European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2240

6.11.2025

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/2240

tal-5 ta’ Novembru 2025

li jemenda r-Regolament (UE) 2023/1442 fir-rigward tal-miżuri tranżizzjonali għall-materjali u l-oġġetti tal-plastik manifatturati bl-aċidu saliċiliku jew bi dqiq tal-injam jew fibri mhux ittrattati

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1935/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ottubru 2004 dwar materjali u oġġetti maħsuba biex jiġu f’kuntatt mal-ikel u li jħassar id-Direttivi 80/590/KEE u 89/109/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(1), it-tieni subparagrafu, il-punt (a), tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 10/2011 (2) jistabbilixxi regoli speċifiċi dwar materjali u oġġetti tal-plastik maħsuba biex jiġu f’kuntatt mal-ikel. B’mod partikolari, l-Anness I ta’ dak ir-Regolament jistabbilixxi lista tal-Unjoni ta’ sustanzi li jistgħu jintużaw fil-manifattura ta’ materjali u oġġetti tal-plastik li jiġu f’kuntatt mal-ikel.

(2)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/1442 (3) irrevoka l-awtorizzazzjonijiet għas-sustanzi “dqiq tal-injam u fibri, mhux ittrattat” (FCM Nru 96) u “aċidu saliċiliku” (FCM Nru 121) mill-1 ta’ Awwissu 2023. Ġiet prevista miżura tranżizzjonali biex jiġi permess li l-materjali u l-oġġetti tal-plastik li jikkonformaw mar-Regolament (UE) Nru 10/2011 kif applikabbli qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/1442, li ġew introdotti fis-suq qabel l-1 ta’ Frar 2025 ikunu jistgħu jibqgħu fis-suq sakemm jispiċċaw l-istokkijiet. Barra minn hekk, ġiet prevista wkoll miżura tranżizzjonali biex jiġi permess l-introduzzjoni fis-suq ta’ materjali u oġġetti tal-plastik manifatturati b’dawk is-sustanzi wara l-1 ta’ Frar 2025, dment li jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet. Dawk il-kundizzjonijiet jinkludu r-rekwiżit li tkun ġiet sottomessa applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni qabel l-1 ta’ Awwissu 2024, u li l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) tkun qieset l-applikazzjoni bħala valida qabel l-1 ta’ Frar 2025.

(3)

L-unika applikazzjoni sottomessa għall-awtorizzazzjoni tal-“aċidu saliċiliku” ġiet iddikjarata valida mill-Awtorità qabel l-1 ta’ Frar 2025. Madankollu, fir-rigward tad-“dqiq tal-injam jew fibri mhux ittrattati” minn speċi speċifika tal-injam, l-ebda wieħed mill-applikanti ma seta’ jissottometti l-informazzjoni li l-Awtorità tqis meħtieġa għall-valutazzjoni tar-riskju tagħha f’konformità mal-gwida amministrattiva tagħha għat-tħejjija tal-applikazzjonijiet dwar sustanzi li jridu jintużaw fil-materjali tal-plastik li jiġu f’kuntatt mal-ikel (4).

(4)

Wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2023/1442, l-Awtorità ppubblikat rapport tekniku (5) li jiddeskrivi b’mod ġenerali l-prinċipji li jistgħu jkunu applikabbli għall-valutazzjoni tas-sikurezza tal-użu ta’ taħlitiet ta’ oriġini naturali, bħall-injam. It-twaqqit u n-natura tar-rapport ikkawżaw inċertezza rigward l-informazzjoni li l-Awtorità tqis meħtieġa għall-valutazzjoni tagħha tad-“dqiq tal-injam u fibri mhux ittrattati”. Barra minn hekk, ir-rapport speċifika li f’ċerti sitwazzjonijiet jistgħu jkunu meħtieġa testijiet analitiċi li, minħabba d-durata tagħhom, kienu diffiċli biex jitlestew fil-ħin biex l-Awtorità tkun tista’ tqis l-applikazzjonijiet validi sal-1 ta’ Frar 2025, kif meħtieġ mill-Artikolu 2(3) tar-Regolament (UE) 2023/1442.

(5)

Fid-dawl tad-diffikultajiet biex tiġi sottomessa l-informazzjoni li l-Awtorità tqis li hija meħtieġa għall-valutazzjoni tar-riskju tagħha fil-ħin u minħabba n-nuqqas ta’ tħassib immedjat dwar is-sikurezza li jirriżulta mill-użu tad- “dqiq tal-injam u l-fibri mhux ittrattati” fil-materjali u fl-oġġetti tal-plastik kif deskritt fl-applikazzjonijiet, huwa xieraq li tiġi emendata d-data sa meta l-Awtorità trid tkun qieset l-applikazzjoni valida biex japplika l-perjodu tranżizzjonali, sabiex l-applikanti jkollhom żmien raġonevoli, għalkemm limitat, biex ilestu l-applikazzjoni tagħhom u sabiex, kif maħsub mill-Artikolu 2(3) tar-Regolament (UE) 2023/1442, il-materjali u l-oġġetti tal-plastik manifatturati bi “dqiq tal-injam jew fibri mhux ittrattati” li għalihom tkun ġiet sottomessa applikazzjoni skont dik id-dispożizzjoni jistgħu jibqgħu jiġu introdotti fis-suq għall-ewwel darba sakemm tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tagħhom.

