Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

ĆAPETA

ippreżentati fit‑3 ta’ Settembru 2026 (1)

Kawża C‑320/25 [Lertimene] (i)

HG

vs

Ministero dell’ Interno – Dipartimento della pubblica sicurezza

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali, il-Lazio, l-Italja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika soċjali — Direttiva 2006/54/KE — Ugwaljanza fit-trattament bejn l-irġiel u n-nisa fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol — Proċedura ta’ selezzjoni għall-korp tal-pulizija nazzjonali — Rekwiżiti għad-dħul — Esklużjoni ta’ kandidata mill-proċedura ta’ selezzjoni minħabba tatwaġġ viżibbli fl-ilbies tal-uniformi ċerimonjali meħtieġa għan-nisa”






I.      Introduzzjoni

1.        Jista’ tatwaġġ jippreġudika l-prospetti ta’ impjieg tiegħek?

2.        Hekk ġara lil HG, li applikat sabiex tipparteċipa fi proċedura ta’ selezzjoni pubblika għall-korp tal-pulizija fl-Italja.

3.        Wara li għaddiet mill-eżami bil-miktub, hija ġiet eskluża mill-proċedura ta’ selezzjoni minħabba li kellha tatwaġġ żgħir ta’ fjura fuq il-pexxun ta’ sieqha tax-xellug.

4.        Fl-Italja, l-uffiċjali tal-pulizija huma ġeneralment ipprojbiti milli jkollhom tatwaġġi viżibbli. Il-kawża ineżami ma tikkontestax din ir-regola. Madankollu, it-tatwaġġ ta’ HG huwa viżibbli biss meta tilbes dublett, li, flimkien ma’ żarbun b’takkuna għolja, huma uniformi meħtieġa għall-uffiċjali tal-pulizija nisa f’ċerti okkażjonijiet ċerimonjali. L-uffiċjali tal-pulizija rġiel huma obbligati jilbsu qliezet f’tali okkażjonijiet u għalhekk ma jkunux imċaħħda mill-opportunità li jidħlu mal-korp tal-pulizija minħabba s-sempliċi fatt li jkollhom tatwaġġ fuq il-pexxun tagħhom. Il-kawża ineżami, għalhekk, tqajjem il-kwistjoni ta’ eventwali diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess.

5.        F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali, il-Lazio, l-Italja), adita minn HG, titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tgħinha tiddeċiedi jekk l-esklużjoni tagħha mill-proċedura ta’ selezzjoni tikkostitwixxix diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, li hija pprojbita mid-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari mid-Direttiva 2006/54/KE (2).

II.    Il-fatti fil-kawża prinċipali, id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

6.        B’Decreto del Capo della Polizia del 7 luglio 2023 (id-digriet tal-Kap tal-Pulizija tas‑7 ta’ Lulju 2023), ġiet imħabbra proċedura ta’ selezzjoni pubblika għar-reklutaġġ ta’ 1 650 uffiċjal apprendist tal-Pulizija tal-Istat (3).

7.        Wara li għaddiet mill-eżami bil-miktub u wara li ntalbet tissottometti ruħha għal evalwazzjoni tal-kapaċità psikoloġika u fiżika tagħha, HG ġiet eskluża mill-proċedura ta’ selezzjoni fl‑1 ta’ Marzu 2024 mill-kumitat mediku minħabba li hija kellha “tatwaġġ f’żona mhux koperta mill-uniformi (is-sieq xellugija)”, kuntrarjament għal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli (4). Tabilħaqq, dan it-tatwaġġ kien ikun viżibbli meta tintlibes l-“uniformi ċerimonjali”, milbusa biss f’okkażjonijiet ċerimonjali, u li tinkludi, għan-nisa, dublett u żarbun b’takkuna għolja (5).

8.        HG ippreżentat rikors quddiem it-Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali, il-Lazio) intiż għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ esklużjoni u għall-adozzjoni tal-miżuri provviżorji neċessarji sabiex tkun tista’ tkompli l-proċedura ta’ selezzjoni.

9.        Insostenn tar-rikors tagħha, HG tikkontesta l-fatt li hija ġiet awtomatikament eskluża mill-proċedura ta’ selezzjoni biss fuq il-bażi tal-preżenza ta’ tatwaġġ li huwa viżibbli biss meta tkun liebsa “uniformi ċerimonjali”. Hija tallega li din tikkostitwixxi diskriminazzjoni li tirriżulta mill-applikazzjoni ddifferenzjata tar-regoli inkwistjoni bbażata fuq is-sess u tikkontesta n-nuqqas ta’ motivazzjoni min-naħa tal-amministrazzjoni insostenn ta’ tali trattament.

10.      Permezz tad-Digriet Nru 2376 tas‑6 ta’ Ġunju 2024, it-Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali, il-Lazio) ipprovdiet miżuri provviżorji u ordnat l-ammissjoni ta’ HG għall-fażijiet sussegwenti tal-proċedura ta’ selezzjoni. Kif spjegat fid-deċiżjoni tar-rinviju, ir-raġuni għall-għoti ta’ dawn il-miżuri provviżorji kienet, fost l-oħrajn, l-evalwazzjoni tal-qorti tar-rinviju li l-esklużjoni ta’ HG mill-proċedura ta’ selezzjoni kienet tikkostitwixxi diskriminazzjoni. Tabilħaqq, f’sitwazzjonijiet paragunabbli (il-preżenza ta’ tatwaġġ fuq il-pexxun), intlaħqu konklużjonijiet differenti skont jekk il-kandidat kienx raġel jew mara. Il-qorti tar-rinviju kkunsidrat li d-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess kienet tmur kontra d-Direttiva 2006/54.

11.      Sussegwentement, HG issupplimentat ir-rikors oriġinali tagħha b’talba għall-annullament tad-Decreto del Capo della Polizia del 10 maggio 2024 (id-Digriet tal-Kap tal-Pulizija tal‑10 ta’ Mejju 2024), li approva l-klassifikazzjoni definittiva u l-lista tal-kandidati li għaddew – lista li ma kinitx tinkludiha.

12.      Fl-istennija tas-smigħ dwar il-mertu, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), permezz tad-Digriet Nru 3092 tad‑29 ta’ Awwissu 2024, ikkonferma l-appell ippreżentat mill-amministrazzjoni kontra d-Digriet Nru 2376 tas‑6 ta’ Ġunju 2024, li permezz tiegħu l-qorti tar-rinviju tat miżuri provviżorji, billi spjega li “l-membri tal-Pulizija tal-Istat [...] għandhom jiżguraw il-kundizzjoni psikoloġika u fiżika tagħhom fir-rigward tas-sitwazzjonijiet varji kollha li fihom jistgħu jintalbu jieħdu azzjoni”, li hija linja rrepetuta ta’ rraġunar fil-ġurisprudenza tagħha (6).

13.      Għalhekk, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) żviluppa preċett li skontu l-esklużjoni ta’ kandidati nisa minn proċedura ta’ selezzjoni minħabba li għandhom tatwaġġ viżibbli meta jilbsu “uniformi ċerimonjali” ma hijiex diskriminatorja.

14.      Billi ma taqbilx mal-pożizzjoni tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat), il-qorti tar-rinviju tqis li l-politika ta’ reklutaġġ tal-korp tal-pulizija inkwistjoni hija diskriminatorja, u għalhekk tmur kontra, inter alia, id-dritt tal-Unjoni li jipprojbixxi diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess fl-aċċess għall-impjieg. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju qieset li kien neċessarju li tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja qabel ma tiddeċiedi fuq il-mertu tal-kawża.

15.      Fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-qorti tar-rinviju tindika: (i) li l-“uniformi ċerimonjali” tintlibes biss f’avvenimenti istituzzjonali ta’ profil għoli (ċerimonji, parati, dmirijiet onorifiċi u dmirijiet ta’ rappreżentanza); (ii) li n-nisa jistgħu jiġu awtorizzati minn uffiċjali tal-pulizija għolja jilbsu l-qliezet f’avvenimenti istituzzjonali ta’ profil għoli bħal dawn, mingħajr ma huma stabbiliti kundizzjonijiet minn qabel għal tali eżenzjoni; u (iii) li n-nisa jistgħu jilbsu qliezet u żraben ordinarji għal dmir attiv u, fi kwalunkwe każ, l-uniformi ċerimonjali ma tikkorrispondix għall-ilbies normali operazzjonali tal-korp tal-pulizija.

