|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/5381 |
3.10.2025 |
FTEHIM
li permezz tiegħu l-Ġermanja u l-Polonja jingħaqdu mal-Ftehim ta’ Akkwist Konġunt għall-akkwist ta’ Pjattaformi tal-Irkant Komuni
(C/2025/5381)
Dan il-Ftehim sar u daħal fis-seħħ fid-9 ta’ Lulju 2025 minn u bejn:
|
— |
il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) f’isimha u f’isem l-Istati Membri li huma partijiet għall-Ftehim ta’ Akkwist Konġunt għall-akkwist ta’ Pjattaformi tal-Irkant Komuni (minn hawn ’il quddiem “l-Istati Membri parteċipanti” u “l-Ftehim ta’ Akkwist Konġunt”), irrappreżentata għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim minn Kurt Vandenberghe, id-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għall-Azzjoni Klimatika; u |
|
— |
il-Ġermanja, irrappreżentata għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim minn Dr. Philipp Nimmermann, is-Segretarju tal-Istat fil-Ministeru Federali għall-Affarijiet Ekonomiċi u l-Azzjoni Klimatika; |
|
— |
Il-Polonja, irrappreżentata għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim minn Paulina Hennig-Kloska, il-Ministru għall-Klima u l-Ambjent. |
Dan il-Ftehim hu konkluż skont l-Artikolu 37 tal-Ftehim ta’ Akkwist Konġunt.
PREAMBOLU
BILLI:
|
(1) |
Il-Ftehim ta’ Akkwist Konġunt konkluż minn u bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri parteċipanti, kif previst fl-Artikolu 26(1) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/2830 (1), jistabbilixxi b’mod partikolari r-regoli prattiċi għall-evalwazzjoni tat-talbiet għall-parteċipazzjoni jew is-sejħiet għall-offerti, l-aġġudikazzjoni tal-kuntratt, il-liġi applikabbli għall-kuntratt u l-qorti kompetenti għas-smigħ ta’ tilwim. |
|
(2) |
Skont l-Artikolu 29 tar-Regolament Delegat (UE) 2023/2830, il-Ġermanja u l-Polonja ma pparteċipawx fl-azzjoni konġunta kif previst fl-Artikolu 26(1) ta’ dak ir-Regolament Delegat u ħatru l-pjattaforma nonparteċipanti tagħhom stess għall-irkantar tal-volum rispettiv tagħhom ta’ kwoti fir-rigward tal-attivitajiet tat-trasport marittimu, l-installazzjonijiet stazzjonarji u l-avjazzjoni. |
|
(3) |
Ir-Regolament Delegat (UE) 2023/2830 ma jipprevedix il-possibbiltà li tinħatar pjattaforma nonparteċipanti għall-irkantar tal-kwoti skont il-Kapitolu IVa tad-Direttiva 2003/87/KE. Jenħtieġ għalhekk li l-irkantar ta’ dawk il-kwoti jitwettaq mill-pjattaforma tal-irkant komuni. |
|
(4) |
Għalhekk huwa meħtieġ li l-Ġermanja u l-Polonja jaħtru pjattaformi tal-irkant komuni biex jirkantaw il-kwoti skont il-Kapitolu IVa tad-Direttiva 2003/87/KE flimkien mal-Istati Membri l-oħra skont l-Artikolu 26(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2023/2830, wara proċedura ta’ akkwist konġunt bejn dawk l-Istati Membri l-oħra u l-Kummissjoni. |
|
(5) |
Għalhekk jenħtieġ li l-parteċipazzjoni tal-Ġermanja u tal-Polonja fl-azzjoni konġunta mwettqa bi proċedura ta’ akkwist konġunt u fil-ħatra konsegwenti ta’ pjattaformi tal-irkant komuni tkun sostnuta billi dawn isiru partijiet għall-Ftehim ta’ Akkwist Konġunt. |
|
(6) |
