Brussell, 14.7.2026

COM(2026) 368 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni u l-infurzar tar-Regolament (UE) 2022/2560 tal-14 ta' Diċembru 2022 dwar sussidji barranin li joħolqu distorsjoni fis-suq intern, f'konformità mal-Artikolu 52(2) tiegħu




{SWD(2026) 183 final}


1.INTRODUZZJONI

Ir-Regolament (UE) 2022/2560 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar sussidji barranin li joħolqu distorsjoni fis-suq intern ( 1 ) (l-“FSR”) ġie adottat biex jindirizza d-distorsjonijiet fis-suq intern ikkawżati minn sussidji mogħtija minn pajjiżi terzi lil impriżi involuti f’attivitajiet ekonomiċi fl-Unjoni Ewropea (l-“Unjoni”). L-FSR ifittex li jiżgura kundizzjonijiet ekwi fis-suq intern billi jippermetti lill-Kummissjoni Ewropea (il-“Kummissjoni”) tidentifika, tivvaluta, u, fejn meħtieġ, tirrimedja s-sussidji barranin distortivi.

Qabel l-adozzjoni tal-FSR, l-impriżi attivi fl-Unjoni setgħu jiffinanzjaw attivitajiet ekonomiċi fis-suq intern b’sussidji mogħtija minn pajjiżi terzi. Dan kien jikkonċerna kwalunkwe settur tal-ekonomija u kien jinkludi, inter alia, il-parteċipazzjoni fi proċeduri ta’ akkwist pubbliku, l-akkwiżizzjoni ta’ impriżi, jew l-involviment fi kwalunkwe attività ekonomika oħra fl-Unjoni. Dawk is-sussidji barranin ma kinux soġġetti għar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat. Il-qafas legali tal-Unjoni ma kien fih l-ebda mekkaniżmu biex jindirizza d-distorsjonijiet ikkawżati minn dawn is-sussidji barranin lis-suq intern, peress li l-mekkaniżmi tradizzjonali tad-difiża tal-kummerċ japplikaw biss għall-importazzjonijiet ta’ merkanzija nnegozjata. L-FSR kien maħsub bħala strument orizzontali li jikkomplementa r-regoli eżistenti tal-Unjoni dwar il-fużjonijiet, l-antitrust, l-għajnuna mill-Istat, l-akkwist pubbliku u l-politika kummerċjali, bil-għan li jippreżerva l-kompetizzjoni ġusta u l-integrità tas-suq intern.

L-FSR huwa bbażat fuq prinċipji mhux diskriminatorji u kriterji oġġettivi. Ikopri s-setturi u l-attivitajiet ekonomiċi kollha u jindirizza d-distorsjonijiet ikkawżati minn kwalunkwe sussidju barrani fis-suq intern. L-FSR japplika b’rispett sħiħ tal-obbligi internazzjonali. Filwaqt li l-Kummissjoni tibqa’ impenjata għal djalogu kostruttiv u kooperazzjoni ma’ awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi u operaturi ekonomiċi, se tkompli tuża l-għodod investigattivi u proċedurali kollha disponibbli taħt l-FSR biex tiżgura l-applikazzjoni effettiva tiegħu u tissalvagwardja l-kundizzjonijiet ekwi fis-suq intern.

L-iskop ta’ dan ir-Rapport huwa li jippreżenta s-sejbiet tal-ewwel rieżami tal-FSR lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Dan ir-Rapport huwa mħejji skont l-Artikolu 52(2) tal-FSR, li jirrikjedi li l-Kummissjoni tirrieżamina kif timplimenta u tinforza l-FSR, speċjalment l-applikazzjoni tal-Artikoli 4, 5, 6 u 9, u l-livelli limiti ta’ notifika stabbiliti fl-Artikolu 20(3), u l-Artikolu 28(1) u (2) tal-FSR. Fil-kuntest tar-rieżami tagħha, il-Kummissjoni għandha tirrapporta wkoll dwar l-iżviluppi fir-relazzjonijiet internazzjonali li jinvolvu s-sistemi ta’ kontroll tas-sussidji ta’ pajjiżi terzi.

L-FSR daħal fis-seħħ fit-13 ta’ Jannar 2023 u sar applikabbli mit-13 ta’ Lulju 2023. L-obbligu ta’ notifika ex ante għall-konċentrazzjonijiet, skont l-Artikolu 21 tal-FSR u l-proċeduri ta’ akkwist pubbliku, skont l-Artikolu 28 tal-FSR, saru applikabbli mit-13 ta’ Ottubru 2023. Għalhekk, dan ir-Rapport ikopri l-perjodu inizjali ta’ 3 snin fl-implimentazzjoni u fl-infurzar tal-FSR.

L-FSR huwa infurzat esklużivament mill-Kummissjoni. Id-DĠ Kompetizzjoni (DG COMP) huwa responsabbli għall-applikazzjoni tal-FSR fir-rigward tal-konċentrazzjonijiet u għall-użu ġenerali tal-mekkaniżmu investigattiv ex officio. Id-DĠ Suq Intern, Industrija, Intraprenditorija u SMEs (DG GROW) huwa responsabbli għall-applikazzjoni tal-FSR fir-rigward tal-proċeduri tal-akkwist pubbliku u għall-użu tal-mekkaniżmu investigattiv ex officio marbut mal-proċeduri tal-akkwist pubbliku u forom simili ta’ nfiq pubbliku. Din id-diviżjoni tar-responsabbiltajiet tirrifletti l-esperjenzi rispettivi tas-servizzi fl-infurzar tal-kompetizzjoni u l-akkwist pubbliku u tappoġġa l-applikazzjoni koerenti tal-FSR.

Ir-rieżami tal-Kummissjoni dwar il-fażi bikrija tal-implimentazzjoni u l-infurzar tal-FSR huwa bbażat fuq taħlita ta’ evidenza kwalitattiva u kwantitattiva, inkluża informazzjoni miksuba permezz tal-Istudju ta’ Rieżami tal-FSR, immexxi minn kuntrattur estern( 2 ). Ir-rieżami jqis ukoll is-sottomissjonijiet għall-eżerċizzju ta’ konsultazzjoni pubblika mmexxi mill-Kummissjoni (konsultazzjoni pubblika mmirata, kwestjonarju pubbliku li jfittex feedback speċifiku fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-FSR, u sejħa għall-evidenza) ( 3 ) kif ukoll ir-rieżami intern mill-Kummissjoni tal-prattika tagħha.

B’mod ġenerali, il-fażi bikrija tal-implimentazzjoni u l-infurzar tal-FSR turi li l-istrument huwa adattat għall-iskop tiegħu u jikkontribwixxi għall-objettiv tiegħu li jippreżerva l-kundizzjonijiet ekwi fis-suq intern. Min-naħa tan-notifiki ex ante għall-konċentrazzjonijiet u l-akkwisti pubbliċi, il-Kummissjoni diġà nediet diversi investigazzjonijiet fil-fond tal-FSR, li wħud minnhom ġew konklużi b’impenji offruti mill-partijiet biex jindirizzaw id-distorsjonijiet identifikati fis-suq intern ikkawżati minn sussidji barranin. Min-naħa ex officio, il-Kummissjoni nediet diversi investigazzjonijiet fil-fond, li għadhom għaddejjin fil-ħin tal-pubblikazzjoni, u użat ukoll is-setgħat tagħha ta’ spezzjoni kif ukoll li titlob notifiki minn qabel. L-objettivi tal-FSR huma rikonoxxuti u appoġġati b’mod wiesa’ fil-feedback mill-partijiet ikkonċernati. Il-partijiet ikkonċernati sostnew ukoll li l-FSR joħloq kostijiet sproporzjonati, speċjalment fil-kuntest tal-proċeduri ta’ notifika ex ante. Huma appellaw għal simplifikazzjoni tar-regoli u ċertezza legali ogħla dwar ċerti kunċetti tal-FSR.

Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja dan ir-rapport fih aktar dettalji mir-rieżami.

2.SEJBIET TAR-RIEŻAMI 

2.1.Implimentazzjoni bikrija tal-FSR u azzjonijiet tal-Kummissjoni biex tipprovdi gwida lill-partijiet ikkonċernati

2.1.1.Azzjonijiet tal-Kummissjoni

Fl-10 ta’ Lulju 2023, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1441 dwar arranġamenti dettaljati għat-twettiq ta’ proċedimenti mill-Kummissjoni skont l-FSR (“FSIR”). L-FSIR jistabbilixxi wkoll formoli ta’ akkumpanjament għan-notifiki ex ante tal-FSR lill-Kummissjoni ( 4 ). L-FSIR u l-formoli ta’ akkumpanjament għamluha possibbli li l-proċeduri ta’ infurzar ibbażati fuq in-notifika jiġu implimentati fil-prattika malajr.

Mid-dħul fis-seħħ tal-FSR, il-Kummissjoni ħadet diversi passi biex tipprovdi aktar trasparenza u gwida lill-partijiet ikkonċernati, kif stabbilit f’termini speċifiċi hawn taħt.

F’Lulju 2024, sena wara li beda japplika l-FSR, ġie ppubblikat Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li joffri kjarifiki inizjali dwar kunċetti ewlenin skont l-FSR ( 5 ). Il-karatteristiċi tad-dokument inkludew indikazzjonijiet inizjali dwar l-interpretazzjoni tal-kunċetti sostantivi tal-FSR u, b’mod partikolari, fatturi li għandhom jiġu kkunsidrati fil-valutazzjoni ta’ jekk teżistix distorsjoni, u l-metodoloġija applikata fit-test tal-ibbilanċjar.

Is-servizzi tal-Kummissjoni jaġġornaw regolarment sett ta’ mistoqsijiet u tweġibiet iddedikati għall-FSR (“mistoqsijiet u tweġibiet tal-FSR”) fuq is-sit web tal-Kummissjoni ( 6 ). Dawn l-aġġornamenti jindirizzaw kwistjonijiet rikorrenti li jinqalgħu fil-prattika. Jipprovdu gwida addizzjonali dwar firxa ta’ suġġetti, inklużi aspetti proċedurali u ġuriżdizzjonali (bħal obbligi ta’ notifika, eċċezzjonijiet skont l-FSIR, kalkoli tal-livelli limiti, u kontribuzzjonijiet finanzjarji barranin).

F’Jannar 2026, il-Kummissjoni ppubblikat il-Linji Gwida tal-FSR, li mmarkaw pass importanti fit-titjib tal-prevedibbiltà u t-trasparenza għall-partijiet ikkonċernati ( 7 ). Il-Linji Gwida tal-FSR jinkludu gwida lill-partijiet ikkonċernati dwar il-valutazzjoni tad-distorsjoni fis-suq intern ikkawżata minn sussidji barranin, it-test tal-ibbilanċjar, u s-setgħat tal-Kummissjoni li titlob notifiki minn qabel għal konċentrazzjonijiet jew proċeduri ta’ akkwist pubbliku li jaqgħu taħt il-livelli limiti stabbiliti.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tippubblika regolarment informazzjoni dwar każijiet, verżjonijiet mhux kunfidenzjali tad-deċiżjonijiet tagħha li jikkonkludu investigazzjonijiet fil-fond tal-FSR (kif ukoll sommarju tad-deċiżjonijiet biex jinfetħu investigazzjonijiet fil-fond) u sommarji ddedikati tal-FSR dwar żviluppi speċifiċi tal-politika (bħall-ewwel 100 jum ta’ infurzar tal-FSR( 8 ), il-Linji Gwida tal-FSR ( 9 )) u l-prattika tal-każijiet tagħha (bħas-sommarju dwar l-ewwel deċiżjoni finali b’impenji adottati taħt il-kapitolu dwar il-konċentrazzjoni tal-FSR fil-każ FS.100011)( 10 ). Barra minn hekk, għal proċedimenti ta’ konċentrazzjoni, id-DĠ COMP għandu Reġistru tal-FSR dedikat, li jtejjeb it-trasparenza, u jinforma lill-pubbliku dwar każijiet ta’ konċentrazzjoni tal-FSR li għaddejjin, wara n-notifika formali tagħhom ( 11 ).

Is-servizzi tal-Kummissjoni jinvolvu ruħhom ukoll mal-Istati Membri permezz ta’ network dedikat ta’ punti ta’ kuntatt nazzjonali u gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni, kif ukoll ma’ partijiet ikkonċernati bħal prattikanti legali u assoċjazzjonijiet tan-negozju permezz ta’ konferenzi dwar diversi kwistjonijiet relatati mal-FSR, u b’hekk iġibu aktar ċarezza dwar il-prattika tiegħu.

2.1.2.Riżultati tar-rieżami

L-azzjonijiet tal-Kummissjoni biex tipprovdi aktar gwida dwar l-FSR intlaqgħu tajjeb u tqiesu bħala pożittivi. Madankollu, ir-rieżami jenfasizza oqsma fejn il-partijiet ikkonċernati jqisu li hija meħtieġa ċertezza legali akbar, b’mod partikolari għal għadd ta’ kunċetti sostantivi tal-FSR u l-applikazzjoni tal-qafas analitiku f’każijiet individwali. Hawn taħt hawn xi eżempji speċifiċi.

Rigward il-kunċett ta’ kontribuzzjonijiet finanzjarji barranin (“FFCs”) minn awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi skont l-Artikolu 3 tal-FSR, il-partijiet ikkonċernati jirrikonoxxu l-ħtieġa għal definizzjoni wiesgħa tal-FFCs, li tista’ tinkludi firxa wiesgħa ta’ miżuri biex jinstabu sussidji potenzjalment distorsivi. Madankollu, il-feedback jindika wkoll li l-kunċett wiesa’ tal-FFC joħloq sfida meta l-impriżi jkollhom bżonn jiġbru l-informazzjoni rilevanti tal-FFC f’diversi ġuriżdizzjonijiet u jiddeterminaw l-ambitu tar-rappurtabbiltà tagħhom għall-iskop tan-notifiki ex ante tagħhom skont l-FSR.

Rigward il-valutazzjoni tad-distorsjoni skont l-Artikolu 4 tal-FSR, il-partijiet ikkonċernati jirrappurtaw diffikultajiet biex ibassru kif il-kunċett jiġi applikat f’każijiet individwali. Il-korp limitat ta’ prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni fiż-żmien tal-attivitajiet ta’ konsultazzjoni bi tħejjija għar-Rapport huwa ċċitat bħala fattur li jikkontribwixxi għal din l-inċertezza.

Rigward is-sussidji barranin li x’aktarx joħolqu distorsjoni fis-suq intern, skont l-Artikolu 5 tal-FSR, il-partijiet ikkonċernati jinnutaw li għalkemm dawn jitqiesu bħala indikatur utli, għad hemm xi inċertezza dwar is-sussidji li “jiffaċilitaw direttament konċentrazzjoni” jew jippermettu s-sottomissjoni ta’ “offerti indebitament vantaġġużi”.

