali ma’ skart mhux perikoluż huwa suġġett għar-Regolament Nru 1069/2009 u b’mod iktar partikolari għad-dispożizzjonijiet applikabbli għall-kategorija ta’ prodotti sekondarji mill-annimali li taħtha jaqgħu l-prodotti sekondarji mill‑annimali li jinsabu f’din it-taħlita. |
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
1. Il-leġiżlazzjoni dwar l-iskart
a) Id-Direttiva 2008/98/KE
|
5. |
L-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2008/98/KE ( 5 ) jipprevedi: “Dawn li ġejjin għandhom jiġu eskluzi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva sal-punt li huma koperti minn leġiżlazzjoni Komunitarja oħra: […]
[…]” |
|
6. |
Skont l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, intitolat “Prodotti Sekondarji”: “1. Sustanza jew oġġett, li jirriżultaw minn proċess ta’ produzzjoni, li l-għan primarju tagħhom mhuwiex il-produzzjoni ta’ dak l-artikolu, jista’ jitqies li mhuwiex skart kif imsemmi fil-punt (1) ta’ l-Artikolu 3 iżda bħala prodott sekondarju biss jekk jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:
[…]” |
b) Ir-Regolament Nru 1013/2006
|
7. |
Il-premessa 11 tar-Regolament Nru 1013/2006 tiddikjara: “Huwa meħtieġ li tiġi evitata duplikazzjoni mar-[Regolament Nru 1774/2002] li diġà fih dispożizzjonijiet li jkopru l-kunsinna b’mod ġenerali, id-direzzjoni u l-moviment (il-ġbir, it-trasport, l-immaniġġar, l‑ipproċessar, l-użu, l-irkupru jew ir-rimi, iż-żamma ta’ records, id‑dokumenti ta’ akkumpanjament u t-traċċabbiltà) ta’ prodotti sekondarji ta’ l-annimali fi, lejn u mill-Komunità.” |
|
8. |
L-Artikolu 1(3)(d) ta’ dan ir-regolament jipprevedi: “Dan li ġej għandu jkun eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir‑Regolament: […]
[…]” |
|
9. |
L-Artikolu 2(35) tal-imsemmi regolament fih definizzjoni ta’ “vjeġġi illegali”, li tinkludi b’mod partikolari vjeġġi mingħajr in-notifiki meħtieġa lill‑awtoritajiet kompetenti kkonċernati jew mingħajr il-kunsens tagħhom. |
|
10. |
Skont l-Artikolu 12(1)(ċ) tal-istess regolament: “1. Fejn tiġi preżentata notifika dwar vjeġġ ta’ skart ippjanat destinat għall-irkupru, l-awtoritajiet kompetenti tad-destinazzjoni u tad-dispaċċ jistgħu, […] jagħmlu oġġezzjonijiet motivati bbażati fuq waħda jew aktar mir-raġunijiet imsemmija hawn taħt u skond it-Trattat: […]
[…]” |
2. Il-leġiżlazzjoni dwar il-prodotti sekondarji mill-annimali
a) Ir-Regolament Nru 1774/2002
|
11. |
L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1774/2002, intitolat “Definizzjonijiet”, kien jipprevedi: “1. Għall-għan ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw dawn id‑definizzjonijiet li ġejjin:
[…]
[…]” |
|
12. |
Skont l-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Il-Materjal ta’ Kategorija 3”, “[m]aterjal ta’ Kategorija 3 għandu jikkomprendi prodotti sekondarji ta’ l-annimali tad-deskrizzjoni li ġejja, jew xi materjal li jikkontjeni prodotti sekondarji bħal dawn”. It-termini “jew xi materjal li jikkontjeni prodotti sekondarji bħal dawn” kienu wkoll użati għad‑definizzjoni tal-materjal tal-Kategoriji 1 u 2, li jinsabu fl-Artikoli 4 u 5 ta’ dan l-istess regolament. |
b) Ir-Regolament Nru 1069/2009
|
13. |
Il-premessa 29 tar-Regolament Nru 1069/2009 tgħid: “Il-prodotti sekondarji tal-annimali u l-prodotti derivati għandhom jiġu kklassifikati fi tliet kategoriji li jirriflettu l-grad ta’ riskju li huma joħolqu għas-saħħa pubblika u tal-annimali, fuq il-bażi ta’ evalwazzjonijiet tar‑riskju. […]” |
|
14. |
L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jipprevedi: “Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dwar is-saħħa pubblika u dik tal‑annimali għall-prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati minnhom, biex jiġu milqugħa minn qabel u minimizzati r-riskji għas‑saħħa pubblika u dik tal-annimali li ġejjin minn dawn il-prodotti, u b’mod partikolari biex titħares is-sikurezza tal-katina tal-ikel u tal-għalf.” |
|
15. |
L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament jipprevedi: “Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id‑definizzjonijiet li ġejjin:
[…]” |
|
16. |
L-Artikoli 8, 9 u 10 tar-Regolament Nru 1069/2009 jiddefinixxu l-Kategoriji 1, 2 u 3 rispettivament. |
|
17. |
L-Artikolu 41 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Importazzjoni u transitu”, jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu: “B’deroga mill-paragrafu 1, l-importazzjoni u t-transitu ta’: […]
[…]” |
|
18. |
L-Artikolu 43 tal-imsemmi regolament, intitolat “Esportazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 5 tiegħu: “B’deroga mill-paragrafi 3 u 4, l-esportazzjoni ta’: […]
|
|
19. |
Skont l-Artikolu 48 tal-istess regolament, intitolat “Kontrolli għad-dispaċċ lejn Stati Membri oħrajn”: “1. Meta operatur ikun bi ħsiebu jibgħat materjal tal-Kategorija 1, materjal tal-Kategorija 2 u ikel ta’ laħam u għadam jew xaħam tal‑annimali li jkun ġej minn materjali tal-Kategorija 1 u Kategorija 2 lejn Stat Membru ieħor, għandu jinforma lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini u lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni għandu jiddeċiedi mal-applikazzjoni mill-operatur, f’perjodu speċifiku ta’ żmien:
2. Għandhom jiġu adottati formati għall-applikazzjonijiet minn operaturi msemmija fil-paragrafu 1 b’konformità mal-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 52(3). 3. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-oriġini għandha tinforma lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-destinazzjoni, permezz tas-sistema Traces b’konformità mad-Deċiżjoni 2004/292/KE [ ( 8 )], tad-dispaċċ ta’ kull konsenja mibgħuta lill-Istat Membru tad‑destinazzjoni, ta’:
[…] 6. Permezz ta’ deroga mill-paragrafi 1 sa 5, il-prodotti sekondarji tal‑annimali jew prodotti derivati msemmija fihom li tħalltu jew ġew ikkontaminati ma’ kwalunkwe skart elenkat bħala perikoluż fid-Deċiżjoni [2000/532] għandhom jintbagħtu lejn Stati Membri oħrajn suġġetti għar-rekwiżiti tar-Regolament […] Nru 1013/2006. […]” |
|
20. |
L-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 1069/2009 jipprevedi dan li ġej: “Ir-Regolament […] Nru 1774/2002 huwa b’dan imħassar b’effett mill-4 ta’ Marzu 2011. Ir-referenzi għar-Regolament […] Nru 1774/2002 għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament […]”. |
B. Id-dritt Olandiż
|
21. |
L-Artikolu 10.60(2) tal-Wet milieubeheer (il-Liġi dwar l‑Immaniġġar tal-Ambjent”) jipprevedi: “Hija pprojbita l-eżekuzzjoni ta’ operazzjonijiet kif mfissra fl‑Artikolu 2(35) tar-[Regolament Nru 1013/2006].” |
|
22. |
L-Artikolu 1.1(6) tal-Liġi dwar l-Immaniġġar tal-Ambjent jipprevedi: “[…] F’kull każ, il-materjali, taħlitiet jew oġġetti li huma prodotti sekondarji fis-sens tal-Artikolu 5 tad-[Direttiva 2008/98] ma humiex ikkunsidrati bħala skart meta dawn il-prodotti sekondarji jissodisfaw il‑kundizzjonijiet stabbiliti fl-artikolu ċċitat iktar ’il fuq u l-kriterji indikati għal dawn il-finijiet f’miżura ta’ implimentazzjoni adottata skont l‑imsemmi artikolu tad-[Direttiva 2008/98] jew f’regolament adottata mill‑Uffiċċju tal-Prosekutur tagħna.” |
III. Il-tilwimiet fil-kawżi prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
23. |
Fil-kuntest ta’ tliet proċeduri kriminali, l-Openbaar Ministerie (l‑Uffiċċju tal-Prosekutur, il-Pajjiżi l-Baxxi) jakkuża lill-kumpannija P.F. Kamstra Recycling BV u lil XN u YO, żewġ persuni fiżiċi li jaħdmu għal din il‑kumpannija (iktar ’il quddiem, flimkien, “Kamstra Recycling”), li, bejn l-10 ta’ Ġunju 2011 u d-19 ta’ Ġunju 2012, ittrasferixxew mill-Pajjiżi l‑Baxxi lejn il-Ġermanja, mingħajr notifika minn qabel lill-awtoritajiet kompetenti jew mingħajr il-kunsens tagħhom skont ir-Regolament Nru 1013/2006, taħlita ta’ salmura u ta’ tessuti tal-annimali, taħlita ta’ residwi ta’ xaħam u ta’ salmura, taħlita ta’ ħama tad-drenaġġ u ta’ skart ieħor (mhux magħruf), taħlita ta’ ħama tad-drenaġġ u ta’ skart (prodotti mill-ħalib), u taħlita ta’ ħama tat-trattament ta’ ilma tal-iskart u ta’ konċentrat tal-proteina. |
|
24. |
