Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
BIONDI
ippreżentati fit‑3 ta’ Settembru 2026 (1)
Kawża C‑228/25 P
MegaFon OAO
vs
Il‑Kunsill tal‑Unjoni Ewropea
“Appell – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tal-azzjonijiet li jikkompromettu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina – Inklużjoni u żamma ta’ isem l-appellanti fil-lista tal-entitajiet suġġetti għal miżuri restrittivi – Kriterju ta’ appoġġ għall-kumpless militari u industrijali tal-Federazzjoni Russa fil-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukraina – Iskrizzjoni bbażata fuq fatt magħruf jew fuq fatt preżunt magħruf minn kulħadd – Preżunzjoni – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Rekwiżit ta’ stħarriġ komplet tal-miżuri restrittivi – Drittijiet tad-difiża – Dritt għal amministrazzjoni tajba – Żball ta’ evalwazzjoni – Oneru tal-prova – Assenza ta’ fajl dokumentarju”
Werrej
I. Il‑fatti li wasslu għall‑kawża u s‑sentenza appellata
II. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet
III. Fuq l-appell
A. Rimarka preliminari
B. Fuq is-sitt aggravju, ibbażat fuq il-ksur ta’ rekwiżit formali essenzjali
1. Sunt tal-argumenti tal-partijiet
2. Evalwazzjoni
C. Fuq l-ewwel parti tas-seba’ aggravju, ibbażata fuq żball ta’ liġi sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li l-assenza ta’ komunikazzjoni tal-provi matul il-proċedura amministrattiva ma kinitx wasslet għal ksur tal-Artikoli 41 u 47 tal-Karta
1. Sunt tal-argumenti tal-partijiet
2. Evalwazzjoni
a) Fuq l-atti inizjali
b) Fuq l-ewwel att ta’ żamma
1) Fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu proċedurali doppju matul il-fażi amministrattiva taż-żamma
2) Fuq ir-riferiment għar-risposta tal-Kunsill prodotta quddiem il-Qorti Ġenerali
D. Fuq it-tielet u r-raba’ aggravju, ibbażati fuq żball ta’ liġi sa fejn il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq preżunzjoni, qalbet l-oneru tal-prova u injorat il-portata tal-istħarriġ tagħha, fuq ksur tal-Artikoli 41 u 47 tal-Karta kif ukoll fuq żnaturament tal-fatti u tal-provi
1. Sunt tal-argumenti tal-partijiet
2. Evalwazzjoni
a) Fuq l-ammissibbiltà tat-tielet u tar-raba’ aggravju
b) Fuq il-mertu
1) Tfakkira tal-livell ta’ stħarriġ mistenni mill-qorti tal-Unjoni fir-rigward tal-fondatezza tal-miżuri restrittivi ta’ natura individwali
2) Fuq l-istħarriġ, mill-Qorti Ġenerali, tal-evalwazzjoni mwettqa mill-Kunsill
i) Fuq is-silenzju tal-atti inizjali, fuq l-assenza ta’ preżunzjoni u fuq l-allegata invokazzjoni ta’ fatt magħruf
ii) Fuq id-distinzjoni bejn l-assenza ta’ komunikazzjoni tal-elementi li abbażi tagħhom ġiet deċiża l-iskrizzjoni u l-assenza ta’ tali elementi fil-mument tal-iskrizzjoni
iii) Fuq l-użu tal-kuntest magħruf mill-persuna jew mill-entità iskritta fil-listi, il-“fatti preżunti magħrufa minn kulħadd” u l-qlib tal-loġika fis-sentenza appellata
– L-analoġija impossibbli mas-sentenza Central Bank of Iran vs IlKunsill
– L-analoġija impossibbli mas-sentenza LG Electronics vs UASI
iv) Konklużjoni tal-analiżi
E. Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali
IV. Konklużjoni
1. Din il-kawża tirrigwarda għal darba oħra l-legalità tal-miżuri restrittivi adottati mill-Unjoni Ewropea kontra l-Federazzjoni Russa b’reazzjoni għall-aggressjoni tagħha kontra l-Ukraina, gwerra li, sal-lum, għadha għaddejja bla waqfien u tibqa’ waħda mill-iktar theddidiet serji għall-paċi u għas-sigurtà fl-Ewropa.
2. Ftit li xejn hemm dubju li l-gravità eċċezzjonali ta’ din l-aggressjoni tirrikjedi li l-Unjoni teżerċita s-setgħat mogħtija lilha fil-qasam tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni b’mod li tiżgura l-ikbar effettività possibbli tar-reazzjoni tagħha. Madankollu, dan ir-rekwiżit ma jistax inaqqas l-importanza li jiġi żgurat li l-Unjoni nnifisha taġixxi konformement mal-valuri u mal-prinċipji li fuqhom huwa bbażat l-ordinament ġuridiku tagħha. Għall-kuntrarju, iktar ma tkun serja l-aggressjoni li tirreaġixxi għaliha l-Unjoni u iktar ma jkun sinjifikattiv ir-reġim ta’ sanzjonijiet effettiv, iktar ikun essenzjali li l-Unjoni tirrispetta bis-sħiħ il-valuri li l-azzjoni esterna tagħha hija mistennija tippromwovi.
3. Fil-fatt, skont l-Artikolu 21 TUE, l-azzjoni tal-Unjoni fix-xena internazzjonali għandha tkun iggwidata, fost l-oħrajn, mill-prinċipji tad-demokrazija, tal-Istat tad-dritt, tal-universalità u tal-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, tar-rispett tad-dinjità tal-bniedem kif ukoll tar-rispett tad-dritt internazzjonali. Dawn il-prinċipji ma humiex limitati għad-definizzjoni tal-għanijiet imfittxija mill-azzjoni esterna tal-Unjoni. Huma jirregolaw ukoll il-mod li bih din l-azzjoni għandha tiġi eżerċitata. Minn dan isegwi li l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ miżuri restrittivi għandhom jibqgħu kompletament konformi mar-rekwiżiti tal-Istat tad-dritt, li jinkludu l-obbligu li tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva kif ukoll ir-rispett sħiħ tad-drittijiet proċedurali u sostantivi tal-persuni u tal-entitajiet ikkonċernati (2).
4. Konsegwentement, din il-kawża toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-okkażjoni li tafferma mill-ġdid li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minkejja s-setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa li huwa għandu fil-qasam tal-miżuri restrittivi, għandu jeżerċita l-kompetenzi tiegħu fil-limiti assoluti imposti fuqu mit-Trattati u mill-Istat tad-dritt.
5. L-appellanti, MegaFon OAO, hija kumpannija stabbilita f’Moska (ir-Russja) li taġixxi bħala operatur tat-telekomunikazzjonijiet u tat-telefonija mobbli. Isimha ġie iskritt, u sussegwentement inżamm, mill-Kunsill fil-listi tal-persuni, tal-entitajiet u tal-korpi li jappoġġjaw il-kumpless militari u industrijali Russu fil-gwerra ta’ aggressjoni tiegħu kontra l-Ukraina. Għalhekk, hija suġġetta għal restrizzjonijiet imsaħħa fuq l-esportazzjoni ta’ oġġetti u ta’ teknoloġiji b’użu doppju kif ukoll ta’ oġġetti u ta’ teknoloġiji li jistgħu jikkontribwixxu għat-tisħiħ teknoloġiku tas-settur Russu tad-difiża u tas-sigurtà (3).
6. L-iskrizzjoni ta’ MegaFon hija saħansitra iktar partikolari fid-dawl tal-fatt li hija bbażata fuq l-invokazzjoni, mill-Kunsill, ta’ fatt preżunt magħruf minn kulħadd li fuqu huwa jsostni li bbaża ruħu. Skont il-Kunsill, dan il-fatt tant huwa magħruf li jeżentah mill-obbligu tiegħu li jiżgura ruħu mill-fondatezza tal-iskrizzjoni permezz tal-ġbir, u sussegwentement tal-produzzjoni, ta’ provi, minn tal-inqas qabel ma l-kawża tidħol fil-fażi kontenzjuża tagħha.
7. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha tiddetermina jekk tali prattika hijiex konformi mal-istandards ġurisprudenzjali fil-qasam tal-miżuri restrittivi.
I. Il‑fatti li wasslu għall‑kawża u s‑sentenza appellata
8. Permezz ta’ dan l-appell, l-appellanti titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑15 ta’ Jannar 2025, MegaFon vs Il‑Kunsill (4), li permezz tagħha il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tagħha, kif adattat darbtejn fil-mori tal-kawża, intiż għall-annullament tal-atti li permezz tagħhom isimha ġie iskritt fi Frar 2023 (5), u sussegwentement miżmum, f’Lulju 2023 (6) u f’Jannar 2024 (7), fil-lista tal-Anness IV tad-Deċiżjoni 2014/512 emendata, sa fejn dawn l-atti jikkonċernawha.
9. Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-kuntest ġuridiku li fuqu huwa bbażat dan l-appell huma esposti fil-punti 2 sa 27 tas-sentenza appellata li għalihom nirreferi. Għall-analiżi ta’ dan l-appell, dawn jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.
10. Fil‑25 ta’ Frar 2023, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2023/434 li permezz tagħha ddeċieda li jżid 96 entrata, fosthom dik tal-appellanti (8), fil-lista li tinsab fl-Anness IV tad-Deċiżjoni 2014/512 kif emendata. Dan l-anness kien jelenka l-entitajiet li jappoġġjaw direttament il-kumpless militari u industrijali tar-Russja fil-gwerra kontra l-Ukraina, li fil-konfront tagħhom huma imposti restrizzjonijiet iktar stretti fuq l-esportazzjonijiet ta’ oġġetti u ta’ teknoloġiji b’użu doppju u li jistgħu jikkontribwixxu għat-tisħiħ teknoloġiku tas-settur tad-difiża u tas-sigurtà tar-Russja (9). Ir-Regolament 2023/427 emenda l-Anness IV tar-Regolament Nru 833/2014 billi żied fih, b’mod partikolari, isem l-appellanti (10).
11. Fix-xahar ta’ Marzu 2023, l-appellanti talbet lill-Kunsill, darbtejn, jipprovdilha l-informazzjoni u l-provi li servew bħala bażi għall-adozzjoni tal-miżuri restrittivi li jikkonċernawha. Il-Kunsill wieġeb li ma kienx obbligat jinnotifika lill-persuni u lill-entitajiet li jidhru fil-listi kontenzjużi r-raġunijiet għall-inklużjoni tagħhom f’dawn il-listi u rrefera għall-informazzjoni li tiġġustifika, fil-fehma tiegħu, l-inklużjoni ta’ isem l-appellanti fil-listi, li tinsab fl-Artikoli 3 u 3b tad-Deċiżjoni 2014/512 emendata (11), fl-Artikoli 2, 2a u 2b tar-Regolament Nru 833/2014 emendat (12) kif ukoll fil-premessa 10 tad-Deċiżjoni 2023/434 u fil-premessa 4 tar-Regolament 2023/427 (13).
12. Fit‑13 ta’ April 2023, l-appellanti ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali rikors għal annullament kontra l-atti ta’ Frar 2023. B’mod parallel, hija ressqet lill-Kunsill talba għal eżami mill-ġdid ta’ dawn l-atti.
13. Fit‑23 ta’ Ġunju 2023, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2023/1217 u r-Regolament (UE) 2023/1214 (14), li emendaw, għal darba oħra, id-Deċiżjoni 2014/512 u r-Regolament Nru 833/2014, b’mod partikolari billi żiedu test introduttorju mal-Anness IV kif emendat (15).
14. Fl‑20 ta’ Lulju 2023, il-Kunsill adotta l-ewwel att ta’ żamma, li permezz tiegħu estenda d-Deċiżjoni 2014/512 emendata u, għalhekk, il-miżuri restrittivi fil-konfront tal-appellanti, għal perijodu ġdid ta’ sitt xhur, sal‑31 ta’ Jannar 2024.
15. Wara li ġiet informata b’din l-estensjoni mill-Kunsill, MegaFon bagħtet ittra lill-Kunsill, fejn talbitu jikkunsidra mill-ġdid id-deċiżjoni tiegħu li jestendi dawn il-miżuri u li jagħtiha aċċess għad-dokumenti rilevanti kollha.
16. Fid‑29 ta’ Jannar 2024, il-Kunsill adotta t-tieni att ta’ żamma u estenda l-miżuri restrittivi fil-konfront tal-appellanti għal perijodu ġdid ta’ sitt xhur, sal‑31 ta’ Lulju 2024.
17. MegaFon adattat ir-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali darbtejn, b’tali mod li r-rikors tagħha kien intiż, wara dan l-adattament, għall-annullament kemm tal-atti ta’ Frar 2023 kif ukoll taż-żewġ atti ta’ żamma. L-appellanti għalhekk ifformulat erba’ motivi bbażati, essenzjalment, fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, fuq żball ta’ evalwazzjoni u fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.
18. Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ta’ MegaFon fl-intier tiegħu.
II. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet
19. Fil‑25 ta’ Marzu 2023, MegaFon ippreżentat dan l-appell.
20. Fit-talbiet tagħha, hija titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha, prinċipalment, tannulla s-sentenza appellata kif ukoll l-atti kontenzjużi kollha; sussidjarjament, tannulla s-sentenza appellata u tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali; fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.
21. Il-Kunsill, sostnut fit-talbiet tiegħu mill-Kummissjoni Ewropea li kienet intervenjenti fl-ewwel istanza, jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell u tikkundanna lil MegaFon għall-ispejjeż.
III. Fuq l-appell
22. Permezz ta’ dan l-appell, MegaFon tqajjem tmien aggravji.
23. Essenzjalment, l-ewwel aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 85(3) u tal-Artikolu 92(7) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, fuq żnaturament tal-fatti u fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni sa fejn il-Qorti Ġenerali rrifjutat li tilqa’ t-talba għal produzzjoni ta’ prova addizzjonali mressqa mill-appellanti.
24. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u fuq ksur konġunt kemm tal-Artikolu 215 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 29 TUE.
25. It-tielet aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi dwar l-oneru tal-prova.
26. Ir-raba’ aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi sa fejn il-Qorti Ġenerali stabbilixxiet preżunzjoni, sabiex tiġġustifika l-iskrizzjoni tal-appellanti, fuq ksur tal-Artikoli 41 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) kif ukoll fuq żnaturament tal-provi u tal-fatti.
27. Il-ħames aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “appoġġ” fis-sens tal-kriterju li fuqu kienet ibbażata l-inklużjoni tal-appellanti, kif ukoll fuq żnaturament tal-provi u tal-fatti.
28. Permezz tas-sitt aggravju, MegaFon tikkritika lill-Qorti Ġenerali li naqset milli tikkonstata ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali sa fejn l-atti li jirrigwardaw lil MegaFon kienu ġew adottati minkejja li l-Kunsill ma kellux fajl dokumentarju dwar l-iskrizzjoni tagħha.
29. Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad is-sitt aggravju, MegaFon tiżviluppa s-seba’ aggravju b’mod sussidjarju. Permezz ta’ dan l-aggravju, MegaFon issostni li l-Qorti Ġenerali kellha tiddeċiedi li l-assenza ta’ komunikazzjoni tal-provi mill-Kunsill matul il-proċedura amministrattiva kienet tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha u tad-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (l-ewwel parti). Iktar sussidjarjament, hija tinvoka żball ta’ liġi li jirriżulta miċ-ċaħda, mill-Qorti Ġenerali, tal-eċċezzjoni ta’ illegalità li tikkonċerna d-Deċiżjoni 2014/512 u r-Regolament Nru 833/2014, ibbażata fuq l-allegata assenza tal-obbligu ta’ eżami mill-ġdid li jirriżulta minn dawn l-atti (it-tieni parti).
30. Fl-aħħar nett, it-tmien aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni.
31. Konformement mat-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser jiffokaw fuq it-tielet, ir-raba’ u s-sitt aggravji kif ukoll fuq l-ewwel parti tas-seba’ aggravju tal-appell.
A. Rimarka preliminari
32. Qabel kollox, għandu jiġi ppreċiżat li s-sentenza appellata jidhirli li hija vvizzjata bi żball ta’ liġi fundamentali li jikkonsisti f’nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ta’ stħarriġ ġudizzjarju li l-Qorti Ġenerali kellha tiżgura skont l-Artikolu 47 tal-Karta. Fil-fatt, preżunzjoni qatt ma tista’ tissostitwixxi l-invokazzjoni, imbagħad il-verifika effettiva, tal-punti ta’ fatt li fuqhom hija bbażata. Għalkemm preżunzjoni tista’ tinfluwenza l-mod kif il-provi jiġu evalwati, hija qatt ma tista’ teżenta mill-obbligu tal-qorti li tivverifika l-fatti li jagħtu lok għaliha. Fin-nuqqas ta’ dan, il-preżunzjoni tirriskja li tivvalida lilha nnifisha.
33. Tali distinzjoni hija kruċjali f’dan il-każ, peress li d-deċiżjoni tal-Kunsill li entità bħal MegaFon tiġi iskritta fil-lista tal-persuni u tal-entitajiet suġġetti għal miżuri restrittivi wasslet għal konsegwenzi individwali sfavorevoli għall-appellanti. Skont il-Qorti Ġenerali, il-Kunsill ibbaża ruħu fuq fatti preżunti magħrufa minn kulħadd (16), u dan ħelsu mill-obbligu tiegħu li jipprovdi lil MegaFon ir-raġunijiet għall-iskrizzjoni, kif ukoll il-provi insostenn tagħhom, sa mill-istadju tal-proċedura amministrattiva.
34. Hawnhekk ser niddefendi l-pożizzjoni li tali evalwazzjoni hija żbaljata fid-dritt u li l-Qorti Ġenerali kellha tivverifika li l-punt ta’ fatt li fuqu kienu bbażati l-fatti preżunti magħrufa minn kulħadd kien ġie stabbilit b’mod korrett fil-mument tal-adozzjoni tal-atti kontenzjużi. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, il-Qorti Ġenerali mhux biss siltet konklużjoni żbaljata mill-provi, li ż-żmien tal-produzzjoni tagħhom, barra minn hekk, ser jiġi diskuss. Hija applikat ukoll metodoloġija probatorja żbaljata billi bbażat ir-raġunament kollu tagħha fuq ipoteżi li, hija stess, kienet teħtieġ verifika.
35. Il-partikolarità tas-sentenza appellata tinsab fil-fatt li hija din il-premessa tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali li tivvizzjaha f’diversi stadji tal-analiżi tagħha, minkejja li din il-premessa hija spjegata biss fil-punti 118 et seq. tas-sentenza appellata.
36. MegaFon tikkontesta li l-Qorti Ġenerali aċċettat li l-Kunsill seta’ jibbaża l-iskrizzjoni tagħha fuq fatti preżunti magħrufa minn kulħadd. Hija tikkontesta l-eżistenza ta’ tali fatti f’dak li jikkonċernaha. Hija tikkontesta wkoll il-konsegwenzi proċedurali li jidhru li rriżultaw mill-invokazzjoni ta’ tali fatti mill-Kunsill u li essenzjalment kienu jikkonsistu fl-assenza ta’ kostituzzjoni ta’ fajl ta’ provi fil-mument tal-adozzjoni tal-atti inizjali.
37. Peress li s-sitt aggravju ta’ dan l-appell jikkonċerna l-allegazzjoni ta’ ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali u peress li l-ewwel parti tas-seba’ aggravju tirrigwarda b’mod partikolari l-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali kinitx korretta meta evalwat li l-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tal-atti kontenzjużi twettqet f’osservanza tad-drittijiet tad-difiża tal-appellanti, ser nibda l-analiżi bl-eżami ta’ dan l-aggravju u ta’ din il-parti. Imbagħad ser inkompli bl-eżami, li ser nagħmel b’mod konġunt, tat-tielet u tar-raba’ aggravji li jirrigwardaw, min-naħa tagħhom, l-evalwazzjoni tal-fondatezza tal-atti inizjali, u għalhekk tal-legalità interna tagħhom.
B. Fuq is-sitt aggravju, ibbażat fuq il-ksur ta’ rekwiżit formali essenzjali
1. Sunt tal-argumenti tal-partijiet
38. Essenzjalment, MegaFon issostni li l-Qorti Ġenerali kellha tirrileva ex officio l-ksur ta’ rekwiżit formali essenzjali kkostitwit mill-assenza ta’ fajl ta’ provi mħejji mill-Kunsill fil-mument tal-iskrizzjoni tagħha. Din l-irregolarità tal-proċedura hija tant gravi li tikkostitwixxi rekwiżit formali essenzjali. Fl-assenza ta’ tali fajl, il-Kunsill ipproċeda għall-votazzjoni fuq l-iskrizzjoni ta’ MegaFon mingħajr ebda dokument li jispjega fuq liema bażi kienet ġiet deċiża din l-iskrizzjoni. L-assenza totali ta’ dokumenti ta’ sostenn fil-mument tad-deċiżjoni tikkostitwixxi irregolarità proċedurali serja li l-Qorti Ġenerali kellha tqajjem ex officio u li tivvizzja l-legalità tal-miżuri restrittivi li jikkonċernaw lil MegaFon. Anki jekk jitqies li l-Kunsill seta’ jibbaża ruħu fuq fatt magħruf, il-Kunsill kien obbligat li jistabbilixxi fajl formali bi provi li jispeċifikaw fid-dettall l-allegazzjonijiet li abbażi tagħhom l-iskrizzjoni kienet ser tiġi deċiża. Tali fajl huwa neċessarju sabiex jiġi ggarantit li l-Kunsill jiddeċiedi b’għarfien sħiħ tal-fatti.
39. Fl-istadju tar-replika, MegaFon tippreċiża li l-prinċipju tal-Istat tad-dritt, l-Artikolu 215(3) TFUE kif ukoll id-dritt għal amministrazzjoni tajba jikkostitwixxu l-bażi tal-obbligu, għall-Kunsill, li jikkostitwixxi fajl fil-mument tal-adozzjoni tal-atti li jistabbilixxu miżuri restrittivi ta’ natura individwali. Barra minn hekk, tali obbligu jaqa’ wkoll taħt l-obbligu ta’ motivazzjoni li jirriżulta mill-Artikolu 41(2) tal-Karta kif ukoll mill-Artikolu 47 tal-Karta. Issa, l-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi formalità essenzjali.
40. Il-Kunsill u l-Kummissjoni jitolbu li s-sitt aggravju jiġi miċħud bħala infondat.
2. Evalwazzjoni
41. Fil-punt 124 tas-sentenza appellata, waqt li kienet qiegħda tiddeċiedi dwar it-tielet motiv imqajjem mir-rikorrenti bbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, “minkejja li l-Kunsill ma kkostitwixxiex fajl ta’ provi fil-mument tal-adozzjoni tal-atti inizjali, huwa seta’ jirreferi, fil-każ ta’ kontestazzjoni, għal elementi ġeneralment disponibbli fid-dominju pubbliku sabiex isostni l-allegazzjonijiet tiegħu dwar fatt li seta’ jiġi preżunt bħala magħruf minn kulħadd”.
42. MegaFon issostni li l-Qorti Ġenerali kellha tissanzjona l-assenza ta’ fajl ta’ provi fil-mument tal-adozzjoni tal-atti inizjali. L-irregolarità kkostitwita minn din l-assenza hija tali li tikkostitwixxi ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali, li l-Qorti Ġenerali kienet obbligata tirrileva ex officio.
43. Huwa minnu li, mingħajr qatt ma ddefinixxiet b’mod astratt il-kunċett ta’ “rekwiżit formali essenzjali” (17), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod kostanti li n-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli proċedurali dwar l-adozzjoni ta’ att li jikkawża preġudizzju jikkostitwixxi ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali u li, jekk il-qorti tal-Unjoni tikkonstata, waqt l-eżami tal-att inkwistjoni, li dan ma ġiex adottat regolarment, hija għandha tislet il-konsegwenzi tal-ksur ta’ rekwiżit formali essenzjali u, għaldaqstant, tannulla l-att (18). Barra minn hekk, hija l-qorti tal-Unjoni li għandha, meta tikkonstata tali nuqqas ta’ osservanza, teżaminah ex officio (19). Jeħtieġ ukoll li tali regola tkun identifikabbli b’mod ċar.
44. Issa, kif irrileva l-Kunsill, MegaFon baqgħet ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ regola li tista’ tiġi invokata kontra l-Kunsill li minnha jirriżulta l-obbligu li jikkostitwixxi, fil-mument tal-iskrizzjoni fil-listi kontenzjużi, fajl ta’ provi.
45. Għalhekk, ebda regola interna tal-Kunsill u ebda dispożizzjoni li taqa’ taħt l-atti kontenzjużi ma juru dan l-allegat obbligu.
46. Barra minn hekk, it-tliet sorsi identifikati minn MegaFon fl-istadju tar-replika tagħha jidhru li jaqgħu pjuttost fil-kategorija tal-“ksur tat-Trattati jew ta’ xi regola tad-dritt relattiva għall-applikazzjoni tiegħu”, li hija msemmija b’mod separat fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE fir-rigward tar-rekwiżiti formali essenzjali.
47. Fir-rigward tal-invokazzjoni ta’ dawn is-sorsi, għandu, l-ewwel nett, jiġi kkonstatat li MegaFon ma spjegatx ir-raġunijiet li għalihom għandu jitqies li l-ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jikkostitwixxi ksur ta’ rekwiżit formali essenzjali.
48. It-tieni, nikkonstata li l-Artikolu 2 TUE jiddikjara li l-Unjoni hija bbażata b’mod partikolari fuq l-Istat tad-dritt. Il-preeminenza ta’ dan il-valur fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni hija waħda mill-karatteristiċi tiegħu. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, bħala espressjoni ta’ valur, dan l-artikolu ma għandux il-karatteristiċi ta’ rekwiżit formali essenzjali.
49. It-tielet, l-Artikolu 215(3) TFUE jistabbilixxi li l-atti msemmija f’din id-dispożizzjoni għandhom jinkludu d-dispożizzjonijiet neċessarji fil-qasam tal-garanziji legali. Għaldaqstant, mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma jirriżulta ebda obbligu għall-Kunsill li jkollu fajl ta’ provi fil-mument tal-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi ta’ natura individwali.
50. Fl-aħħar u r-raba’, għalkemm ma hemm ebda dubju li l-Kunsill huwa obbligat jikkonforma ruħu mal-Artikolu 41 tal-Karta, kull nuqqas ta’ twettiq ta’ dan l-obbligu jikkostitwixxi ksur ta’ dritt fundamentali, u mhux ta’ rekwiżit formali essenzjali fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.
51. Għalhekk, l-assenza ta’ fajl ta’ provi fil-mument tal-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi ta’ natura individwali ma jidhirlix li taqa’ taħt rekwiżit formali essenzjali.
52. Għal finijiet ta’ kompletezza, inżid li l-argumenti tal-appellanti fil-kuntest ta’ dan l-aggravju jirriżultaw minn ċerta konfużjoni.
53. Fil-fatt, mill-qari tal-punt 124 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-kwistjoni ma hijiex tant dwar jekk il-Kunsill għandux ikollu, b’mod ġenerali u bħala prinċipju, fajl ta’ provi fil-mument tal-iskrizzjoni ta’ persuna jew ta’ entità fil-listi kontenzjużi, u jekk din ir-regola għandhiex tiġi stabbilita bħala rekwiżit formali essenzjali (li l-verifika tal-osservanza tiegħu taqa’ taħt l-istħarriġ tal-legalità esterna tal-att). Il-kwistjoni hija pjuttost, kif issostni l-Kummissjoni, jekk il-Qorti Ġenerali kellhiex raġun tikkonkludi li l-Kunsill seta’ jgħaddi mingħajr tali fajl, minħabba l-fatt li din l-istituzzjoni kienet qiegħda tinvoka quddiemha li l-iskrizzjoni tal-appellanti kienet ibbażata fuq fatt preżunt magħruf minn kulħadd (20).
54. Għalhekk, il-kwistjoni li jiġi stabbilit jekk il-Kunsill setax ma jkollux tali fajl fil-mument tal-iskrizzjoni ta’ MegaFon, tiddependi ħafna fuq il-kwistjoni li jiġi stabbilit jekk setax jibbaża din l-iskrizzjoni fuq l-eżistenza ta’ fatt preżunt magħruf minn kulħadd, kwistjoni li tirrigwarda l-istħarriġ tal-fondatezza (21) tagħha, u għalhekk l-istħarriġ tal-legalità interna tal-att.
55. Għar-raġunijiet kollha preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad is-sitt aggravju bħala infondat.
C. Fuq l-ewwel parti tas-seba’ aggravju, ibbażata fuq żball ta’ liġi sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li l-assenza ta’ komunikazzjoni tal-provi matul il-proċedura amministrattiva ma kinitx wasslet għal ksur tal-Artikoli 41 u 47 tal-Karta
1. Sunt tal-argumenti tal-partijiet
56. Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Kunsill kellu provi suffiċjenti fid-data tal-adozzjoni tal-atti kontenzjużi, MegaFon tikkontesta r-raġunament segwit mill-Qorti Ġenerali fil-punti 76 sa 97 tas-sentenza appellata, li permezz tiegħu hija ddeċidiet li l-assenza ta’ żvelar tal-provi matul il-proċedura amministrattiva ma kinitx ikkostitwixxiet ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha u tad-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Hija ssostni, essenzjalment, li l-Kunsill kien obbligat jikkomunika lill-appellanti kemm il-motivi kif ukoll il-provi inkriminanti b’mod li hija tkun tista’ tesprimi b’mod utli l-opinjoni tagħha. L-assenza ta’ komunikazzjoni tal-provi wasslet sabiex l-appellanti tipprepara r-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali fl-għami. Il-fatt li l-Qorti Ġenerali aċċettat li dawn il-provi jiġu kkomunikati biss matul il-proċedura ġudizzjarja mibdija quddiemha madankollu kiser id-drittijiet tad-difiża tagħha u poġġieha f’pożizzjoni żvantaġġuża meta mqabbla ma’ dik tal-Kunsill.