Rigward it-test tal-ibbilanċjar skont l-Artikolu 6 tal-FSR, il-partijiet ikkonċernati jilqgħu l-possibbiltà li dan l-eżerċizzju jsir skont l-FSR. Madankollu, ir-rilevanza prattika tiegħu titqies limitata peress li għad ma hemmx eżempji ta’ kif il-Kummissjoni tapplika t-test fil-prattika.

2.2.L-infurzar bikri tal-FSR juri li l-istrument huwa adattat għall-iskop tiegħu

Il-Kummissjoni tinforza l-FSR permezz ta’ tliet proċeduri ewlenin:

a)Notifika ex ante sospensiva għal konċentrazzjonijiet fejn mill-inqas waħda mill-impriżi li qed jingħaqdu, l-impriża akkwiżita jew l-impriża konġunta tkun stabbilita fl-Unjoni u tiġġenera fatturat aggregat fl-Unjoni ta’ mill-inqas EUR 500 miljun u l-FFCs aggregati riċevuti mill-partijiet fil-konċentrazzjoni kienu aktar minn EUR 50 miljun fit-3 snin ta’ qabel il-konklużjoni tal-ftehim, it-tħabbira tal-offerta pubblika, jew l-akkwist ta’ interess kontrollanti;

b)Notifika ex ante sospensiva għal proċeduri ta’ akkwist pubbliku li fihom il-valur stmat tal-kuntratt huwa ta’ mill-inqas EUR 250 miljun – jew EUR 125 miljun għal akkwisti pubbliċi bbażati fuq il-lott, u l-FFCs magħquda tal-parti li tagħmel l-offerta u s-sottokuntratturi jew il-fornituri ewlenin tagħha kienu mill-inqas EUR 4 miljun fit-3 snin qabel in-notifika. F’każijiet fejn il-partijiet fl-akkwist pubbliku jkunu taħt il-livell limitu ta’ EUR 4 miljun tal-FFC, il-partijiet xorta jridu jippreżentaw dikjarazzjoni.

c)Proċedura ex officio biex tinvestiga s-sitwazzjonijiet l-oħra kollha tas-suq, fejn il-Kummissjoni tista’ tibda investigazzjoni fuq inizjattiva tagħha stess.

B’mod ġenerali, ir-rieżami tal-infurzar bikri tal-FSR juri li l-istrument huwa adattat għall-iskop u qed jaħdem tajjeb fil-prattika. Ir-Regolament huwa rikonoxxut bħala għodda effettiva li tindirizza l-lakuna regolatorja li kienet teżisti qabel ma ġie adottat. Barra minn hekk, l-objettiv li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi fis-suq intern huwa kkunsidrat leġittimu u proporzjonat. L-infurzar tal-FSR mexa ’l quddiem b’mod kostanti mill-bidu tal-applikazzjoni tiegħu, bil-Kummissjoni tikseb esperjenza siewja fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet sostantivi u proċedurali tiegħu.

2.2.1.Investigazzjonijiet ex officio tal-FSR

2.2.1.1.Informazzjoni dwar każijiet

Il-Kummissjoni tivvaluta kontinwament jekk hemmx biżżejjed evidenza li tiġġustifika t-tnedija ta’ investigazzjoni ex officio, ibbażata fuq l-analiżi tagħha stess, informazzjoni li tirċievi mingħand il-partijiet ikkonċernati u investigazzjonijiet ta’ informazzjoni tas-suq, kif applikabbli.

F’żewġ każijiet, fiż-żmien tal-pubblikazzjoni, il-Kummissjoni fetħet investigazzjonijiet fil-fond, skont l-Artikolu 10(3) FSR:

a)Il-Każ FS.100068 – Nuctech – fil-11 ta’ Diċembru 2025, il-Kummissjoni fetħet investigazzjoni fil-fond, biex tivvaluta jekk l-attivitajiet ta’ Nuctech fil-produzzjoni u l-bejgħ ta’ sistemi ta’ detezzjoni tat-theddid u l-provvista ta’ servizzi relatati fl-Unjoni bbenefikawx minn sussidji barranin li jistgħu joħolqu distorsjoni fis-suq intern. Is-sussidji barranin possibbli jieħdu l-forma ta’ għotjiet u miżuri tat-taxxa u finanzjament preferenzjali, li setgħu tejbu l-pożizzjoni kompetittiva ta’ Nuctech fis-suq intern u setgħu affettwaw il-kompetizzjoni b’mod negattiv ( 12 ). Il-każ inbeda f’April 2024 bl-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tirrikjedi li Nuctech tissottometti ruħha għal spezzjonijiet skont l-Artikolu 14(3) FSR (id-“Deċiżjoni ta’ Spezzjoni”).

b)Il-Każ FS.100143 – Goldwind – fit-3 ta’ Frar 2026, il-Kummissjoni fetħet investigazzjoni fil-fond biex tivvaluta l-attivitajiet ta’ Goldwind fil-produzzjoni u l-bejgħ ta’ turbini eoliċi u l-provvista ta’ servizzi relatati fi ħdan l-UE. Is-sussidji barranin possibbli jinkludu għotjiet, miżuri tat-taxxa preferenzjali, u finanzjament preferenzjali fil-forma ta’ self. Il-Kummissjoni għandha tħassib preliminari li dawn is-sussidji barranin setgħu tejbu l-pożizzjoni kompetittiva ta’ Goldwind fis-suq intern u jistgħu jaffettwaw il-kompetizzjoni b’mod negattiv ( 13 ).

2.2.1.2.Stħarriġ ġudizzjarju mill-Qrati tal-Unjoni

Fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet ex officio, xi atti investigattivi tal-Kummissjoni ġew soġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju mill-Qrati tal-Unjoni:

a)Il-Kawża T-284/24 – Nuctech – f’Mejju 2024, Nuctech ressqet rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali li kkontesta d-Deċiżjoni ta’ Spezzjoni tal-Kummissjoni( 14 ) . Fl-istess ħin, Nuctech applikat ukoll għal miżuri provviżorji, u talbet is-sospensjoni tad-Deċiżjoni ta’ Spezzjoni tal-Kummissjoni sakemm tinqata’ l-kawża prinċipali( 15 ) . F’Awwissu 2024, il-President tal-Qorti Ġenerali ċaħad ir-rikors għal miżuri provviżorji( 16 ), u dan ġie kkonfermat konsegwentement fl-appell mill-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Marzu 2025( 17 ) . Fiż-żmien tal-pubblikazzjoni ta’ dan ir-Rapport, il-proċeduri relatati mar-rikors għall-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Spezzjoni għadhom pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali.

b)Il-Kawża T-335/26 – Goldwind – f’Mejju 2026, Goldwind ressqet kawża għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali fejn ikkontestat it-talba tal-Kummissjoni għall-informazzjoni( 18 ) u talbet miżuri provviżorji għas-sospensjoni tagħha( 19 ) . It-talba għall-informazzjoni ntbagħtet bħala parti mill-investigazzjoni fil-fond dwar l-attivitajiet ta’ Goldwind fis-settur eoliku tal-UE fil-Kawża FS.100143. Fil-mument tal-pubblikazzjoni, il-proċedimenti relatati maż-żewġ rikorsi kienu għadhom pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali.

2.2.1.3.Riżultati tar-rieżami

Il-proċedura ex officio tippermetti lill-Kummissjoni tivvaluta u tindirizza sussidji barranin potenzjalment distortivi li jaffettwaw kwalunkwe sitwazzjoni tas-suq u attività ekonomika fis-suq intern. Ir-riżultati tar-rieżami jindikaw li l-mekkaniżmu ta’ investigazzjoni ex officio jiffunzjona kif maħsub u li d-dispożizzjonijiet rilevanti jipprovdu qafas effettiv biex jintlaħaq l-objettiv tal-FSR li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi fis-suq intern.

