12004V/AFI/DCL/04

Trattat Li Jistabbilixxi kostituzzjoni għall-Ewropa - ATT FINALI - A.Dikjarazzjonijiet dwar disposizzjonijiet tal-Kostituzzjoni - 4.Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu I-24(7), dwar id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew rigward l-eżerċizzju tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Ministri

Official Journal 310 , 16/12/2004 P. 0420 - 0421


4. Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu I-24(7), dwar id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew rigward l-eżerċizzju tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Ministri

Il-Konferenza tiddikjara li l-Kunsill għandu jibda jħejji d-Deċiżjoni Ewropea li tistabbilixxi l-miżuri għall-applikazzjoni tad-Deċiżjoni Ewropea tal-Kunsill Ewropew rigward l-eżerċizzju tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Ministri malli jiġi ffirmat it-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa u għandu jagħti l-approvazzjoni politika tiegħu fi żmien sitt xhur. Abbozz ta' deċiżjoni Ewropea tal-Kunsill Ewropew, li se tkun adottata fil-jum tad-dħul fis-seħħ ta' l-imsemmi Trattat, jidher kif ġej:

ABBOZZ TA' DEĊIŻJONI EWROPEA TAL-KUNSILL EWROPEW DWAR L-EŻERĊIZZJU TAL-PRESIDENZA TAL-KUNSILL.

Artikolu 1

1. Il-Presidenza tal-Kunsill, bl-eċċezzjoni tal-formazzjoni ta' l-Affarijiet Barranin, għandha tinżamm minn gruppi pre-stabbiliti ta' tliet Stati Membri għal perjodu ta' 18-il xahar. Il-gruppi għandhom ikunu ffurmati fuq bażi ta' rotazzjoni ugwali bejn l-Istati Membri, li tieħu in kunsiderazzjoni d-diversità tagħhom u l-bilanċ ġeografiku fi ħdan l-Unjoni.

2. Kull membru tal-grupp jippresjedi, għal perijodu ta' sitt xhur, il-presidenza tal-formazzjonijiet kollha tal-Kunsill, minbarra l-formazzjoni ta' l-Affarijiet Barranin. Il-membri l-oħra tal-grupp għandhom jassistu lill-Presidenza fir-responsabbiltajiet tagħha kollha, fuq bażi ta' programm komuni. Il-Membri tal-grupp jistgħu jiddeċiedu bejniethom dwar arranġamenti alternattivi.

Artikolu 2

Il-presidenza tal-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri għandha tinżamm minn rappreżentant ta' l-Istat Membru li jkollu l-presidenza tal-Kunsill ta' l-Affarijiet Ġenerali.

Il-Presidenza tal-Kumitat ta' Politika u ta' Sigurtà għandha tinżamm minn rappreżentant tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni.

Il-presidenza tal-korpi preparatorji tal-formazzjonijiet differenti tal-Kunsill, minbarra l-formazzjoni ta' l-affarijiet barranin, għandha taqa' fuq il-membru tal-grupp li jkollu l-Presidenza tal-formazzjoni relatata, sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor skond l-Artikolu 4.

Artikolu 3

Il-Kunsill ta' l-Affarijiet Ġenerali, bil-koperazzjoni tal-Kummissjoni, għandu jassigura l-koerenza u l-kontinwità fix-xogħol tal-formazzjonijiet differenti tal-Kunsill fil-qafas tal-programmi multiannwali. Stati Membri li jkollhom il-Presidenza għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa għall-organizzazzjoni u l-operazzjoni bla xkiel tax-xogħol tal-Kunsill, bl-għajnuna tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.

Artikolu 4

Il-Kunsill għandu jadotta deċiżjoni Ewropea li tistabbilixxi l-miżuri għall-implimentazzjoni ta' din id-deċiżjoni.

--------------------------------------------------