57. Il-Kunsill u l-Kummissjoni jitolbu li l-ewwel parti tas-seba’ aggravju tiġi miċħuda u jsostnu, essenzjalment, li l-argumenti tal-appellanti jirrigwardaw, fir-realtà, essenzjalment l-atti inizjali peress li provi dokumentali ġew annessi mar-risposta tal-Kunsill, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑28 ta’ Ġunju 2023. Għaldaqstant, l-appellanti saret taf b’dawn id-dokumenti tliet ġimgħat qabel l-adozzjoni tal-ewwel att ta’ żamma u tliet xhur qabel il-preżentata, fit‑2 ta’ Ottubru 2023, tal-ewwel nota ta’ adattament tagħha, li permezz tagħha hija kellha l-intenzjoni li tadatta r-rikors għal annullament tagħha sabiex tikkontesta wkoll l-ewwel att ta’ żamma.
58. Mill-bqija, l-argumenti tal-appellanti ma jiħdux inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Kunsill ibbaża ruħu fuq fatt magħruf. Issa, f’tali sitwazzjoni, il-Kunsill għandu d-dritt li jippreżenta lill-Qorti Ġenerali dokumenti ġeneralment disponibbli fid-dominju pubbliku sabiex isostni l-eżattezza ta’ tali fatt magħruf minn kulħadd, eżattezza li ma ġietx stabbilita fl-atti kontenzjużi.
59. Barra minn hekk, fir-rigward tal-atti inizjali, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet korrettament, fil-punt 80 tas-sentenza appellata, li dawn kellhom jibbenefikaw minn effett ta’ sorpriża.
60. Fir-rigward tal-ewwel att ta’ żamma, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-motivi għaż-żamma tal-appellanti fil-listi kontenzjużi baqgħu l-istess bħal dawk tal-atti inizjali. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet, skont ġurisprudenza stabbilita sew, li l-Kunsill ma kienx obbligat jisma’ lill-appellanti qabel l-adozzjoni tal-ewwel att ta’ żamma.
2. Evalwazzjoni
61. L-analiżi li ġejja għandha tkun ippreċeduta minn tliet sensiliet ta’ tfakkiriet.
62. Qabelxejn, infakkar li l-appellanti qajjmet din il-parti sussidjarjament, fil-każ li l-assenza ta’ fajl ta’ provi fil-mument tal-adozzjoni tal-miżuri restrittivi ta’ natura individwali ma tikkostitwixxix ksur ta’ rekwiżit formali essenzjali.
63. Sussegwentement, għandu jitfakkar li d-dritt għal amministrazzjoni tajba, stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta u li l-Kunsill huwa obbligat li jirrispetta, jinkludi l-obbligu impost fuq l-amministrazzjoni li timmotiva d-deċiżjonijiet tagħha b’mod suffiċjentement speċifiku u konkret sabiex il-persuna kkonċernata tkun tista’ tifhem ir-raġunijiet għall-miżura individwali li tikkawżalha preġudizzju, u dan l-obbligu jikkostitwixxi għalhekk il-korollarju tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża (22). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, peress li l-persuna kkonċernata ma għandhiex dritt għal smigħ qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni inizjali ta’ iskrizzjoni ta’ isimha fil-listi tal-persuni, tal-entitajiet jew tal-gruppi suġġetti għall-miżuri restrittivi, l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni hija iktar u iktar importanti, peress li tikkostitwixxi l-unika garanzija li tippermetti li l-persuna kkonċernata, minn tal-inqas wara l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, tuża b’mod utli r-rimedji għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tikkontesta l-legalità tal-imsemmija deċiżjoni. Minn dan jirriżulta li, bħala prinċipju, il-Kunsill huwa obbligat jinforma lil entità suġġetta għal miżuri restrittivi bir-raġunijiet speċifiċi u konkreti li għalihom huwa jqis li dawn il-miżuri kellhom jiġu adottati (23). Għalhekk, huwa għandu jsemmi kemm il-punti ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom tiddependi l-ġustifikazzjoni legali tal-miżuri ekonomiċi kkonċernati kif ukoll il-kunsiderazzjonijiet li wassluh sabiex jadottahom (24).
64. Għalhekk, minn ġurisprudenza konsistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża jeżiġi, fil-qasam tal-miżuri restrittivi, li, minn naħa, il-Kunsill jikkomunika lill-entità suġġetta għall-imsemmija miżuri l-motivi u l-provi inkriminanti li fuqhom huwa biħsiebu jibbaża d-deċiżjoni tiegħu (id-dritt għall-komunikazzjoni tal-motivi u tal-provi inkriminanti) u li, min-naħa l-oħra, il-Kunsill jippermetti li din l-entità tesprimi b’mod utli l-opinjoni tagħha fir-rigward tal-motivi invokati kontriha (id-dritt għal smigħ) (25).
65. Fl-aħħar nett, infakkar li mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li l-atti li permezz tagħhom persuna tiġi suġġetta, għall-ewwel darba, għal miżuri restrittivi huma rregolati minn sistema legali partikolari. Sa fejn MegaFon tinvoka ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha kemm fir-rigward tal-atti inizjali kif ukoll fir-rigward tal-ewwel atti ta’ żamma, ser nanalizza suċċessivament dawn iż-żewġ sensiliet ta’ atti.
a) Fuq l-atti inizjali
66. Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret li, fir-rigward ta’ deċiżjoni inizjali ta’ iskrizzjoni, il-Kunsill ma huwiex obbligat jikkomunika minn qabel il-motivi li fuqhom huwa biħsiebu jibbaża l-iskrizzjoni sabiex il-miżuri ppjanati jkunu jistgħu jibbenefikaw minn effett ta’ sorpriża u sabiex l-effettività tagħhom ma tkunx kompromessa (26). Hija vverifikat li l-atti inizjali kellhom jibbenefikaw minn tali effett qabel ma kkonkludiet li d-dritt għal smigħ ta’ MegaFon ma kienx inkiser (27).
67. Fir-rigward tal-assenza ta’ komunikazzjoni minn qabel tal-motivi, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kunsill kien obbligat, fuq talba tal-appellanti, jikkomunika l-motivi immedjatament wara l-adozzjoni tal-atti inizjali (28). Sussegwentement, hija vverifikat li l-Kunsill kien effettivament wieġeb għat-talbiet ta’ MegaFon. Wara li kkonstatat li l-Kunsill kien indika fl-ittra tiegħu tal‑31 ta’ Marzu 2023 li “l-informazzjoni kollha li tiġġustifika l-inklużjoni […] kienet tinsab fil-premessa 10 tad-Deċiżjoni 2023/434 u fl-Artikoli 3 u 3b tad-Deċiżjoni 2014/512 emendata kif ukoll fil-premessa 4 u fl-Artikoli 2, 2a u 2b tar-Regolament Nru 833/2014 emendat” (29), il-Qorti Ġenerali qieset li l-motiv, li kien jikkonsisti fil-fatt li MegaFon kienet tappoġġja direttament il-kumpless militari u industrijali Russu, kien effettivament ġie kkomunikat lill-appellanti (30). Il-Qorti Ġenerali għalhekk ikkonkludiet li l-appellanti kienet tqiegħdet f’pożizzjoni li tifhem il-motivi li għalihom isimha kien ġie inkluż fil-listi u li tiddefendi d-drittijiet tagħha “fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli” (31) kif ukoll li tiddeċiedi, b’għarfien sħiħ tal-fatti, jekk kienx utli li tadixxi lill-qorti (32).
68. B’dan il-mod, fid-dawl tal-qafas ġurisprudenzjali mfakkar fil-punti 63 et seq. tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi peress li llimitat ruħha li tikkonstata li l-Kunsill kien ikkomunika l-motiv tad-deċiżjoni inizjali ta’ iskrizzjoni tiegħu, meta, minn naħa, il-motiv hekk ikkomunikat kien jikkorrispondi eżattament għall-kriterju u, min-naħa l-oħra, il-provi inkriminanti li l-Kunsill ibbaża ruħu fuqhom insostenn tad-deċiżjoni ta’ iskrizzjoni tiegħu ma ġewx ikkomunikati.
69. Għalhekk, fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li l-motiv ikkomunikat lil MegaFon kien jikkonsisti biss f’repetizzjoni tal-kriterju. Fi kliem ieħor, MegaFon ġiet informata bil-fatt li hija kienet iskritta fil-lista tal-persuni li jappoġġjaw il-kumpless militari u industrijali Russu (il-kriterju) minħabba li hija tappoġġja l-kumpless militari u industrijali Russu (il-motiv).
70. Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali naqset milli tikkonstata li l-Kunsill la kien informa lil MegaFon bil-punti ta’ fatt li wassluh sabiex jadotta l-atti inizjali u lanqas ma kien indika li kien qiegħed jibbaża ruħu fuq fatt preżunt magħruf minn kulħadd, meta hija biss il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni suffiċjentement preċiża li tista’ tiggarantixxi li l-persuna kkonċernata tkun tista’ tesprimi b’mod utli l-opinjoni tagħha dwar il-provi meqjusa kontriha mill-Kunsill (33).
71. Fit-tielet lok, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Kunsill, mis-sentenza appellata ma jirriżultax li l-Qorti Ġenerali bbażat l-analiżi tagħha, fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża ta’ MegaFon, fuq il-fatt li l-Kunsill kien qiegħed jibbaża ruħu fuq fatt preżunt magħruf minn kulħadd. Il-fatt li l-Qorti Ġenerali ffokat ir-raġunament tagħha esklużivament fuq il-komunikazzjoni tal-motivi, u mhux tal-provi inkriminanti, għalhekk ma jistax jiġi spjegat bl-invokazzjoni ta’ fatt allegatament preżunt magħruf minn kulħadd, li fir-rigward tiegħu nirrileva, barra minn hekk, li lanqas biss kien imsemmi fl-atti inizjali, u għalhekk ma kienx jinsab fid-dispożizzjonijiet li għalihom il-Kunsill kien irrefera lil MegaFon fl-ittra tiegħu tal‑31 ta’ Marzu 2023.
72. Għaldaqstant, il-konklużjoni li, fid-dawl tal-komunikazzjoni biss tal-motiv użat – li fl-aħħar mill-aħħar irriżultat biss minn riferiment għad-dispożizzjonijiet li jiddefinixxu l-kriterju u n-natura tal-miżuri restrittivi – l-appellanti tqiegħdet “fl-aħjar kundizzjonijiet” possibbli sabiex tiddefendi ruħha, hija, minn tal-inqas, sorprendenti. Sabiex wieħed jikkonvinċi ruħu minn dan, huwa biżżejjed li jqis li, fid-data tat-tressiq tar-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, l-unika informazzjoni li MegaFon kellha kienet tikkonsisti fl-affermazzjoni li hija kienet meqjusa bħala entità li tappoġġja direttament il-kumpless militari u industrijali Russu.
73. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali fil-punti 81 sa 85 tas-sentenza appellata huwa vvizzjat bi żball ta’ liġi sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-komunikazzjoni biss tal-motiv lill-appellanti, kif jirriżulta mill-punt 84 ta’ din is-sentenza, setgħet tkun suffiċjenti sabiex tiggarantixxi r-rispett tad-drittijiet tad-difiża tagħha. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali injorat l-istandard meħtieġ kif imfakkar fil-punti 63 u 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li minnu jirriżulta li, anki jekk miżura restrittiva għandha, sabiex l-effikaċja tagħha ma tkunx kompromessa, tkun tista’ tibbenefika, min-natura tagħha stess, minn effett ta’ sorpriża u tapplika immedjatament, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jippreżupponi li l-awtorità kompetenti tal-Unjoni tikkomunika lill-entità kkonċernata l-motivi u l-provi meqjusa kontriha, u tagħtiha d-dritt għal smigħ fl-istess waqt jew immedjatament wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tikkonċernaha (34).
74. Għaldaqstant, l-ewwel parti tas-seba’ aggravju għandha tiġi milqugħa fir-rigward tal-atti inizjali.
b) Fuq l-ewwel att ta’ żamma
75. Qabelxejn, nippreċiża li, peress li l-argumenti tal-appellanti jirrigwardaw, kif irrileva l-Kunsill, essenzjalment l-Att ta’ żamma ta’ Lulju 2023, ser neskludi mill-analiżi li ġejja ż-żamma li rriżultat mill-adozzjoni tal-att ta’ Jannar 2024 (35).
1) Fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu proċedurali doppju matul il-fażi amministrattiva taż-żamma
76. Fir-rigward tal-atti ta’ żamma, l-osservanza tal-obbligu proċedurali doppju mfakkar fil-punt 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet għandha tippreċedi l-adozzjoni tad-deċiżjoni li l-isem tal-persuna jew tal-entità kkonċernata jinżamm fil-lista (36).
77. Fil-fatt, għalkemm id-deċiżjoni inizjali li persuna jew entità tiġi iskritta fil-lista tal-persuni u tal-entitajiet suġġetti għal miżuri restrittivi tista’ ma tkunx is-suġġett ta’ komunikazzjoni minn qabel tal-motivi u tal-provi inkriminanti li fuqhom hija bbażata, sabiex tkun tista’ tibbenefika minn effett ta’ sorpriża, tali effett ma jibqax iġġustifikat fir-rigward tal-atti ta’ żamma (37).
78. Għalhekk, fir-rigward ta’ tali atti, il-Kunsill huwa obbligat jikkomunika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi li għandu sabiex jibbaża d-deċiżjoni futura tiegħu u għandu jippermetti lill-persuna jew lill-entità kkonċernata tesprimi b’mod utli l-opinjoni tagħha (38).
79. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, peress li l-Kunsill kellu l-intenzjoni li jżomm il-miżuri restrittivi fir-rigward tal-appellanti għall-istess motivi bħal dawk li kienu ġġustifikaw l-adozzjoni tal-atti inizjali, huwa ma kienx obbligat jisma’ lil MegaFon qabel l-adozzjoni tal-atti ta’ żamma (39).