Il-qorti tar-rinviju tindika li, fil-każ ta’ mill-inqas waħda jew tnejn mit-taħlitiet ikkonċernati, dawn kienu jikkonsistu parzjalment fi prodotti sekondarji mill-annimali u parzjalment f’materjal ieħor, u li l-prodotti sekondarji mill-annimali, f’dan il-każ, kienu jikkonċernaw materjali tal‑Kategorija 3, fis-sens tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1069/2009. It-taħlitiet kienu intiżi sabiex jintużaw f’impjant ta’ produzzjoni ta’ bijogass fil-Ġermanja. Il-vjeġġi inkwistjoni fil-kawża prinċipali la kienu nnotifikati lill-awtoritajiet kompetenti u lanqas ingħata l-kunsens għalihom min-naħa tal-imsemmija awtoritajiet. |
|
25. |
Din il-qorti tirrileva li l-kwistjoni li tqum f’dawn il-kawżi hija dik dwar jekk il-vjeġġi ta’ taħlitiet imsemmija fl-akkużi jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1013/2006 jew f’dak tar-Regolament Nru 1069/2009. |
|
26. |
L-Uffiċċju tal-Prosekutur jikkunsidra li huwa applikabbli r‑Regolament Nru 1013/2006, peress li t-taħlitiet imsemmija fl-akkużi għandhom, kull waħda, jiġu kklassifikati bħala skart. Fl‑opinjoni tiegħu, il-kwistjoni dwar jekk humiex prodotti sekondarji mill‑annimali għandha tiġi evalwata skont il-kriterji msemmija fl‑Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/98, u abbażi tad-definizzjoni ta’ “prodotti sekondarji mill-annimali” li tinsab fil-punt 1 tal-Artikolu 3 tar‑Regolament Nru 1069/2009. |
|
27. |
Min-naħa l-oħra, l-akkużati jikkunsidraw li f’dan il-każ għandu jiġi applikat ir-Regolament Nru 1069/2009 u mhux ir-Regolament Nru 1013/2006 għaliex it-taħlitiet imsemmija fl-akkużi huma prodotti sekondarji mill-annimali. Fil-fatt, peress li hija kwistjoni ta’ prodott sekondarju mill-annimali, ir-Regolament Nru 1069/2009 jipprevali fuq ir-Regolament Nru 1013/2006. F’dan ir-rigward, l‑akkużati jibbażaw id-dikjarazzjoni li t-taħlitiet imsemmija huma prodotti sekondarji mill-annimali fuq id-definizzjoni ta’ “prodotti sekondarji mill-annimali” li tinsab fir-regolament antik dwar il-prodotti sekondarji mill-annimali, jiġifieri, ir-Regolament Nru 1774/2002. Skont dan l-aħħar regolament, il-kunċett ta’ “prodotti sekondarji mill-annimali” jinkludi wkoll “kull materjal/taħlita li tinkludi prodotti sekondarji mill‑annimali”. |
|
28. |
L-akkużati jirrikonoxxu li huwa minnu li r-Regolament Nru 1069/2009 issa jsemmi biss materjali li jinkludu prodotti sekondarji mill-annimali li għandhom jiġu kklassifikati bħala prodotti sekondarji mill-annimali. Madankollu, dan l-aħħar regolament ma kienx intiż sabiex jemenda d‑definizzjoni ta’ “prodotti sekondarji mill-annimali” li tinsab fir‑Regolament Nru 1774/2002. Insostenn ta’ din il-pożizzjoni, l‑akkużati rreferew għar-rapport tal-esperti tal-10 ta’ Marzu 2016, li ġie ordnat, fl-ewwel istanza, mir-rechtbank Gelderland (il-Qorti ta’ Gueldre, il‑Pajjiżi l-Baxxi). B’hekk, it-taħlitiet ta’ prodotti sekondarji mill‑annimali bl-esklużjoni ta’ taħlitiet ta’ prodotti sekondarji mill‑annimali li fihom skart perikoluż jaqgħu wkoll fid-definizzjoni ta’ “prodotti sekondarji mill-annimali”, li tinsab fir-Regolament Nru 1069/2009, mingħajr distinzjoni dwar il-proporzjon li l-prodotti sekondarji mill-annimali jirrapreżentaw fit-taħlita meta mqabbla ma’ materjali oħra. |
|
29. |
Peress li r-rechtbank Gelderland (il-Qorti ta’ Gueldre) segwit il‑parir mogħti fir-rapport tal-esperti, hija lliberat lill-akkużati mill-fatti li bihom kienu akkużati. L-Uffiċċju tal-Prosekutur għalhekk ippreżenta appell minn dawn is-sentenzi liberatorji quddiem il-qorti tar-rinviju. |
|
30. |
Qabel xejn, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar kif il-kunċett ta’ “prodotti sekondarji”, li jinsab fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/98, jirrelata mal-kunċett ta’ “prodotti sekondarji mill-annimali”, li jinsab fir-Regolament Nru 1069/2009. B’mod iktar preċiż, hija tistaqsi dwar jekk materjal, li ma jistax jiġi kklassifikat bħala prodott sekondarju, fis‑sens ta’ din id-direttiva, jistax xorta waħda jiġi kkunsidrat bħala “prodott sekondarju mill-animali”, fis-sens ta’ dan ir-regolament u, għalhekk, ikun eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1013/2006 skont l-Artikolu 1(3) tiegħu. |
|
31. |
Sussegwentement, skont il-qorti tar-rinviju, għandu jiġi interpretat l-Artikolu 1(3)(d) tar-Regolament Nru 1013/2006 sabiex jiġi stabbilit kif għandha tinftiehem l-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir‑regolament dwar “vjeġġi li huma suġġetti għar-rekwiżiti ta’ approvazzjoni tar-Regolament Nru 1069/2009”. F’dan ir-rigward, skont din il-qorti, tqum il-kwistjoni dwar jekk din l-esklużjoni tkoprix it‑trasport bejn Stat Membru u Stat Membru ieħor ta’ prodotti sekondarji mill-annimali irrispettivament mill-kategorija li fihom jaqgħu dawn il-materjali, jew jekk tkoprix biss it-trasport ta’ materjali msemmija fl-Artikolu 48 tar‑Regolament Nru 1069/2009, jiġifieri ta’ materjali tal-Kategorija 1, tal-materjali tal-Kategorija 2, ċerti prodotti derivati minnhom u proteini mill-annimali pproċessati derivati minn materjali tal-Kategorija 3. |
|
32. |
Finalment, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li hija għandha tagħmel id-domanda dwar jekk l-Artikolu 1(3)(d) tar-Regolament Nru 1013/2006 għandux jiġi interpretat fis-sens li huma wkoll koperti l-vjeġġi ta’ taħlitiet ta’ prodotti sekondarji mill-annimali u ta’ materjali oħra u, jekk fl-affermattiv, jekk il-proporzjon li l-prodotti sekondarji mill-annimali jirrappreżentaw fit-taħlita meta mqabbla mal-materjali l-oħra hijiex rilevanti. |
|
33. |
Skont din il-qorti, f’dan ir-rigward, għandu jiġi stabbilit jekk id‑definizzjoni ta’ “prodotti sekondarji mill-annimali” li tinsab fir‑Regolament Nru 1069/2009 kinitx intiża sabiex temenda b’mod sostantiv dik li tinsab fir-Regolament Nru 1774/2002, fis-sens li kwantità ta’ materjali mħallta ma’ kwantità ta’ prodott sekondarju minn annimali, tkun xi tkun il-proporzjon bejn iż-żewġ kwantitajiet, ma tistax tibqa’ tiġi kklassifikata bħala “prodott sekondarju mill-animali”, b’tali mod li l-vjeġġ ta’ tali taħlita jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar‑Regolament Nru 1013/2006. |
|
34. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Gerechtshof Arnhem-Leeuwarden (il‑Qorti tal-Appell ta’ Arnhem-Leeuwarden) iddeċidiet li tissospendi l‑proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi segwenti lill-Qorti tal‑Ġustizzja:
|
|
35. |
Id-deċiżjoni tar-rinviju, datata 19 ta’ Diċembru 2018, waslet fir‑Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Jannar 2019. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Kamstra Recycling, mill‑Uffiċċju tal-Prosekutur, mill-Gvern Olandiż, mill-Gvern Franċiż, u minn dak Awstrijak kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. L-istess partijiet u persuni kkonċernati, bl-eċċezzjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur u tal-Gvern Awstrijak, ġew irrappreżentati waqt is-seduta għas‑sottomissjonijiet orali li saret fl-4 ta’ Diċembru 2019. |
IV. Analiżi
|
36. |
Ser neżamina kull waħda mit-tliet domandi preliminari, waħda wara l-oħra, filwaqt li qabel xejn nenfasizza li t-tieni domanda tirrepeti essenzjalment id-domanda li għaliha l-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet fis‑sentenza ReFood, risposta li madankollu l-qorti tar-rinviju ma kellhiex, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja tat id-deċiżjoni tagħha wara li ntbagħtet it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari. |
A. Fuq l-ewwel domanda
|
37. |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-definizzjoni ta’ “prodotti sekondarji mill‑annimali” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1069/2009 għandhiex tinqara flimkien mad-definizzjoni ta’ “prodott sekonodarju” li tinsab fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/98 b’tali mod li fil-kunċett ta’ “prodotti sekondarji mill-annimali” jaqa’ biss materjal li huwa wkoll “prodott sekondarju” fis-sens ta’ din id-direttiva. |
|
38. |
Analiżi taż-żewġ kunċetti turi li dawn ma humiex relatati. |