Filwaqt li l-investigazzjonijiet li għaddejjin ma jippreġudikawx l-eżiti tagħhom, l-FSR ippermetta lill-Kummissjoni taġixxi abbażi ta’ indikazzjonijiet suffiċjenti ta’ sussidji barranin li joħolqu distorsjoni fis-suq intern. Fin-nuqqas tal-FSR, il-Kummissjoni ma kinitx tkun tista’ twettaq dawn l-investigazzjonijiet u tivvaluta jekk id-distorsjonijiet fis-suq intern kinux ikkawżati minn sussidji barranin. Il-feedback mill-partijiet ikkonċernati jindika inċertezza fir-rigward tad-durata tal-investigazzjonijiet ex officio. Madankollu, l-esperjenza inizjali tal-infurzar tal-FSR tindika li d-durata tvarja, u tieħu aktar żmien, b’mod partikolari f’każijiet fejn l-impriżi li qed jiġu investigati jieħdu aktar żmien biex jipprovdu l-informazzjoni mitluba. F’xi każijiet, l-iskeda ta’ żmien hija affettwata wkoll mill-azzjonijiet miġjuba quddiem il-Qrati tal-UE.

2.2.2.Notifika ta’ konċentrazzjonijiet skont l-FSR

2.2.2.1.Informazzjoni dwar każijiet

L-obbligu tan-notifika ex ante ta’ konċentrazzjonijiet beda fit-13 ta’ Ottubru 2023 u sal-31 ta’ Mejju 2026, il-Kummissjoni kienet irċeviet 273 notifika formali. Minn dawk il-każijiet, 247 ingħalqu wara r-rieżami preliminari, erba’ każijiet ġew irtirati matul il-fażi ta’ rieżami preliminari, u għal 19-il każ, ir-rieżami preliminari kien għadu għaddej.

Fi tliet każijiet, il-Kummissjoni bdiet investigazzjonijiet fil-fond:

a)Il-każ FS.100011 – e&/PPF Telecom: Dan il-każ kien jinvolvi l-akkwist ta’ PPF Telecom Group (eskluż in-negozju Ċek tagħha), operatur tat-telekomunikazzjoni fiċ-Ċekja, il-Bulgarija, l-Ungerija, is-Serbja u s-Slovakkja, minn Emirates Telecommunications Group (e&), operatur ibbażat fl-Emirati Għarab Magħquda. Il-Kummissjoni identifikat sussidji barranin fil-forma ta’ garanzija statali mingħajr limitu, għotjiet, u self, li nstabu li jistgħu joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni fil-livell tal-entità fuża, wara t-tranżazzjoni. Biex jindirizzaw dan it-tħassib, il-partijiet impenjaw ruħhom li jneħħu l-garanzija tal-istat u jimplimentaw obbligi ta’ żamma separata e& u l-attivitajiet fl-UE tal-entità fil-mira. Il-verżjoni finali mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni bl-impenji hija ppubblikata fuq is-sit web tad-DĠ COMP( 20 ) .

b)Il-Każ FS.100156 – ADNOC/Covestro: Dan il-każ kien jinvolvi l-akkwist ta’ Covestro, produttur Ġermaniż ta’ kimiċi, mill-Abu Dhabi National Oil Company (ADNOC). Il-Kummissjoni sabet li s-sussidji barranin, inkluża garanzija statali mingħajr limitu lil ADNOC u żieda fil-kapital lil Covestro, ħolqu distorsjonijiet kemm fil-proċess tal-akkwist kif ukoll fl-attivitajiet ta’ wara l-akkwist. Il-partijiet impenjaw ruħhom li jemendaw l-istatut ta’ assoċjazzjoni ta’ ADNOC biex ineħħu l-garanzija statali u biex jagħtu liċenzji għal ċerti privattivi ta’ Covestro lill-parteċipanti fis-suq. Verżjoni proviżorja mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni bl-impenji hija ppubblikata fuq is-sit web tad-DĠ COMP ( 21 ) .

c)FS.100253 – JD.COM/CECONOMY: Dan il-każ jinvolvi l-akkwiżizzjoni ta’ CECONOMY AG, bejjiegħ bl-imnut Ġermaniż speċjalizzat fil-qasam tal-elettronika għall-konsumatur u apparat domestiku, minn JD.com, kumpanija li tappartjeni għal grupp ibbażat fiċ-Ċina li jopera negozju tal-bejgħ bl-imnut u suq tal-kummerċ elettroniku online fiċ-Ċina. Matul l-investigazzjoni preliminari, il-Kummissjoni sabet indikazzjonijiet suffiċjenti ta’ sussidji barranin li joħolqu distorsjoni fis-suq intern tal-UE u fit-28 ta’ Mejju 2026, fetħet investigazzjoni fil-fond. Fiż-żmien tal-pubblikazzjoni, l-investigazzjoni fil-fond kienet tinsab għaddejja.

Matul il-perjodu tar-rieżami, il-Kummissjoni ma eżerċitatx is-setgħat tagħha skont l-Artikolu 21(5) tal-FSR li titlob in-notifika minn qabel ta’ konċentrazzjonijiet taħt il-livelli limiti ġuriżdizzjonali.

2.2.2.2.Riżultati tar-rieżami

L-esperjenza bikrija bil-proċedura ta’ notifika tal-FSR għall-konċentrazzjonijiet tiżvela li l-istrument huwa adattat għall-iskop tiegħu. Il-konklużjonijiet ewlenin mir-rieżami huma stabbiliti hawn taħt.

L-għadd ta’ notifiki (madwar 100 fis-sena) qabeż il-projezzjonijiet inizjali tal-Kummissjoni (30-40 fis-sena, kif stmat fil-valutazzjoni tal-impatt li akkumpanjat il-proposta għall-FSR( 22 ) ). Il-Kummissjoni għalqet madwar 97 % tal-konċentrazzjonijiet notifikati wara rieżami preliminari, mingħajr ma fetħet investigazzjoni fil-fond. Dan is-sehem huwa konsistenti mal-eżitu tal-każijiet rieżaminati u approvati fil-Fażi I skont ir-Regolament (KE) 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (l-“EUMR”)( 23 ).

Fiż-żmien tal-pubblikazzjoni, il-Kummissjoni kienet nediet tliet investigazzjonijiet fil-fond dwar konċentrazzjonijiet, li tnejn minnhom ġew approvati b’mod kondizzjonali wara li ġew aċċettati impenji mill-partijiet notifikanti biex jindirizzaw distorsjonijiet potenzjali fis-suq ikkawżati minn sussidji barranin. L-investigazzjoni fil-fond f’konċentrazzjoni waħda kienet għadha għaddejja.

L-FSR ippermetta lill-Kummissjoni teżamina l-konċentrazzjonijiet, tidentifika jekk hemmx sussidji barranin fil-konċentrazzjonijiet li jistgħu fil-fatt jew potenzjalment jikkawżaw distorsjonijiet fis-suq intern u tindirizzahom permezz tal-proċess regolatorju tal-FSR. Iż-żewġ każijiet finalizzati b’impenji juru l-importanza tal-FSR biex jinżammu kundizzjonijiet ekwi u jindikaw lill-akkwirenti li filwaqt li l-Unjoni tibqa’ miftuħa għall-investiment, tali investimenti se jiġu skrutinizzati għall-preżenza ta’ sussidji barranin biex jiġi żgurat li ma jkunux qed joħolqu distorsjoni fis-suq intern.