(6)

Huwa xieraq ukoll li jiġi ċċarat li l-materjali u l-oġġetti tal-plastik li jibbenefikaw mill-perjodu tranżizzjonali jistgħu jibqgħu jiġu introdotti fis-suq għall-ewwel darba u jibqgħu fis-suq sakemm l-applikant jirtira l-applikazzjoni tiegħu jew tittieħed deċiżjoni dwar dik l-applikazzjoni.

(7)

Għalhekk, ir-Regolament (UE) 2023/1442 jenħtieġ li jiġi emendat kif xieraq.

(8)

Peress li l-miżura tranżizzjonali emendata b’dan ir-Regolament tippermetti l-ewwel introduzzjoni fis-suq ta’ materjali u oġġetti tal-plastik manifatturati bl-“aċidu saliċiliku” jew bid-“dqiq tal-injam jew fibri mhux ittrattati” wara l-1 ta’ Frar 2025, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika minn dik id-data sabiex tiġi żgurata t-tranżizzjoni bla xkiel mixtieqa minn dik il-miżura tranżizzjonali.

(9)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2023/1442 huwa emendat kif ġej:

(1)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Il-materjali u l-oġġetti tal-plastik manifatturati bis-sustanza aċidu saliċiliku jew bi dqiq tal-injam jew fibri mhux ittrattati minn speċi speċifika ta’ injam jistgħu jkomplu jiġu introdotti għall-ewwel darba fis-suq bejn l-1 ta’ Frar 2025 u l-31 ta’ Jannar 2026 dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

tkun tressqet applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tas-sustanza lill-awtorità kompetenti f’konformità mal-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1935/2004 qabel l-1 ta’ Awwissu 2024;

(b)

l-użu tas-sustanza għall-manifattura tal-materjal u l-oġġett tal-plastik, u l-użu tagħhom, ikun limitat għall-kundizzjonijiet tal-użu maħsuba deskritti fl-applikazzjoni;

(c)

l-informazzjoni pprovduta lill-Awtorità f’konformità mal-Artikolu 9(1), il-punt (b) tar-Regolament (KE) Nru 1935/2004 tkun tinkludi dikjarazzjoni li l-applikazzjoni hija applikazzjoni f’konformità ma’ dan il-paragrafu.

Il-materjali u l-oġġetti tal-plastik, li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-ewwel subparagrafu, jistgħu jibqgħu jiġu introdotti fis-suq għall-ewwel darba wkoll wara l-31 ta’ Jannar 2026 dment li l-Awtorità tkun qieset l-applikazzjoni msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu bħala valida sa dik id-data.”

(2)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Il-materjali u l-oġġetti tal-plastik jistgħu jiġu introdotti fis-suq għall-ewwel darba f’konformità mal-paragrafu 3 u jibqgħu fis-suq sakemm l-applikant jirtira l-applikazzjoni tiegħu jew sakemm il-Kummissjoni tadotta deċiżjoni li tagħti jew tirrifjuta l-awtorizzazzjoni għall-użu tal-aċidu saliċiliku jew tad-dqiq tal-injam jew fibri mhux ittrattati minn speċi speċifika ta’ injam skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 1935/2004.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Frar 2025.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Novembru 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 338, 13.11.2004, p. 4, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2004/1935/oj.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 10/2011 tal-14 ta’ Jannar 2011 dwar il-materjali u oġġetti tal-plastik maħsuba li jiġu f’kuntatt mal-ikel (ĠU L 12, 15.1.2011, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/10/oj).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/1442 tal-11 ta’ Lulju 2023 li jemenda l-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 10/2011 dwar il-materjali u oġġetti tal-plastik maħsuba li jiġu f’kuntatt mal-ikel, fir-rigward tal-bidliet fl-awtorizzazzjonijiet tas-sustanzi u ż-żieda ta’ sustanzi ġodda (ĠU L 177, 12.7.2023, p. 45, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/1442/oj).

(4)  Administrative guidance for the preparation of applications on substances to be used in plastic food contact materials (https://doi.org/10.2903/sp.efsa.2021.EN-6514).

(5)  Principles that could be applicable to the safety assessment of the use of mixtures of natural origin to manufacture food contact materials, EFSA supporting publication, 3 November 2023, https://www.efsa.europa.eu/en/supporting/pub/en-8409.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/2240/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)