|
39. |
L-ewwel nett, id-definizzjonijiet tagħhom la jikkoinċidu b’xi mod u lanqas jirreferu għal xulxin. “Prodott sekondarju”, fis-sens tal‑Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/98, huwa sustanza jew prodott li jirriżulta minn proċess ta’ produzzjoni li jissodisfa numru ta’ kundizzjonijiet ( 9 ). Il-“prodotti sekondarji mill-annimali” huma ddefiniti b’mod awtonomu fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1069/2009 bħala iġsma jew partijiet ta’ annimali, prodotti li ġejjin mill-annimali, li ma humiex maħsuba għall-konsum mill-bniedem, inklużi l-ooċiti, l‑embrijuni u s-semen. |
|
40. |
It-tieni nett, il-kunċett ta’ “prodott sekondarju” fis-sens tal‑Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/98 huwa ddefinit b’kuntrast mal‑kunċett ta’ “skart” fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva. Dan l-Artikolu 5 fil-fatt jipprevedi b’mod espress li “prodott sekondarju” ma huwiex skart. Għall-kuntrarju, il-“prodotti sekondarji mill-annimali” fis‑sens tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1069/2009 jistgħu jkunu “skart” fis-sens ta’ dan l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2008/98, kif jirriżulta mill‑Artikoli 12, 13 u 14 tar-Regolament Nru 1069/2009. Konsegwentement, sustanza tista’ tkun “prodott sekondarju mill‑annimali”, li tissodisfa l-kunċett ta’ “skart”, mingħajr ma tkun “prodott sekondarju” fis-sens tad-Direttiva 2008/98. |
|
41. |
It-tielet nett, kif issostni l-Kummissjoni, jistgħu jiġu kkunsidrati bħala “prodott sekondarju” fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/98 biss sustanza jew oġġett li dwarhom hemm ċertezza li ser jintużaw ulterjorment mingħajr trattament addizzjonali ieħor minbarra l-prattiċi industrijali normali. Dan jeskludi li l-“prodott sekondarju” ikun l-oġġett ta’ pproċessar, b’mod partikolari permezz ta’ sterelizzazzjoni, minkejja li tali pproċessar huwa speċifikatament maħsub fil-każ ta’ “prodotti sekondarji mill-annimali” ( 10 ). |
|
42. |
Ir-raba’ nett, id-Direttiva 2008/98 tindika b’mod espress ( 11 ) li hija ma tapplikax għall-prodotti sekondarji mill-annimali koperti bir-Regolament Nru 1069/2009 ( 12 ), bl-eċċezzjoni ta’ dawk li huma intiżi għall‑inċinerazzjoni, għar-radam jew għall-użu f’impjant ta’ bijogass jew ta’ kompostaġġ. F’dawn it-tliet każijiet, id-Direttiva 2008/98 tapplika għall-“prodotti sekondarji mill-annimali”, mingħajr ma hemm riferiment għall-kunċett ta’ “prodott sekondarju” fis-sens tal-Artikolu 5 ta’ din id‑direttiva. |
|
43. |
Minn dan isegwi li materjal li ma huwiex “prodott sekondarju” fis‑sens tad-Direttiva 2008/98 jista’ madankollu jkun “prodott sekondarju mill-annimali” fis-sens tar-Regolament Nru 1069/2009. |
|
44. |
Nenfasizza li din l-interpretazzjoni hija konformi mal-għan tar‑Regolament Nru 1069/2009 li huwa intiż sabiex jistabbilixxi qafas kompet relatat mat-trasport ta’ prodotti sekondarji mill-annimali ( 13 ). |
|
45. |
Konsegwentement, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għall-ewwel domanda billi tiddikjara li d-definizzjoni ta’ “prodotti sekondarji mill-annimali”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tar‑Regolament Nru 1069/2009, hija indipendenti mid-definizzjoni ta’ “prodott sekondarju” li tinsab fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/98, b’tali mod li materjal jista’ jkun “prodott sekondarju mill-annimali” mingħajr ma jkun “prodott sekondarju” fis-sens ta’ din id-direttiva. |
B. Fuq it-tieni domanda
|
46. |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja kif għandu jiġi interpretat l‑Artikolu 1(3)(d) tar-Regolament Nru 1013/2006. B’dan il-mod, din il‑qorti tistaqsi jekk il-vjeġġi kollha ta’ prodotti sekondarji mill‑annimali, tkun xi tkun il-kategorija li fiha huma jaqgħu, humiex esklużi mir-Regolament Nru 1013/2006 jew jekk humiex biss uħud minn dawn il-vjeġġi li huma esklużi minn dan ir-regolament. Din id‑domanda kienet preċiżament is-suġġett ta’ talba għal deċiżjoni preliminari fis-sentenza ReFood, li fiha jiena ppreżentajt konklużjonijiet ( 14 ) u li wasslet għas-sentenza bl-istess isem. Kif indikajt fil‑punt 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet, din ġiet deċiża wara li l-Qorti tal‑Ġustizzja ġiet adita b’din il-kawża. |
|
47. |
Konsegwentement, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tfakkar dak li hija ddeċidiet fil-punt 62 tas-sentenza ReFood, jiġifieri li l‑Artikolu 1(3)(d)tar-Regolament Nru 1013/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-vjeġġi ta’ prodotti sekondarji mill-annimali li jaqgħu taħt ir-Regolament Nru 1069/2009 huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1013/2006, ħlief fil-każijiet fejn ir‑Regolament Nru 1069/2009 jipprevedi espressament l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1013/2006. |
|
48. |
Il-każijiet inkwistjoni jinsabu fl-Artikolu 41(2)(b), fl‑Artikolu 43(5)(b), u fl-Artikolu 48(6) tar-Regolament Nru 1069/2009. Dawn jirrigwardaw kollha kemm huma taħlitiet ta’ prodotti sekondarji mill-annimali ma’ prodotti perikolużi. |
C. Fuq it-tielet domanda
|
49. |
Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi kif għandu jiġi ttrattat it-trasport tat-taħlitiet, bħal dawk inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, ta’ prodotti sekondarji mill-annimali ( 15 ) ma’ materjali oħra, f’dan il-każ skart mhux perikoluż. Hija essenzjalment tistaqsi jekk ir‑Regolament Nru 1069/2009, eżaminat fid-dawl tal-Artikolu 1(3)(d) tar-Regolament Nru 1013/2006, għandux jiġi interpretat fis-sens li japplika għal taħlita ta’ prodotti sekondarji mill-annimali ma’ materjali oħra li jikkostitwixxu skart mhux perikoluż, tkun xi tkun il-proporzjon ta’ prodotti sekondarji mill-annimali f’din it-taħlita. |
|
50. |
Ir-risposta tqajjem ċerti diffikultajiet kif jidher mill-osservazzjonijiet diverġenti li ġew sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja, kemm matul il-fażi bil-miktub kif ukoll matul il-fażi orali tal-proċedura. |
|
51. |
Dawn id-diffikultajiet huma relatati mal-fatt li r-Regolament Nru 1069/2009 ma jittrattax b’mod espress il-kwistjoni tat-taħlitiet ta’ prodotti sekondarji mill-annimali u ta’ skart mhux perikoluż, mal-fatt li d‑definizzjoni ta’ prodotti sekondarji mill-annimali f’dan ir-regolament tqajjem mistoqsijiet dwar l-applikazzjoni tar-regolament għal dawn it‑taħlitiet u mal-fatt li r-rabta mar-Regolament Nru 1013/2006 f’dak li jirrigwarda skart mhux perikoluż ma hijiex ċara. |
|
52. |
Il-kwistjoni tqum fil-kuntest segwenti. Impriża wettqet it-trasport, mill-Pajjiżi l-Baxxi, ta’ ħama tad-drenaġġ ( 16 ) b’mod partikolari, li f’dan il-każ huwa skart mhux perikoluż, li tħallat ma’ prodott sekondarju mill‑annimali tal-Kategorija 3, sabiex jiġu pproċessati f’impjant ta’ bijogass fil-Ġermanja. Skont jekk din it-taħlita hijiex ikkunsidrata bħala prodott sekondarju mill-annimali, bħala skart, jew bħala t-tnejn, it‑trasport tagħha huwa rregolat mir-Regolament Nru 1069/2009 jew mir‑Regolament Nru 1013/2006, jew inkella, minn dawn iż-żewġ regolamenti. |
|
53. |
Il-kwistjonijiet prattiċi huma importanti. Mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Uffiċċju tal-Prosekutur jirriżulta li l-ħama inkwistjoni, ikkunsidrat bħala tali u għalhekk mhux assoċjat mal-prodotti sekondarji mill-annimali, huwa kkunsidrat bħala “skart” u l-vjeġġ tiegħu huwa suġġett għall‑proċedura ta’ notifika u ta’ kunsens minn qabel prevista mir‑Regolament Nru 1013/2006. Jekk, wara li jkun tħallat ma’ prodott sekondarju mill-annimali tal-Kategorija 3, huwa kkunsidrat bħala prodott sekondarju mill-annimali ta’ din il-kategorija u huwa suġġett għar‑Regolament Nru 1069/2009 biss, għat-trasport tiegħu huma meħtieġa biss dokument kummerċjali bid-dettalji tan-natura tal-materjali kkonċernati u, jekk ikun il-każ, ċertifikat tas-saħħa ( 17 ) u proċedura ta’ notifika u ta’ kunsens ma tkunx neċessarja. Il-proċedura hija għalhekk sinjifikattivament iktar oneruża jekk ikun applikabbli r‑Regolament Nru 1013/2006 ( 18 ). |