Il-partijiet ikkonċernati jqisu l-livell limitu tal-fatturat madwar l-UE bħala miżura ċara u xierqa għall-identifikazzjoni tat-tranżazzjonijiet rilevanti. Huma laqgħu wkoll l-approċċ tal-FSR għall-impriżi konġunti, fejn il-fatturat huwa kkalkulat abbażi tal-fatturat tal-impriża konġunta nnifisha aktar milli dawk tal-kumpaniji omm( 24 ) tagħha, li wassal għal tnaqqis fit-tranżazzjonijiet notifikabbli meta mqabbla mal-EUMR.

L-infurzar bikri jenfasizza l-valur tal-impenji ta’ qabel in-notifika mat-timijiet tal-każijiet tal-Kummissjoni, li l-partijiet notifikanti jużaw u jappoġġaw b’mod wiesa’. Il-partijiet ikkonċernati faħħru lit-timijiet tal-każijiet għar-rispons tagħhom, għat-titjib taċ-ċarezza u tal-effiċjenza fil-proċess ta’ notifika. Il-partijiet ikkonċernati laqgħu wkoll l-eċċezzjonijiet disponibbli mill-obbligi ta’ rappurtar skont l-FSIR u l-possibbiltà li jintalbu eżenzjonijiet għal ċerta informazzjoni mill-Kummissjoni.

Ir-riżultati tar-rieżami jenfasizzaw ukoll żewġ punti ta’ tħassib ewlenin għall-partijiet ikkonċernati. L-ewwel wieħed jirrigwarda l-ġbir tad-data tal-FFC li l-impriżi jeħtieġ li jwettqu qabel notifika, li huwa meqjus bħala intensiv fl-użu tar-riżorsi mill-partijiet ikkonċernati u li jaqbad informazzjoni li, fil-fehma tagħhom, tista’ ma tkunx rilevanti għall-identifikazzjoni ta’ riskju ta’ distorsjoni. It-tieni tħassib huwa relatat ma’ inċertezza perċepita dwar is-setgħat tal-Kummissjoni li titlob notifika minn qabel, li hija meqjusa bħala potenzjalment ta’ tfixkil għall-ippjanar tat-tranżazzjonijiet u l-valutazzjonijiet tar-riskju, minkejja li l-għan leġittimu tas-setgħa li titlob notifika minn qabel huwa li taqbad konċentrazzjonijiet taħt il-livell limitu li jistgħu jinvolvu sussidji barranin distorsivi.

2.2.3.Sottomissjonijiet tal-FSR fi proċeduri ta’ akkwist pubbliku 

2.2.3.1.Informazzjoni dwar każijiet

Skont il-Kapitolu 4 FSR, l-operaturi ekonomiċi huma meħtieġa jinnotifikaw jew jiddikjaraw FFCs meta jipparteċipaw f’offerti pubbliċi kbar, speċifikament meta l-valur stmat tal-kuntratt jaqbeż EUR 250 miljun jew 125 miljun għal akkwisti pubbliċi bbażati fuq lott u l-operatur ekonomiku jkun irċieva FFCs aggregati ta’ mill-inqas EUR 4 miljun għal kull pajjiż terz fit-3 snin preċedenti.

Mill-bidu tal-obbligu ta’ notifika fit-13 ta’ Ottubru 2023 u sal-31 ta’ Mejju 2026, il-Kummissjoni rċeviet 5 150 sottomissjoni minn operaturi ekonomiċi fi 863 proċedura ta’ akkwist pubbliku, inklużi 4 293 dikjarazzjoni, 733 notifika u 124 prenotifika. Minn dawn il-każijiet, il-Kummissjoni fetħet erba’ investigazzjonijiet fil-fond, li waħda minnhom wasslet għal deċiżjoni finali b’impenji, filwaqt li tliet każijiet ingħalqu wara l-irtirar tal-operaturi ekonomiċi mill-proċeduri tal-akkwist pubbliku.

a)Il-Każ FSP.100147 – Provvista ta’ vetturi ferrovjarji fil-Bulgarija – Il-Kummissjoni fetħet investigazzjoni fil-fond fis-16 ta’ Frar 2024 biex tivvaluta jekk CRRC Qingdao Sifang, parti mill-grupp CRRC, intrapriża statali Ċiniża, irċevietx sussidji barranin li ppermettewlha tissottometti offerta indebitament vantaġġuża għal proġett ferrovjarju Bulgaru. Fis-26 ta’ Marzu 2024, il-każ ingħalaq mingħajr ma ġiet adottata deċiżjoni finali skont l-Artikolu 31 tal-FSR wara li l-operatur ekonomiku rtira mill-proċedura ta’ akkwist.

b)Il-Każijiet FSP.100151 u FSP.100154 – Disinn, kostruzzjoni u tħaddim ta’ park fotovoltajku fir-Rumanija – Il-Kummissjoni fetħet żewġ investigazzjonijiet fil-fond fit-3 ta’ April 2025 biex tivvaluta jekk (i) Shanghai Electric UK Ltd. u Shanghai Electric Hong Kong International Engineering Company, u (ii) ENEVO Group – LONGi Solar Technologie Consortium irċevewx sussidji potenzjalment distorsivi fil-proċedura miftuħa ta’ akkwist pubbliku għad-disinn, il-kostruzzjoni u t-tħaddim ta’ park fotovoltajku fir-Rumanija. Fis-7 ta’ Ġunju 2024, iż-żewġ każijiet ingħalqu mingħajr ma ġiet adottata deċiżjoni finali skont l-Artikolu 31 tal-FSR wara l-irtirar tal-operaturi ekonomiċi mill-proċedura tal-akkwist pubbliku .

c)Il-każ FSP.103117 – Disinn u kostruzzjoni, akkwist ta’ vetturi u servizzi ta’ manutenzjoni tal-Linja Vjola tal-Metro ta’ Liżbona fil-Portugall - L-offerta tal-konsorzju mmexxi minn Mota-Engil Engenharia e Construção, S.A. (“Mota-Engil”) ġiet approvata b’kundizzjonijiet fil-21 ta’ April 2026. Il-proċedura kienet tikkonċerna l-proċedura miftuħa ta’ akkwist pubbliku għad-“Disinn u Kostruzzjoni, Akkwist ta’ Vetturi, u Servizzi ta’ Manutenzjoni għal-Linja l-Vjola tal-Metro ta’ Liżbona”, li kellha tingħata minn Metropolitano de Lisboa, E.P.E. L-offerta sottomessa minn Mota-Engil kienet ibbażata fuq Portugal CRRC, impriża li tappartjeni għall-grupp CRRC, bħala sottokuntrattur ewlieni għall-provvista ta’ vetturi ferrovjarji u servizzi relatati. Il-Kummissjoni sabet evidenza tal-preżenza ta’ sussidji barranin fil-forma ta’ għotjiet tal-gvern, miżuri fiskali u kumpens minn kuntratti pubbliċi li jaqbżu l-fatturat li kien jinkiseb fi proċedura kompetittiva, trasparenti u mhux diskriminatorja, li ppermettiet lil Portugal CRRC tissottometti offerta vantaġġuża lill-konsorzju mmexxi minn Mota-Engil u sussegwentement, ippermettiet lill-konsorzju tissottometti offerta indebitament vantaġġuża, u b’hekk ħolqot distorsjoni fil-kompetizzjoni fil-proċedura ta’ akkwist pubbliku. Biex tindirizza dan it-tħassib, Mota-Engil impenjat ruħha li tissostitwixxi s-CRRC tal-Portugall bil-Pojazdy Szynowe PESA Bydgoszcz Spółka Akcyjna (“PESA”) Pollakka għad-durata ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt kollha. Fiż-żmien tal-pubblikazzjoni, il-verżjoni finali mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni bl-impenji kienet għadha ma ġietx ippubblikata.