16.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali, Lazio) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari

“Id-dritt tal-[Unjoni] u, b’mod partikolari, l-Artikolu 2(1)(b) tad-[Direttiva 2006/54/KE], l-Artikoli 21 u 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea [iktar ’il quddiem il-“Karta”], il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, il-prinċipji stabbiliti fil-kuntest tal-interpretazzjoni tad-Direttiva [t]al-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (7) u l-prinċipju ta’ proporzjonalità, jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tirriżulta mill-Artikolu 3(7d) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru. 95/2017 kif ukoll mill-Artikolu 3(2), u mill-punt 2(b) tat-Tabella 1 tad-Digriet Ministerjali Nru 198/2003, kif applikata mill-amministrazzjoni tas-sigurtà pubblika u interpretata fil-ġurisprudenza, li tippermetti li tiġi eskluża kandidata tas-sess femminili ta’ kompetizzjoni għal aċċess fil-korp tal-pulizija minħabba li għandha tatwaġġ fuq parti minn ġisimha li ma hijiex koperta mill-uniformi, minkejja li dan it-tatwaġġ ikun viżibbli biss meta hija tilbes l-uniformi ordinarja [ċerimonjali], prevista għas-servizzi ta’ rappreżentanza, fil-verżjoni li tipprevedi l-użu ta’ dublett u żraben b’takkuna għolja?”

17.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minn HG, mill-Gvern Taljan u dak Elleniku kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

18.      Inżammet seduta fis‑7 ta’ Mejju 2026, li matulha l-Gvern Taljan u l-Kummissjoni għamlu sottomissjonijiet orali.

III. Analiżi

A.      Formulazzjoni mill-ġdid tad-domanda

19.      Kif diġà huwa magħruf, fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tifformula mill-ġdid id-domanda rrinvijata mill-qorti tar-rinviju. Dan spiss isir meta l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata, fuq il-bażi tal-proċess għad-dispożizzjoni tagħha u tal-osservazzjonijiet tal-partijiet, li domanda fformulata b’mod differenti tagħti lok għal risposta iktar utli għall-qorti tar-rinviju, li tkun tippermettilha għalhekk tiddeċiedi t-tilwima pendenti quddiemha b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni (8). Fil-kawża ineżami, jiena tal-fehma li d-domanda rrinvijata għandha tiġi kemxejn ifformulata mill-ġdid.

20.      L-ewwel, għandu jiġi rrilevat li l-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess u l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn l-irġiel u n-nisa fl-oqsma kollha, inkluż fil-qasam tal-impjieg, tax-xogħol u tar-remunerazzjoni, kif stabbiliti rispettivament fl-Artikoli 21 u 23 tal-Karta, ġew ikkonkretizzati mid-Direttiva 2006/54 f’dak li jirrigwarda x-xogħol u l-impjieg, inkluż l-aċċess għall-impjieg.

21.      Konsegwentement, huwa biżżejjed li l-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta din id-direttiva sabiex tagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju (9).

22.      It-tieni, id-Direttiva 2006/54 tipprojbixxi, fl-Artikolu 14 tagħha, kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq is-sess fir-rigward, fost l-oħrajn, tal-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg (Artikolu 14(1)(a)). Il-qorti tar-rinviju titlob l-interpretazzjoni, b’mod partikolari, tal-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 2006/54, li jinkludi definizzjoni ta’ diskriminazzjoni indiretta. Madankollu, kif ser insostni iktar ’il quddiem, hemm raġunijiet tajba sabiex is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali titqies bħala eżempju ta’ diskriminazzjoni diretta, kif iddefinita fl-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2006/54.

23.      It-tielet, l-Artikolu 14(2) ta’ din id-direttiva jippermetti lill-Istati Membri jittrattaw il-kandidati għal impjieg fuq il-bażi tas-sess b’mod differenti jekk in-natura tal-attività professjonali kkonċernata jew il-kuntest tal-eżerċizzju tagħha jkunu jeżiġu dan, bil-kundizzjoni li r-rekwiżit inkwistjoni jkun jikkostitwixxi rekwiżit professjonali ġenwin u determinanti u li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jiġi osservat.

24.      L-argumenti mressqa fid-deċiżjoni tar-rinviju, kif ukoll id-diskussjoni bejn il-partijiet u l-parteċipanti l-oħra f’din il-proċedura, kemm fin-noti tagħhom kif ukoll waqt is-seduta, juru li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq tad-Direttiva 2006/54 tista’ tkun utli għall-qorti nazzjonali sabiex tiddeċiedi l-kawża pendenti quddiemha.

25.      Għalhekk nipproponi li d-domanda tiġi fformulata mill-ġdid sabiex tistaqsi: il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2006/54 ta’ kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta, kif iddefinita fl-Artikoli 2(1)(a) u (b) tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi l-leġiżlazzjoni nazzjonali, li tippermetti l-esklużjoni ta’ kandidata minn proċedura ta’ selezzjoni għal pożizzjoni fil-korp tal-pulizija minħabba li hija għandha tatwaġġ f’żona mhux koperta mill-uniformi tagħha, meta dan it-tatwaġġ ikun viżibbli biss meta tkun liebsa l-uniformi ċerimonjali meħtieġa għad-dmirijiet ta’ rappreżentanza, li tinkludi dublett u żarbun b’takkuna għolja?

B.      Il-politika ta’ reklutaġġ inkwistjoni hija diskriminatorja minħabba s-sess?

1.      Diskriminazzjoni diretta jew indiretta

26.      Mill-fatti tal-kawża ineżami jirriżulta li HG ma kinitx tiġi eskluża mill-proċedura ta’ selezzjoni għas-sempliċi raġuni li hija kellha tatwaġġ fuq il-pexxun tagħha li kieku kienet raġel. Għalhekk huwa evidenti li, fil-kuntest tal-proċedura tal-għażla tas-selezzjoni għall-korp tal-pulizija Taljan, in-nisa huma ttrattati b’mod differenti mill-irġiel. Madankollu, il-kwistjoni li tqum hija jekk din id-differenza fit-trattament tikkostitwixxix diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ipprojbita mid-dritt tal-Unjoni.

27.      Kif jirriżulta mid-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja u kif sostniet il-Kummissjoni, l-esklużjoni ta’ HG mill-proċedura ta’ selezzjoni tirriżulta mill-applikazzjoni konġunta ta’ żewġ regoli nazzjonali li jirregolaw il-korp tal-pulizija Taljan. L-ewwel regola tipprojbixxi lill-uffiċjali tal-pulizija milli jkollhom tatwaġġi viżibbli filwaqt li jkunu lebsin uniformi (iktar ’il quddiem ir-“regola kontra t-tatwaġġi”). It-tieni regola tikkonċerna l-uniformijiet u tipprevedi uniformijiet ċerimonjali differenti għall-uffiċjali rġiel u nisa meta jipparteċipaw f’avvenimenti ċerimonjali (iktar ’il quddiem ir-“regola dwar l-uniformijiet ċerimonjali”). Matul il-proċedura ta’ selezzjoni, il-kandidati jiġu skrutinizzati għal tatwaġġi viżibbli filwaqt li jkunu liebsa l-uniformi ċerimonjali.

28.      Qabel kollox, huwa importanti li jiġi ppreċiżat li l-kawża ineżami ma tikkontestax il-legalità ta’ waħda jew l-oħra minn dawn iż-żewġ regoli meta dawn jittieħdu waħedhom (10). Il-kwistjoni hija biss dwar jekk l-applikazzjoni konġunta tagħhom tistax tiġi kklassifikata bħala diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess.

29.      Din l-applikazzjoni konġunta tar-regola kontra t-tatwaġġi u tar-regola dwar l-uniformijiet ċerimonjali tirriżulta fl-esklużjoni awtomatika mill-proċedura ta’ selezzjoni u, għaldaqstant, mill-aċċess għall-impjieg fil-korp tal-pulizija fl-Italja, tal-kandidati nisa li jkollhom tatwaġġ fuq il-parti inferjuri tas-sieq. Fl-istess ħin, il-kandidati rġiel li jkollhom tatwaġġ fl-istess post ma jistgħux jiġu esklużi għal din ir-raġuni biss. Ser nirreferi għal din il-politika bħala l-“politika ta’ reklutaġġ inkwistjoni”.

30.      L-ewwel domanda li tqum f’każijiet li jkunu jinvolvu diskriminazzjoni possibbli bbażata fuq is-sess hija jekk regola jew prattika partikolari, li tirriżulta fi trattament differenti tal-irġiel u tan-nisa, għandhiex tiġi kklassifikata bħala diskriminazzjoni diretta jew indiretta. Dan sussegwentement jiggwida l-istadji sussegwenti tal-analiżi li tirrigwarda evalwazzjoni ta’ jekk l-applikazzjoni ta’ din ir-regola jew prattika tistax tkun iġġustifikata..

31.      Id-diskriminazzjoni diretta hija ddefinita fl-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2006/54. Skont din id-dispożizzjoni, ikun hemm diskriminazzjoni diretta “fejn persuna waħda tiġi trattata minħabba s-sess b’mod inqas favorevoli minn kif tiġi trattata, ġiet trattata jew kieku tiġi trattata persuna oħra f’sitwazzjoni komparabbli”.