Skont l-Artikolu 37(1) tal-Ftehim ta’ Akkwist Konġunt, Stat Membru nonparteċipanti jista’ jingħaqad mal-azzjoni konġunta prevista f’dak il-Ftehim, billi jiffirma ftehim ta’ adeżjoni, li jista’ jieħu l-forma ta’ emenda ta’ dak il-Ftehim, li tistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom l-Istat Membru aderenti jkun jista’ jingħaqad ma’ dak il-Ftehim. Dan il-Ftehim jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet biex il-Ġermanja u l-Polonja jingħaqdu mal-Ftehim ta’ Akkwist Konġunt għall-fini tal-ħatra ta’ pjattaformi tal-irkant komuni għall-irkantar tal-kwoti skont il-Kapitolu IVa tad-Direttiva 2003/87/KE. |
|
(7) |
Skont l-Artikolu 37(2) tal-Ftehim ta’ Akkwist Konġunt, kull Stat Membru parteċipanti jawtorizza lill-Kummissjoni biex tiffirma f’ismu ftehim ta’ adeżjoni ma’ Stat Membru nonparteċipanti, soġġett għall-approvazzjoni, mill-Kumitat ta’ Tmexxija tal-Akkwist Konġunt, ta’ proposta tal-Kummissjoni għal dan il-għan. |
|
(8) |
Fl-10 ta’ Ottubru 2024, il-Kumitat ta’ Tmexxija tal-Akkwist Konġunt approva, skont l-Artikolu 13(1) tal-Ftehim ta’ Akkwist Konġunt, il-proposta tal-Kummissjoni li tippermetti lill-Ġermanja u lill-Polonja jingħaqdu mal-Ftehim ta’ Akkwist Konġunt. |
|
(9) |
Xejn f’dan il-Ftehim ma jaffettwa d-drittijiet u l-obbligi tal-Istati Membri jew tal-Kummissjoni skont it-Trattati. Xejn f’dan il-Ftehim ma jaffettwa d-drittijiet u l-obbligi tal-Ġermanja u tal-Polonja fir-rigward tal-ħatra tal-pjattaforma nonparteċipanti tagħhom stess għall-irkantar tal-volum rispettiv tagħhom ta’ kwoti fir-rigward tal-attivitajiet tat-trasport marittimu, l-installazzjonijiet stazzjonarji u l-avjazzjoni skont l-Artikolu 29 tar-Regolament Delegat (UE) 2023/2830, |
IL-PARTIJIET GĦAL DAN IL-FTEHIM QABLU
dwar it-termini ta’ hawn taħt, inkluż l-Anness li ġej:
|
Anness — |
Konferma tat-tlestija tal-proċeduri nazzjonali għall-approvazzjoni ta’ dan il-Ftehim jew in-nuqqas ta’ ħtieġa ta’ tali proċeduri f’konformità mal-Artikolu 4(4) |
Artikolu 1
Suġġett
Dan il-Ftehim jemenda l-Ftehim ta’ Akkwist Konġunt skont l-Artikoli 37 u 48 tal-Ftehim ta’ Akkwist Konġunt. Mad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, il-Ġermanja u l-Polonja għandhom isiru partijiet għall-Ftehim ta’ Akkwist Konġunt għall-fini tan-nominazzjoni ta’ pjattaformi tal-irkant komuni għall-irkantar tal-kwoti skont il-Kapitolu IVa tad-Direttiva 2003/87/KE.
Artikolu 2
Termini ta’ Kopertura
1. Il-Ġermanja u l-Polonja għandhom ikunu marbutin, mid-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, bil-Ftehim ta’ Akkwist Konġunt fl-intier tiegħu, inkluż kwalunkwe Anness tiegħu, ħlief fejn dan il-Ftehim jemenda l-Ftehim ta’ Akkwist Konġunt għall-fini tan-nominazzjoni ta’ pjattaformi tal-irkant komuni għall-irkantar tal-kwoti skont il-Kapitolu IVa tad-Direttiva 2003/87/KE.
2. Il-Ġermanja u l-Polonja għandhom ikunu marbutin, mad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, b’kull att diġà adottat b’rabta mal-Ftehim ta’ Akkwist Konġunt sa mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta’ Akkwist Konġunt, għall-fini tan-nominazzjoni ta’ pjattaformi tal-irkant komuni għall-irkantar tal-kwoti skont il-Kapitolu IVa tad-Direttiva 2003/87/KE.