Minbarra dawn l-investigazzjonijiet fil-fond, il-Kummissjoni ddikjarat żewġ offerti irregolari minħabba sottomissjonijiet mhux kompluti.

a)Il-każijiet FSP101606 u FSP101626 – deċiżjonijiet li jiddikjaraw offerta irregolari –Id-deċiżjonijiet kienu jikkonċernaw il-Każ FSP.101606, li kien jinvolvi offerta għall-kostruzzjoni ta’ mina fuq distanza twila f’sejħa għall-offerti fil-Polonja, u l-każ FSP.101626, li kien jinvolvi offerta għall-provvista ta’ kompjuters u stazzjonijiet tax-xogħol f’sejħa għall-offerti fi Franza. Fiż-żewġ każijiet, il-Kummissjoni ħarġet deċiżjoni li tiddikjara s-sottomissjonijiet tal-operaturi ekonomiċi rispettivi mhux kompluti u li talbithom jissottomettu notifika kompluta fi żmien 10 ijiem ta’ xogħol. Peress li n-notifiki fiż-żewġ każijiet ma tlestewx sal-iskadenza, f’Marzu 2025 il-Kummissjoni ħarġet deċiżjonijiet li jiddikjaraw iż-żewġ offerti irregolari. Fl-aħħar mill-aħħar, l-awtoritajiet kontraenti ċaħdu l-offerti irregolari u ż-żewġ operaturi ekonomiċi ġew esklużi mill-proċeduri tal-akkwist pubbliku.

Il-Kummissjoni għandha wkoll is-setgħa li titlob in-notifika minn qabel tal-FFCs fi proċedura ta’ akkwist pubbliku li ma tissodisfax il-livelli limiti rilevanti, skont l-Artikolu 29(8) tal-FSR. Matul il-perjodu ta’ rieżami, il-Kummissjoni, għall-ewwel darba, eżerċitat is-setgħa tagħha.

a)Il-Każ FSP.103175 – Talba għal notifika minn qabel – Din it-talba nħarġet f’Novembru 2025 u kopriet żewġ proċeduri ta’ akkwist pubbliku mnedija għall-kostruzzjoni ta’ diversi sezzjonijiet ta’ awtostrada fil-Kroazja. Peress li l-operatur ekonomiku li kien meħtieġ jissottometti notifika minn qabel ma kkonformax mal-obbligu ta’ rappurtar, l-awtorità kontraenti rilevanti ħarġet talba lill-operatur ekonomiku kkonċernat biex jissottometti notifika nieqsa skont l-Artikolu 29(3) tal-FSR. Fl-aħħar mill-aħħar, l-awtorità kontraenti kkunsidrat l-offerta bħala “inammissibili, mhux xierqa, u teknikament inaċċettabbli”, u eskludiet lill-operatur ekonomiku mill-proċedura.

2.2.3.2.Riżultati tar-rieżami

L-infurzar bikri tal-FSR mill-Kummissjoni juri li l-qafas huwa adattat għall-iskop tiegħu u jissodisfa l-objettivi tiegħu, filwaqt li aktar irfinar ikun utli.

Is-sistema wriet li hija effiċjenti, billi ttrattat aktar sottomissjonijiet milli kien antiċipat filwaqt li segwiet rieżami fil-fond f’għadd limitat ta’ każijiet biss. Minbarra investigazzjonijiet fil-fond, każijiet ta’ irregolarità u talba waħda għal notifika minn qabel, l-effett deterrent tal-FSR jintwera f’każijiet fejn operaturi ekonomiċi, mhux disposti li jaqsmu l-informazzjoni dwar l-FFCs riċevuti, irtiraw minn proċeduri ta’ akkwist pubbliku, u b’hekk irawwem kompetizzjoni aktar ġusta.

Il-Kummissjoni laħqet skadenzi stretti u lestiet rieżamijiet preliminari fi żmien 20 jum tax-xogħol minkejja l-kumplessità tal-qafas proċedurali. Dan intlaqa’ b’mod pożittiv mill-partijiet ikkonċernati, peress li saħħaħ iċ-ċertezza legali għan-negozji u appoġġa t-tmexxija bla xkiel tal-proċeduri ta’ akkwist. Barra minn hekk, il-gwida konsistenti tal-Kummissjoni lill-Istati Membri u l-impenn regolari u kostruttiv mal-partijiet ikkonċernati ntlaqgħu b’mod wiesa’, u dan irawwem aktar ċarezza u kooperazzjoni fl-implimentazzjoni tal-qafas.

Madankollu, għad fadal sfidi, partikolarment dwar lakuni ta’ għarfien fost l-awtoritajiet kontraenti u n-nuqqas ta’ notifika mill-operaturi ekonomiċi. It-tqabbil bejn proċeduri ta’ akkwist kbar ippubblikati fit-Tenders Electronic Daily (TED)( 25 ) u dawk b’mill-inqas sottomissjoni waħda ta’ FSR jissuġġerixxi xejra ta’ konformità li tonqos maż-żmien. Wara żieda sinifikanti fin-notifiki tal-FSR minn 40 % għal 70 % matul l-ewwel sentejn ta’ infurzar, il-konformità naqset għal 45 % lejn l-aħħar tal-2025.

Barra minn hekk, it-tħassib ewlieni mqajjem mill-partijiet ikkonċernati jinkludi l-piż amministrattiv fuq l-operaturi ekonomiċi, xprunat minn, fil-fehma tagħhom, obbligi ta’ rappurtar wesgħin, livelli limiti ta’ rappurtar u formoli ta’ sottomissjoni kumplessi. Id-diffikultajiet fl-identifikazzjoni u r-rappurtar tal-FFCs spiss iwasslu għal preżentazzjonijiet mhux kompluti, li jirrikjedu li l-Kummissjoni tiġbor data nieqsa matul ir-rieżami preliminari. L-iskadenzi stretti aggravati min-nuqqas ta’ mekkaniżmu ta’ “waqqaf l-arloġġ” qed iħallu impatt fuq il-valutazzjonijiet tal-istrapazz, speċjalment f’każijiet kumplessi.

Filwaqt li sar progress fl-għoti ta’ gwida u t-titjib tat-trasparenza, il-partijiet ikkonċernati jkomplu jispjegaw li hemm bżonn ta’ titjib u simplifikazzjoni mmirati tal-qafas kurrenti, kif ukoll trasparenza msaħħa biex tappoġġa infurzar aktar konsistenti u prevedibbiltà akbar.

2.3.Żviluppi fis-sistemi ta’ kontroll tas-sussidji ta’ pajjiżi terzi

Skont l-Artikolu 52(2) tal-FSR, fil-kuntest tar-rieżami tagħha, il-Kummissjoni hija obbligata li tirrapporta dwar l-iżviluppi fir-relazzjonijiet internazzjonali li jinvolvu s-sistemi ta’ kontroll tas-sussidji ta’ pajjiżi terzi.

Għalhekk, l-Istudju ta’ Rieżami tal-FSR ivvaluta wkoll l-iżviluppi fir-relazzjonijiet internazzjonali rigward is-sistemi ta’ kontroll tas-sussidji ta’ pajjiżi terzi. Is-sejbiet dwar il-kwistjoni huma ppreżentati f’aktar dettall fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja dan ir-rapport.

Fil-qosor, ir-rieżami ta’ dawn l-iżviluppi jindika li ma kien hemm l-ebda żvilupp materjali fis-sistemi ta’ kontroll tas-sussidji ta’ pajjiżi terzi mill-adozzjoni tal-FSR. B’riżultat ta’ dan, l-FSR jibqa’ rilevanti biex jindirizza d-distorsjonijiet fis-suq intern ikkawżati minn sussidji barranin, li ma humiex maqbuda mill-mekkaniżmi ta’ difiża kummerċjali tradizzjonali tal-Unjoni.