80. Madankollu, l-eżenzjoni tal-Kunsill mill-obbligu li jikkomunika l-motivi u l-provi inkriminanti li fuqhom huwa jkun ibbaża ruħu fil-mument taż-żamma, meta dawn ikunu identiċi għal dawk invokati fid-deċiżjoni inizjali, tista’ tapplika biss meta dawn tal-aħħar ikunu, kemm minn perspettiva sostanzjali kif ukoll minn perspettiva proċedurali, konformi mar-rekwiżiti stabbiliti mill-ġurisprudenza. Issa, sa fejn, fil-fehma tiegħi, dan ma kienx il-każ fl-atti inizjali, ir-repetizzjoni ta’ dan l-istess motiv biss ma jista’ jkollha ebda effett ieħor ħlief li tipperpetwa d-difett li bih kienu vvizzjati l-atti inizjali. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tibbaża l-evalwazzjoni tagħha fuq il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 87 tas-sentenza appellata.
81. Barra minn hekk, fid-dawl tal-kontenut tal-atti inizjali, ma kienx possibbli li jitqies li diġà kien hemm komunikazzjoni, lill-appellanti, ta informazzjoni suffiċjentement preċiża, li tippermetti lill-persuna kkonċernata tesprimi b’mod utli l-opinjoni tagħha dwar il-provi invokati kontriha mill-Kunsill, informazzjoni li minnha setgħet tirriżulta eżenzjoni, għall-Kunsill, mill-obbligu li jagħti spontanjament aċċess għad-dokumenti li jinsabu fil-fajl tiegħu (40).
2) Fuq ir-riferiment għar-risposta tal-Kunsill prodotta quddiem il-Qorti Ġenerali
82. Barra minn hekk, mill-punt 91 tas-sentenza appellata jirriżulta li fit‑13 ta’ Ġunju 2023 MegaFon kitbet lill-Kunsill sabiex titlob li isimha jitneħħa mil-listi kontenzjużi. Il-Kunsill weġibha fl‑24 ta’ Lulju 2023 billi indika r-raġuni għall-iskrizzjoni tagħha u billi rreferieha għall-kontenut tar-risposta ppreżentata minnu (41) quddiem il-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-proċedura li tat lok għas-sentenza appellata. Fit-tweġiba tiegħu, il-Kunsill indika wkoll lil MegaFon l-intenzjoni tiegħu li jżommha fl-imsemmija lista u informaha bil-possibbiltà mogħtija lilha li tippreżenta osservazzjonijiet sal‑1 ta’ Diċembru 2023.
83. L-ewwel att ta’ żamma huwa datat l‑20 ta’ Lulju 2023. Għalhekk, huwa ġie adottat wara li l-provi invokati kontra MegaFon kienu ġew, għall-ewwel darba, ikkomunikati lilha fir-risposta tal-Kunsill li ġiet innotifikata lilha fl‑10 ta’ Lulju 2023.
84. Tali sitwazzjoni tqajjem mistoqsijiet.
85. Fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ ineżami, jiġifieri f’sitwazzjoni fejn, fl-aħħar mill-aħħar, l-entità ġiet informata biss bil-kriterju li abbażi tiegħu l-Kunsill iddeċieda li jiskrivi isimha fil-listi mingħajr ma ġew ikkomunikati lilha l-punti ta’ fatt invokati insostenn ta’ din l-iskrizzjoni, il-kronoloġija tal-avvenimenti mfakkra fil-punt 82 ta’ dawn il-konklużjonijiet tagħti x’tifhem li ż-żewġ fażijiet – dik tal-proċedura amministrattiva u dik tal-proċedura ġudizzjarja – ġew konfużi.
86. Minn din il-konfużjoni rriżultat iċ-ċaħda tan-natura preliminari tal-proċedura amministrattiva li matulha d-drittijiet tad-difiża ta’ MegaFon kellhom jiġu ppreżervati. Għalhekk, il-Kunsill naqas milli jikkomunika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom kellu l-intenzjoni li jibbaża d-deċiżjoni ta’ żamma u milli jippermettilha tesprimi b’mod utli l-opinjoni tagħha qabel l-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni. Għalkemm huwa minnu li r-risposta tal-Kunsill quddiem il-Qorti Ġenerali ġiet innotifikata lil MegaFon fl‑10 ta’ Lulju 2023, jiġifieri qabel l-ewwel att ta’ żamma, kien biss fl‑24 ta’ Lulju 2023 (jiġifieri 4 ijiem wara l-adozzjoni ta’ dan l-att) li MegaFon ġiet informata bil-fatt li l-Kunsill kellu l-intenzjoni li jżommha fil-listi għar-raġunijiet esposti fir-risposta. Issa, il-mument rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk il-Kunsill irrispettax id-dritt għal smigħ tal-appellanti huwa d-data li fiha isimha ġie iskritt mill-ġdid fil-listi kontenzjużi (42).
87. Iż-żamma tal-effettività tal-proċedura amministrattiva, li hija intiża sabiex tippermetti li jinbidel l-iżvolġiment tal-proċess deċiżjonali, teżiġi li din ma tiġix konfuża mal-fażi ġudizzjarja li eventwalment issegwiha.
88. Il-komunikazzjoni effettiva tal-motiv u, fuq kollox, tal-punti ta’ fatt fil-mument tal-preżentata tar-risposta tal-Kunsill tista’ titqies li ppermettiet lil din l-istituzzjoni ssaħħaħ l-argumenti tagħha u tibbenefika minn kunċett dinamiku u evoluttiv ta’ dan il-motiv u ta’ dawn il-punti, filwaqt li l-appellanti la setgħet issir taf bihom matul il-proċedura amministrattiva u lanqas fi żmien utli għall-bidu tal-proċedura kontenzjuża (43).
89. Din il-konstatazzjoni ma tistax tittaffa bl-allegazzjoni li l-Kunsill ibbaża ruħu fuq fatt preżunt magħruf minn kulħadd jew li ma kienx obbligat jipprovdi l-punti ta’ fatt magħrufa mill-appellanti jew ġeneralment disponibbli fid-dominju pubbliku. Fil-fatt, dawn il-kunsiderazzjonijiet huma kompletament assenti mir-raġunament magħmul mill-Qorti Ġenerali fil-punti 86 et seq. tas-sentenza appellata (44).
90. Għalhekk, MegaFon ma tqegħditx f’pożizzjoni li tesprimi b’mod utli l-fehma tagħha fir-rigward tal-att ta’ żamma ta’ Lulju 2023 u, korrelattivament, il-Kunsill qatt ma kien verament f’pożizzjoni li jieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha, li kellhom jinkludu l-osservazzjonijiet ta’ MegaFon dwar l-elementi konkretament allegati kontriha, ifformulati qabel id-deċiżjoni ta’ żamma. Issa, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, “l-element ta’ protezzjoni li joffru r-rekwiżit ta’ komunikazzjoni tal-provi meqjusa kontra u d-dritt tal-preżentata tal-osservazzjonijiet qabel l-adozzjoni ta’ miżura [ta’ żamma] li tagħti bidu għall-applikazzjoni ta’ miżuri restrittivi huwa fundamentali u essenzjali għad-drittijiet tad-difiża” (45).
91. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-affermazzjoni li l-komunikazzjoni tad-dokumentazzjoni insostenn taż-żamma fir-risposta prodotta mill-Kunsill quddiem il-Qorti Ġenerali seħħet “f’terminu raġonevoli, li kien suffiċjenti sabiex jippermetti lir-rikorrenti, fiċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ dan il-każ, tinvoka d-drittijiet tad-difiża tagħha” (46) hija żbaljata fid-dritt.
92. Il-Qorti Ġenerali kellha tikkonstata li tali sitwazzjoni ma kinitx konformi mar-rekwiżit li l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ żamma għandha tkun ippreċeduta minn komunikazzjoni tal-provi inkriminanti meħuda inkunsiderazzjoni kif ukoll mill-opportunità mogħtija lill-entità kkonċernata li tinstema’ (47).
93. Għaldaqstant, l-ewwel parti tas-seba’ aggravju għandha tiġi milqugħa wkoll fir-rigward tal-ewwel att ta’ żamma.
D. Fuq it-tielet u r-raba’ aggravju, ibbażati fuq żball ta’ liġi sa fejn il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq preżunzjoni, qalbet l-oneru tal-prova u injorat il-portata tal-istħarriġ tagħha, fuq ksur tal-Artikoli 41 u 47 tal-Karta kif ukoll fuq żnaturament tal-fatti u tal-provi
94. It-tielet u r-raba’ aggravju huma, fil-fehma tiegħi, marbuta mill-qrib, peress li l-appellanti għandha l-intenzjoni li tallega, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta bbażat ruħha, fil-punti 118 sa 124 tas-sentenza appellata, fuq il-preżunzjoni li operatur ewlieni fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet tal-Federazzjoni Russa bħal MegaFon jipparteċipa, fi żmien ta’ gwerra, fl-appoġġ dirett lill-kumpless militari u industrijali ta’ dan il-pajjiż, sabiex tikkonkludi li l-iskrizzjoni tagħha fil-listi kontenzjużi kienet valida. F’dawn iċ-ċirkustanzi, nipproponi li dawn iż-żewġ aggravji jiġu eżaminati flimkien.
95. Ir-raġunament ikkontestat jirrigwarda l-analiżi, mill-Qorti Ġenerali, tal-motiv ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni tal-Kunsill fir-rigward tal-atti inizjali. Il-Qorti Ġenerali kienet mistiedna tiddetermina jekk l-elementi ppreżentati mill-Kunsill fl-anness għas-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu setgħux jintużaw insostenn tal-iskrizzjoni ta’ MegaFon.
96. Il-Qorti Ġenerali bdiet l-eżami tal-allegazzjoni li l-Kunsill ma setax jirreferi għal provi prodotti fl-istadju tar-risposta billi fakkret il-kriterju li abbażi tiegħu MegaFon kienet ġiet iskritta, jiġifieri dak tal-appoġġ dirett mogħti lill-kumpless militari u industrijali Russu, u billi rrilevat li l-Kunsill kien għarraf lil MegaFon li l-informazzjoni kollha li tiġġustifika l-iskrizzjoni tagħha kienet tinsab fid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-atti inizjali, li għalihom huwa kien għalhekk irrefera lill-appellanti (48).
97. Il-Qorti Ġenerali mbagħad fakkret il-ġurisprudenza dwar il-kundizzjonijiet li fihom in-nuqqas ta’ komunikazzjoni, mill-Kunsill, tal-elementi li fuq il-bażi tagħhom huwa adotta miżuri restrittivi ma jistax jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża (49). Hija qieset li l-fatt li wieħed mill-operaturi ewlenin tat-telekomunikazzjonijiet fir-Russja jipparteċipa, fi żmien ta’ gwerra, fl-appoġġ dirett lill-kumpless militari u industrijali Russu seta’ jiġi “preżunt li huwa magħruf minn kulħadd” (50). Fir-rigward ta’ tali fatt, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet, billi bbażat ruħha fuq is-sentenza Central Bank of Iran vs Il‑Kunsill (51), li l-Kunsill ma kienx obbligat jikkomunika lil MegaFon il-bażi dokumentali jew il-provi li fuqhom kienet ibbażata l-iskrizzjoni inizjali, peress li “[l]-fatti […] setgħu jiġu preżunti li huma magħrufa minn kulħadd” (52). Il-Qorti Ġenerali mbagħad stabbilixxiet li, fir-rigward ta’ “fatti magħrufa minn kulħadd”, il-Kunsill ma kienx obbligat jistabbilixxi, fid-deċiżjonijiet tiegħu, l-eżattezza tal-fatti insostenn tal-iskrizzjoni ta’ persuna. Skont il-Qorti Ġenerali, li hawnhekk ibbażat ruħha fuq applikazzjoni b’analoġija tas-sentenza LG Electronics vs UASI (53), huwa biss b’risposta għal eventwali kontestazzjoni, mill-persuna kkonċernata, tal-eżattezza ta’ tali fatti li l-Kunsill, skont il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, ikollu d-dritt jippreżenta lill-Qorti Ġenerali d-dokumenti li jsostnu l-eżattezza ta’ dawn il-fatti, li ma tkunx ġiet stabbilita fid-deċiżjoni li l-legalità tagħha tkun ikkontestata, sabiex il-qorti tal-Unjoni tkun tista’ teżamina dawn il-fatti u l-eżattezza tagħhom fuq il-bażi ta’ elementi konkreti u tiddeċiedi dwar il-kontestazzjoni tal-parti rikorrenti (54). Il-Qorti Ġenerali mbagħad żgurat li l-Kunsill kien jaf bil-kuntest ġenerali jew bl-informazzjoni ġeneralment disponibbli fid-dominju pubbliku li kienet tikkonċerna lil MegaFon, sabiex tikkonkludi li, minkejja li ma kienx ikkostitwixxa fajl ta’ provi fil-mument tal-adozzjoni tal-atti inizjali, huwa kien f’pożizzjoni li jsostni l-allegazzjonijiet tiegħu kontra MegaFon fir-rigward ta’ “fatt li seta’ jiġi preżunt li huwa magħruf minn kulħadd”, b’riferiment għal elementi ġeneralment disponibbli fid-dominju pubbliku (55).
1. Sunt tal-argumenti tal-partijiet
98. MegaFon issostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta bbażat ruħha, fil-punti 118 sa 124 tas-sentenza appellata, fuq preżunzjoni inkonfutabbli li wieħed mill-operaturi ewlenin tat-telekomunikazzjonijiet tal-Federazzjoni Russa, bħall-appellanti, jipparteċipa, fi żmien ta’ gwerra, fl-appoġġ dirett lill-kumpless militari u industrijali ta’ dan il-pajjiż, sabiex tikkonkludi li l-iskrizzjoni tagħha fil-listi kontenzjużi kienet valida. B’dan il-mod, MegaFon tallega li l-Qorti Ġenerali qalbet l-oneru tal-prova favur il-Kunsill u kisret id-drittijiet tad-difiża tagħha.
99. Fil-każ li jkollu jiġi deċiż li l-Kunsill ibbaża ruħu fuq fatt magħruf, MegaFon tibqa’ ssostni li l-affermazzjoni li, inkwantu operatur importanti fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet, hija tappoġġja l-kumpless militari-industrijali Russu ma tissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-ġurisprudenza għal tali fatt (56).
100. Min-naħa tagħhom, il-Kunsill u l-Kummissjoni jsostnu li l-konstatazzjoni tan-natura magħrufa ta’ fatt tikkostitwixxi evalwazzjoni ta’ natura fattwali li ma taqax taħt l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell, ħlief fil-każ ta’ żnaturament manifest. Issa, l-appellanti ma pprovdiet ebda element li juri tali żnaturament.