32.      Id-diskriminazzjoni indiretta hija ddefinita fl-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 2006/54. Skont din id-dispożizzjoni, ikun hemm diskriminazzjoni indiretta “fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika li mad-dehra jkunu newtrali jkunu jpoġġu lil persuni ta’ sess partikolari fi żvantaġġ partikolari meta mqabbla ma’ persuni tas-sess l-ieħor, ħlief jekk dik id-dispożizzjoni, kriterju jew prattika tkun oġġettivament ġustifikata b’għan leġittimu, u l-mezzi biex jintlaħaq dak l-għan huma xierqa u meħtieġa”  (11).

33.      Fiż-żewġ każijiet, persuna li tkun tappartjeni għal sess partikolari tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli. Madankollu, fil-każ ta’ diskriminazzjoni diretta, is-sess huwa r-raġuni diretta ta’ trattament sfavorevoli, filwaqt li fil-każ ta’ diskriminazzjoni indiretta, ma huwiex evidenti li s-sess huwa r-raġuni għat-trattament inqas favorevoli ta’ sess partikolari.

34.      Filwaqt li, bħala prinċipju, id-diskriminazzjoni diretta bbażata fuq is-sess ma tistax tiġi aċċettata, l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2006/54 jippermetti distinzjoni bejn is-sessi jekk din tkun tista’ tiġi ġġustifikata minn rekwiżit professjonali ġenwin u determinanti (iktar ’il quddiem l-“eċċezzjoni tar-rekwiżit professjonali ġenwin u determinanti”). Id-diskriminazzjoni indiretta tista’ tiġi ġġustifikata jekk ir-regola apparentement newtrali li twassal għal trattament inqas favorevoli ta’ sess partikolari tkun fil-fatt newtrali, jiġifieri, ma tkunx intiża li tagħmel distinzjoni bejn is-sessi iżda tfittex għan leġittimu ieħor u tkun xierqa u neċessarja sabiex jintlaħaq dan l-għan, anki jekk din twassal sabiex persuni ta’ sess partikolari jitqiegħdu f’sitwazzjoni żvantaġġuża. Id-Direttiva 2006/54 ma tipprovdix lista ta’ raġunijiet li jkunu jiġġustifikaw regola apparentement newtrali li twassal sabiex sess partikolari jitqiegħed f’sitwazzjoni sfavorevoli, peress li dawn ir-raġunijiet ikunu inevitabbilment differenti skont in-natura u l-għanijiet ta’ tali regola. Madankollu, l-eċċezzjoni ta’ rekwiżit professjonali ġenwin u determinanti, li tista’ tikkostitwixxi raġuni għal deroga mill-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni diretta, tista’ tintuża wkoll sabiex tiġġustifika diskriminazzjoni indiretta (12).

35.      Fir-rigward tal-konsegwenzi legali, id-differenza essenzjali bejn il-klassifikazzjoni ta’ sitwazzjoni bħala diskriminazzjoni diretta jew indiretta tinsab fin-numru u fit-tipi ta’ ġustifikazzjonijiet li jistgħu jiġu invokati sabiex l-istess riżultat isir legali, jiġifieri, it-trattament inqas favorevoli ta’ persuni ta’ sess wieħed.

36.      Il-kategorizzazzjoni tas-sitwazzjonijiet tal-ħajja reali taħt tip jew ieħor ta’ diskriminazzjoni ma hijiex dejjem faċli, kif juru l-kawżi li ġejjin.

37.      Fil-kawża Dekker, mara tqila ma ngħatatx impjieg, minkejja li kienet l-aħjar kandidata, minħabba li l-persuna li timpjega ma kienx ikollha dritt għar-rimbors tal-benefiċċji ta’ kuljum li hija kienet tkun obbligata tħallasha matul il-leave tal-maternità tagħha taħt l-iskema ta’ assigurazzjoni eżistenti, li kienet tkopri l-ħaddiema li kienu preklużi milli jaħdmu minħabba mard. Minkejja n-newtralità apparenti tal-invokazzjoni tal-iskema ta’ assigurazzjoni inkwistjoni – li hija stess ma kinitx tiddistingwi bejn l-irġiel u n-nisa, iżda li madankollu kienet tassimila t-tqala mal-mard – il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li r-rifjut li l-impjieg jiġi offrut lill-mara kien jikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta, peress li n-nisa biss setgħu jkunu tqal u, għaldaqstant, jiġu rrifjutati ix-xogħol għal din ir-raġuni (13).

38.      Madankollu, fil-kawża Kalliri, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li leġiżlazzjoni nazzjonali apparentement newtrali, li kienet tissuġġetta l-ammissjoni tal-kandidati għall-kompetizzjoni għad-dħul fl-iskola tal-pulizija Griega għal rekwiżit minimu ta’ tul, kienet tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta (14). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, minħabba l-fatt li n-nisa huma ġeneralment iqsar mill-irġiel, din ir-regola tolqot iktar nisa milli rġiel, ħaġa li tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta, li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma kinitx iġġustifikata.

39.      Is-sitwazzjoni fil-kawża ineżami tixbah liż-żewġ kawżi. Anki jekk l-ilbies ta’ dbielet ma jirrappreżentax, bħala prinċipju, karatteristika innata ta’ sess femminil, l-istess bħal, pereżempju, il-possibbiltà li persuna tinqabad tqila, regola li tobbliga lill-irġiel jilbsu qliezet u lin-nisa jilbsu dbielet fil-kuntest tal-uniformi ċerimonjali għandha l-konsegwenza li jkunu biss in-nisa li jiġu obbligati jilbsu dublett fl-eżerċizzju tad-dmirijiet ta’ pulizija tagħhom. Fil-fatt, l-applikazzjoni konġunta tar-regola ta’ kontra t-tatwaġġi u tar-regola dwar l-uniformijiet ċerimonjali fil-politika ta’ reklutaġġ inkwistjoni tittratta l-ilbies tad-dbielet waqt iċ-ċerimonji bħala karatteristika esklużivament femminili. Din ir-regola twassal, bħal fil-kawża Dekker, għal sitwazzjoni fejn in-nisa biss huma esklużi mill-proċedura ta’ selezzjoni jekk ikollhom tatwaġġ fuq il-parti inferjuri ta’ sieqhom. Dan jimmilita favur il-klassifikazzjoni tas-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali bħala diskriminazzjoni diretta.

40.      Fl-istess ħin, hemm xebh mas-sitwazzjoni fil-kawża Kalliri. Fir-rigward tal-projbizzjoni ta’ tatwaġġi viżibbli, ir-regola ta’ kontra t-tatwaġġi tidher newtrali fir-rigward tas-sess bħala raġuni ta’ diskriminazzjoni pprojbita. Madankollu, il-politika ta’ reklutaġġ inkwistjoni – fejn il-kandidati huma eżaminati għat-tatwaġġi meta jkunu lebsin uniformi ċerimonjali – twassal għall-esklużjoni ta’ ċerti nisa mill-proċedura ta’ selezzjoni. Għalhekk, din ir-regola newtrali, meta tingħaqad mar-regola dwar l-uniformijiet ċerimonjali, tippreġudika biss lin-nisa, mingħajr madankollu ma turi xi intenzjoni li dawn jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli. Dan jista’ jwassal għall-konklużjoni li s-sitwazzjoni inkwistjoni tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta.

41.      Jiena inklinat nikkaratterizza din is-sitwazzjoni bħala diskriminazzjoni diretta, billi nqisha iktar simili għall-fatti il-kawża. Kuntrarjament għas-sitwazzjonijiet fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li kien hemm diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess, l-applikazzjoni konġunta ta’ żewġ regoli fil-politika ta’ reklutaġġ inkwistjoni teskludi biss lin-nisa (bħat-tqala fil-kawża Dekker), filwaqt li r-regoli bbażati fuq it-tul jew fuq il-fatt li ħaddiem ikun jaħdem part-time (bħal fil-kawża Kalliri u fil-kawża Bilka-Kaufhaus, rispettivament) jistgħu jaffettwaw ukoll lill-irġiel, anki jekk, fil-prattika, dawn kellhom effett sproporzjonat fuq in-nisa. Huwa importanti li, anki jekk din ma hijiex karatteristika innata ta’ sess femminil, l-obbligu li wieħed jilbes dublett f’ċerti okkażjonijiet skont id-dritt nazzjonali jorbot b’mod inseparabbli l-ilbies mas-sess tal-persuna, ħaġa li, f’oqsma oħra tad-dritt ta’ nondiskriminazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat bħala element importanti sabiex tiġi kkonstatata diskriminazzjoni diretta (15).

42.      Il-politika ta’ reklutaġġ inkwistjoni tissodisfa, fil-fehma tiegħi, it-tliet elementi meħtieġa mid-definizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2006/54, li huma neċessarji sabiex sitwazzjoni tiġi kklassifikata bħala diskriminazzjoni diretta: (i) trattament inqas favorevoli; (ii) fir-rigward ta’ persuna li tinsab f’sitwazzjoni komparabbli; u (iii) ibbażata fuq is-sess tal-persuna.