Il-monitoraġġ kontinwu ta’ dawn l-iżviluppi, madankollu, jibqa’ importanti, speċjalment fid-dawl tal-politiki industrijali li qed jevolvu ta’ pajjiżi terzi u r-riformi futuri potenzjali fil-livell internazzjonali.

3.VALUTAZZJONI TAL-EFFETTIVITÀ TAL-FSR

Abbażi tas-sejbiet tar-rieżami, l-objettiv ġenerali tal-FSR jibqa’ validu u huwa rikonoxxut b’mod wiesa’ li l-FSR jikkontribwixxi b’mod pożittiv għall-preżervazzjoni ta’ kundizzjonijiet ekwi fis-suq intern.

F’termini ta’ kunċetti sostantivi tal-FSR, il-partijiet ikkonċernati rrappurtaw ħtieġa għal ċertezza u ċarezza legali ogħla, li tipikament hija assoċjata mal-implimentazzjoni ta’ qafas legali ġdid. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tieħu għadd ta’ inizjattivi biex tiċċara l-kunċetti tal-FSR, inkluża l-pubblikazzjoni reċenti tal-Linji Gwida tal-FSR, il-pubblikazzjoni tal-verżjonijiet mhux kunfidenzjali tad-deċiżjonijiet finali adottati li jikkonkludu l-investigazzjonijiet fil-fond tagħha, l-aġġornamenti regolari għall-mistoqsijiet u t-tweġibiet tal-FSR u l-pubblikazzjoni ta’ sommarji tal-FSR. Il-Kummissjoni se tibqa’ impenjata lejn dawn il-prattiki fil-futur. Il-Kummissjoni tistenna wkoll li l-akkumulazzjoni tal-prattika tal-każijiet tal-FSR se ġġib aktar ċarezza lill-partijiet ikkonċernati u tikkontribwixxi biex jinftehmu aħjar il-kunċetti speċifiċi tal-FSR.

Il-Kummissjoni se tkompli wkoll tinvolvi ruħha mal-partijiet ikkonċernati u l-awtoritajiet tal-Istati Membri dwar l-FSR.

Abbażi tas-sejbiet tar-rieżami, l-FSR ma jeħtieġx bidliet strutturali.

F’konformità mal-prijoritajiet tal-Kummissjoni għall-2024–2029, ir-rieżami ħares ukoll lejn il-piżijiet amministrattivi fuq in-negozji, inklużi l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, fil-proċess ta’ implimentazzjoni.

3.1.Fir-rigward tal-proċedura ex officio tal-FSR

Abbażi tar-rieżami, ir-rwol u l-objettiv tal-proċedura ex officio skont l-FSR huma rikonoxxuti b’mod wiesa’.

L-avvanz reċenti ta’ żewġ każijiet ex officio għal rieżami fil-fond, skont l-Artikolu 10(3) tal-FSR, joffri aktar għarfien dwar l-approċċ tal-Kummissjoni meta tivvaluta s-sussidji barranin potenzjalment distorsivi.

F’termini tat-tħassib li esprimew il-partijiet ikkonċernati fir-rigward tat-tul tal-investigazzjonijiet ex officio, il-Kummissjoni tinnota li dan jista’ jiġi spjegat fil-biċċa l-kbira mil-livell ta’ kumplessità f’każijiet individwali, il-kontestazzjonijiet addizzjonali mressqa quddiem il-Qrati tal-Unjoni kif ukoll il-grad tal-kooperazzjoni tal-impriżi li qed jiġu investigati.

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tikkunsidra li ma hemmx bżonn ta’ passi immedjati dwar il-proċedura ex officio. Il-Kummissjoni tibqa’ impenjata li tagħmel użu sħiħ minn tali proċeduri kull meta jkun meħtieġ biex tiżgura li s-suq intern, il-kompetittività tal-UE u s-sigurtà ekonomika ma jiġux imminati minn sussidji barranin distortivi. Il-Kummissjoni se tkompli bl-isforzi tagħha biex iżżid it-trasparenza u tipprovdi aktar għarfien fl-approċċ tagħha għall-każijiet ex officio, f’konformità mal-prattiki deskritti f’dan ir-Rapport u d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanjah.

3.2.Fir-rigward tan-notifiki tal-FSR għall-konċentrazzjonijiet

Kif ġie kkonfermat mir-rieżami, il-proċedura ta’ notifika ex ante għall-konċentrazzjonijiet tibqa’ għodda importanti ta’ infurzar tal-FSR, li tippermetti lill-Kummissjoni tidentifika u tindirizza s-sussidji barranin distortivi fil-kuntest tal-konċentrazzjonijiet u qabel l-implimentazzjoni tagħhom.

Fl-istess ħin, il-Kummissjoni tieħu nota tal-feedback tal-partijiet ikkonċernati dwar il-piż amministrattiv assoċjat mal-ġbir tad-data tal-FFC għall-fini ta’ notifiki ta’ konċentrazzjonijiet taħt l-FSR. Sabiex tindirizza dan il-feedback, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra aġġustamenti possibbli għall-istabbiliment proċedurali biex jitnaqqas il-piż amministrattiv u tiġi ffaċilitata l-konformità, filwaqt li żżomm l-effettività tal-FSR.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tibqa’ impenjata li tiżgura t-trasparenza dwar l-infurzar tal-FSR, inklużi aġġornamenti għall-mistoqsijiet u tweġibiet, l-aġġornamenti addizzjonali tal-FSR dwar suġġetti ewlenin, u l-pubblikazzjoni f’waqtha ta’ informazzjoni relatata mal-każijiet.

3.3.Fir-rigward tan-notifiki fil-proċeduri ta’ akkwist pubbliku

Kif ġie kkonfermat mir-rieżami, il-proċedura ta’ notifika ex ante għall-akkwist pubbliku hija komponent importanti tal-qafas tal-FSR, li tippermetti lill-Kummissjoni tidentifika u tindirizza sussidji barranin potenzjalment distorsivi anke fi proċeduri ta’ akkwist pubbliku ta’ valur għoli. Fl-istess ħin, l-esperjenza bikrija tal-infurzar flimkien mal-feedback tal-partijiet ikkonċernati jidhru li jindikaw li r-rekwiżiti ta’ preżentazzjoni relatati mar-rappurtar tal-FFCs, b’mod partikolari t-tħejjija tal-Formola FS-PP u l-proċess sottostanti tal-ġbir ta’ informazzjoni, jistgħu jiġġeneraw piż sproporzjonat għall-operaturi ekonomiċi.

Biex tindirizza dan it-tħassib, filwaqt li tippreżerva l-effettività tal-FSR, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra aġġustamenti possibbli għall-istruttura proċedurali biex tnaqqas il-piż amministrattiv fuq in-negozji u tiffaċilita l-konformità.

B’mod parallel, il-Kummissjoni se tkompli bl-isforzi tagħha biex issaħħaħ l-għarfien u l-konformità u biex ittejjeb it-trasparenza tal-prattika tal-infurzar tagħha, inklużi attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni għall-awtoritajiet kontraenti, l-operaturi ekonomiċi u l-prattikanti. Se tkompli wkoll tapprofondixxi d-djalogu tagħha mal-Istati Membri permezz ta’ skambji regolari mal-punti ta’ kuntatt nazzjonali u l-Grupp ta’ Esperti dwar l-Akkwist Pubbliku tal-FSR iddedikat bil-għan li tiżgura fehim konsistenti tal-obbligi tal-FSR madwar l-Unjoni.

