02018D0653 — MT — 22.03.2021 — 001.001
Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument
Emendata bi:
▼B
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2018/653
tas-26 ta' April 2018
dwar l-istabbiliment ta' faċilità ta' maħżen għal missjonijiet ta' maniġġar ċivili ta' kriżijiet
Artikolu 1
Objettivi
1.
Għall-finijiet li jkunu żgurati l-istazzjonament rapidu ta' tagħmir u assi ewlenin u l-għoti ta' servizzi ta' appoġġ adegwati għall-missjonijiet tagħha ta' maniġġar ċivili ta' kriżijiet, kif ukoll li jkun żgurat aċċess rapidu u kontinwu minn dawk il-missjonijiet għal tali tagħmir u assi, l-Unjoni għandha ssaħħaħ il-kapaċitajiet tagħha permezz tal-istabbiliment ta' faċilità ta' maħżen.
2.
Il-faċilità ta' maħżen tista' tipprovdi wkoll, kif meħtieġ, l-istess appoġġ fir-rigward ta' tagħmir, assi u servizzi, għal azzjonijiet operazzjonali oħra tal-Unjoni taħt l-Artikolu 28 tat-Trattat u għar-RSUE.
Artikolu 2
Stabbiliment ta' faċilità ta' maħżen
1.
Għall-finijiet stipulati fl-Artikolu 1, għandha tiġi stabbilita faċilità ta' maħżen. Hija għandha twettaq il-kompiti li ġejjin:
(a)
takkwista, taħżen, tmantni u tirrikostitwixxi stokk strateġiku ta' tagħmir u assi ewlenin, kif identifikati fl-Anness;
(b)
takkwista, taħżen, tmantni u tqiegħed għad-dispożizzjoni oġġetti ġodda u użati ta' tagħmir u assi ewlenin u tipprovdi servizzi ta' appoġġ, kif identifikati fl-Anness, għal missjonijiet ċivili tal-PSDK, inklużi oġġetti rkuprati minn tali missjonijiet oħrajn.
2.
Il-faċilità ta' maħżen tista' wkoll takkwista, taħżen, tmantni u tqiegħed għad-dispożizzjoni għal missjonijiet ċivili tal-PSDK oġġetti rilevanti ta' tagħmir u assi li jkunu ta' natura u użu simili għall-oġġetti identifikati fl-Anness.
3.
Il-faċilità ta' maħżen tista' wkoll takkwista, taħżen, u tqiegħed għad-dispożizzjoni għal missjonijiet ċivili tal-PSDK oġġetti ta' tagħmir u assi użati rkuprati minn tali missjonijiet oħrajn li jkunu ta' natura u użu differenti mill-oġġetti identifikati fl-Anness.
4.
Il-faċilità ta' maħżen tista' twettaq ukoll, kif meħtieġ, il-funzjonijiet stabbiliti fil-punt (b) tal-paragrafu 1 u fil-paragrafi 2 u 3 fir-rigward ta' azzjonijiet operazzjonali oħrajn tal-Unjoni u fir-rigward ta' RSUE.
Artikolu 3
Implimentazzjoni
1.
Ir-Rappreżentant Għoli għandha tkun responsabbli mill-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.
2.
L-implimentazzjoni teknika ta' din id-Deċiżjoni għandha titwettaq mill-Aġenzija Żvediża għal Kontinġenzi Ċivili, li għandha taġixxi bħala l-operatur tal-faċilità ta' maħżen. L-Aġenzija Żvediża għal Kontinġenzi Ċivili għandha twettaq il-kompiti tagħha taħt ir-responsabbiltà tar-Rappreżentant Għoli mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet finanzjarji tal-Kummissjoni kif stipulati fl-Artikolu 4(3).
3.