101. Huma jsostnu, fi kwalunkwe każ, li l-argumenti ta’ MegaFon huma bbażati fuq konfużjoni bejn il-kunċetti ta’ “fatt magħruf” u ta’ “preżunzjoni”. F’dan il-każ, il-kriterju ta’ iskrizzjoni fil-listi kontenzjużi huwa bbażat fuq fatt magħruf, li huwa fatt li l-eżattezza tiegħu tista’ tiġi kkontestata. Mill-ġurisprudenza jirriżulta li istituzzjoni bħall-Kunsill tista’ tibbaża ruħha fuq fatt magħruf u li, fil-każ ta’ kontestazzjoni quddiem il-qorti tal-Unjoni, din l-istituzzjoni għandha d-dritt tippreżenta l-elementi dokumentali li jsostnu l-eżattezza ta’ dan il-fatt sabiex il-qorti tkun tista’ tevalwa l-veraċità tiegħu (57).
102. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ġustament li l-elementi pprovduti mill-Kunsill kienu jikkostitwixxu sensiela ta’ indizji suffiċjentement konkreti, preċiżi u konkordanti li jikkonfermaw il-fatt li l-appellanti tappoġġja direttament il-kumpless militari u industrijali Russu.
103. Il-fatt magħruf jirreferi, b’mod ġenerali, għall-istatus magħruf sew tal-appellanti bħala wieħed mill-operaturi prinċipali tat-telekomunikazzjonijiet u għar-rwol ġenerali tal-infrastrutturi tat-telekomunikazzjonijiet, li jistgħu jiffaċilitaw l-integrazzjoni tat-territorji okkupati fil-Federazzjoni Russa, u b’hekk jappoġġjaw l-għan aħħari tal-gwerra mmexxija mill-kumpless militari-industrijali Russu.
104. Fir-rigward tal-ġurisprudenza kkontestata mill-appellanti, il-Kunsill isostni li l-unità u l-koerenza tad-dritt tal-Unjoni jeżiġu li l-qrati tal-Unjoni jkunu jistgħu japplikaw b’analoġija r-raġunament diġà żviluppat f’oqsma oħra tad-dritt. L-appellanti ma enfasizzatx differenzi sostanzjali bejn id-dritt tat-trade marks u d-dritt tal-miżuri restrittivi li jipprekludu tali applikazzjoni b’analoġija.
2. Evalwazzjoni
105. Wara li neżamina l-ammissibbiltà ta’ dawn l-aggravji, li fil-fehma tiegħi ma tqajjem ebda dubju, ser nanalizza l-allegazzjoni ta’ MegaFon li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, b’mod żbaljat, li l-Kunsill seta’ jibbaża ruħu fuq l-invokazzjoni ta’ fatt preżunt magħruf minn kulħadd sabiex jiġġustifika l-assenza ta’ fajl ta’ provi kkostitwit fil-mument tal-adozzjoni tal-atti inizjali.
106. Inqis li l-analiżi tal-Qorti Ġenerali hija vvizzjata b’diversi żbalji ta’ liġi li ser iwassluni sabiex nipproponi li t-tielet u r-raba’ aggravju, ikkunsidrati flimkien, jiġu milqugħa.
a) Fuq l-ammissibbiltà tat-tielet u tar-raba’ aggravju
107. Peress li fatt magħruf huwa, kif jindika ismu, fatt, il-Kummissjoni ssostni li MegaFon qiegħda tipprova tikseb mill-Qorti tal-Ġustizzja evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tikkonkludi li t-tielet u r-raba’ aggravju huma inammissibbli. Il-Kunsill, mingħajr madankollu ma jeċċepixxi formalment l-inammissibbiltà tat-tielet u tar-raba’ aggravju, li huwa eżamina flimkien, iqis li l-konstatazzjoni tan-natura magħrufa ta’ fatt tikkostitwixxi, skont il-ġurisprudenza (58), evalwazzjoni ta’ natura fattwali li ma taqax taħt l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja, ħlief fil-każ ta’ żnaturament.
108. Madankollu, MegaFon hawnhekk ma hijiex qiegħda tipprova tikkontesta biss l-eżistenza jew l-eżattezza tal-fatt magħruf allegat. Hija ssostni li l-Kunsill ma kellux, fil-mument tal-iskrizzjoni inizjali, l-elementi bażiċi li setgħu jsostnu l-fondatezza tal-iskrizzjoni u li l-assenza ta’ bażi fattwali solida ma setgħetx tiġi kkumpensata bl-invokazzjoni, matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, ta’ fatt magħruf li tiegħu, barra minn hekk, MegaFon effettivament tikkontesta kemm l-eżistenza kif ukoll l-eżattezza.
109. Fi kliem ieħor, dawn l-aggravji, fil-fehma tiegħi, ma jirrigwardawx daqstant in-natura magħrufa tal-fatt jew l-eżattezza tiegħu, iżda iktar il-kwistjoni dwar jekk jistgħux jiġu adottati miżuri restrittivi fl-assenza ta’ kwalunkwe bażi dokumentali, fuq il-bażi biss ta’ fatt preżunt magħruf minn kulħadd jew magħruf, li l-eżistenza tiegħu tiġi invokata, u l-eżattezza tiegħu tiġi issostanzjata, biss matul il-proċedura ġudizzjarja, u b’hekk iqiegħdu fid-dubju l-eżistenza stess ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Kunsill.
110. Barra minn hekk, MegaFon tallega wkoll li l-Qorti Ġenerali kisret kemm ir-regoli dwar l-oneru tal-prova kif ukoll id-dritt għal amministrazzjoni tajba u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li huma wkoll kwistjonijiet ta’ liġi li jistgħu jitressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (59).
111. Għaldaqstant, it-tielet u r-raba’ aggravju għandhom jitqiesu ammissibbli.
b) Fuq il-mertu
112. Fir-rigward tal-eżami tal-mertu ta’ dawn l-aggravji, nixtieq infakkar, fl-ewwel lok, il-livell ta’ stħarriġ meħtieġ mill-qorti tal-Unjoni fil-preżenza ta’ miżuri restrittivi bħal dawk imposti fuq MegaFon. Fit-tieni lok, ser nagħti preċiżazzjonijiet dwar id-delimitazzjoni tal-eżami li nipproponi li nwettaq. Fl-aħħar nett, fit-tielet lok, ser neżamina l-istħarriġ, mill-Qorti Ġenerali, tal-evalwazzjoni mwettqa mill-Kunsill.
1) Tfakkira tal-livell ta’ stħarriġ mistenni mill-qorti tal-Unjoni fir-rigward tal-fondatezza tal-miżuri restrittivi ta’ natura individwali
113. F’każ li dan ikun għadu meħtieġ, infakkar li d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-atti inizjali jikkostitwixxu, fir-rigward ta’ MegaFon, miżuri restrittivi ta’ portata individwali, kif barra minn hekk il-Qorti Ġenerali fakkret korrettament fil-punt 45 tas-sentenza appellata.
114. Bħala tali, l-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat fuq tali miżuri għandu jkun komplet (60).
115. L-effettività ta’ dan l-istħarriġ, kif iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta, teżiġi li l-qorti tal-Unjoni tiżgura li d-deċiżjoni li permezz tagħha ġew adottati miżuri restrittivi u li għandha portata individwali għal MegaFon tkun ibbażata fuq bażi fattwali suffiċjentement solida. Dan jimplika verifika tal-fatti allegati fl-espożizzjoni tal-motivi li fuqhom tkun ibbażata d-deċiżjoni, b’tali mod li l-istħarriġ ġudizzjarju ma jkunx limitat għall-evalwazzjoni tal-plawżibbiltà tal-motivi invokati, iżda jkun jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk dawn il-motivi, jew għall-inqas wieħed minnhom li jitqies suffiċjenti fih innifsu sabiex isostni din l-istess deċiżjoni, humiex issostanzjati (61). Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva jimplika li, fil-każ ta’ kontestazzjoni ġudizzjarja, il-qorti tal-Unjoni tistħarreġ b’mod partikolari in-natura suffiċjentement preċiża u konkreta tal-motivi invokati fl-att kif ukoll in-natura stabbilita tal-materjalità tal-fatti li jikkorrispondu għall-motiv inkwistjoni fid-dawl tal-elementi li jkunu ġew ikkomunikati (62).
116. Barra minn hekk, l-istħarriġ tal-legalità fil-mertu tal-miżuri restrittivi li għandha twettaq il-Qorti Ġenerali għandu jsir fid-dawl mhux biss tal-elementi li jinsabu fl-espożizzjonijiet tal-motivi tal-atti kkontestati, iżda wkoll fid-dawl ta’ dawk il-motivi li l-Kunsill jipprovdi lill-Qorti Ġenerali fil-każ ta’ kontestazzjoni sabiex jistabbilixxi l-fondatezza tal-fatti allegati f’dawn l-espożizzjonijiet (63).
117. Tali evalwazzjoni għandha ssir billi l-provi jiġu eżaminati fil-kuntest li minnu jifformaw parti u mhux b’mod iżolat, u l-Kunsill jissodisfa l-oneru tal-prova impost fuqu jekk jipproduċi, quddiem il-qorti tal-Unjoni, sensiela ta’ indizji suffiċjentement konkreti, preċiżi u konkordanti li jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta suffiċjenti bejn il-persuna suġġetta għal miżura ta’ ffriżar tal-fondi tagħha u r-reġim li kontrih tkun qiegħda tittieħed azzjoni. Barra minn hekk, hija l-awtorità kompetenti tal-Unjoni li għandha, fil-każ ta’ kontestazzjoni, tistabbilixxi l-fondatezza tal-motivi meħuda inkunsiderazzjoni kontra l-persuna kkonċernata, u ma hijiex din tal-aħħar li għandha tipproduċi prova negattiva tal-assenza ta’ fondatezza ta’ dawn il-motivi. Għalkemm ma huwiex meħtieġ li din l-awtorità tipproduċi quddiem il-qorti tal-Unjoni l-informazzjoni u l-provi kollha inerenti għall-motivi allegati, huwa importanti madankollu li l-informazzjoni jew l-elementi prodotti jissostanzjaw il-motivi meħuda inkunsiderazzjoni kontra l-persuna kkonċernata (64).
118. Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li issa għandhom jiġu eżaminati dawn l-aggravji.
2) Fuq l-istħarriġ, mill-Qorti Ġenerali, tal-evalwazzjoni mwettqa mill-Kunsill
119. MegaFon tallega li l-Qorti Ġenerali qieset li l-Kunsill kien ibbaża ruħu fuq fatt magħruf sabiex jiġġustifika l-iskrizzjoni tal-appellanti u li b’hekk aċċettat li l-Kunsill seta’ jinvoka l-elementi ppreżentati biss matul il-proċedura ġudizzjarja quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex “isostni” (65) l-iskrizzjoni ta’ MegaFon.
120. Sabiex jiġi vverifikat jekk l-analiżi mwettqa mill-Qorti Ġenerali hijiex korretta, għandu, fl-ewwel lok, jitfakkar il-kontenut tal-atti inizjali, li huma l-uniċi atti kkonċernati minn dawn l-aggravji. Minn dan ser niddeduċi li l-Qorti Ġenerali kellha tieħu inkunsiderazzjoni, fl-analiżi tagħha, il-fatt li l-atti inizjali imkien ma kienu jsemmu l-fatt preżunt magħruf minn kulħadd jew il-fatt magħruf li fuqu l-Kunsill jallega li bbaża ruħu.
121. Imbagħad, fit-tieni lok, ser nistabbilixxi li, fil-fehma tiegħi, il-Qorti Ġenerali ttrasponiet il-ġurisprudenza dwar id-drittijiet tad-difiża u l-assenza ta’ komunikazzjoni tal-provi f’sitwazzjoni li fiha hija ntalbet tivverifika li l-Kunsill kien effettivament eżerċita s-setgħa ta’ evalwazzjoni tiegħu.
122. Fit-tielet lok, ser nispjega għaliex, fil-fehma tiegħi, l-analoġija mas-sentenzi Central Bank of Iran vs Il‑Kunsill (66) u LG Electronics vs UASI ma hijiex rilevanti u tikkostitwixxi żball ta’ liġi ieħor.
123. Fl-aħħar nett, fir-raba’ lok, ser nislet il-konklużjonijiet neċessarji fi tmiem l-analiżi tiegħi fir-rigward tat-trattament tat-tielet u tar-raba’ aggravju.
i) Fuq is-silenzju tal-atti inizjali, fuq l-assenza ta’ preżunzjoni u fuq l-allegata invokazzjoni ta’ fatt magħruf
124. Mill-punt 118 tas-sentenza appellata jirriżulta li isem l-appellanti ġie inkluż, permezz tal-atti inizjali, fil-listi kontenzjużi minħabba li MegaFon kienet tappoġġja direttament il-kumpless militari u industrijali Russu.
125. Għandu jiġi kkonstatat li l-atti inizjali ma jipprovdu ebda definizzjoni ta’ dak li jikkostitwixxi “appoġġ dirett” jew ta’ dak li għandu jinftiehem b’“kumpless militari u industrijali” (67).
126. L-atti inizjali lanqas ma jipprovdu indikazzjonijiet dwar ir-raġunijiet għalfejn il-Kunsill qies, fir-rigward tas‑96 entrata miżjuda permezz tal-atti inizjali fl-Anness IV tad-Deċiżjoni 2014/512 emendata, li dawn kienu jappoġġjaw direttament il-kumpless militari u industrijali tar-Russja. B’mod partikolari, dawn l-indikazzjonijiet ma jirriżultawx mill-premessa 10 tad-Deċiżjoni 2023/434. Għalhekk, l-iskrizzjoni ta’ MegaFon tidher li rriżultat mill-formulazzjoni tal-kriterju, segwita mill-affermazzjoni, magħmula fl-istess ħin, li hija kienet tissodisfah, mingħajr ebda allegazzjoni oħra u, fil-fehma tiegħi, mingħajr espożizzjoni vera tal-motivi, peress li l-motiv kien jikkonsisti, f’dan il-każ, fir-repetizzjoni tal-kriterju.
127. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, f’sitwazzjoni paragunabbli fejn il-kunċetti ċentrali tal-kriterju ta’ iskrizzjoni ma kinux iddefiniti fl-att u lanqas ma kienet irregolata l-kwistjoni tal-mezzi ta’ prova, li “l-evalwazzjoni tal-fondatezza tal-iskrizzjoni ta’ persuna fil-lista tal-persuni u tal-entitajiet li huma s-suġġett ta’ miżuri restrittivi għadha teħtieġ [dejjem] il-prova ta’ elementi li jippermettu li jintwera li l-persuna kkonċernata” (68) tissodisfa l-kriterju. L-unika eċċezzjoni aċċettata hija meta teżisti preżunzjoni fil-formulazzjoni tal-kriterju (69).
128. Kif irrilevat MegaFon, għalkemm l-użu ta’ preżunzjoni huwa, bħala prinċipju, possibbli, dan huwa madankollu bil-kundizzjoni li jkun ġie previst espliċitament fl-atti (70). Fi kliem ieħor, bidla fl-oneru tal-prova impost fuq il-Kunsill hija possibbli biss meta din tkun prevista espressament fl-atti.