|
54. |
Sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula, ir‑Regolament Nru 1069/2009 għandu jiġi interpretat fid-dawl tas‑sentenza ReFood, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-kliem tiegħu, l-għan tiegħu u l-istruttura tiegħu. |
1. Il-gwida fis-sentenza ReFood
|
55. |
Il-kawża li wasslet għal din is-sentenza kienet tirrigwarda t-trasport minn Stat Membru ta’ prodott sekondarju mill-annimali tal-kategorija 3, jiġifieri skart mill-catering, li jaqa’ taħt l-Artikolu 10(p) tar-Regolament Nru 1069/2009, intiż sabiex jiġi ttrattat f’impjant ta’ bijogass li jinsab fi Stat Membru ieħor. Il-qorti tar-rinviju staqsiet jekk dan il-vjeġġ kienx irregolat mir-Regolament Nru 1013/2006 u, għalhekk, fid-dawl tan‑natura tal-iskart inkwistjoni, suġġett għall-proċedura ta’ notifika u kunsens minn qabel, jew mir-Regolament Nru 1069/2009 u għal proċedura inqas restrittiva. Peress li r-risposta kienet tiddependi fuq l‑interpretazzjoni tal-Artikolu 1(3)(d) tar-Regolament Nru 1013/2006, hija staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar din il-kwistjoni. |
|
56. |
Kif tfakkar fil-punt 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 1(3)(d) tar-Regolament Nru 1013/2006 jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir‑regolament il-vjeġġi ta’ prodotti sekondarji mill-annimali li jaqgħu fir-Regolament Nru 1069/2009, ħlief fil-każijiet fejn dan l-aħħar regolament jipprevedi espressament l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1013/2006 ( 19 ). Hija kkonstatat li dan kien il-każ ta’ taħlitiet ta’ prodotti sekondarji mill‑annimali ma’ skart perikoluż, li huma espressament imsemmija fir-Regolament Nru 1069/2009 bħala li huma koperti bir-Regolament Nru 1013/2006 ( 20 ). Għall-kuntrarju, hija enfasizzat li t-trasport ta’ prodott sekondarju mill-annimali tal‑Kategorija 3 ma jinsabx fost il-każijiet espressament imsemmija fir‑Regolament Nru 1069/2009 u, għalhekk, ma jaqax taħt l‑applikazzjoni tar-Regolament Nru 1013/2006 ( 21 ). |
|
57. |
Minn din is-sentenza, għandu jiġi dedott li t-taħlitiet ta’ prodotti sekondarji mill-annimali u ta’ skart mhux perikoluż, peress li ma humiex espressament imsemmija f’dawn il-każijiet, ma jaqgħux taħt ir‑Regolament Nru 1013/2006, iżda taħt ir-Regolament Nru 1069/2009? |
|
58. |
Din hija l-opinjoni ta’ Kamstra Recycling, tal-Gvern Olandiż u tal‑Kummissjoni. L-ewwel tnejn jikkunsidraw li, peress li din hija prodott sekondarju mill-annimali tal-kategorija 3 imħallat ma’ skart mhux perikoluż, it-taħlita taqa’ taħt din l-istess kategorija. Il‑Kummissjoni tikkunsidra li t-trasport ta’ tali taħlita għandu jiġi ttrattat bħala li jaqa’ taħt il-Kategorija 2. Il-Gvern Franċiż iqis, min-naħa tiegħu, li l-vjeġġ ta’ tali taħlitiet huwa suġġett għar-Regolament Nru 1069/2009, fir-rigward tal-prodotti sekondarji mill-annimali li dawn it-taħlitiet fihom, u għar‑Regolament Nru 1013/2006 fir-rigward tal-materjal l-ieħor li jikkostitwixxi skart mhux perikoluż li jifforma parti minnhom ( 22 ). |
|
59. |
Kif tenfasizza l-qorti tar-rinviju, jeżisti dubju minħabba l-bidla li saret fid-definizzjoni “prodotti sekondarji mill-annimali” u ta’ “kategorija” ta’ prodotti sekondarji mill-annimali, wara t-tħassir u s‑sostituzzjoni tar‑Regolament Nru 1774/2002 bir-Regolament Nru 1069/2009. Dan tal-aħħar ma jidhirx li jkopri b’mod ċar tali taħlitiet fid-definizzjonijiet tiegħu ( 23 ). |
|
60. |
Jiena nqis li s-sentenza ReFood li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat fid-dettall ir-Regolament Nru 1069/2009, fid-dawl tar‑Regolament Nru 1013/2006 u tad-Direttiva 2008/98, tagħti l-għodda sabiex id-domanda mqajma fil-punt 57 ta’ dawn il-konklużjonijiet tingħata risposta fl-affermattiv. |
|
61. |
Madankollu, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-qafas ta’ din is‑sentenza, ma kellhiex l-okkażjoni li tittratta l-problema ta’ taħlitiet ta’ prodotti sekondarji mill-annimali ma’ skart mhux perikoluż, jeħtieġ li din tiġi eżaminata billi jiġu esposti d-dubji li jqumu mill-kliem tar‑Regolament Nru 1069/2009. |
2. Id-dubji mqajma mid-definizzjoni ta’ “prodotti sekondarji mill‑annimali” u ta’ “kategoriji”
|
62. |
Il-prodotti sekondarji mill-annimali huma ddefiniti fl‑Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1069/2009 bħala iġsma jew partijiet ta’ annimali, prodotti li ġejjin mill-annimali, li ma humiex maħsuba għall-konsum mill-bniedem, inklużi l-ooċiti, l-embrijuni u s-semen. |
|
63. |
Il-kunċett ta’ “prodotti sekondarji mill-annimali” mogħti fir‑Regolament Nru 1774/2002, minkejja li huwa qrib din id-definizzjoni, kellu differenza inkwantu kien jirreferi għall-Artikoli 4, 5 u 6 ta’ dan ir‑regolament li kienu jiddefinixxu tliet kategoriji ta’ prodotti sekondarji mill-annimali ( 24 ). Dawn id-definizzjonijiet kienu jinkludu fir-rigward ta’ kull kategorija mhux biss lista ta’ prodotti sekondarji mill-annimali msemmija speċifikatament iżda wkoll “xi materjal li jikkontjeni prodotti sekondarji bħal dawn ( 25 ). |
|
64. |
B’hekk, taħt ir-Regolament Nru 1774/2002, kien possibbli u barra minn hekk ma huwiex ikkontestat li skart mhux perikoluż, bħall-ħama tad-drenaġġ, li miegħu jitħalltu prodotti sekondarji mill-annimali, jikkostitwixxu prodotti sekondarji mill-annimali peress li jifformaw parti mill-“materjal[i] li jikkontjenu prodotti sekondarji bħal dawn”. |
|
65. |
L-Artikoli 8, 9 u 10 tar-Regolament Nru 1069/2009 li jirriproduċu, b’emendi, dawn it-tliet kategoriji ta’ materjali, jinkludu wkoll listi simili ta’ prodotti sekondarji mill-annimali speċifikatament imsemmija, iżda ma għadx fihom “xi materjal li jikkontjeni prodotti sekondarji bħal dawn”. |
|
66. |
Wara l-bdil introdott fid-definizzjoni ta’ “kategoriji” ta’ prodotti sekondarji mill-annimali, il-kwistjoni tqum dwar jekk tali taħlitiet għadhomx jikkostitwixxu prodotti sekondarji mill-annimali jew jekk il‑leġiżlatur xtaqx jeskludi mir-Regolament Nru 1069/2009 it-taħlitiet ta’ tali prodotti sekondarji ma’ materjali oħra. |
|
67. |
Hekk kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, interpretazzjoni letterali tar‑regolament ibbażata biss fuq dawn id-definizzjoni twassal sabiex teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar it-taħlitiet ta’ prodotti sekondarji mill-annimali ma’ materjali oħra, iżda t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dispożizzjonijiet oħra tar-regolament, b’mod partikolari dawk li jirreferu għat-taħlitiet ta’ prodotti sekondarji mill‑annimali ma’ skart perikoluż, u l-oriġini tagħhom jistgħu jipprekludu tali konklużjoni. |
|
68. |
Konsegwentement, għandu jsir riferiment għal dawn id‑dispożizzjonijiet l-oħra, li ġew eżaminati fis-sentenza ReFood, kif ukoll għall-oriġini tar-Regolament Nru 1069/2009, fit-taqsima segwenti. |
3. Id-dispożizzjonijiet relatati mat-taħlitiet ta’ prodotti sekondarji mill-annimali u ta’ skart perikoluż
|
69. |
It-taħlitiet ta’ prodotti sekondarji mill-annimali ma’ skart perikoluż huma msemmija fl-Artikolu 41(2)(b), fl-Artikolu 43(5)(b) u fl‑Artikolu 48(6) tar-Regolament Nru 1069/2009. Moqrija fid-dawl tax‑xogħol preparatorju, dawn id-dispożizzjonijiet jippermettu li tiġi dedotta l-pożizzjoni tal-leġiżlatur f’dak li jirrigwarda t-trasport ta’ taħlitiet ta’ dawn il-prodotti sekondarji ma’ skart mhux perikoluż. |
|
70. |
Kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-punti 53 u 54 tas-sentenza ReFood, dawn id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu deroga mill‑applikazzjoni tar-Regolament Nru 1069/2009 billi jipprevedu li t‑trasport ta’ taħlitiet ta’ dawn il-prodotti sekondarji ma’ skart perikoluż huwa suġġett għar-Regolament Nru 1013/2006. |
|
71. |
Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet a contratio fil-punt 55 ta’ din is-sentenza li, minbarra l-każijiet espressament imsemmija f’dawn id‑dispożizzjonijiet, il-vjeġġ ta’ prodotti sekondarji mill-annimali ma jaqax taħt l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1013/2006. |
|
72. |