43.      Fil-kuntest tal-politika ta’ reklutaġġ inkwistjoni, li għaliha huma suġġetti l-kandidati kollha, mara li għandha tatwaġġ fuq il-parti inferjuri ta’ sieqha u raġel li għandu tatwaġġ fl-istess żona (sitwazzjoni paragunabbli) huma ttrattati b’mod differenti. Mara tiġi eskluża mill-proċedura filwaqt li raġel ma jkunx (trattament inqas favorevoli). Din id-differenzazzjoni bejn persuni li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli hija bbażata fuq is-sess, peress li n-nisa jiġu eżaminati lebsin dublett minħabba r-regola applikabbli fil-qasam tal-uniformijiet li tobbliga lin-nisa jilbsu d-dbielet bħala parti mill-uniformi ċerimonjali preċiżament għaliex huma nisa (ibbażata fuq is-sess).

44.      Għal dawn ir-raġunijiet, inqis li s-sitwazzjoni inkwistjoni għandha tiġi ttrattata bħala sitwazzjoni ta’ diskriminazzjoni diretta u tista’ tiġi aċċettata biss jekk rekwiżit professjonali ġenwin u determinanti jkun jeżiġi dan.

45.      Madankollu, anki jekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tittratta sitwazzjoni bħal din fil-kawża ineżami bħala sitwazzjoni ta’ diskriminazzjoni diretta, nista’ naqbel mal-Kummissjoni li, fil-kawża ineżami, il-klassifikazzjoni tas-sitwazzjoni bħala diskriminazzjoni diretta jew indiretta ma għandhiex effett sinjifikattiv ħafna, peress li ebda waħda mir-raġunijiet imressqa mill-Gvern Taljan ma tista’ tiġġustifika t-trattament inqas favorevoli tan-nisa fi proċeduri ta’ selezzjoni għall-aċċess għall-impjieg fil-korp tal-pulizija.

46.      Fil-parti li ġejja tal-analiżi tiegħi, ser nuri li l-politika ta’ reklutaġġ inkwistjoni ma tistax tiġi ġġustifikata mill-invokazzjoni tal-eċċezzjoni ta’ rekwiżit professjonali essenzjali u determinanti, u li ebda wieħed mill-għanijiet imressqa mill-Gvern Taljan bħala r-raġunament wara l-politika ta’ reklutaġġ ma jippermetti li din il-politika titqies li hija proporzjonata għat-twettiq ta’ dawn l-għanijiet. Din l-analiżi tista’ tiġi applikata sabiex tiġi kkonstatata diskriminazzjoni, anki jekk is-sitwazzjoni fil-kawża ineżami tiġi ttrattata bħala waħda ta’ diskriminazzjoni indiretta.

2.      Il-politika ta’ reklutaġġ inkwistjoni tista’ tiġi ġġustifikata?

a)      Eċċezzjoni ta’ rekwiżit professjonali ġenwin u determinanti

47.      Kif iddikjarat iktar ’il fuq, l-eċċezzjoni ta’ rekwiżit professjonali ġenwin u determinanti hija l-unika raġuni għalfejn id-Direttiva 2006/54 tawtorizza distinzjoni espliċita bejn l-irġiel u n-nisa (16).

48.      Għal dan l-għan, l-Artikolu 14(2) ta’ din id-direttiva jipprevedi li: “L-Istati Membri jistgħu jipprovdu, fir-rigward ta’ l-aċċess għall-impjiegi inkluż it-taħriġ li jwassal għalih, li differenza fit-trattament li hija bbażata fuq karatteristika relatata mas-sess m’għandiex tikkostitwixxi diskriminazzjoni fejn, minħabba n-natura ta’ l-attivitajiet tax-xogħol partikolari kkonċernati jew tal-kuntest li fihom jitwettqu, karatteristika bħal din tikkostitwixxi kondizzjoni meħtieġa ġenwina u determinanti tax-xogħol, sakemm għan tagħha huwa leġittimu u l-kondizzjoni meħtieġa hija proporzjonata.”

49.      Il-Gvern Taljan jidher li jikkunsidra l-parteċipazzjoni f’avvenimenti ċerimonjali bħala rekwiżit professjonali neċessarju għall-uffiċjali tal-pulizija. Huwa jibbaża ruħu fuq il-ġurisprudenza tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) li, kif diġà ġie spjegat (ara l-punti 12 u 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet), tqis li l-politika ta’ reklutaġġ inkwistjoni ma hijiex diskriminatorja, peress li l-membri tal-Pulizija tal-Istat għandhom jiżguraw il-kundizzjoni fiżika tagħhom għas-sitwazzjonijiet varji kollha li fihom huma jistgħu jintalbu jieħdu azzjoni. Dan jinkludi l-parteċipazzjoni f’avvenimenti ċerimonjali tal-korp tal-pulizija. Il-possibbiltà li jipparteċipaw f’tali avvenimenti tidher, għalhekk, li tinftiehem bħala rekwiżit professjonali ġenwin u determinanti, li jiġġustifika l-politika li teskludi lin-nisa li ma jistgħux jipparteċipaw f’tali attivitajiet għaliex it-tatwaġġi tagħhom ikunu viżibbli meta jilbsu l-uniformi ċerimonjali neċessarja għal okkażjonijiet ċerimonjali.

50.      Fil-ġurisprudenza relatata mad-Direttiva 76/207/KEE (17), predeċessur tad-Direttiva 2006/54, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li l-esklużjoni tan-nisa minn ċerti attivitajiet okkupazzjonali fil-korp tal-pulizija jew fl-armata kienet iġġustifikata fuq il-bażi li s-sess kien fattur determinanti minħabba ċirkustanzi speċifiċi jew in-natura tal-attività inkwistjoni. Għalhekk, f’Il‑Kummissjoni vs Franza, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li s-sess jista’ jkun fattur determinanti għal karigi bħal dawk ta’ gwardjani tal-ħabs u ta’ kapijiet tal-gwardjani tal-ħabs (18). Fil-kawża Johnston, hija aċċettat li n-nisa jistgħu jiġu esklużi mill-attivitajiet tal-pulizija mwettqa f’sitwazzjonijiet fejn hemm disturbi interni serji, bħas-sitwazzjoni li kienet teżisti f’dak iż-żmien fl-Irlanda ta’ Fuq (19). Fil-kawża Sirdar, fir-rigward tal-forzi militari, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-esklużjoni tan-nisa mis-servizz f’unitajiet speċjali ta’ kumbattiment, bħar-Royal Marines, tista’ tiġi ġġustifikata minħabba n-natura tal-attivitajiet inkwistjoni u l-kuntest li fih dawn jitwettqu (20).

51.      F’dawn il-każijiet kollha, peress li l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2006/54 jikkostitwixxi eċċezzjoni għar-regola li tipprojbixxi differenzazzjoni bbażata fuq is-sess, il-Qorti tal-Ġustizzja repetutament ikkunsidrat li dan għandu jiġi interpretat b’mod strett (21).

52.      Konformement ma’ dan ir-rekwiżit ta’ interpretazzjoni stretta, jistgħu jinsiltu diversi kundizzjonijiet mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (22).

53.      L-ewwel, il-kunċett ta’ “rekwiżit professjonali ġenwin u determinanti” jirreferi għal rekwiżit li huwa oġġettivament iddettat min-natura tal-attivitajiet professjonali kkonċernati jew mill-kuntest tal-eżerċizzju tagħhom. Għalhekk, dan il-kunċett ma jistax “ikopri kunsiderazzjonijiet suġġettivi, bħall-volontà tal-persuna li timpjega li tieħu inkunsiderazzjoni xewqat partikolari tal-klijent”, li kienet inkwistjoni fil-kawża Bougnaoui, li kienet tikkonċerna diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon (23).

54.      It-tieni, id-differenza fit-trattament ma hijiex ibbażata fuq is-sess, iżda fuq il-karatteristika relatata mas-sess, u għaldaqstant hija din il-karatteristika li għandha tikkostitwixxi rekwiżit professjonali ġenwin u determinanti (24). Għalhekk, pereżempju, fil-kawża Wolf, fir-rigward ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li r-rekwiżit li persuna tkun fiżikament b’saħħitha, li jista’ jkun marbut mal-età, huwa rekwiżit ġenwin u determinanti biex wieħed ikun pompier (25).

55.      It-tielet, sabiex tiġi invokata l-eċċezzjoni ta’ rekwiżit professjonali ġenwin u determinanti, l-esklużjoni tal-persuni ta’ sess wieħed minn ċerti attivitajiet minħabba l-karatteristika relatata ma’ dan is-sess għandu jkollha għan leġittimu u r-regola li tirriżulta f’distinzjoni bejn is-sessi għandha tkun xierqa u neċessarja għal dan l-għan. B’hekk, pereżempju, fil-kawża Sidar (26), il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li l-ħtieġa li wieħed ikun ippreparat għal azzjonijiet ta’ kumbattiment bħala membru tar-Royal Marines, irrispettivament mill-pożizzjoni tal-persuna, tista’ titqies bħala xierqa u neċessarja sabiex tiġi żgurata s-sigurtà pubblika.