129. L-atti inizjali ma stabbilixxew ebda preżunzjoni li fuq il-bażi tagħha l-Kunsill seta’ jiġi awtorizzat jiskrivi ċerti persuni jew entitajiet. Il-Kunsill ma jsostnix il-kuntrarju u, barra minn hekk, ma jqisx li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq preżunzjoni.
130. Barra minn hekk, l-atti inizjali ma jinkludu ebda riferiment espliċitu għal eventwali fatt magħruf, jew magħruf minn kulħadd, li jista’ jsostni l-iskrizzjoni.
131. Il-Kunsill isostni li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet korrettament li huwa kien ibbaża ruħu fuq fatt magħruf, li l-ġurisprudenza ma teżiġix li jissemma espressament fl-atti sabiex tkun tista’ tiġi bbażata iskrizzjoni fuqu. Għalhekk, mill-invokazzjoni ta’ tali fatt kienet tirriżulta eżenzjoni mill-obbligu tal-Kunsill li jiddokumenta l-eżistenza ta’ bażi fattwali suffiċjentement solida fil-mument tal-iskrizzjoni.
132. Nammetti li għandi xi diffikultajiet b’tali teżi.
133. Minn naħa, il-Kunsill qatt ma semma fatt magħruf, la fit-test tal-atti inizjali u lanqas fl-annessi tagħhom. Issa, il-konsegwenza legali ta’ tali invokazzjoni hija bidla fil-pożizzjoni tiegħu fir-rigward kemm tal-komunikazzjoni tal-motivi kif ukoll tal-oneru tal-prova tal-elementi li jsostnu l-iskrizzjoni, oneru li, għalkemm ma jinqalibx, ikun kunsiderevolment inqas oneruż għall-Kunsill. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għalkemm jista’ jidher formalistiku li l-Kunsill jintalab jindika li jibbaża ruħu fuq fatt magħruf, jidhirli madankollu li huwa fundamentali li, fid-dawl tal-privileġġ li dan jagħtih, il-persuni u l-entitajiet suġġetti għall-miżuri restrittivi jiġu informati b’dan.
134. Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Kunsill, l-impożizzjoni fuqu ta’ tali obbligu ma tkunx tammonta għal evażjoni tal-effett utli tal-użu tal-fatt magħruf. Fil-fatt, il-fatt li l-Kunsill jintalab jindika, fl-att, li huwa biħsiebu jibbaża ruħu fuq tali fatt magħruf ma jfissirx li jintalab ikollu l-bażi dokumentali li tissostanzja dan il-fatt. Dan ikun sempliċement sinjal lill-persuni u lill-entitajiet ikkonċernati li l-fatt li huma jissodisfaw il-kriterju ddefinit mill-Kunsill jidher li, għal dan tal-aħħar, tant huwa evidenti li huwa biħsiebu jibbaża l-iskrizzjoni tagħhom fuq dan il-fatt magħruf. B’dan il-mod, id-dibattitu jkun jista’ minnufih jiġi orjentat lejn il-kwistjoni dwar jekk tali fatt jeżistix jew le u jekk huwiex eżatt. Issa, f’din il-kawża, kien biss meta ħadet konjizzjoni tar-risposta prodotta mill-Kunsill quddiem il-Qorti Ġenerali li MegaFon setgħet tifhem l-intenzjoni tal-Kunsill.
135. Min-naħa l-oħra, il-pożizzjoni sostnuta mill-Kunsill twassal sabiex l-użu ta’ fatt magħruf jiġi suġġett għal sistema inqas vinkolanti minn dik prevista għall-preżunzjonijiet. Issa, nammetti li għalkemm id-dibattiti, b’mod partikolari waqt is-seduta, kienu partikolarment intensi dwar id-distinzjoni li għandha tiġi stabbilita bejn preżunzjoni u fatt magħruf, inqis li, mill-perspettiva tal-persuni jew tal-entitajiet iskritti fil-listi, id-differenza hija, fl-aħħar mill-aħħar u mill-perspettiva tagħhom, pjuttost diffiċli li tiġi pperċepita u mifhuma, iktar u iktar peress li, skont il-Qorti Ġenerali, il-fatt magħruf jidher li huwa “preżunt magħruf minn kulħadd” (71). Fil-fehma tiegħi, xejn ma jiġġustifika li l-użu, mill-Kunsill, ta’ fatt magħruf jiġi suġġett għal sistema legali differenti minn dik tal-preżunzjoni.
136. Minn perspettiva purament prattika, tali sitwazzjoni twassal, barra minn hekk, sabiex il-Kunsill jiġi awtorizzat jipproċedi għal iskrizzjonijiet mingħajr bażi testwali u mingħajr bażi dokumentali, li fir-rigward tagħhom ikun jista’, biss sussegwentement (jekk ikun il-każ, fl-istadju ġudizzjarju), jinvoka l-eżistenza ta’ fatt magħruf. Għalhekk, xejn ma jiggarantixxi li l-Kunsill effettivament evalwa s-sitwazzjoni tal-persuna jew tal-entità iskritta fil-mument tal-iskrizzjoni inizjali u żgura ruħu mill-eżistenza, u sussegwentement mis-solidità, tal-motivi li huwa jallega (72), anki jekk dawn ikunu bbażati fuq l-eżistenza ta’ fatt magħruf. Issa, il-preżervazzjoni tal-leġittimità tal-azzjoni tal-Kunsill fil-qasam tal-miżuri restrittivi u, permezz tiegħu, tal-azzjoni tal-Unjoni teżiġi li din tiġi protetta kontra l-akkuża ta’ arbitrarjetà.
137. Fid-dawl tar-rekwiżiti misluta mill-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju mfakkra ġustament mill-Qorti Ġenerali fil-punt 111 tas-sentenza appellata, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali ma vverifikatx il-fatti allegati fl-espożizzjoni tal-motivi – kundizzjoni neċessarja sabiex jiġi stabbilit li l-miżura restrittiva kkonċernata hija bbażata fuq bażi fattwali suffiċjentement soda –, peress li l-fatt magħruf ma kienx jinsab preċiżament fl-espożizzjoni tal-motivi. Il-Qorti Ġenerali tidher pjuttost li ppermettiet lill-Kunsill jibbaża ruħu a posteriori fuq fatt (f’dan il-każ magħruf) li ma jistax jiġi stabbilit li ggwida l-evalwazzjoni tal-Kunsill fil-mument tal-iskrizzjoni inizjali ta’ MegaFon.
138. Fid-dawl tas-silenzju tal-atti inizjali dwar id-definizzjoni tal-elementi kostituttivi tal-kriterju użat u dwar l-użu ta’ fatt magħruf, għandu għalhekk jiġi kkonstatat, kif issostni MegaFon, li l-allegazzjoni dwar l-allegat appoġġ dirett mogħti lill-kumpless militari u industrijali Russu hija vaga u ambigwa u li t-tifsira eżatta tagħha tista’ tingħata diversi interpretazzjonijiet. Il-Kunsill ma jirnexxilux jikkonvinċi il-kuntrarju billi sempliċement itenni li “l-fatt magħruf ikkonstatat mill-Qorti Ġenerali […] jirreferi b’mod ġenerali għall-fatt li operatur importanti Russu tat-telekomunikazzjonijiet bħar-rikorrenti neċessarjament jappoġġja l-kumpless militari u industrijali fi żmien ta’ gwerra” (73). Tali affermazzjoni ma hijiex evidenti minnha nnifisha sal-grad meħtieġ minn fatt magħruf. Dan jixhdu, l-ewwel nett, il-fatt li MegaFon indikat, mingħajr ma ġiet kontradetta mill-Kunsill u mill-Kummissjoni, li hija l-uniku operatur tat-telekomunikazzjonijiet iskritt fil-listi kontenzjużi, filwaqt li, għalkemm hija operatur importanti, ma hijiex l-iktar operatur importanti (74), u, it-tieni nett, l-intensità li biha hija kkontestat il-provi finalment prodotti mill-Kunsill quddiem il-Qorti Ġenerali.
139. Billi aċċettat li tirrikonoxxi li l-Kunsill kien ibbaża ruħu fuq fatt magħruf minkejja s-silenzju tal-atti inizjali, il-Qorti Ġenerali vvizzjat ir-raġunament tagħha bi żball ta’ liġi.
ii) Fuq id-distinzjoni bejn l-assenza ta’ komunikazzjoni tal-elementi li abbażi tagħhom ġiet deċiża l-iskrizzjoni u l-assenza ta’ tali elementi fil-mument tal-iskrizzjoni
140. Quddiem is-silenzju tal-atti inizjali, il-Qorti Ġenerali użat il-kunċetti ta’ “provi preżunti li huma magħrufa minn kulħadd” (75) u ta’ “fatti preżunti magħrufa minn kulħadd” (76) sabiex tiġġustifika l-assenza ta’ komunikazzjoni tal-elementi li abbażi tagħhom il-Kunsill iskriva lil MegaFon (77).
141. B’hekk, il-Qorti Ġenerali reġgħet invokat il-ġurisprudenza dwar id-drittijiet tad-difiża (78) meta, fir-realtà, hija kienet diġà eżaminat il-motiv ibbażat fuq ksur ta’ tali drittijiet (79) u kienet intalbet tiżgura ruħha li l-Kunsill kien eżerċita effettivament is-setgħa ta’ evalwazzjoni tiegħu fil-mument tal-iskrizzjoni ta’ MegaFon.
142. Għalhekk, iktar milli kwistjoni ta’ assenza ta’ komunikazzjoni tal-elementi li abbażi tagħhom il-Kunsill kien iqis li MegaFon kienet tipprovdi appoġġ dirett lill-kumpless militari u industrijali Russu, fil-fatt kien meħtieġ li jiġi ddeterminat jekk il-Kunsill kienx tassew ħa inkunsiderazzjoni tali elementi.
iii) Fuq l-użu tal-kuntest magħruf mill-persuna jew mill-entità iskritta fil-listi, il-“fatti preżunti magħrufa minn kulħadd” u l-qlib tal-loġika fis-sentenza appellata
143. Sabiex tiġġustifika l-fatt li l-Kunsill ma kellux bażi dokumentali fil-mument tal-iskrizzjoni, il-Qorti Ġenerali qieset li seta’ jintuża l-kuntest u għamlet analoġija mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, fil-qasam tad-drittijiet tad-difiża u, min-naħa l-oħra, fil-qasam tad-dritt tat-trade marks dwar il-fatt magħruf.
144. Mill-analiżi li ġejja jirriżulta li ebda waħda minn dawn l-analoġiji ma tidher rilevanti għall-kawża tagħna.
– L-analoġija impossibbli mas-sentenza Central Bank of Iran vs Il‑Kunsill
145. L-analoġija mas-sentenza Central Bank of Iran vs Il‑Kunsill (80), invokata mill-Kunsill u li fuqha l-Qorti Ġenerali bbażat parti mill-analiżi tagħha, ma hijiex konvinċenti.
146. L-ewwel nett, l-analiżi tal-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata f’din il-kawża tikkonċerna esklużivament l-atti inizjali li permezz tagħhom ġiet iskritta MegaFon (81), filwaqt li s-sentenza Central Bank of Iran vs Il‑Kunsill (82) kienet tikkonċerna deċiżjoni li żammet isem l-entitàiskrittafil-listi li kienu kontenzjużi f’dik il-kawża.
147. It-tieni, is-sentenza Central Bank of Iran vs Il‑Kunsill (83) tikkonċerna l-kundizzjonijiet li fihom il-Kunsill jista’ jiġi eżentat mill-obbligu li jikkomunika lil persuna jew lil entità miżmuma f’lista l-elementi li abbażi tagħhom iddeċieda din iż-żamma (84), jiġifieri d-drittijiet tad-difiża. L-għan tat-tielet motiv imressaq minn MegaFon quddiem il-Qorti Ġenerali kien li jiġi żgurat li l-Kunsill kien f’pożizzjoni li jistabbilixxi li l-iskrizzjoni inizjali tagħha kienet ibbażata fuq bażi fattwali suffiċjenti u li huwa kien effettivament eżerċita s-setgħa ta’ evalwazzjoni tiegħu, kwistjoni li ma kinitx inkwistjoni f’din is-sentenza.
148. It-tielet, fil-kawża li tat lok għas-sentenza Central Bank of Iran vs Il‑Kunsill, l-użu tal-kuntest magħruf mill-persuna jew mill-entità iskritta fil-listi kien jidher permess minħabba s-sitwazzjoni partikolari tal-appellanti, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “[r]-rwol [tagħha] […] bħala bank ċentrali tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran u d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi li jikkonċernawh[a] jistgħu jitqiesu li jikkostitwixxu kuntest magħruf tal-appellant” (85), li fid-dawl tiegħu l-Kunsill ma kienx obbligat jipprovdi “motivazzjoni espliċita” (86) dwar is-servizzi finanzjarji u r-riżorsi u l-faċilitajiet finanzjarji li l-appellanti allegatament kienet ipprovdiet lill-Gvern Iranjan (87). Issa, MegaFon, bħala operatur privat tat-telekomunikazzjonijiet ċivili, ma tokkupax pożizzjoni paragunabbli ma’ dik ta’ bank ċentrali.
149. Fl-aħħar u r-raba’, nikkonstata li, fis-sentenza Central Bank of Iran vs Il‑Kunsill (88), il-Qorti tal-Ġustizzja l-ewwel kienet żgurat ruħha li r-rwol tal-appellanti u l-qafas normattiv tal-azzjoni tagħha kienu jikkostitwixxu kuntest magħruf minnha qabel ma qieset li l-Kunsill ma kienx obbligat jipprovdilha motivazzjoni espliċita dwar ir-raġunijiet għaliex kien iqis li hija kellha tkun suġġetta għal miżuri restrittivi. Issa, il-konklużjoni li tasal għaliha l-Qorti Ġenerali fil-punt 124 tas-sentenza appellata tidher li tirriżulta minn loġika inversa, peress li hija bbażatha fuq il-fatt li “[l-Kunsill] ma injorax il-kuntest ġenerali jew l-informazzjoni ġeneralment disponibbli fid-dominju pubbliku li kienet tikkonċerna l-entitajiet li huwa ddeċieda li jinkludi fil-listi kontenzjużi, u b’mod partikolari r-rikorrenti” sabiex jiġġustifika l-assenza ta’ fajl ta’ provi fil-mument tal-adozzjoni tal-atti inizjali.
150. Fil-fehma tiegħi, l-invokazzjoni tas-sentenza LG Electronics vs UASI tirriżulta mill-istess inverżjoni tal-loġika, kif ser nispjega issa.