Għandu jiġi kkunsidrat, fid-dawl tax-xogħol preparatorju tar‑Regolament Nru 1069/2009, li din il-konklużjoni hija applikabbli għall-vjeġġi ta’ taħlitiet ta’ prodotti sekondarji mill-annimali ma’ skart mhux perikoluż, peress li dawn it-taħlitiet ma kinux imsemmija espressament f’dawn l-istess dispożizzjonijiet. |
|
73. |
Fil-fatt, kif jirriżulta minn dan ix-xogħol preparatorju ( 26 ), proposta ta’ emenda tal-portata tad-derogi previsti fl-Artikoli 41, 43 u 48, tar-Regolament Nru 1069/2009 kienet ġiet ippreżentata lill-Parlament Ewropew. L‑emendi proposti ( 27 ) kienu jipprevedu li t-taħlitiet ta’ prodotti sekondarji mill‑annimali ma’ kull skart, perikoluż jew le, ma jkunux importati fl‑Unjoni jew esportati ’l barra minnha, ma jgħaddux minnha jew jintbagħtu minn Stat Membru għal ieħor jekk mhux b’mod konformi mar-Regolament Nru 1013/2006. |
|
74. |
Filwaqt li rrifjuta dawn l-emendi, għandu jiġi kkonstatat li l‑Parlament, u, għalhekk, il-leġiżlatur ( 28 ), eżamina l-kwistjoni tas-sistema applikabbli għall-vjeġġ ta’ taħlitiet ta’ prodotti sekondarji mill‑annimali ma’ skart mhux perikoluż u li huwa deliberatament eskluda li l-vjeġġ tagħhom ikun suġġett għar-Regolament Nru 1013/2006. |
|
75. |
Inżid li, billi għamel hekk, il-leġiżlatur ma eskludiex dawn it‑taħlitiet mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1069/2009, iżda biss mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-deroga. Minn dan isegwi li dan ir-regolament ikopri t‑taħlitiet kemm ma’ skart perikoluż kif ukoll ma’ skart mhux perikoluż, iżda li huwa biss il-vjeġġ tal-ewwel tip ta’ taħlita li huwa suġġett għar‑Regolament Nru 1013/2006. |
|
76. |
Nenfasizza li ma hemm xejn fix-xogħol preparatorju li jindika li, billi emenda d-definizzjonijiet ta’ “prodotti sekondarji mill-annimali” u ta’ “kategoriji” ta’ prodotti sekondarji mill-annimali, il-leġiżlatur ried jemenda l-portata tar-Regolament Nru 1069/2009 f’dak li jirrigwarda dawn it-taħlitiet ma’ skart mhux perikoluż. Il-proposta inizjali tal‑Kummissjoni li fuqha l-Parlament u l-Kunsill ħadmu użat definizzjonijiet simili għal dawk li jinsabu fir-Regolament Nru 1774/2002 u l-“kategoriji” kienu b’hekk jinkludu “xi materjal li jikkontjeni prodotti sekondarji bħal dawn”. Ir-rapport tat-2 ta’ Marzu 2009, eżaminat mill-Parlament ( 29 ), kien għadu jinkludi, essenzjalment, dawn l-istess definizzjonijiet. Dawn ma ġewx emendati ħlief fil‑pożizzjoni tal-Parlament meħuda fl-ewwel qari, tax-xahar ta’ April ta’ wara, pożizzjoni li magħha jikkorrispondi r-Regolament Nru 1069/2009 fil-verżjoni finali tiegħu, mingħajr ma ngħatat l-ebda spjegazzjoni għal dan il-bdil ta’ definizzjonijiet. |
|
77. |
B’hekk jidher li l-bidliet li saru fid-definizzjonijiet ta’ prodotti sekondarji mill-annimali u ta’ kategoriji ta’ prodotti sekondarji mill‑annimali ma kellhomx effett fuq il-kwistjoni tal-applikazzjoni tar‑Regolament Nru 1069/2009 għat-taħlitiet ta’ prodotti sekondarji mill‑annimali ma’ skart mhux perikoluż. |
|
78. |
L-għan tar-Regolament Nru 1069/2009 u l-istruttura tad‑dispożizzjonijiet tiegħu jikkorroboraw ukoll din l-analiżi. |
|
79. |
Fir-rigward tal-għanijiet tar-Regolament Nru 1069/2009, infakkar, fl-ewwel lok, li mill-premessi 5 u 6 tar-Regolament Nru 1069/2009 jirriżulta li l-leġiżlatur impenja ruħu sabiex jistabbilixxi qafas koerenti u komplet ta’ regoli sanitarji applikabbli għall-prodotti sekondarji mill-annimali, b’mod partikolari għat-trasport tagħhom, li huma proporzjonati mar-riskji sanitarji u li jieħdu inkunsiderazzjoni r‑riskji għall-ambjent ( 30 ). Ir-Regolament Nru 1069/2009 b’hekk jikkostitwixxi leġiżlazzjoni speċifika, jiġifieri lex specialis, meta mqabbel mar-Regolament Nru 1013/2006, li jinkludi t-trattament kollu ta’ prodotti sekondarji mill-annimali. |
|
80. |
Fit-tieni lok, hekk kif jirriżulta mill-premessa 11 tar-Regolament Nru 1013/2006 u mill-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2008/98, il-leġiżlatur fittex li jevita s-sovrappożizzjoni bejn ir-Regolament Nru 1069/2009 u r‑Regolament Nru 1013/2006, u, fl-istess ħin, id-duplikazzjonijiet inutili filwaqt li neħħa, fil-prinċipju, it-trasport tal-prodotti sekondarji mill‑annimali mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal‑iskart ( 31 ). |
|
81. |
Filwaqt li reġgħet semmiet dawn l-elementi ċentrali fl-analiżi tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 56 tas-sentenza ReFood, iddeċidiet li l-leġiżlatur ried, permezz tar-Regolament Nru 1069/2009 jistabbilixxi “qafas komplet ta’ regoli applikabbli għat-trasport tal-prodotti sekondarji tal-annimali u jneħħi, ħlief b’deroga espressa, il-vjeġġi tal-prodotti sekondarji tal-annimali li huwa jkopri bl-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1013/2006”. Fi kliem ieħor, l-intenzjoni tal-leġiżlatur kienet li r‑Regolament Nru 1069/2009 jkopri l-vjeġġi ta’ prodotti sekondarji mill-annimali inklużi t-taħlitiet mal-iskart, filwaqt li jissuġġetta għas-sistema partikolari tar-Regolament Nru 1013/2006 il-vjeġġi ta’ taħlitiet ta’ prodotti sekondarji mill-annimali ma’ skart perikoluż. |
|
82. |
L-istruttura tar-Regolament Nru 1069/2009 tmur ukoll f’din id‑direzzjoni. Billi ppreveda regoli għat-trasport kollu ta’ prodotti sekondarji mill-annimali tal-Kategorija 3, l-inqas perikoluża, sat-taħlitiet ma’ skart perikoluż, għall-prodotti sekondarji mill-annimali tal‑Kategoriji 2 u 1, il-leġiżlatur ried ikopri s-sitwazzjonijiet kollha relatati mat‑trasport ta’ prodotti sekondarji mill-annimali, inklużi, konsegwentement, it-taħlitiet ma’ skart mhux perikoluż. |
|
83. |
It-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn tal-aħħar mir-Regolament Nru 1069/2009 huwa wkoll ikkorroborat mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 142/2011 ( 32 ). Fil-fatt, ir-Regolament Nru 142/2011, fil-Kapitolu III tal‑Anness VIII tiegħu, fih mudell tad-dokument kummerċjali li għandu jimtela mit-trasportaturi, u li jsemmi b’mod espress, fost il-merkanzija li għalih japplika, it-taħlitiet ta’ prodotti sekondarji mill-annimali ma’ skart mhux perikoluż ( 33 ). |
|
84. |
B’hekk, minkejja inċertezzi maħluqa bil-bidla fid-definizzjonijiet ta’ prodotti sekondarji mill-annimali u tal-kategoriji ta’ prodotti sekondarji mill-annimali, mir-regoli kollha previsti fir-Regolament Nru 1069/2009 jirriżulta li dan ir-regolament jikkonċerna, bħar‑Regolament Nru 1774/2002 ta’ qablu, it-trasport kollu ta’ prodotti sekondarji mill-annimali mhux maħsuba għall-konsum mill‑bniedem, inklużi t-taħlitiet ta’ ċertu materjal ma’ skart mhux perikoluż u li dawn it-taħlitiet għandhom bħal qabel jiġu kkunsidrati li huma prodotti sekondarji mill-annimali. |
|
85. |
F’dan l-istadju tal-analiżi, għandhom jiġu speċifikati l‑konklużjonijiet li għandhom jiġu misluta mill-applikazzjoni tar‑Regolament Nru 1069/2009 fir-rigward tat-taħlitiet ta’ prodotti sekondarji mill-annimali ma’ skart mhux perikoluż. |
4. Il-konsegwenzi li jirriżultaw mill-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1069/2009
|
86. |
Fl-opinjoni tiegħi, mill-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1069/2009 jirriżulta li t-trasport ta’ taħlitiet ta’ prodotti sekondarji mill-annimali ma’ skart mhux perikoluż għandu jsegwi r-regoli applikabbli għall-kategorija li fiha jaqgħu l-prodotti sekondarji mill‑annimali inkwistjoni. B’hekk, fir-rigward, bħal fil-każ tal-kawża prinċipali, ta’ taħlitiet ta’ prodotti sekondarji mill-annimali tal‑Kategorija 3 ma’ skart mhux perikoluż, japplikaw ir-regoli applikabbli għat‑trasport ta’ din il-kategorija ta’ prodotti sekondarji mill-annimali. |
|
87. |
Din il-konklużjoni tirriżulta mill-kliem stess tar-Regolament Nru 1069/2009. B’hekk, dan ir-regolament jistabbilixxi r-regoli applikabbli għall-prodotti sekondarji mill-annimali kollha, tkun xi tkun il-kategorija tagħhom ( 34 ), u dawk li japplikaw b’mod speċifiku għall‑prodotti sekondarji mill-annimali skont il-kategoriji tagħhom ( 35 ). |
|
88. |