56.      Fir-rigward tal-ewwel u tat-tieni waħda minn dawn il-kundizzjonijiet kif applikati fil-kawża ineżami, jidher li l-Gvern Taljan iqis li l-ilbies ta’ dublett, karatteristika marbuta mas-sess femminil mil-liġi applikabbli, huwa oġġettivament iddettat min-natura ta’ uffiċjal tal-pulizija, li teżiġi l-parteċipazzjoni f’avvenimenti ċerimonjali.

57.      Fil-fehma tiegħi, l-ewwel, anki jekk l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni fl-organizzazzjoni tal-korp tal-pulizija tagħhom, il-fatt li l-parteċipazzjoni tal-uffiċjali tal-pulizija fiċ-ċerimonji titqies bħala attività professjonali determinanti li tkun tiġġustifika diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess huwa kuntrarju għall-ħtieġa li din id-deroga tiġi interpretata b’mod restrittiv. L-attivitajiet ċerimonjali, anki jekk ma humiex mingħajr importanza għall-preżentazzjoni tal-korp tal-pulizija lill-pubbliku u, għaldaqstant, sabiex tissaħħaħ il-fiduċja f’dan is-servizz pubbliku, madankollu jikkostitwixxu biss partijiet marġinali ħafna tal-funzjoni ta’ uffiċjal tal-pulizija, kif irrilevat il-qorti tar-rinviju. Konsegwentement, fil-fehma tiegħi, l-ewwel kundizzjoni neċessarja sabiex tiġi invokata l-eċċezzjoni ta’ rekwiżit professjonali ġenwin u determinanti ma hijiex issodisfatta fil-kawża ineżami, peress li r-rekwiżiti oġġettivi li jirriżultaw min-natura tad-dmirijiet tal-pulizija ma jiġġustifikawx l-esklużjoni tan-nisa mill-korp tal-pulizija minħabba s-sempliċi fatt li huma ma jistgħux jipparteċipaw f’attivitajiet ċerimonjali.

58.      It-tieni, il-fatt li n-nisa jilbsu d-dbielet ma huwiex karatteristika innata tas-sess femminil, iżda pjuttost karatteristika imposta mil-liġi li tipprevedi d-dbielet bħala parti mill-uniformi ċerimonjali għan-nisa. Anki jekk tali stereotip huwa aċċettat bħala karatteristika relatata mas-sess femminil, huwa diffiċli li wieħed jara kif tali karatteristika hija neċessarja għall-parteċipazzjoni fiċ-ċerimonji, jekk din il-parteċipazzjoni tinftiehem bħala oġġettivament iddettata min-natura tax-xogħol tal-pulizija. Dan huwa iktar u iktar il-każ minħabba li l-uniformi tal-dmirijiet attivi milbusa mill-uffiċjali tal-pulizija nisa tinkludi l-qliezet.

59.      Għalhekk, il-politika ta’ reklutaġġ ibbażata fuq ir-regola li n-nisa ma għandhomx ikollhom tatwaġġi viżibbli meta jkunu lebsin l-uniformi ċerimonjali ma tissodisfax l-ewwel żewġ kundizzjonijiet, kif imsemmija fil-punti 53 u 54 ta’ dawn il-konklużjonijiet, sabiex jiġi invokat ir-rekwiżit professjonali ġenwin u determinanti bħala eċċezzjoni għall-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni diretta bbażata fuq is-sess.

60.      Barra minn hekk, u kif ser nuri taħt it-titolu segwenti, il-politika ta’ reklutaġġ inkwistjoni lanqas ma tissodisfa t-tielet kundizzjoni għall-invokazzjoni tal-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2006/54, kif imsemmija fil-punt 55 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Din il-politika ma hija proporzjonata għal ebda wieħed mill-għanijiet diskussi matul dawn il-proċeduri bħala raġunijiet possibbli ta’ ġustifikazzjoni. Dan huwa wkoll argument favur konklużjoni li l-politika ta’ reklutaġġ inkwistjoni tmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li tittratta din is-sitwazzjoni bħala diskriminazzjoni indiretta pjuttost milli bħala diskriminazzjoni diretta.

b)      L-għanijiet u l-proporzjonalità tal-politika ta’ reklutaġġ

61.      L-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2006/54 jeżiġi li d-deroga bbażata fuq rekwiżit professjonali jkollha għan leġittimu u li hija tkun tissodisfa l-prinċipju ta’ proporzjonalità (27).

62.      Il-Gvern Taljan invoka raġunijiet relatati mal-uniformità u d-dinjità tal-korp tal-pulizija sabiex jiġġustifika l-politika ta’ kontra t-tatwaġġi. Madankollu, kif diġà ġie indikat, din l-għażla ta’ politika nazzjonali ma hijiex ikkontestata fil-kawża ineżami.

63.      Pjuttost, huwa neċessarju li tiġi stabbilita rabta bejn ir-rekwiżit għan-nisa li jilbsu dublett waqt l-eżerċizzju ta’ dmirijiet ċerimonjali u r-regola li teskludihom mill-korp tal-pulizija minħabba li jkollhom tatwaġġ li jkun viżibbli meta jilbsu tali uniformi. Għalhekk, id-domanda hija limitata għall-ġustifikazzjoni tar-rekwiżit (kważi) inkundizzjonat li jintlibes dublett fiċ-ċerimonji.

64.      F’dan ir-rigward, il-Gvern Taljan offra żewġ argumenti marbuta mal-funzjoni ta’ uniformi fiċ-ċerimonji: l-ewwel, hija tittrażmetti lill-pubbliku ġenerali l-valuri tal-korp tal-pulizija Taljan u, it-tieni, hija tiżgura l-uniformità, u b’hekk tiffaċilita r-rikonoxximent mill-pubbliku tal-appartenenza ta’ uffiċjal għal tali korp tal-pulizija. Waqt is-seduta, ġiet diskussa wkoll tielet ġustifikazzjoni possibbli, jiġifieri l-ħtieġa li tittieħed azzjoni pożittiva intiża li tattira lin-nisa lejn il-korp tal-pulizija. Ser nevalwa suċċessivament dawn it-tliet għanijiet, kif ukoll in-natura xierqa, in-neċessità u l-proporzjonalità stricto sensu tal-politika ta’ reklutaġġ, li ċċaħħad l-aċċess tan-nisa għall-korp tal-pulizija jekk dawn ikollhom tatwaġġ viżibbli meta jkunu lebsin l-uniformi ċerimonjali femminili meħtieġa għall-uffiċjali tal-pulizija nisa, sabiex tilħaq kull wieħed minn dawn l-għanijiet.

1)      It-trażmissjoni ta’ valuri

65.      Meta ġie mistieden, waqt is-seduta, jispjega liema valuri jiġu trażmessi jekk l-uffiċjali tal-pulizija nisa jilbsu d-dbielet bħala parti mill-uniformi ċerimonjali tagħhom, il-Gvern Taljan offra tweġiba ġenerali ħafna, fis-sens li dan jittrażmetti “valuri tradizzjonali”.

66.      L-għażla ta’ uniformi u r-raġunijiet għal din l-għażla jistgħu jkunu riflessjoni ta’ tradizzjonijiet, li huma differenti minn Stat Membru għal ieħor. Fi kwalunkwe każ, l-għażla tal-uniformi hija fid-diskrezzjoni ta’ kull Stat Membru. Il-Gvern Taljan spjega, waqt is-seduta, li l-korp tal-pulizija f’dan l-Istat huwa kburi li kien fost l-ewwel servizzi pubbliċi armati li ppermetta l-aċċess għan-nisa, xi ħaġa li hija riflessa fl-avvenimenti ċerimonjali, li fihom in-nisa jilbsu uniformijiet tradizzjonali. Għalhekk, l-għażla li n-nisa jilbsu uniformi fl-okkażjonijiet ċerimonjali tista’ tinftiehem bħala riflessjoni ta’ din it-tradizzjoni.

67.      Madankollu, il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri fl-għażla tal-uniformijiet ma jistax jiġġustifika diskriminazzjoni, inkluża dik ibbażata fuq is-sess. Huwa minnu li r-rekwiżit li n-nisa għandhom, f’ċerti okkażjonijiet, jilbsu uniformijiet tradizzjonali, li ma baqgħux jintlibsu għad-dmirijiet ta’ kuljum, jista’ tassew ma jkunx diskriminatorju fih innifsu. Madankollu, din l-għażla ssir diskriminatorja meta tpoġġi lin-nisa f’sitwazzjoni inqas vantaġġuża mill-irġiel fl-aċċess għal impjieg. Fil-kawża ineżami, dan ir-rekwiżit jirriżulta fl-esklużjoni awtomatika tan-nisa mill-korp tal-pulizija jekk huma jkollhom tatwaġġ viżibbli meta jkunu lebsin dublett, iżda ma jwassalx għall-esklużjoni tal-irġiel b’tatwaġġi li jkunu viżibbli kieku kellhom jilbsu dublett.