– L-analoġija impossibbli mas-sentenza LG Electronics vs UASI
151. Għalhekk, fir-rigward tal-analoġija misluta mill-Qorti Ġenerali mis-sentenza LG Electronics vs UASI, nixtieq ukoll nesprimi għadd ta’ riżervi.
152. Infakkar li f’di k is-sentenza, iċċitata fil-punt 123 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet il-prinċipju li “korpi”, bħall-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinji) (UASI) u l-Bordijiet tal-Appell tiegħu, kienu mistennija li jistabbilixxu, fid-deċiżjonijiet tagħhom, l-eżattezza tal-fatti sakemm ma jallegawx fatti magħrufa. Hija ddeċidiet ukoll li, meta dan ikun il-każ, applikant jista’ jikkontesta l-eżattezza ta’ tali fatti u li l-UASI mbagħad ikollu d-dritt, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, li jissostanzja l-eżattezza tal-imsemmija fatti quddiem il-Qorti Ġenerali (89). F’dan il-każ, kien hemm l-allegazzjoni, mill-Bord tal-Appell tal-UASI, tal-fatt magħruf li “f’ċerta konfigurazzjoni, vacuumcleaner jista’ jikkompressa l-arja u għalhekk jintuża bħala kompressur” (90) [traduzzjoni mhux uffiċjali].
153. Jidhirli li s-sentenza LG Electronics vs UASI hija differenti mis-sitwazzjoni inkwistjoni f’dan l-appell minn tal-inqas għal żewġ raġunijiet essenzjali, b’tali mod li t-traspożizzjoni eventwali tagħha fil-qasam tal-miżuri restrittivi għandha tiġi kkunsidrata b’kawtela.
154. Għalhekk, l-ewwel, għandu jiġi kkonstatat li l-elementi msemmija fil-punt 152 ta’ dawn il-konklużjonijiet jaqgħu taħt id-dritt tat-trademarks li, kif kulħadd jaqbel, huwa pjuttost imbiegħed minn dak tal-miżuri restrittivi (91).
155. It-tieni, il-fatt magħruf inkwistjoni f’dik is-sentenza huwa, fil-fehma tiegħi, ta’ natura fundamentalment differenti meta mqabbel mal-fatt magħruf li fuqu l-Qorti Ġenerali ssostni li bbaża ruħu l-Kunsill (92) u li minnu jirriżulta li MegaFon tipprovdi appoġġ dirett lill-kumpless militari u industrijali tar-Russja. L-affermazzjoni li vacuumcleaner jista’ jikkompressa l-arja f’ċerti kundizzjonijiet hija ġeneralitàelevata għal postulat ta’ verità u invokata kontra l-applikant li xtaq jirreġistra trademark li kienet tinkludi, b’mod partikolari, it-terminu “KOMPRESSOR”. L-allegazzjoni ta’ appoġġ dirett, min-naħa tagħha, tirrigwarda aġir personali u individwali attribwit lill-appellanti li fuqu kienet ibbażata l-adozzjoni, fil-konfront tagħha, ta’ miżuri individwali b’konsegwenzi (93) li l-gravità tagħhom hija pjuttost imbiegħda minn dik tas-sempliċi rifjut ta’ reġistrazzjoni ta’ trademark minħabba l-assenza ta’ karattru distintiv tagħha.
iv) Konklużjoni tal-analiżi
156. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fil-fehma tiegħi, diversi żbalji ta’ liġi affettwaw ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali fil-punti 118 sa 124 tas-sentenza appellata.
157. Qabelxejn, il-Qorti Ġenerali ttrasponiet il-ġurisprudenza dwar l-assenza ta’ komunikazzjoni tal-elementi li abbażi tagħhom il-Kunsill iskrivapersuna fil-listi għal sitwazzjoni li fiha ma huwiex ikkontestat li l-Kunsill ma kienx ikkompila fajl ta’ provi fil-mument tal-adozzjoni tal-atti inizjali.
158. Sussegwentement, billi sempliċementikkonstatat, fil-punt 120 tas-sentenza appellata, li, “f’dan il-każ, jista’ jiġi preżunt li huwa magħruf minn kulħadd il-fatt li wieħed mill-operaturi ewlenin tat-telekomunikazzjonijiet […] jipparteċipa fi żminijiet ta’ gwerra fl-appoġġ dirett lill-kumpless militari u industrijali [Russu]”, il-Qorti Ġenerali ma stabbilixxietx in-natura magħrufa tal-fatt invokat mill-Kunsill.
159. Fl-aħħar nett, u forsi, fuq kollox, il-Qorti Ġenerali ma ħaditxinkunsiderazzjoni l-fatt li l-Kunsill qatt ma indika, la fil-korp tal-atti inizjali u lanqas fil-kontenut tal-Anness IV tad-Deċiżjoni 2014/512 emendata li fih ġiet iskrittaMegaFon, li huwa kien qiegħed jibbaża ruħu fuq fatt magħruf. Issa, l-assenza ta’ kwalunkwe riferiment għall-fatt magħruf allegat fl-atti inizjali, flimkien mal-assenza ta’ fajl ta’ provi fil-mument tal-iskrizzjoni, kellha twassal sabiex il-Qorti Ġenerali tikkonstata l-assenza ta’ eżerċizzju effettiv tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tal-Kunsill f’dan il-każ. F’dan ir-rigward, infakkar li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li “anki stħarriġ ġudizzjarju ta’ portata limitata jirrikjedi li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, awturi tal-att inkwistjoni, ikunu f’pożizzjoni li jistabbilixxu quddiem il-Qorti [tal-Unjoni] li l-att kien ġie adottat permezz ta’ eżerċizzju effettiv tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom, li jippreżupponi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi u taċ-ċirkustanzi kollha rilevanti tas-sitwazzjoni li dan l-att kien intiż li jirregola. Minn dan jirriżulta li dawn l-istituzzjonijiet għandhom, tal-inqas, ikunu f’pożizzjoni li jipprovdu u jesponu b’mod ċar u mhux ekwivoku d-data bażika li kellha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex fuqha jiġu bbażati l-miżuri kkontestati tal-imsemmi att u li fuqha kien jiddependi l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom” (94). Tali rekwiżiti japplikaw a fortiori meta l-istħarriġ ġudizzjarju jkun tlesta.
160. Għar-raġunijiet li għadni kif spjegajt fid-dettall, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Qorti Ġenerali interpretat ħażin il-portata tal-istħarriġ li kienet obbligata twettaq u tilqa’ t-tielet u r-raba’ aggravju, ikkunsidrati flimkien, minħabba ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.
E. Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali
161. Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta l-appell ikun fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. Hija tista’ mbagħad tiddeċiedi definittivament il-kawża hija stess meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.
162. Jekk, wara li tilqa’ l-ewwel parti tas-seba’ aggravju, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tannulla s-sentenza appellata, minn tal-inqas fir-rigward tal-atti inizjali u tal-Att ta’ żamma ta’ Lulju 2023, ikun għad irid jiġi ddeterminat liema konsegwenzi għandhom jinsiltu mill-ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ MegaFon.
163. F’dan ir-rigward, minn naħa, kif sostniet l-appellanti, ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl imwettaq matul il-proċedura amministrattiva ma jiġix irregolarizzat bis-sempliċi fatt li l-aċċess għall-fajl ikun sar possibbli matul il-proċedura ġudizzjarja dwar eventwali rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata (95).
164. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Kunsill kien obbligat jiżgura ruħu, qabel l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi, li l-elementi meħuda inkunsiderazzjoni kontra entità setgħu jiġu kkomunikati lilha fi żmien xieraq sabiex hija tkun tista’ tesprimi l-fehma tagħha b’mod utli u li l-komunikazzjoni tardiva ta’ proposta għal att, annessa mal-kontroreplika tal-Kunsill, kienet tikser id-drittijiet tad-difiża tal-entità inkwistjoni u d-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u, għaldaqstant, kienet taffettwa l-legalità tal-att inkwistjoni (96).
165. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha żżomm ma’ din il-linja ta’ ġurisprudenza, hija tkun, fil-fehma tiegħi, f’pożizzjoni li tiddeċiedi definittivament il-kawża (97).
166. Fi kwalunkwe każ, infakkar li, fir-rigward tal-atti inizjali, ipproponejt ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ t-tielet u r-raba’ aggravju. Jidhirli li huwa essenzjali, fid-dawl tal-importanza sistemika li din il-kawża għandha għall-kontenzjużi tal-miżuri restrittivi, li l-Qorti tal-Ġustizzja tieħu pożizzjoni sabiex tikkorreġi l-iżbalji li bihom is-sentenza appellata hija vvizzjata fir-rigward tal-kundizzjonijiet li fihom il-Kunsill jippretendi li eżerċita s-setgħa ta’ evalwazzjoni tiegħu. F’dan ir-rigward, jidhirli li l-kawża hija fi stat li tiġi deċiża, peress li jkun meħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li l-assenza ta’ riferiment għall-fatt magħruf allegatament invokat mill-Kunsill, flimkien mal-komunikazzjoni ta’ motiv li kien jikkonsisti biss f’repetizzjoni tal-kriterju ta’ iskrizzjoni u mal-assenza ta’ fajl ta’ provi kkompilat fil-mument tal-adozzjoni tal-atti inizjali, ma ppermettietx li jiġi stabbilit li l-Kunsill kien effettivament eżerċita s-setgħa ta’ evalwazzjoni tiegħu. Għalhekk, l-atti inizjali għandhom jiġu annullati.
IV. Konklużjoni
167. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja:
– tilqa’ t-tielet u r-raba’ aggravju tal-appell, ikkunsidrati flimkien;
– tiċħad is-sitt aggravju, u
– tilqa’ l-ewwel parti tas-seba’ aggravju.
1 Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
2 Il-bażijiet tal-istħarriġ komplet imwettaq mill-qorti tal-Unjoni fuq il-miżuri restrittivi ġew stabbiliti permezz tas-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 326), u minn dak iż-żmien ’l hawn baqgħu jitfakkru (ara, għal eżempju reċenti, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2026, Dana Astra vs Il‑Kunsill (C‑363/25 P, EU:C:2026:605, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata)).
3 B’mod iktar preċiż, MegaFon ġiet iskritta u nżammet fil-listi li jinsabu fl-Anness IV tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK tal‑31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014, L 229, p. 13, u rettifika fil-ĠU 2014, L 263l p. 35), u fir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 tal‑31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014, L 229, p. 1, u rettifika fil-ĠU 2014, L 246, p. 59).
4 T‑193/23, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2025:7.
5 Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/434 tal‑25 ta’ Frar 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU 2023, L 59 I, p. 593), u Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/427 tal‑25 ta’ Frar 2023 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 833/2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU 2023, L 59 I, p. 6, u rettifika fil-ĠU 2023, L 68, p. 181) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, l-“atti ta’ Frar 2023”).
6 Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1517 tal‑20 ta’ Lulju 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU 2023, L 184, p. 40, iktar ’il quddiem l-“Att ta’ żamma ta’ Lulju 2023”).
7 Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/422 tad‑29 ta’ Jannar 2024 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU L, 2024/422, iktar ’il quddiem l-“Att ta’ żamma ta’ Jannar 2024”).
8 Ara l-entrata Nru 499 tal-Anness IV tad-Deċiżjoni 2014/512 emendata.
9 Ara l-premessa 10 tad-Deċiżjoni 2023/434.
10 Ara l-entrata Nru 499 tal-Anness IV tar-Regolament Nru 833/2014 kif emendat bir-Regolament 2023/427.
11 Ara l-punti 9 sa 11 u 15 tas-sentenza appellata.
12 Ara l-punt 16 tas-sentenza appellata.
13 Ara, għal dawn iż-żewġ premessi, il-punt 18 tas-sentenza appellata.
14 Rispettivament, id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1217 tat‑23 ta’ Ġunju 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU 2023, L 159, p. 451), u r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/1214 tat‑23 ta’ Ġunju 2023 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 833/2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU 2023, L 159, p. 1). Ara, b’mod partikolari, l-Anness tad-Deċiżjoni 2023/1217 u l-Anness I tar-Regolament 2023/1214.
15 Dan it-test huwa rriprodott fil-punt 22 tas-sentenza appellata.
16 Ara l-punti 119, 120, 122, 123 u 124 tas-sentenza appellata.
17 Ara, f’kuntest differenti, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Evonik Operations vs Il‑Kummissjoni (C‑121/25 P, EU:C:2026:368, punti 108 et seq.).
18 Ara s-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, Tilly‑Sabco vs Il‑Kummissjoni (C‑183/16 P, EU:C:2017:704, punt 115 u l-ġurisprudenza ċċitata).
19 Ara, fost ġurisprudenza abbundanti, is-sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 2017, Tilly‑Sabco vs Il‑Kummissjoni (C‑183/16 P, EU:C:2017:704, punti 115 u 116), kif ukoll tal‑5 ta’ Frar 2026, Puigdemont i Casamajó et vs Il‑Parlament (Tneħħija tal-immunità parlamentari) (C‑572/23 P, EU:C:2026:70, punt 132 u l-ġurisprudenza ċċitata).
20 Għalhekk, mill-mod kif nifhem dan il-punt tas-sentenza appellata jirriżulta li l-prinċipju jibqa’ li l-Kunsill għandu jkollu fajl ta’ provi fil-mument tal-iskrizzjoni, sakemm ma jsostnix li qiegħed jibbaża ruħu fuq fatt preżunt magħruf minn kulħadd.
21 Il-kwistjoni tal-fondatezza tal-iskrizzjoni inizjali ta’ MegaFon hija s-suġġett tat-tielet u tar-raba’ aggravju ta’ dan l-appell, li ser jiġu eżaminati iktar ’il quddiem (ara l-punti 94 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet).
22 Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2026, Institut po ribni resursi Varna (C‑186/25, EU:C:2026:567, punt 75).
23 L-assenza ta’ riferiment, fil-motivi li jikkonċernaw lil MegaFon, għall-fatti magħrufa minn kulħadd li fuqhom il-Kunsill allegatament ibbaża ruħu għall-iskrizzjoni tagħha fil-listi ma tiffaċilitax il-qari tal-atti kontenzjużi u l-komprensjoni tal-approċċ ta’ din l-istituzzjoni. Għalhekk, kif ser nistabbilixxi iktar ’il quddiem f’dawn il-konklużjonijiet, l-uniku motiv li jidher li fuqu kienet ibbażata l-iskrizzjoni ta’ MegaFon, u sussegwentement iż-żamma tagħha, kien jikkonsisti f’sempliċi repetizzjoni tal-kriterju. Bħala tali, l-assenza ta’ indikazzjoni tal-fatt magħruf allegatament invokat tippreġudika, fil-fehma tiegħi, mingħajr dubju l-motivazzjoni ta’ dawn l-atti. Infakkar madankollu li dawn il-konklużjonijiet ma jirrigwardawx l-aggravju bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni kif imressaq minn MegaFon fl-appell tagħha.