Għandu jintlaħaq qbil dwar arranġamenti dettaljati għall-implementazzjoni ta' din id-Deċiżjoni bejn l-Aġenzija Żvediża għal Kontinġenzi Ċivili u l-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili f'konsultazzjoni mas-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni. Dawk l-arranġamenti għandhom, b'mod partikolari, jiżguraw li l-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili jkollu aċċess għall-maħżen biex jeżerċita s-sorveljanza teknika u operazzjonali sabiex jiżgura l-kapaċità ta' stazzjonament u l-funzjonament tajjeb tal-missjonijiet ta' maniġġar ċivili ta' kriżijiet. Il-Kmandant Ċivili tal-Operazzjoni għandu wkoll jivvaluta l-adegwatezza teknika ta' assi użati għall-ħżin u l-użu futur, u jirrapporta dwar il-ħtieġa li l-ħażniet jiġu rikostitwiti u mġedda.
4.
Il-faċilità ta' maħżen għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni t-tagħmir u l-assi msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 2(1) u fl-Artikolu 2(2) fuq talba ta' missjoni ċivili tal-PSDK, abbażi tal-ħtiġijiet speċifiċi tal-missjoni u f'konformità mal-mandat tal-missjoni. L-istess kondizzjonijiet għandhom japplikaw mutatis mutandis fir-rigward ta' azzjonijiet operazzjonali oħra tal-Unjoni u r-RSUE.
▼M1
5.
L-Aġenzija Żvediża għal Kontinġenzi Ċivili għandha tiżgura l-kapaċità operattiva sħiħa tal-maħżen sal-iskadenza ta’ din id-Deċiżjoni. Arranġamenti dettaljati għal dan għan għandhom jiġu miftiehma mill-Aġenzija Żvediża għal Kontinġenzi Ċivili, il-Kmandant tal-Operazzjonijiet Ċivili u s-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni.
6.
L-operatur tal-faċilità tal-maħżen għandu jiżgura tranżizzjoni u trasferiment bla xkiel għal arranġamenti ta’ ħażna fil-ġejjieni, kif immexxija mill-Kmandant tal-Operazzjonijiet Ċivili u s-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni.
▼B
Artikolu 4
Arranġamenti finanzjarji
▼M1
1.
L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-implementazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għall-perijodu ta’ 54 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim imsemmi fil-paragrafu 3 għandu jkun ta’ EUR 46 197 384,22 .
▼B
2.
In-nefqa ffinanzjata mill-ammont ta' referenza finanzjarja msemmi fil-paragrafu 1 għandha tkun ġestita skont il-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.
3.
Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-amministrazzjoni tajba tan-nefqa msemmija fil-paragrafu 2. Għall-dak il-fini, hija għandha tikkonkludi ftehim mal-Aġenzija Żvediża għal Kontinġenzi Ċivili bħala l-operatur tal-faċilità ta' maħżen.
4.
Il-ftehim imsemmi fil-paragrafu 3 għandu jipprevedi fost l-oħrajn li:
(a)
it-tagħmir u l-assi msemmija fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 2(1) u fl-Artikolu 2(2) għandhom jinxtraw mill-Aġenzija Żvediża għal Kontinġenzi Ċivili f'isimha stess u f'konformità mar-regoli tal-akkwist tagħha stess;
(b)
l-Aġenzija Żvediża għal Kontinġenzi Ċivili għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tagħmir u assi mingħajr ħlas għal missjonijiet ċivili tal-PSDK, u teħodhom lura kif meħtieġ;
(c)
qabel ma jiskadi l-ftehim, l-Aġenzija Żvediża għal Kontinġenzi Ċivili għandha tagħti bħala donazzjoni t-tagħmir u l-assi kollha maħżuna minnha lill-Kummissjoni jew lil kwalunkwe entità oħra ddeżinjata mill-Kummissjoni.
5.
Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim imsemmi fil-paragrafu 3 malajr kemm jista' jkun wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill dwar kwalunkwe diffikultà f'dak il-proċess u dwar id-data tal-konklużjoni tal-ftehim.