68.      Fi kwalunkwe każ, il-politika ta’ reklutaġġ inkwistjoni ma hijiex proporzjonata mal-ilħiq ta’ għan li jikkonsisti fit-turija ta’ tradizzjoni.

69.      Sabiex nibda bin-natura xierqa, ir-regola tista’ fil-fatt tkun xierqa, peress li, jekk ikunu biss nisa mingħajr tatwaġġi fuq il-parti ta’ isfel ta’ sieqhom li jiġu ammessi fil-korp tal-pulizija, huma kollha jkunu jistgħu jilbsu dbielet waqt avvenimenti ċerimonjali u b’hekk jippermettu l-manifestazzjoni tat-tradizzjoni.

70.      Madankollu, wieħed jista’ leġittimament jiddubita l-koerenza ta’ din ir-regola. Il-qorti tar-rinviju spjegat, u dan ma ġiex ikkontestat, li uffiċjal ta’ kariga ogħla jista’, fid-diskrezzjoni tiegħu(28), jawtorizza lil uffiċjal tal-pulizija mara tilbes qalziet matul ċerimonja partikolari. Jekk l-ilbies ta’ dublett bħala parti mill-uniformi ċerimonjali għan-nisa, huwa tant importanti f’ċerimonji, tali possibbiltà ta’ devjazzjoni minn din ir-regola ma tidhirx li hija koerenti. Barra minn hekk, għaliex jiġi applikat standard daqshekk strett għall-proċedura ta’ selezzjoni u kriterju ħafna inqas strett ladarba l-uffiċjali nisa jkunu ġew irreklutati? Dan juri wkoll il-punt li l-għan ma huwiex segwit b’mod koerenti.

71.      Anki li kieku l-politika ta’ reklutaġġ kellha tissodisfa t-test ta’ adegwatezza u ta’ koerenza, għandi diffikultà nikkunsidra li tali regola hija neċessarja. Jekk dawn in-nisa li ma jistgħux jilbsu dublett minħabba tatwaġġ viżibbli jkunu awtorizzati jilbsu l-qliezet, filwaqt li nisa oħra li ma jkollhomx tali tatwaġġ jipparteċipaw fl-istess avvenimenti ċerimonjali lebsin dublett, dan xorta waħda jkun jippermetti t-turija mixtieqa ta’ tradizzjoni.

72.      Fl-aħħar nett, il-piż impost mill-politika, li tipprekludi totalment lin-nisa b’tatwaġġi viżibbli meta jkunu lebsin dublett milli jaċċedu għall-korp tal-pulizija, huwa manifestament sproporzjonat meta mqabbel mal-vantaġġ simboliku li, minn żmien għal żmien, ikun hemm uffiċjali nisa li jipparteċipaw f’attivitajiet ċerimonjali filwaqt li jilbsu l-uniformi ċerimonjali.

73.      Fil-kawża ineżami, in-nisa li għandhom tatwaġġi viżibbli meta jkunu lebsin l-uniformi ċerimonjali huma totalment imċaħħda mill-aċċess għall-korp tal-pulizija; dawn ma humiex esklużi biss mill-parteċipazzjoni f’attivitajiet ċerimonjali (li jista’ jkun problematiku fih innifsu) (29).

74.      Bħala konklużjoni, il-politika ta’ reklutaġġ inkwistjoni ma tistax tirreżisti t-test ta’ proporzjonalità fir-rigward tal-ewwel għan propost – it-trażmissjoni tal-valuri mifhuma bħala manifestazzjoni ta’ tradizzjoni.

2)      Uniformità u rappreżentattività

75.      It-tieni għan li l-Gvern Taljan ippreżenta wkoll bħala kwistjoni tat-trażmissjoni ta’ valur jirrigwarda l-għan stess tal-uniformi, li huwa li persuna tiġi identifikata bħala uffiċjal tal-pulizija (30).

76.      Għalkemm huwa minnu li dan ir-rwol ta’ identifikazzjoni jista’ fil-fatt jiġi aċċettat bħala għan tal-uniformijiet, għandu jitfakkar li l-uniformi inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex dik li tintlibes għad-dmir attiv ta’ kuljum, iżda biss għal avvenimenti partikolari u speċifiċi, li huma esklużivament relatati mar-rappreżentanza. Fil-biċċa l-kbira tal-okkażjonijiet l-oħra, l-uffiċjali nisa jilbsu l-qliezet. Konsegwentement, jista’ jiġi ddubitat li mara liebsa uniformi ċerimonjali li tikkonsisti f’dublett tkun identifikata bħala uffiċjal tal-pulizija.

77.      Madankollu, anki jekk l-ilbies ta’ tali uniformi huwa xieraq sabiex din il-persuna tiġi identifikata bħala uffiċjal tal-pulizija, huwa diffiċli li jiġi aċċettat li huwa neċessarju li uffiċjal tal-pulizija mara tilbes dublett sabiex tiġi identifikata bħala uffiċjal tal-pulizija matul iċ-ċerimonji. L-ilbies tal-qliezet għandu l-istess effett (31).

78.      Jista’ jingħad ukoll li, meta jinvokaw l-eċċezzjoni ta’ rekwiżit professjonali ġenwin u determinanti, il-Qorti tal-Ġustizzja insistiet fuq il-fatt li l-Istati Membri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-iżviluppi soċjali (32). Kemm fil-kawża Johnston kif ukoll fil-kawża Sirdar, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li kien ċar mill-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 76/207 li jekk Stat Membru jinvoka d-deroga bbażata fuq rekwiżit professjonali ġenwin u determinanti huwa għandu d-dmir jevalwa perjodikament l-attivitajiet ikkonċernati sabiex jiddeċiedi jekk din tistax tinżamm fid-dawl tal-iżvilupp soċjali (33). Rekwiżit simili jeżisti fl-Artikolu 31(3) tad-Direttiva 2006/54. Peress li llum huwa komuni li n-nisa jilbsu l-qliezet fl-aspetti kollha tal-ħajja, inkluż fil-korp tal-pulizija, affermazzjoni li l-ilbies ta’ dublett jista’ jkollu xi rwol ta’ identifikazzjoni ma hijiex f’lokha.

79.      Barra minn hekk, jekk funzjoni ta’ uniformi tikkonsisti wkoll, kif jissuġġerixxi isimha, fl-uniformità tal-apparenza tal-korp tal-pulizija, tali għan ikun moqdi aħjar jekk kemm l-irġiel kif ukoll in-nisa jilbsu l-istess uniformi.

80.      Bħala konklużjoni, il-politika ta’ reklutaġġ inkwistjoni lanqas ma tista’ tirreżisti t-test ta’ proporzjonalità fir-rigward tat-tieni għan propost.

3)      Azzjoni pożittiva

81.      Ir-rekwiżit għan-nisa li jilbsu d-dbielet jista’ forsi jinftiehem bħala miżura intiża li tippromwovi l-inklużjoni tan-nisa fil-korp tal-pulizija.

82.      Mistoqsi dwar dan waqt is-seduta, il-Gvern Taljan wieġeb li, fl-Italja, ma hijiex meħtieġa politika intiża li tattira lin-nisa lejn il-korp tal-pulizija. Madankollu, peress li din il-kwistjoni ġiet diskussa waqt is-seduta, inħossni obbligata nżid xi riflessjonijiet dwar dan is-suġġett.

83.      L-azzjoni pożittiva hija metodu aċċettat sabiex jiġu kkorreġuti l-inugwaljanzi strutturali f’soċjetà (34).

84.      Fil-fatt, oriġinarjament, l-introduzzjoni ta’ regola li tipprovdi li l-uffiċjali tal-pulizija nisa għandhom jilbsu d-dbielet bħala uffiċjali tal-pulizija setgħet isservi sabiex tinkoraġġixxi lin-nisa jissieħbu mal-korp tal-pulizija (35).

85.      Madankollu, ma jienx konvinta li l-obbligu impost fuq in-nisa li jilbsu d-dbielet waqt avvenimenti ċerimonjali jista’, illum, ikun iġġustifikat sabiex jattira lin-nisa lejn il-forzi tal-pulizija. Dan l-obbligu jkun jiskoraġġixxi lil dawk in-nisa li ma jkunux jixtiequ jilbsu d-dbielet. Għalhekk, regola iktar xierqa f’dan ir-rigward tkun li n-nisa jitħallew jagħżlu li jilbsu dublett u li ma jkunux imġiegħla jagħmlu dan (36).