Għalhekk ma naqbilx mal-opinjoni tal-Gvern Franċiż, li t-trasport ta’ dawn it-taħlitiet huwa suġġett għal applikazzjoni parallela tar‑Regolament Nru 1069/2009 u tar-Regolament Nru 1013/2006, u lanqas ma’ dik tal-Kummissjoni, li dan it-trasport huwa rregolat mir‑regoli applikabbli għall-prodotti sekondarji mill-annimali tal‑Kategorija 2. Għar-raġunijiet li ser nispjega iktar ’il quddiem, nikkunsidra li l-interpretazzjonijiet li huma jipproponu għandhom l-effett li jżidu r-restrizzjonijiet fuq l-operaturi ekonomiċi f’sens li ma huwiex previst mir-Regolament Nru 1069/2009. |
a) Fuq l-applikazzjoni parallela ta’ żewġ regolamenti
|
89. |
Il-Gvern Franċiż indika li, fl-opinjoni tiegħu, it-taħlitiet ta’ prodotti sekondarji mill-annimali ma’ skart mhux perikoluż huma suġġetti għal applikazzjoni parallela ta’ żewġ regolamenti. Dan il-gvern spjega li, kieku kien applikabbli biss ir-Regolament Nru 1069/2009, Franza ma tkunx f’pożizzjoni li toġġezzjona għall-vjeġġ lejn it-territorju tagħha ta’ ħama tad-drenaġġ imħallat ma’ prodotti sekondarji mill‑annimali li ġejjin minn Stati Membri oħra, sabiex jinfirex id-demel, kif tista’ tagħmel abbażi tal‑Artikolu 12(1)(ċ) tar-Regolament Nru 1013/2006 ( 36 ). L-imsemmi gvern espona wkoll ir-riskju li taħlita ta’ ħama tad-drenaġġ ma’ skart ta’ supermarket ma tiġix ittrasportata fi Franza għal tali għanijiet mingħajr ma tiġi osservata l-leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi regoli stretti f’dan il-qasam. Fin-nuqqas ta’ notifika ta’ dan it‑trasport skont ir-Regolament Nru 1013/2006, l-awtoritajiet kompetenti ta’ destinazzjoni ma jkunux jafu dwar dan it-trasport u ma jkunux jistgħu jissuġġettawh għal ċerti kundizzjonijiet, jew saħansitra jipprojbixxu l‑espedizzjoni tiegħu. |
|
90. |
Madankollu, nikkunsidra li applikazzjoni parallela ta’ dawn iż‑żewġ regolamenti għat-taħlitiet ta’ prodotti sekondarji mill-annimali ma’ skart mhux perikoluż ma hijiex possibbli. Qabel xejn, hija tneħħi s-sens tad-deroga relatata mat-taħlitiet ma’ skart perikoluż, għaliex, kif ġie espost hawn fuq, minn din id-deroga, moqrija fid-dawl tal-oriġini tagħha, jirriżulta li huwa biss it-trasport ta’ dawn tal-aħħar li huwa suġġett għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1013/2006 u li t‑trasport ta’ taħlitiet ma’ skart mhux perikoluż ma jaqax taħtu. Sussegwentement, minkejja li l-Gvern Franċiż jesprimi tħassib reali, dan ma għandux jiġġustifika applikazzjoni parallela ta’ żewġ regolamenti għaliex tali applikazzjoni ma hijiex sostnuta f’dawn it-testi, peress li t-trasport inkwistjoni jaqa’ barra mill-każijiet espressament previsti bir‑Regolament Nru 1069/2009 għall-applikazzjoni tar‑Regolament Nru 1013/2006 ( 37 ). Finalment, applikazzjoni ta’ żewġ regolamenti tmur kontra l-għanijiet segwiti mil-leġiżlatur sabiex jevita s‑sovrappożizzjoni ta’ leġiżlazzjonijiet. |
b) Fuq il-klassifikazzjoni tat-taħlitiet ikkonċernati fil-Kategorija 2
|
91. |
Il-Kummissjoni esponiet li, fl-opinjoni tagħha, it-trasport ta’ taħlitiet ta’ prodotti sekondarji mill-annimali tal-Kategorija 3 ma’ skart mhux perikoluż jaqa’ taħt ir-regoli applikabbli għall-iskart ta’ Kategorija 2. Dawn ir-regoli iktar restrittivi msemmija fl-Artikolu 48(1) sa (5) tar-Regolament Nru 1069/2009, f’dak li jikkonċerna l-ispedizzjoni fl-Unjoni, jipprevedu b’mod partikolari l-informazzjoni minn qabel tal‑awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni. |
|
92. |
Din l-istituzzjoni ssostni li l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1069/2009, li jirregola l-materjali tal-Kategorija 2, jinkludi l‑pożizzjoni h), li tiġbor il-prodotti sekondarji mill-annimali minbarra l‑materjali tal-Kategoriji 1 jew 3. Din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi klassifikazzjoni residwali li tkopri l-materjali kollha li ma humiex inklużi b’mod ċar fil-Kategoriji 1 jew 3 u tkun tista’ tinkludi taħlitiet ma’ skart mhux perikoluż. Tali klassifikazzjoni ssegwi l-loġika tar-Regolament Nru 1069/2009 li tgħid li, peress li hemm diversi kategoriji involuti, għandhom japplikaw dawk li jipprevedu l-iktar sistema ristretta. |
|
93. |
Huwa ċertament veru li, fir-rigward ta’ taħlitiet ta’ materjali li jaqgħu f’kategoriji differenti, it-taħlita għandha tiġi kkunsidrata bħala li taqa’ fil-kategorija li timponi l-iktar sistema ristretta ( 38 ) u li dan l-approċċ jidher li jikkorrispondi mal-loġika applikabbli, b’mod ġenerali, fil-qasam tal-iskart ( 39 ). |
|
94. |
Madankollu, nenfasizza li l-leġiżlatur indika li bl-introduzzjoni tar-Regolament Nru 1069/2009 huwa xtaq inaqqas ir-restrizzjonijiet amministrattivi fuq l-operaturi ekonomiċi filwaqt li jżomm livell għoli ta’ protezzjoni sanitarja ( 40 ). Fl-opinjoni tiegħi, ma hemmx għaldaqstant lok li tiġi applikata sistema iktar ristretta barra mill-każijiet previsti minn dan ir‑regolament ( 41 ). Issa, jidhirli li l-Qorti tal-Ġustizzja tmur preċiżament lil hinn mill‑każijiet maħsuba mil-leġiżlatur jekk hija tikkunsidra li s-sistema tal‑Kategorija 2 għandha tiġi applikata għat-trasport ta’ taħlitiet ta’ prodotti sekondarji mill-annimali tal-Kategorija 3 ma’ skart mhux perikoluż. |
|
95. |
L-ewwel nett, ir-regoli dwar l-applikazzjoni tas-sistema l-iktar ristretta huma previsti biss għat-taħlitiet ta’ prodotti sekondarji mill-annimali ta’ kategoriji differenti ( 42 ), u mhux għal taħlitiet ta’ prodotti sekondarji mill-annimali ma’ materjali oħra. |
|
96. |
It-tieni nett, din il-kategorija residwali, li kienet diġà tinsab fir‑Regolament Nru 1774/2002 ( 43 ), tinkludi, skont il-kliem tagħha, il‑prodotti sekondarji mill-annimali minbarra l-materjali tal-Kategoriji 1 jew 3. Mill-premessa 35 tar-Regolament Nru 1069/2009 jirriżulta li għandha tiġi applikata din il-kategorija residwali, bħal qabel, għall‑materjali tat-tip bħal dawk elenkati fil-Kategoriji 1, 2 u 3 ta’ dan ir‑regolament, iżda li ma humiex espressament speċifikati fihom. |
|
97. |
B’hekk, ninnota li, taħt ir-Regolament Nru 1774/2002, ċerti materjali bħal “ġlud” u l-“flieles ta’ ġurnata” ma kienu msemmija speċifikatament fl-ebda kategorija. Konsegwentement, dawn il‑materjali probabbilment kienu jaqgħu f’din il-kategorija residwali u kellhom jiġu kklassifikati, awtomatikament, fil-Kategorija 2 ( 44 ). Il‑leġiżlatur żamm din il-klassifikazzjoni residwali, bħal qabel, bħala miżura ta’ prekawzjoni sabiex kull prodott sekondarju mill-annimali ieħor li ma jaqax fl-ebda waħda mit-tliet kategoriji jiġi kklassifikat fil‑kategorija 2. Minn naħa l-oħra, din il-kategorija ma tistax tapplika, ħlief taħt ir-Regolament Nru 1774/2002, għat-taħlitiet ma’ skart mhux perikoluż. |
|
98. |
It-tielet nett, filwaqt li rrikonoxxiet li l-klassifikazzjoni fil‑Kategorija 2 tat-taħlitiet imsemmija hija oneruża ħafna għall-operaturi ekonomiċi jekk tapplika għall-katina ta’ operazzjonijiet kollha ( 45 ), il‑Kummissjoni indikat, matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li huwa biss it-trasport ta’ dawn it-taħlitiet li għandu jaqa’ taħt ir-regoli applikabbli għall-prodotti sekondarji mill-annimali tal-kategorija 2. L‑operazzjonijiet l-oħra, b’mod partikolari l-irkupru, ikomplu jkunu suġġetti għar-regoli applikabbli għall-Kategorija 3. |
|
99. |
Madankollu, ir-Regolament Nru 1069/2009 bl-ebda mod ma jipprevedi din il-klassifikazzjoni differenti skont l-operazzjonijiet li għalihom l-materjali kkonċernati huma suġġetti. Hekk kif jirriżulta mill‑premessa 29 u mill-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1069/2009, l‑uniku kriterju rilevanti għall-klassifikazzjoni tal-prodotti sekondarji mill-annimali huwa l-grad ta’ riskju u mhux l-operazzjoni mwettqa. Il‑klassifikazzjoni ta’ prodott sekondarju mill-annimali skont il‑kategorija tapplika, għalhekk, għall-operazzjonijiet kollha li għalihom il-prodott sekondarju huwa suġġett, mill-ġbir tiegħu sal-użu jew l‑eliminazzjoni tiegħu. Minn dan isegwi li taħlita ta’ materjali koperta bir‑Regolament Nru 1069/2009 li fiha skart mhux perikoluż ma għandhiex tiġi kklassifikata f’kategorija iktar ristretta, f’dan il-każ il‑Kategorija 2, għall-finijiet tat-trasport tagħha biss. |
|
100. |