24 Ara s-sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2026, EM System (C‑84/24, EU:C:2026:181, punti 102 sa 104 u l-ġurisprudenza ċċitata).
25 Ara s-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi (C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punti 111 u 112). Ara wkoll is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, Boshab vs Il‑Kunsill (C‑242/21 P, EU:C:2022:375, punt 59).
26 Ara l-punti 77 u 78 tas-sentenza appellata.
27 Ara l-punt 80 tas-sentenza appellata.
28 Ara l-punt 81 tas-sentenza appellata.
29 Punt 83 tas-sentenza appellata.
30 Ara l-punt 84 tas-sentenza appellata.
31 Punt 85 tas-sentenza appellata.
32 Ara l-punt 85 tas-sentenza appellata.
33 Ara s-sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2016, Tomana et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑330/15 P, EU:C:2016:601, punt 66).
34 Ara s-sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2026, EM System (C‑84/24, EU:C:2026:181, punt 104 u l-ġurisprudenza ċċitata).
35 Għalhekk, l-uniku riferiment għall-Att ta’ żamma ta’ Jannar 2024 fl-argumenti żviluppati fil-kuntest tal-ewwel parti tas-seba’ aggravju jinsab fil-punt 74 tal-appell. Għandu jiġi kkonstatat li MegaFon ma żviluppatx argumenti speċifiċi f’dan ir-rigward. Għal finijiet ta’ kompletezza, infakkar li, fir-rigward tal-Att ta’ żamma ta’ Jannar 2024, MegaFon kienet kitbet lill-Kunsill permezz ta’ ittra tas‑6 ta’ Diċembru 2023, li l-Kunsill kien wieġeb għaliha fit‑30 ta’ Jannar 2024 billi rrefera għar-raġunijiet esposti fl-osservazzjonijiet tiegħu ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali u li jinsabu fl-ewwel nota ta’ adattament bid-data tas‑27 ta’ Ottubru 2023. It-tieni att ta’ żamma għandu d-data tad‑29 ta’ Jannar 2024 u l-Qorti Ġenerali ttrattat il-kwistjoni dwar jekk il-Kunsill kienx issodisfa l-obbligi tiegħu fir-rigward tal-komunikazzjoni tal-motivi u tad-dritt għal smigħ tal-appellanti fil-punti 92 sa 94 tas-sentenza appellata.
36 Ara s-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi (C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 113).
37 Ara s-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, Boshab vs Il‑Kunsill (C‑242/21 P, EU:C:2022:375, punt 59).
38 Ara s-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran (C‑27/09 P, EU:C:2011:853, punt 62), kif ukoll tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi (C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punti 111 u 112).
39 Ara l-punt 87 tas-sentenza appellata u l-ġurisprudenza ċċitata. Dwar l-assenza ta’ differenza bejn il-motivi tal-atti inizjali u dawk adottati fl-atti ta’ żamma, nirreferi għall-punt 89 tas-sentenza appellata.
40 Ara s-sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2016, Tomana et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑330/15 P, EU:C:2016:601, punt 66).
41 Bid-data tat‑28 ta’ Ġunju 2023, iżda nnotifikata lil MegaFon fl‑10 ta’ Lulju (ara l-punt 94 tas-sentenza appellata).
42 Ara s-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2019, Islamic Republic of Iran Shipping Lines et vs Il‑Kunsill (C‑225/17 P, EU:C:2019:82, punt 91).
43 Il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ osservanza tal-proċedura amministrattiva għalhekk jinħassu wkoll fil-proċedura ġudizzjarja. Għalhekk, jista’ jiġi sostnut li, peress li l-punti ta’ fatt u ta’ liġi insostenn tal-iskrizzjoni ġew ikkomunikati biss fir-risposta tat‑28 ta’ Ġunju 2026, l-appellanti setgħet tirreaġixxi għalihom biss fil-kuntest tar-replika tagħha. Fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva mmexxija korrettament u fil-preżenza ta’ motivi ċari, id-dibattitu dwar il-motivi u l-elementi li jsostnuhom seta’ jinbeda sa mir-rikors promotur.
44 Bl-eċċezzjoni notevoli tal-punt 93 tas-sentenza appellata, li jiddeskrivi l-kontenut tal-ittra mibgħuta mill-Kunsill lil MegaFon fit‑30 ta’ Jannar 2024 u li għalhekk kienet tikkonċerna t-tieni att ta’ żamma. Minn dan il-punt jirriżulta li l-Kunsill indika fiha li kien jaf bl-informazzjoni ġeneralment disponibbli fid-dominju pubbliku dwar l-appellanti.
45 Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Franza vs li għandha People’s Mojahedin Organization of Iran (C‑27/09 P, EU:C:2011:853, punt 64). Korsiv miżjud minni.
46 Ara l-punt 94 tas-sentenza appellata.
47 Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran (C‑27/09 P, EU:C:2011:853, punt 62).
48 Ara l-punt 118 tas-sentenza appellata.
49 Ara l-punt 119 tas-sentenza appellata.
50 Ara l-punt 120 tas-sentenza appellata.
51 Sentenza tas‑7 ta’ April 2016 (C‑266/15 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza Central Bank of Iran vs Il‑Kunsill”, EU:C:2016:208).
52 Ara l-punt 122 tas-sentenza appellata.
53 Sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2011 (C‑88/11 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza LG Electronics vs UASI”, EU:C:2011:727).
54 Ara l-punt 123 tas-sentenza appellata.
55 Ara l-punt 124 tas-sentenza appellata.
56 F’dan ir-rigward, isir riferiment għas-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2004, Ruiz‑Picasso et vs UASI – DaimlerChrysler (PICARO) (T‑185/02, EU:T:2004:189, punt 29).
57 F’dan ir-rigward, il-Kunsill u l-Kummissjoni jibbażaw ruħhom fuq is-sentenza LG Electronics vs UASI (punti 27 sa 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).
58 Il-Kunsill jinvoka b’mod partikolari s-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2019, Il‑Polonja vs Stock Polska sp. z o.o. u EUIPO (C‑162/17 P, EU:C:2019:27, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll il-punt 178 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawżi Anbouba vs Il‑Kunsill (C‑605/13 P u C‑630/13 P, EU:C:2015:2).
59 Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2018, Makhlouf vs Il‑Kunsill (C‑458/17 P, EU:C:2018:441, punt 59). Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 41 tal-Karta, nirreferi, fir-rigward tal-mertu, għall-analiżi tiegħi tal-ewwel parti tas-seba’ aggravju.
60 Ara s-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi (C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 97).
61 Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2026, Dana Astra vs Il‑Kunsill (C‑363/25 P, EU:C:2026:605, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).
62 Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi (C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 136).
63 Ara s-sentenza tat‑22 ta’ April 2021, Il‑Kunsill vs PKK (C‑46/19 P, EU:C:2021:316, punt 64).
64 Ara s-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Timchenko vs Il‑Kunsill (C‑702/23 P, EU:C:2025:605, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).
65 Ara l-punt 116 tas-sentenza appellata.
66 Ara l-punt 38 ta’ din is-sentenza.
67 Għalkemm il-kwistjoni tad-definizzjoni li għandha tingħata lill-kumpless militari u industrijali Russu ma tifformax parti mis-suġġett ta’ dan l-appell, ninnota li l-Kunsill, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu, juża l-aġġettiv “militari-industrijali”, li jista’ jitqajjem dubju dwar jekk huwiex kompletament sinonimu ma’ “militari u industrijali”.
68 Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Haswani vs Il‑Kunsill (C‑241/19 P, EU:C:2020:545, punt 62). Korsiv miżjud minni.
69 Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Haswani vs Il‑Kunsill (C‑241/19 P, EU:C:2020:545, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).
70 Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2012, Tay Za vs Il‑Kunsill (C‑376/10 P, EU:C:2012:138, punt 69).
71 Ara l-punti 120, 122 u 124 tas-sentenza appellata.
72 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2019, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑482/17, EU:C:2019:1035, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll il-punt 18 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Il‑Latvja vs Aven u Fridman (C‑440/24 P u C‑441/24 P, EU:C:2025:854).
73 Punt 37 tar-risposta tal-Kunsill.
74 Fil-fatt, hemm żewġ possibbiltajiet. Jew huwa effettivament magħruf minn kulħadd li l-operaturi ewlenin kollha tat-telekomunikazzjonijiet fir-Russja jipparteċipaw, fi żmien ta’ gwerra, fl-appoġġ dirett lill-kumpless militari u industrijali Russu, u f’dak il-każ il-prattika tal-Kunsill li jiskrivi biss lil MegaFon tqajjem dubji. Jew dan l-appoġġ ma huwiex daqstant “magħruf minn kulħadd” u jeżiġi sforz min-naħa tal-Kunsill sabiex jintwera, kif ukoll ċerta differenzjazzjoni bejn dawn l-operaturi, li jippreżupponi li l-Kunsill irid jipprovdi xi spjegazzjonijiet, u f’dak il-każ huwa ma jistax jippretendi li jibbaża ruħu fuq fatt magħruf.
75 Punt 119 tas-sentenza appellata.
76 Ara l-punti 120, 122, 123 u 124 tas-sentenza appellata.
77 Ara l-punt 119 tas-sentenza appellata.
78 Ara l-punti 119 u 122 tas-sentenza appellata.
79 Ara l-punti 62 sa 97.
80 Ara l-punt 38 ta’ din is-sentenza.
81 Hawnhekk nirreferi għat-titolu tal-parti IV B 3.a) tas-sentenza appellata.
82 Ara l-punt 38 ta’ din is-sentenza.
83 Ara l-punt 38 ta’ din is-sentenza.
84 Anki skont is-sentenza Central Bank of Iran vs Il‑Kunsill, il-prinċipju jibqa’ dak li, fil-każ ta’ żamma, il-Kunsill għandu jisma’ lill-persuna jew lill-entità minn qabel jekk ikun biħsiebu jieħu inkunsiderazzjoni elementi ġodda meta mqabbla mal-iskrizzjoni inizjali.
85 Ara l-punt 37 ta’ din is-sentenza.
86 Ara s-sentenza Central Bank of Iran vs Il‑Kunsill (punt 37).
87 Ara s-sentenza Central Bank of Iran vs Il‑Kunsill (punt 38).
88 Sentenza tas‑7 ta’ April 2016 (C‑266/15 P, EU:C:2016:208).
89 Ara s-sentenza LG Electronics vs UASI (punti 27 u 28).
90 Ara s-sentenza LG Electronics vs UASI (punt 31).
91 Jista’ jingħad ukoll li s-sentenza LG Electronics vs UASI tikkonċerna l-użu ta’ fatt magħruf minn “korp”. Jista’ jitqies li l-oneru tal-Kunsill, bħala istituzzjoni, għandu jiġi ddefinit b’mod iktar eżiġenti.
92 Din il-konstatazzjoni hija kkonfermata mill-fatti magħrufa l-oħra stabbiliti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u msemmija mill-Kunsill fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu, jiġifieri l-fatt li l-pożizzjoni tal-isteering wheel għandha rabta diretta mal-kamp viżiv tas-sewwieq (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Litwanja (C‑61/12, EU:C:2014:172, punt 62)); li, ferm qabel l‑1998, is-sistema ekonomika prevalenti fiċ-Ċina diġà ma kinitx għadha dik ta’ pajjiż bi kummerċ tal-Istat (sentenza tat‑28 ta’ Frar 2018, Il‑Kummissjoni vs Xinyi PV Products (Anhui) Holdings (C‑301/16 P, EU:C:2018:132, punt 78)); li l-professjoni ta’ avukat tista’ tiġi eżerċitata taħt diversi forom, li jistgħu jvarjaw minn avukat individwali sa ditti internazzjonali kbar (sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2022, PJ u PC vs EUIPO (C‑529/18 P u C‑531/18 P, EU:C:2022:218, punt 79)); li, peress li materja prima bażika għandha valur fis-suq relattivament baxx meta mqabbel, fuq kollox, mal-ispiża tat-trasport tagħha, ir-riskju ta’ esportazzjoni ta’ parti sinjifikattiva tal-produzzjoni ta’ minjiera minflok il-bejgħ tal-imsemmija materja prima bażika fis-suq lokali jidher improbabbli, jekk mhux eskluż (sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2023, Xella Magyarország (C‑106/22, EU:C:2023:568, punt 73)); li ċertu aġir kollużiv, bħal dak li jwassal għall-iffissar orizzontali tal-prezzijiet, jista’ jitqies li huwa tant probabbli li jkollu effetti negattivi, b’mod partikolari, fuq il-prezz, il-kwantità jew il-kwalità tal-prodotti u tas-servizzi li jista’ jitqies inutli, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE, li jintwera li għandu effetti konkreti fuq is-suq (sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2024, Em akaunt BG (C‑438/22, EU:C:2024:71, punt 51)), jew ukoll li l-vista taqdi funzjoni essenzjali għas-sewqan ta’ vetturi bil-mutur (sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2024, CBR (Emjanopsja) (C‑703/22, EU:C:2024:261, punt 42)).
93 Ara s-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Timchenko vs Il‑Kunsill (C‑703/23 P, EU:C:2025:608, punt 62).
94 Sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2019, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑482/17, EU:C:2019:1035, punt 81). Korsiv miżjud minni.
95 Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2019, Glencore Agriculture Hungary (C‑189/18, EU:C:2019:861, punt 52).
96 Ara s-sentenza tat‑18 ta’ Frar 2016, Il‑Kunsill vs Bank Mellat (C‑176/13 P, EU:C:2016:96, punt 82).
97 Madankollu, minn linja iktar reċenti tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, żviluppata f’kuntest għalkollox differenti, jirriżulta wkoll li ksur tad-drittijiet tad-difiża, b’mod partikolari tad-dritt għal smigħ, iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni meħuda fi tmiem il-proċedura amministrattiva inkwistjoni biss jekk, fl-assenza tal-irregolarità mwettqa, din il-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Novembru 2024, Harley-Davidson Europe u Neovia Logistics Services International vs Il‑Kummissjoni (C‑297/23 P, EU:C:2024:971, punt 104)). L-istess japplika fil-każ ta’ ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl matul il-proċedura qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tikkawża preġudizzju (sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2022, SGI Studio Galli Ingegneria vs Il‑Kummissjoni (C‑371/21 P, EU:C:2022:566, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata)). Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tippreferi dan l-aħħar approċċ, ikun meħtieġ, tal-inqas fir-rigward tal-Att ta’ żamma ta’ Lulju 2023, li l-kawża tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tistabbilixxi jekk proċedura amministrattiva mmexxija b’mod konformi mad-drittijiet tad-difiża ta’ MegaFon setgħetx twassal lill-Kunsill għal riżultat differenti minn dak li wasal għalih.