4.KONKLUŻJONI 

L-FSR għandu rwol fundamentali u ewlieni fl-isforzi tal-Unjoni biex tindirizza d-distorsjonijiet fis-suq intern ikkawżati minn sussidji barranin. L-objettiv ġenerali tal-FSR, li huwa li jipprevjeni d-distorsjonijiet fis-suq intern ikkawżati minn sussidji barranin, huwa rikonoxxut b’mod wiesa’ u jibqa’ rilevanti ħafna. Is-sejbiet tar-rieżami jenfasizzaw l-importanza tal-FSR u jikkonfermaw li r-Regolament kien ta’ suċċess biex jidentifika konċentrazzjonijiet u akkwisti pubbliċi ta’ riskju għoli, kif muri mill-prattika tal-każijiet tal-Kummissjoni u d-deċiżjonijiet finali adottati b’impenji skont il-Kapitoli 3 u 4 tal-FSR kif ukoll l-investigazzjonijiet li għaddejjin, fil-ħin tal-pubblikazzjoni, skont il-proċedura ex officio.

Fid-dawl tal-feedback tal-partijiet ikkonċernati, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra aġġustamenti possibbli għall-istruttura proċedurali tal-FSR biex tnaqqas il-piż amministrattiv fuq in-negozji u tiffaċilita l-konformità, filwaqt li żżomm l-effettività tal-FSR.

Il-Kummissjoni tibqa’ impenjata li tinforza l-FSR kull meta jkun meħtieġ biex tiżgura kundizzjonijiet ekwi u tipproteġi s-suq intern minn sussidji barranin distortivi.

(1) ()    Ir-Regolament (UE) 2022/2560 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar sussidji barranin li joħolqu distorsjoni fis-suq intern, ĠU L 330, 23.12.2022, p.1–45, ELI:  http://data.europa.eu/eli/reg/2022/2560/oj
(2) ()     Multiple Mixed Framework Contract for the Provision of Expert Consultancy Services and Studies in the Context of Investigations and Enforcement Related to Foreign Subsidies (COMP/2023/OP/0017).
(3) ()    Summary report on the Public Consultation on the FSR Review Report, disponibbli fuq il-portal Semma’ Leħnek fuq Foreign Subsidies Review Report - public consultation .
(4) ()    L-Anness I għall-FSIR jikkonċerna l-Formola FS-CO relatata man-notifika ta’ konċentrazzjoni skont l-FSR u l-Anness II għall-FSIR jikkonċerna l-Formola FS-PP relatata man-notifika fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ akkwist pubbliku skont l-FSR. L-FSIR kien jikkonċerna wkoll ir-regoli dwar l-aċċess għall-fajl u t-trattament ta’ informazzjoni kunfidenzjali, ir-rekwiżiti ta’ trasparenza, ir-regoli għall-kalkolu tal-limiti ta’ żmien, u l-proċess ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni, inklużi dettalji proċedurali għall-proposta ta’ impenji mill-impriża li qed tiġi investigata.
(5) ()    Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni – Initial clarifications on the application of Article 4(1), Article 6 and Article 27(1) of Regulation (EU) 2022/2560 on foreign subsidies distorting the internal market , SWD(2024) 201 final.
(6) ()    Is-sit web tad-DĠ COMP – FSR Q&As .Is-sit web tad-DĠ GROW – FSR Q&As .
(7) ()    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Linji gwida dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2022/2560 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar sussidji barranin li joħolqu distorsjoni fis-suq intern , C(2026) 42 final.
(8) ()    Competition FSR brief (il-Ħarġa 1, Frar 2024) – The Foreign Subsidies Regulation – 100 days since the start of the notification obligation for concentrations .
(9) ()    Competition FSR brief (il-Ħarġa 1, Marzu 2024) – Guidelines on the implementation of the Foreign Subsidies Regulation (‘FSR Guidelines’) – Shedding light on key concepts .
(10) ()    Competition FSR brief (il-Ħarġa 1, Diċembru 2024) – The e&/PPF Telecom case – Interference on the foreign subsidies line to the EU .
(11) ()    Id-DĠ GROW kurrentement qed jesplora possibbiltajiet biex iżid it-trasparenza tal-proċedimenti għall-akkwist pubbliku filwaqt li jiżgura l-kunfidenzjalità tal-proċeduri nazzjonali tal-akkwist pubbliku .
(12) ()     Avviż sommarju dwar il-bidu ta’ investigazzjoni fil-fond fil-każ FS.100068 – NUCTECH skont l-Artikolu 10(3)(d) tar-Regolament (UE) 2022/2560 , ĠU UE C/2026/545.
(13) ()     Avviż sommarju dwar il-bidu ta’ investigazzjoni fil-fond fil-każ FS.100143 — Goldwind, skont l-Artikolu 10(3)(d) tar-Regolament (UE) 2022/2560 , OJEU C/2026/1120.
(14) ()    Il-Kawża T-284/24, Nuctech Varsavja u Nuctech Netherlands vs Il-Kummissjoni, ĠU C, C/2024/4107, ELI:  http://data.europa.eu/eli/C/2024/4107/oj .
(15) ()    Il-Kawża t-284/24 R, Nuctech Varsavja Company Limited Sp. z o.o. u Nuctech Netherlands BV vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:T:2024:564.
(16) ()    Il-Kawża t-284/24 R, Digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Awwissu 2024, ĠU C, C/2024/5824, ELI:  http://data.europa.eu/eli/C/2024/5824/oj .
(17) ()    Il-Kawża C-720/24 P(R), Digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Marzu 2025, ECLI:EU:C:2025:205.
(18) ()    Il-Kawża T-335/26, Goldwind Science & Technology vs Il-Kummissjoni, il-proċedimenti ewlenin, rikors ippreżentat fid-29 ta’ Mejju 2026.
(19) ()    Il-Kawża T-335/26 R, Goldwind Science & Technology vs Il-Kummissjoni, rikors għal eżenzjoni provviżorja, ippreżentat fid-29 ta’ Mejju 2026.
(20) ()     Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-24.9.2024 li sabet li, bl-impenji vinkolanti, is-sussidji barranin fil-konċentrazzjoni ma joħolqux distorsjoni fis-suq intern (il-Każ FS.100011 – e&/PPF Telecom Group) , C(2024) 6745 final.
(21) ()     Verżjoni proviżorja mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-14.11.2025 li sabet li, bl-impenji vinkolanti, is-sussidji barranin fil-konċentrazzjoni ma joħolqux distorsjoni fis-suq intern (Każ FS.100156 – ADNOC/COVESTRO) , C(2025) 7800 final/2.
(22) ()     Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt li Jakkumpanja l-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar sussidji barranin li joħolqu distorsjoni fis-suq intern
(23) ()    Il-proporzjon ta’ każijiet misjuba kompatibbli f’konformità mal-Artikolu 6(1)(b) tal-EUMR mingħajr impenji fl-ewwel fażi tal-investigazzjoni tal-EUMR fl-aħħar 5 snin ivarja bejn 93 % u 99 % fuq bażi annwali skont l-istatistika uffiċjali ppubblikata fuq is-sit web tal-Kummissjoni.
(24) ()    Il-fatturat tal-impriża konġunta nnifisha jitqies bħala indikatur aħjar għall-attività ekonomika awtonoma, u mhux biss għall-operazzjonijiet awżiljarji.
(25) ()     TED - Offerti tal-UE, is-Suppliment tal-Ġurnal Uffiċjali tal-UE - TED .