Konsegwentement nikkunsidra li, fir-rigward ta’ taħlita ta’ prodotti sekondarji mill-annimali tal-Kategorija 3 ma’ skart mhux perikoluż, it-taħlita taqa’ f’din il-kategorija u t-trasport ta’ din it-taħlita fl-Unjoni huwa suġġett għar-regoli li jolqtu l-prodotti sekondarji mill‑annimali ta’ din l-istess kategorija. |
|
101. |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk tali taħlitiet għandhomx jiġu kkunsidrati bħala prodotti sekondarji mill-annimali, tkun xi tkun il‑proporzjon ta’ prodotti sekondarji mill-annimali fihom. |
|
102. |
Il-proporzjon tal-materjali ma tissemmix fir-Regolament Nru 1069/2009 u ma tidhirx li tikkostitwixxi informazzjoni rilevanti. B’hekk, kwantità żgħira ta’ prodotti sekondarji mill-annimali tal-Kategorija 3 mħallta ma’ skart mhux perikoluż twassal, bħala regola, sabiex din it-taħlita tiġi kklassifikata bħala li taqa’ taħt materjali tal-Kategorija 3. |
|
103. |
Madankollu, din il-kwistjoni tirrifletti tħassib sottostanti, jiġifieri r-riskju li l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1069/2009 għat-taħlitiet inkwistjoni ma twassalx għal evażjonijiet abbużivi tar-Regolament Nru 1013/2006. Barra minn hekk, huwa dan it-tħassib li wassal lill-Gvern Franċiż u lill-Kummissjoni sabiex jipproponu l-applikazzjoni ta’ restrizzjonijiet addizzjonali. Konsegwentement, ser nittratta din il-kwistjoni fit-taqsima segwenti. |
5. Ir-riskju ta’ evażjoni abbużiva
|
104. |
Diversi eżempji ta’ aġir ikkunsidrat bħala abbużiv ġew ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
105. |
Jiena diġà semmejt ir-riskju msemmi mill-Gvern Franċiż li ħama tad-drenaġġ, imħallat ma’ prodotti sekondarji mill-annimali tal‑Kategorija 3, jiġi ttrasportat għall-finijiet ta’ tifrix ta’ demel mingħajr ma l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni jkunu informati u li jiġi mifrux bi ksur tar-regoli nazzjonali. |
|
106. |
Il-Gvern Olandiż, min-naħa tiegħu, semma l-eventwalità li skart mhux perikoluż jitgħabba fi trakkijiet li ma jkunux tnaddfu biżżejjed wara li jkunu ttrasportaw prodotti sekondarji mill-annimali u li jiġu kkunsidrati bħala taħlita rregolata mir-Regolament Nru 1069/2009, bi ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1013/2006. |
|
107. |
Finalment, l-Uffiċċju tal-Prosekutur semma l-possibbiltà li impriżi jitfgħu kartuna tal-ħalib fi skart mhux perikoluż sabiex jevitaw ir-regoli iktar stretti tar-Regolament Nru 1013/2006. |
|
108. |
Il-ksur ċar tar-regoli ta’ Stat Membru jew tal-Unjoni jista’ jikkostitwixxi ksur li jista’ jiġi ssanzjonat. |
|
109. |
Iktar delikata hija s-sitwazzjoni fejn l-operatur ekonomiku josserva formalment dawn ir-regoli. |
|
110. |
Infakkar li l-eżistenza ta’ prattika abbużiva tippreżupponi li jeżistu element suġġettiv u element oġġettiv ( 46 ). L-ewwel wieħed jimplika li l‑prattika inkwistjoni jkollha l-għan essenzjali li tibbenefika minn vantaġġ li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni billi toħloq b’mod artifiċjali l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-kisba tiegħu ( 47 ). It-tieni wieħed jirreferi għal numru ta’ ċirkustanzi oġġettivi li minnhom jirriżulta li, minkejja l-osservanza formali tal-kundizzjonijiet previsti mil‑leġiżlazzjoni tal-Unjoni, l-għan li għandu jiġi segwit minnhom ma jkunx intlaħaq ( 48 ). |
|
111. |
Iż-żieda ta’ kwantitajiet żgħar ta’ prodotti sekondarji mill‑annimali ma’ skart mhux perikoluż, bħall-ħama tad-drenaġġ, tista’, f’ċerti ċirkustanzi, tikkostitwixxi prattika abbużiva. |
|
112. |
Dan huwa l-każ taż-żieda ta’ kartuna tal-ħalib bis-sempliċi għan li tiġi evitata l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1013/2006 u li tiġi applikata l-proċedura inqas ristrettiva tar-Regolament Nru 1069/2009. |
|
113. |
Għall-kuntrarju, jekk il-prodott sekondarju mill-annimali jiġi ttrasportat skont il-prattiki tal-professjoni u dawn jipprevedu b’mod partikolari li prodotti sekondarji mill-annimali, bħal prodotti tal-ħalib fi kwantità żgħira, jistgħu jiżdiedu ma’ ħama tad-drenaġġ għal finijiet ta’ pproċessar f’impjant ta’ bijogass, ma hemmx lok li dan it-trasport taħt is‑sistema tar-Regolament Nru 1069/2009 jiġi kkunsidrat bħala prattika abbużiva. |
|
114. |
L-istħarriġ tal-osservanza tar-regoli li jinsabu fir-Regolament Nru 142/2011, b’mod partikolari fil-qasam tal-iġjene, ta’ traċċabbiltà u ta’ kwantità ta’ materjali ttrasportati għandhom jippermettu li jiġi vverifikat li t-trasport mwettaq taħt is-sistema tar-Regolament Nru 1069/2009 ma jikkostitwixxix prattika abbużiva. |
|
115. |
Madankollu, ma huwiex eskluż li l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1069/2009 għal taħlitiet ta’ prodotti sekondarji mill-annimali tal‑Kategorija 3, jiġifieri Kategoriji 1 jew 2, ma’ skart mhux perikoluż ma tippermettix li tingħata protezzjoni b’mod adegwat lill-ambjent. |
|
116. |
Fil-fatt, anki fil-każ ta’ prodotti sekondarji mill-annimali tal‑Kategoriji 1 jew 2, minkejja li r-Regolament Nru 1069/2009 jieħu inkunsiderazzjoni l-ambjent ( 49 ), jekk ikun dan ir-regolament biss li japplika għat‑trasport ta’ taħlitiet ta’ prodotti sekondarji mill-annimali ma’ skart mhux perikoluż, jista’ jibqa’ dubju dwar it-traċċabbiltà ta’ dawn tal‑aħħar. Kif sostna l-Gvern Franċiż waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal‑Ġustizzja, dan huwa spjegat bil-fatt li n-notifika tat-trasport ta’ dawn it-taħlitiet mhux neċessarjament tiżvela b’mod preċiż il-materjali l-oħra minbarra l-prodotti sekondarji mill-annimali. |
|
117. |
Barra minn hekk, ninnota li l-Artikolu 48(1)(c) tar-Regolament Nru 1069/2009 jippermetti li t-trasport ta’ prodotti sekondarji mill‑annimali tal-Kategoriji 1 jew 2 ikun suġġett għal kundizzjonijiet li huma intiżi sabiex jipproteġu s-saħħa pubbika u tal-annimali, iżda li r‑riskji marbuta mal-ambjent ma humiex imsemmija. |
|
118. |
B’hekk nifhem it-tħassib marbut mal-ambjent imsemmi f’din il-kawża, iżda nikkunsidra li dawn ma jawtorizzawx lill‑Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta r-Regolament Nru 1069/2009 b’mod li jagħmel iktar onerużi r-restrizzjonijiet imposti fuq l-operaturi ekonomiċi, kif jipproponu l-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni, fl-assenza ta’ bażi legali għal dan il-għan. Il-proposti tagħhom ma għandhomx jikkostitwixxu interpretazzjoni aċċettabli tar-Regolament Nru 1069/2009. Fil-każ li r-realtà tar-riskji msemmija tista’ tiġi pprovata, huwa l-leġiżlatur tal-Unjoni li għandu jemenda l-leġiżlazzjoni fis‑seħħ, b’mod partikolari r‑Regolament Nru 1069/2009. |
|
119. |
Fl-istat attwali tal-leġiżlazzjoni, nipproponi, konsegwentement, li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għat-tielet domanda għandha tkun li r‑Regolament Nru 1069/2009, eżaminat fid-dawl tal-Artikolu 1(3)(d) tar‑Regolament Nru 1013/2006, għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għal taħlita ta’ prodotti sekondarji mill-annimali ma’ materjali oħra li jikkostitwixxu skart mhux perikoluż, tkun xi tkun il-proporzjon ta’ prodotti sekondarji mill-annimali. |
|
120. |
Ir-regoli applikabbli għat-trasport ta’ prodotti sekondarji mill‑annimali ta’ kategorija partikolari mħallta ma’ skart mhux perikoluż huma dawk li jirregolaw it-trasport ta’ prodotti sekondarji mill-annimali li jaqgħu f’din il-kategorija. |
V. Konklużjoni
|
121. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill‑Gerechtshof Arnhem-Leeuwarden (il-Qorti tal-Appell ta’ Arnhem‑Leeuwarden, il-Pajjiżi l-Baxxi) bil-mod segwenti:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) Sentenza tat-23 ta’ Mejju 2019, ReFood (C‑634/17, iktar ’il quddiem, is-“sentenza ReFood, EU:C:2019:443).
( 3 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal‑annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (Regolament dwar prodotti sekondarji tal-annimali) (ĠU 2009, L 300, p. 1).
( 4 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta’ skart (ĠU 2006, L 190, p. 1, rettifika fil-ĠU 2013, L 334, p. 46).
( 5 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l‑iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU 2008, L 312, p. 3).