86.      L-adozzjoni ta’ miżuri xierqa sabiex jiġu kkorreġuti l-inugwaljanzi soċjetali stabbiliti, bħad-disparità bejn in-numru ta’ rġiel u ta’ nisa fil-korp tal-pulizija jew fl-armata, taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri. Madankollu, wieħed għandu jżomm f’moħħu li l-miżuri ta’ azzjoni pożittiva adottati sabiex tiżdied ir-rappreżentattività tan-nisa (jew tal-irġiel) f’ċerti professjonijiet jistgħu jiskattaw kontestazzjonijiet ibbażati fuq id-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess minn membru tas-sess l-ieħor. Dan intwera f’sentenza reċenti mogħtija mill-Verfassungsgerichtshof (il-Qorti Kostituzzjonali Awstrijaka), li fiha din il-qorti laqgħet ilment ippreżentat minn raġel membru tal-armata Awstrijaka u qieset li l-projbizzjoni fuq l-irġiel milli jkollhom xagħar twil fl-armata ma tistax tiġi aċċettata meta n-nisa huma awtorizzati jkollhom l-istess ħaġa (37). Għalhekk, anki jekk jittieħdu ċerti miżuri sabiex jattiraw lin-nisa lejn ċerti professjonijiet, dan jista’ jeħtieġ li tiġi ġġustifikata, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, id-diskriminazzjoni li tkun tirriżulta fil-konfront tas-sess l-ieħor.

87.      Fi kwalunkwe każ, azzjoni pożittiva tista’ tiġi ġġustifikata jekk ittejjeb is-sitwazzjoni tas-sess sottorappreżentat (u mhux taggravaha). Għalkemm il-politika ta’ reklutaġġ inkwistjoni titqies fid-dawl tal-attirazzjoni tan-nisa lejn il-forzi tal-pulizija, fil-kawża ineżami partikolari, din effettivament ipprekludiet lil mara milli tidħol f’dan is-servizz.

88.      Bħala konklużjoni, politika ta’ esklużjoni awtomatika mill-proċedura ta’ selezzjoni għall-korp tal-pulizija tan-nisa li għandhom tatwaġġi fuq il-partijiet tal-ġisem esposti meta jkunu lebsin l-uniformi ċerimonjali, li għan-nisa, hija dublett u żarbun b’takkuna għolja, ma tistax titqies li hija proporzjonata għal xi wieħed mill-għanijiet proposti sabiex tiġi ġġustifikata din il-politika ta’ reklutaġġ.

IV.    Konklużjoni

89.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domanda magħmula mit-Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali, il-Lazio, l-Italja):

L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol, moqri flimkien mal-Artikolu 2(1)(a) tagħha,

għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi politika nazzjonali ta’ reklutaġġ li, abbażi tat-tagħqid ta’ żewġ regoli legali, tippermetti l-esklużjoni ta’ kandidata minn proċedura ta’ selezzjoni għal pożizzjoni fil-korp tal-pulizija minħabba li hija għandha tatwaġġ f’żona mhux koperta mill-uniformi tagħha, meta dan it-tatwaġġ ikun viżibbli biss meta tkun liebsa l-uniformi ċerimonjali meħtieġa għad-dmirijiet ta’ rappreżentanza, li hija differenti għall-irġiel u għan-nisa u li, għan-nisa tikkonsisti f’dublett u fi żarbun b’takkuna għolja.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


i      L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura. .


2      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (ĠU 1006, L 204, p. 23).


3      Sussegwentement, in-numru ta’ pożizzjonijiet ġodda żdied għal 2 650.


4      Kif spjegat il-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 3(2) u t-Tabella 1(2)(b) tad-Decreto del Ministero dell’ Interno del 30 giugno 2003, n. 198 (id-Digriet Nru 198 tal-Ministeru għall-Intern, tat‑30 ta’ Ġunju 2003 (iktar ’il quddiem id-“Digriet Ministerjali Nru 198/2003”)), kif ukoll l-Artikolu 3(7d) tad-Decreto legislativo del 29 maggio 2017, n. 95 (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 95 tad‑29 ta’ Mejju 2017 (iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 95/2017”)) jippermettu l-esklużjoni ta’ applikant meta dan ikollu tatwaġġ fuq parti mill-ġisem mhux koperta mill-uniformi.


5      Il-linji gwida dwar l-uniformijiet huma stabbiliti fid-Decreto del Capo della Polizia del 31 dicembre 2015 (id-Digriet tal-Kap tal-Pulizija tal‑31 ta’ Diċembru 2015), kif emendat bid-Decreto del Capo della Polizia del 10 luglio 2019 (id-Digriet tal-Kap tal-Pulizija tal‑10 ta’ Lulju 2019), li jirrevedi u jaġġorna t-tabelli annessa mal-ewwel wieħed. Id-Digriet tal-Kap tal-Pulizija tal‑31 ta’ Diċembru 2015 jipprovdi wkoll, f’anness, xi “informazzjoni spjegattiva”, li tinkludi linji gwida dwar l-użu tal-uniformijiet. B’mod partikolari, dan l-anness jistipula li “l-uniformi ċerimonjali għall-irġiel u għan-nisa [...] għandha [...] tintlibes biss f’okkażjonijiet ta’ importanza istituzzjonali sinjifikattiva” u li “l-uniformi ċerimonjali għan-nisa għandha tikkonsisti minn dublett, u l-qliezet jistgħu jintlibsu biss bil-permess ta’ uffiċjali għolja tal-pulizija”.


6      Kif irrapportat fid-digriet tar-rinviju, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) diġà esprima l-opinjoni li tatwaġġi fuq is-saqajn, l-għekiesi u l-pxiexen (li, għan-nisa, huma partijiet tal-ġisem esposti meta huma jilbsu dublett u żarbun b’takkuna għolja) jistgħu b’mod leġittimu jikkostitwixxu raġunijiet sabiex il-kandidati nisa jiġu esklużi mill-proċeduri ta’ selezzjoni (anki jekk ma jkunux viżibbli meta jilbsu t-tights) peress li “l-membri tal-Pulizija tal-Istat għandhom jiżguraw il-kundizzjoni psikoloġika u fiżika tagħhom fir-rigward tas-sitwazzjonijiet varji kollha li fihom jistgħu jintalbu jieħdu azzjoni” (il-Kunsill tal-Istat, ir-Raba’ Sezzjoni, 2 ta’ Marzu 2020, Sentenza Nru 1477, u 8 ta’ Ġunju 2021, Sentenza Nru 4386). Barra minn hekk, din il-qorti ddeċidiet li “meta l-kumitat mediku jiddikjara li tatwaġġ fuq parti mill-ġisem mhux koperta mill-uniformi (bħal, fir-rigward tal-persunal nisa, il-pexxun jew l-għaksa) huwa dejjem viżibbli u jsostni din l-affermazzjoni billi jipprovdi deskrizzjoni ddettaljata tal-forma, tad-daqs u tas-suġġett tat-tatwaġġ, huwa irrilevanti li huma ma kinux intalbu jilbsu t-tights fil-mument tal-eżami. Huwa irrilevanti wkoll li l-uniformi, inklużi t-tights, hija rriżervata għal użu okkażjonali: tabilħaqq, il-membri tal-Pulizija tal-Istat għandhom jiżguraw il-kundizzjoni psikoloġika u fiżika tagħhom fir-rigward tas-sitwazzjonijiet varji kollha li fihom jistgħu jintalbu jieħdu azzjoni. [...]” (il-Kunsill tal-Istat, it-Tieni Sezzjoni, 3 ta’ Novembru 2022, Sentenza Nru 9583).


7      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79.


8      Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2025, GR REAL (C‑351/23, EU:C:2025:474, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).


9      Dan, madankollu, ma jfissirx li l-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 21 u 23 tal-Karta jew il-ġurisprudenza relatata mad-Direttiva 2000/78, li għalihom tirreferi wkoll il-qorti tar-rinviju fid-domanda tagħha, ma humiex rilevanti għall-interpretazzjoni tad-Direttiva 2006/54. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ser tikkunsidrahom, flimkien ma’ kwalunkwe prinċipju ieħor rilevanti għall-fehim tad-Direttiva 2006/54.


10      F’dan ir-rigward, ta’ min isemmi li l-istudju komparattiv imwettaq mid-dipartiment tar-riċerka u tad-dokumentazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sab li r-regoli dwar it-tatwaġġi fil-forzi tal-armata u fil-korp tal-pulizija jvarjaw bejn l-Istati Membri. F’xi Stati Membri, it-tatwaġġi ma huma rregolati bl-ebda mod, f’oħrajn huma pprojbiti fuq ċerti partijiet tal-ġisem jew, bħal fl-Italja, meta jkunu viżibbli bl-uniformi milbusa, u f’xi Stati Membri huma ttollerati jekk ikunu diskreti. Ara, f’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, Direction de la Recherche et Documentation, “L’application du principe de non-discrimination fondée sur le sexe à l’égard des codes vestimentaires et des normes d’apparence physique sur le lieu de travail”, Note de Recherche, 26/004, April 2026.


