20.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 310/9


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1172/2013

tat-18 ta’ Novembru 2013

li japprova emenda minuri fl-ispeċifikazzjoni ta’ denominazzjoni mniżżla fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Kiwi de l’Adour (IĠP)]

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u partikolarment it-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 53(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni eżaminat it-talba mressqa minn Franza għall-approvazzjoni ta’ emendi fl-ispeċifikazzjoni tal-indikazzjoni ġeografika protetta “Kiwi de l’Adour”, irreġistrata skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 419/2009 (2).

(2)

It-talba għandha l-għan li temenda l-ispeċifikazzjoni billi tippreċiża l-mod ta’ fertilizzazzjoni tal-pjanta. Din l-emenda ma wasslitx għal emenda fis-sommarju ppubblikat (3).

(3)

Il-Kummissjoni eżaminat l-emenda kkonċernata u kkonkludiet li hija ġġustifikata. Billi din hija emenda żgħira skont it-tielet sottoparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni tista’ tapprovaha mingħajr ma tirrikorri għall-proċedura mogħtija fl-Artikoli 50 sa 52 ta’ dan ir-Regolament,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-ispeċifikazzjoni tal-indikazzjoni ġeografika protetta “Kiwi de l’Adour” hija b’dan emendata skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Novembru 2013.

Għall-Kummissjoni, F'isem il-President,

Dacian CIOLOȘ

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)   ĠU L 125, 21.5.2009, p. 60.

(3)   ĠU C 263, 16.10.2008, p. 5.


ANNESS

Fl-ispeċifikazzjoni tal-indikazzjoni ġeografika protetta “Kiwi de l’Adour”, ġiet approvata l-emenda li ġejja:

Metodu ta’ produzzjoni

Flok “L-applikazzjoni tan-nitroġenu (fil-forma ta’ fertilizzant solubbli) ma għandhiex taqbeż is-6 kg kull tunnellata ta’ frott prodott, jew applikazzjoni tan-nitroġenu kull ettaru limitat għal 200 unità ta’ nitroġenu jew, għall-imsaġar eċċezzjonali msemmija qabel, 250 unità ta’ nitroġenu”, aqra “L-applikazzjoni tan-nitroġenu (fil-forma ta’ fertilizzant solubbli) ma għandhiex taqbeż is-70 unità ta’ nitroġenu kull ettaru kull sena (meħtieġ għat-tkabbir tal-pjanta) biż-żieda ta’ 4 unità kull tunnellata frott prodott kull ettaru kull sena, soġġett għal limitu ta’ 250 unità ta’ nitroġenu kull ettaru kull sena”.

L-emenda tikkonċerna l-evoluzzjoni tal-mod ta’ fertilizzazzjoni tal-pjanta “Kiwi de l’Adour”, skont il-bżonnijiet tal-pjanta u tal-frott. Biex il-kultivaturi jkollhom aktar flessibbiltà fl-iffertilizzar tal-pjanti żgħażagħ, partikularment fid-dawl tal-kundizzjonijiet klimatiċi, l-emenda mwettqa tqis aktar id-diviżjoni tal-inputs.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni kkonsolidata: http://agriculture.gouv.fr/IMG/pdf/20130206_cdc_kiwideladour_bo_cle8134b7.pdf