( 6 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Ottubru 2002 li jippreskrivi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji ta’ l-annimali mhux maħsuba għall-konsum uman (ĠU Edizzjoni bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 37, p. 92, rettifika fil-ĠU 2007, L 30, p. 3). Dan ir-Regolament tħassar u ġie ssostitwit bir‑Regolament Nru 1069/2009.
( 7 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Mejju 2000 li tissostitwixxi d‑Deċiżjoni 94/3/KE li tistabilixxi lista ta’ skart skond l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE dwar l-iskart u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/904/KE li tistabilixxi lista ta’ skart perikoluż skond l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva tal‑Kunsill 91/689/KEE dwar skart perikoluż (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 151).
( 8 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Marzu 2004 dwar l-introduzzjoni tas-sistema Traces u li temenda d-Deċiżjoni 92/486/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 43, p. 367).
( 9 ) Ara l-punt 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 10 ) Ara b’mod partikolari, l-Artikolu 2(g)(iii), l-Artikolu 3(19), l-Artikolu 12(a)(ii), l‑Artikolu 13(d), l-Artikolu 14(k), u l-Artikolu 24(a) tar-Regolament Nru 1069/2009.
( 11 ) Ara l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2008/98.
( 12 ) Id-Direttiva 2008/98 tirreferi għar-Regolament Nru 1774/2002, iżda, skont l‑Artikolu 54 tar-Regolament Nru 1069/2009, ir-riferimenti għar-Regolament Nru 1774/2002 għandhom jitqiesu bħala magħmula għar-Regolament Nru 1069/2009.
( 13 ) Ara s-sentenza ReFood, punt 56; ara, ukoll, l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2008/98.
( 14 ) Ara l-konkużjonijiet tiegħi fil-kawża ReFood (C‑634/17, EU:C:2019:61).
( 15 ) Minn issa ’l quddiem ser nuża l-espressjoni “prodotti sekondarji mill-annimali” biex inkopri kemm il-“prodotti sekondarji mill-annimali” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tar‑Regolament Nru 1069/2009 kif ukoll il-“prodotti derivati” fis-sens tal‑Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament.
( 16 ) Il-materjali l-oħra ttrasportati ma’ prodotti sekondarji mill-annimali huma msemmija fil-punt 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet, iżda l-ħama tad-drenaġġ hija dik li fuqhom kemm il-qorti tar-rinviju kif ukoll il-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet iffokaw ruħhom. F’dan ir-rigward, jiena nenfasizza li s-salmura hija essenzjalment ilma mielaħ u li ma sarux osservazzjonijiet fuq it-taħlitiet b’din il-materja. Barra minn hekk, l-ilma tal-iskart huwa essenzjalment ħama tad-drenaġġ.
( 17 ) Ara l-Artikolu 21(2) tar-Regolament Nru 1069/2009.
( 18 ) Ara s-sentenza ReFood, punt 39.
( 19 ) Korsiv miżjud minni. Ara s-sentenza ReFood, punti 55, 56 u 62.
( 20 ) Ara s-sentenza ReFood, punti 53 u 54.
( 21 ) Ara s-sentenza ReFood, punt 55.
( 22 ) L-Gvern Awstrijak, l-istess bħall-Uffiċċju tal-Prosekutur, ippreżenta osservazzjonijiet biss matul il-proċedura bil-miktub u, għalhekk, ma setax jibbenefika mis-sentenza ReFood. Il-Gvern Awstrijak jikkunsidra li l-vjeġġ ta’ taħlitiet ta’ prodotti sekondarji mill-annimali mal-iskart mhux perikoluż jaqa’ taħt ir-Regolament Nru 1013/2006. L-Uffiċċju tal-Prosekutur, bħall-Gvern Franċiż, iżda kuntrarjament għall-Gvern Olandiż, iqis li l-vjeġġ ta’ tali taħlitiet huwa suġġett għall-applikazzjoni parallela tar-Regolament Nru 1013/2006 u tar-Regolament Nru 1069/2009.
( 23 ) Ara l-punti 12 u 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 24 ) Ara l-punt 11 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 25 ) Korsiv miżjud minni. Ara l-punt 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 26 ) Rapport tal-Parlament Ewropew dwar il-proposta ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill‑bniedem (“Regolament dwar il-Prodotti Sekondarji tal-Annimali”), tat-2 ta’ Marzu 2009 (A6-0087/2009).
( 27 ) Ara l-emendi 111, 113 u 114.
( 28 ) Il-Parlament ma approvax dawn l-emendi fl-ewwel u l-uniku qari. It-test approvat mill‑Parlament wara dan il-qari jikkorrispondi mal-att leġiżlattiv finali, ir‑Regolament Nru 1069/2009, adottat mill-Parlament u mill-Kunsill..
( 29 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 30 ) Ara s-sentenza ReFood, punt 49.
( 31 ) Ara s-sentenza ReFood, punti 44, 46 u 47.
( 32 ) Regolament tal-Kummissjoni Nru 142/2011 tal-25 ta’ Frar 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jimplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal‑verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi skont dik id-direttiva (ĠU 2011, L 54, p. 1), kif emendat l-aħħar bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1177 tal-10 ta’ Lulju 2019 (ĠU 2019, L 185, p. 26) (iktar ’il quddiem, ir-“Regolament Nru 142/2011”).
( 33 ) In-noti relatati mal-każ li jirrigwarda n-natura tal-merkanzija ttrasportata jirreferu fil‑fatt għal lista ta’ merkanzija li fosthom hemm tali taħlitiet li għandhom jiġu indikati: “[natura tal-prodott sekondarju mill-annimali jew tal-prodott derivat] imħallat ma’ skart mhux perikoluż [kodiċi EURAL]”.
( 34 ) Ara, pereżempju, l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 1069/2009 dwar il-ġbir, it‑trasport u t-traċċabbiltà.
( 35 ) Ara, pereżempju: l-Artikoli 12 sa 14 tar-Regolament Nru 1069/2009 dwar l‑eleminazzjoni u l-użu tal-materjali, l-Artikolu 12 li huwa ddedikat għall-materjali tal-kategorija 1, l-Artikolu 13 għal dawk tal-kategorija 2 u l-Artikolu 14 għal dawk tal-kategorija 3; l-Artikolu 48 ta’ dan ir-regolament applikabbli għall-ispedizzjoni fl-Unjoni ta’ materjali tal-Kategorija 1 jew 2 jew xi prodotti derivati ta’ dawn il-materjali u t-taħlitiet ma’ skart perikoluż jew ta’ proteini tal-annimali pproċessati ġejjin minn materjal tal-Kategorija 3.
( 36 ) Il-Gvern Franċiż spjega li l-maġġoranza tal-Istati Membi ma jawtorizzawx dan it-tip ta’ użu ta’ ħama tad-drenaġġ imħallat ma’ skart mhux perikoluż u li Franza tippermettih, iżda tissuġġettah għal regoli stretti. Huwa spjega li l-awtoritajiet nazzjonali jirriżervaw id-dritt, skont l-Artikolu 12(1)(ċ) tar-Regolament Nru 1013/2006, li jirrifjutaw il-vjeġġ ta’ dan il-ħama li ġej minn Stati Membri li ma jipprevedux tali użu ta’ din il-ħama.
( 37 ) Ara s-sentenza ReFood, punt 55.
( 38 ) Ara l-premessa 30 tar-Regolament Nru 1069/2009.
( 39 ) Ara, f’dan is-sens, l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 1013/2006 u s-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2007, Omni Metal Service (C‑259/05, EU:C:2007:363, punti 32 sa 35).
( 40 ) Ara l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem, ippreżentata fl-10 ta’ Ġunju 2008 [COM(2008)345 finali], punt 5.4. tal-espożizzjoni tal-motivi.
( 41 ) Ara, pereżempju, ir-regoli partikolari applikabbli b’mod partikolari għat-trasport tal‑iskart tal-catering imsemmija fl-Artikolu 21(4) tar-Regolament Nru 1069/2009 u d-deroga prevista fl-Artikolu 48(6) ta’ dan ir-regolament.
( 42 ) Ara l-Artikolu 8(g) tar-Regolament Nru 1069/2009, li jikklassifika fil‑Kategorija 1 it-taħlitiet tal-Kategorija 1 mal-materjali tal-Kategoriji 2 u/jew 3, u l-Artikolu 9(g) ta’ dan ir-regolament li jikklassifika fil‑Kategorija 2, it-taħlitiet ta’ materjali tal‑Kategorija 2 u tal-Kategorija 3.
( 43 ) Ara l-Artikolu 5(g) tar-Regolament Nru 1774/2002.
( 44 ) Dawn il-prodotti issa ġew ikklassifikati mill-ġdid fil-Kategorija 3, ikkunsidrata bħala iktar adattata għan-natura perikoluża tagħhom, rispettivament fl-Artikolu 10(b)(iii) u fl‑Artikolu 10(k)(iii) tar-Regolament Nru 1069/2009.
( 45 ) Il-Gvern Franċiż indika, waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li, billi għaddiet taħt il-Kategorija 2, taħlita intiża sabiex tiġi pproċessata f’impjant ta’ kompostaġġ jew ta’ bijogass għandha, minn qabel, tkun suġġetta għal sterelizzazzjoni taħt pressjoni, li hija attività partikolarment ristrettiva u tiswa l-flus għall-operaturi ekonomiċi.
( 46 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Argos Supply Trading (C‑4/15, EU:C:2016:223, punt 110).
( 47 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Frar 2006, Halifax et (C‑255/02, EU:C:2006:121, punt 75).
( 48 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 2000, Emsland-Stärke (C‑110/99, EU:C:2000:695, punt 52), kif ukoll tal-11 ta’ Jannar 2007, Vonk Dairy Products (C-279/05, EU:C:2007:18, punt 33).
( 49 ) Ara s-sentenza ReFood, punt 49.