11      L-istess kunċett ta’ diskriminazzjoni diretta u indiretta jeżisti għal raġunijiet oħra pprojbiti. Ara l-Artikolu 2(2)(a) u (b) tad-Direttiva 2000/78 u l-Artikolu 2(2)(a) u (b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad‑29 ta’ Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 20, Vol. 1, p. 23).


12      Għal diskussjoni interessanti dwar dan is-suġġett, ara Iglesias Sánchez, S., “The concept of “genuine and determining occupational requirements” in EU equality law: A critical approach” f’Giegerich, T. (editur), The European Union as Protector and Promoter of Equality, Springer, 2020, p. 219 sa 233.


13      Sentenza tat‑8 ta’ Novembru 1990, Dekker (C‑177/88, iktar ’il quddiem il-“kawża Dekker”, EU:C:1990:383, b’mod partikolari l-punt 12).


14      Sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2017, Kalliri (C‑409/16, iktar ’il quddiem il-“kawża Kalliri”, EU:C:2017:767, punti 27 sa 32). Għal eżempju iktar bikri, ara s-sentenza tat‑13 ta’ Mejju 1986, Bilka-Kaufhaus (170/84, iktar ’il quddiem il-“kawża Bilka-Kaufhaus” EU:C:1986:204), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li politika ta’ kumpannija li offriet benefiċċji differenti lill-ħaddiema part-time u dawk full-time kienet tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta, peress li l-maġġoranza tal-ħaddiema part-time f’dik il-kumpannija kienu nisa.


15      Fir-rigward tad-diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà, ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2021, Szpital Kliniczny im. dra J. Babińskiego Samodzielny Publiczny Zakład Opieki Zdrowotnej Krakowie (C‑16/19, EU:C:2021:64, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fir-rigward tad-diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon, ara, ukoll f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, WABE u MH Müller Handel (C‑804/18 u C‑341/19, EU:C:2021:594, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).


16      Il-possibbiltà l-oħra, għalkemm mhux ikkunsidrata bħala eċċezzjoni fid-Direttiva 2006/54, hija azzjoni pożittiva, prevista fl-Artikolu 3 tagħha.


17      Direttiva tal-Kunsill tad‑9 ta’ Frar 1976 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 187), kif emendata bid-Direttiva 2002/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Settembru 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 255).


18      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 1988, Il‑Kummissjoni vs Franza (318/86, “Il‑Kummissjoni vs Franza”, EU:C:1988:352, punti 11 sa 18).


19      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Mejju 1986, Johnston (222/84, iktar ’il quddiem il-“kawża Johnston”, EU:C:1986:206, punti 36, 37 u 40).


20      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 1999, Sirdar (C‑273/97, iktar ’il quddiem il-“kawża Sirdar”, EU:C:1999:523, punti 29‑32).


21      Ara, pereżempju, is-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2014, Napoli (C‑595/12, EU:C:2014:128, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).


22      Ara, f’dan ir-rigward, Maliszewska-Nienartowicz, J., “Genuine and Determining Occupational Requirement as an Exception to the Prohibition of Discrimination in EU law” in Giegerich, Th. (editur), The European Union as Protector and Promoter of Equality, Springer, 2020, p. 199 sa 217, f’p. 204.


23      Sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2017, Bougnaoui u ADDH (C 188/15, iktar ’il quddiem il-“kawża Bougnaoui”, EU:C:2017:204, punt 40) (enfasi miżjuda minni). Dan ġie mtenni fil-ġurisprudenza sussegwenti, pereżempju fis-sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2026, Katholische Schwangerschaftsberatung (C‑258/24, EU:C:2026:211, punt 82).


24      Ara, fir-rigward tar-reliġjon bħala bażi pprojbita, il-kawża Bougnaoui, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata. Fir-rigward tad-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ara, pereżempju, is-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2014, Napoli (C‑595/12, EU:C:2014:128, punt 42).


25      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2010, Wolf (C‑229/08, iktar ’il quddiem il-“kawża Wolf”, EU:C:2010:3, punt 41).


26      Ara l-kawża Sidar, punti 28 u 29.


27      Ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità ma kienx inkluż fil-formulazzjoni tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 76/207, il-predeċessur tad-Direttiva 2006/54, iżda kien meħtieġ mill-ġurisprudenza li għaliha kienet tapplika din id-direttiva preċedenti.


28      Statistikament, hemm possibbiltà ikbar li dan l-uffiċjal ta’ kariga ogħla jkun raġel, li jista’ jżid saff ieħor ta’ differenzazzjoni bbażata fuq is-sess. Ara, f’dan ir-rigward, Pascali, M., “Poliziotte, un cammino democratico” (“Pulizija nisa, medda demokratika”), Collettiva, 8 ta’ Marzu 2023. Disponibbli f’https://www.collettiva.it/speciali/anno-d/poliziotte-un-cammino-democratico-bd8t0h97; Maran, D., Grandi, A., Colombo, L., Stress, job satisfaction, and workplace climate in Italian police workers, Policing: A Journal of Policy and Practice, Vol. 18, 2024, paae079, disponibbli f’https://doi.org/10.1093/police/paae079.


29      Fil-kawża Kreil, kawża li kienet tikkonċerna l-esklużjoni tan-nisa mill-Bundeswehr (il-forzi armati Ġermaniżi), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li deroga bbażata fuq attività professjonali ġenwina u determinanti tista’ tapplika biss għal attivitajiet speċifiċi fi ħdan il-forzi armati, iżda ma tistax teskludi lin-nisa mill-pożizzjonijiet kollha f’dan is-servizz. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2000, Kreil (C‑285/98, EU:C:2000:2, b’mod partikolari l-punt 27).


30      Arroyo, J., “L’uniforme en droit public”, Revue française de droit administratif, 2024, p. 509 issemmi tliet funzjonijiet ta’ uniformi: (i) il-protezzjoni (bħall-armatura ta’ kavallier); (ii) l-identifikazzjoni; u (iii) il-kontroll, kemm intern u kemm estern fi ħdan l-organizzazzjoni rispettiva.


31      Wieħed jista’ jsostni li l-ilbies ta’ dublett jista’ jgħin sabiex uffiċjal tal-pulizija jiġi identifikat bħala uffiċjal tal-pulizija mara. Nista’ nimmaġina għaliex, f’ċerti okkażjonijiet, dan jista’ jkun utli, bħal, pereżempju, meta vittma ta’ vjolenza sesswali tħossha iktar sigura titkellem ma’ uffiċjal mara. Madankollu, l-argumenti diskussi waqt is-seduta ma kinux jirrigwardaw il-ħtieġa li persuna tiġi identifikata bħala uffiċjal tal-pulizija mara, iżda pjuttost bħala uffiċjal tal-pulizija.


32      Ara, pereżempju, Il‑Kummissjoni vs Franza, punt 25.


33      Ara, f’dan is-sens, il-kawża Johnston, punt 37 u l-kawża Sirdar, punt 25.


34      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2006/54 jipprevedi azzjoni pożittiva bħala raġuni oħra possibbli ta’ deroga mill-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess.


35      Fil-fatt, kif enfasizzat in-nota tar-riċerka msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet, f’xi Stati Membri n-nisa jingħataw iktar libertà fir-rigward tad-dehra fiżika tagħhom bħala inċentiv sabiex jingħaqdu mal-forzi armati. Pereżempju, fil-Ġermanja, peress li n-nisa huma sottorappreżentati fil-forzi armati, ir-regoli li jirregolaw id-dehra ta’ suldati nisa, b’mod partikolari fir-rigward tal-istili tax-xagħar u l-ilbies tal-ġojjellerija, jistgħu jkunu suġġetti għal regolamenti li jidderogaw mir-regoli ġenerali applikabbli għas-suldati, bħala miżura ammissibbli intiża li tippromwovi l-parteċipazzjoni femminili fi ħdan il-forzi armati Ġermaniżi (il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, Direction de la Recherche et Documentation, nota ta’ qiegħ il-paġna 10, op. cit., punti 57 sa 59).


36      F’mill-inqas erba’ Stati Membri (l-Irlanda, Spanja, il-Polonja u r-Rumanija), il-qliezet huma l-uniformi standard għall-uffiċjali kollha, u l-uffiċjali tal-pulizija nisa huma awtorizzati, taħt ċerti kundizzjonijiet, jilbsu dublett bħala parti mill-uniformi ċerimonjali tagħhom (Direction de la Recherche et Documentation, nota ta’ qiegħ il-paġna 10, op. cit., punt 52).


37      Ara, Verfassungsgerichtshof (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Awstrija), 9 ta’ Marzu 2026, 243/2025‑8, punt 4.3.1.