3. It-termini “Stat Membru parteċipanti” u “Parti Kontraenti” użati fil-Ftehim ta’ Akkwist Konġunt għandhom jinftiehmu, sa mid-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, li jinkludu lill-Ġermanja u lill-Polonja.
Artikolu 3
Emendi, Termini u Terminazzjoni
1. Sa mid-dħul fis-seħħ tiegħu f’konformità mal-Artikolu 4(4), dan il-Ftehim għandu jsir parti integrali tal-Ftehim ta’ Akkwist Konġunt. It-termini ġenerali tal-Ftehim ta’ Akkwist Konġunt għandhom japplikaw ukoll għal dan il-Ftehim għajr fejn dan il-Ftehim jemenda l-Ftehim ta’ Akkwist Konġunt.
2. Kwalunkwe emenda għal dan il-Ftehim għandha ssir biss f’konformità mal-Artikolu 48 tal-Ftehim ta’ Akkwist Konġunt u għandha tikkostitwixxi bidliet għall-Ftehim ta’ Akkwist Konġunt.
Artikolu 4
Iffirmar u Dħul fis-Seħħ
1. Dan il-Ftehim għandu jiġi stabbilit u implimentat fil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni stabbiliti fl-Anness IV tal-Ftehim ta’ Akkwist Konġunt, fejn kull verżjoni lingwistika tkun ugwalment awtentika.
2. Il-Kummissjoni, minn naħa, u l-Ġermanja u l-Polonja, min-naħa l-oħra, għandhom jiffirmaw kopja oriġinali waħda ta’ dan il-Ftehim.
3. Il-Kummissjoni għandha tkun id-depożitarju ta’ dan il-Ftehim. Għandha tipprovdi kopji ċertifikati kif xieraq ta’ dan il-Ftehim lil kull wieħed mill-Istati Membri parteċipanti malli jkun prattikabbli.
4. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ 14-il jum wara dak meta l-Kummissjoni minn naħa u l-Ġermanja u l-Polonja min-naħa l-oħra jkunu ffirmaw dan il-Ftehim jew fil-jum meta l-Ġermanja u l-Polonja jkunu ssottomettew lill-Kummissjoni l-konferma tat-tlestija tal-proċeduri nazzjonali għall-approvazzjoni ta’ dan il-Ftehim jew il-konferma tan-nuqqas ta’ ħtieġa ta’ tali proċeduri, skont liema minnhom tkun l-aktar tard. Tali konferma għandha timtela f’konformità mal-mudell stabbilit fl-Anness.
Il-Ġermanja u l-Polonja jistgħu jirrinunzjaw għall-perjodu ta’ stennija ta’ 14-il jum previst għad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim billi jissottomettu dikjarazzjoni, f’konformità mal-mudell stabbilit fl-Anness, flimkien mas-sottomissjoni tal-konferma kif imsemmija fl-ewwel subparagrafu.
Artikolu 5
Pubblikazzjoni
Dan il-Ftehim u kull emenda għalih għandhom jiġu ppubblikati bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni fis-Serje “C” ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
B’XHIEDA TA’ DAN il-firmatarji, awtorizzati kif xieraq, iffirmaw dan il-Ftehim.
Iffirmat fi Brussell, fil-25 ta’ Ġunju 2025.
1) Għall-Kummissjoni Ewropea:
Kurt VANDENBERGHE
id-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għall-Azzjoni Klimatika
Iffirmat f’Berlin, fl-14 ta’ April 2025.
2) Għall-Ġermanja:
Dr. Philipp NIMMERMANN
is-Segretarju tal-Istat fil-Ministeru Federali għall-Affarijiet Ekonomiċi u l-Azzjoni Klimatika
Iffirmat f’Varsavja, fid-9 ta’ Ġunju 2025.
3) Għall-Polonja:
Paulina HENNIG-KLOSKA
il-Ministru għall-Klima u l-Ambjent
(1) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 2023/2830 tas-17 ta’ Ottubru 2023 li jissupplimenta d-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi regoli dwar il-kalendar, l-amministrazzjoni u aspetti oħra tal-irkantar ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra (ĠU L, 2023/2830, 20.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2023/2830/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/5381/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)