Artikolu 5
Rapportar
1.
Ir-Rappreżentant Għoli għandha tirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni kull sitt xhur.
2.
Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Kunsill bl-informazzjoni dwar l-aspetti finanzjarji tal-funzjonament tal-faċilità ta' maħżen kull sitt xhur.
Artikolu 6
Reviżjoni
Il-Kunsill għandu, 18-il xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim imsemmi fl-Artikolu 4(3), jirrivedi l-ammont ta' referenza finanzjarja msemmi fl-Artikolu 4(1) fir-rigward tal-ammont meqjus neċessarju biex jiġu sodisfatti talbiet mill-missjonijiet ċivili tal-PSDK, għal oġġetti ta' tagħmir u assi flimkien mal-kwantità ta' oġġetti maħżuna fl-istokk strateġiku, sabiex jiġi żgurat li l-ammont ta' referenza finanzjarja jieħu kont b'mod debitu tal-ħtiġijiet li jkunu qed jevolvu ta' tali missjonijiet. Ir-reviżjoni għandha wkoll tieħu kont tal-ħtiġijiet li jkunu qed jevolvu ta' azzjonijiet operazzjonali oħra tal-Unjoni u tar-RSUE.
▼M1
Artikolu 7
Dħul fis-seħħ u skadenza
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha. Għandha tiskadi 54 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim imsemmi fl-Artikolu 4(3).
▼B
Artikolu 8
Tħassir
Id-Deċiżjoni 2012/698/PESK hija b'dan imħassra.
ANNESS
TAGĦMIR U ASSI EWLENIN LI GĦANDHOM JIĠU PPROVDUTI MILL-OPERATUR TAL-FAĊILITÀ TA' MAĦŻEN
L-istokk strateġiku jinkludi t-tagħmir u l-assi ewlenin meħtieġa għall-istazzjonament ta' missjoni ċivili tal-PSDK li tasal sa 200 membru tal-persunal fi kwalunkwe żona ta' operazzjoni fi żmien 30 jum.
It-tagħmir u l-assi ewlenin huma kif ġej:
—
Vetturi
—
Vettura utilitarja sportiva (“SUV”)
—
Tagħmir tal-IT
—
Provvista tal-elettriku mingħajr interruzzjoni (UPS)
—
Aċċessorji ta' kompjuters/servers/netwerks
—
Tagħmir tal-komunikazzjoni
—
Radjijiet bi frekwenza għolja ħafna (VHF)
—
Apparati ta' Sistema ta' Pożizzjonament bis-Satellita (GPS)
—
Sistema ta' vidjo u telekonferenzjar (VTC)
—
Tagħmir ta' protezzjoni personali (PPE)
—
Tagħmir mediku
—
Kits tal-ewwel għajnuna (basktijiet b'oġġetti kruċjali biex jgħinu fil-kontroll tat-trawmi mill-korrimenti)
—
Defibrillaturi esterni awtomatiċi (AEDs)
—
Oġġetti ta' viżibbiltà
—
Oġġetti personali ta' viżibbiltà (bħal brieret, braċċali, ġkieket ta' viżibbiltà, eċċ)
—
Mixxellanja
—
Magna tal-istampar tal-karti tal-identità (printer għal karti ta' identifikazzjoni personali)
—
Tagħmir ta' barcoding (qarrej tal-barcodes u printer ta' tikketti bil-barcodes)
SERVIZZI TA' APPOĠĠ LI GĦANDHOM JIĠU PPROVDUTI MILL-OPERATUR TAL-FAĊILITÀ TA' MAĦŻEN
—
Akkwisti
L-operatur tal-faċilità ta' maħżen jakkwista l-istokk strateġiku f'ismu billi juża r-regoli tal-akkwist tiegħu stess.
—
Ħażna, kodifikazzjoni u bar coding tal-istokk strateġiku
—
Trasport tal-merkanzija
L-operatur tal-faċilità ta' maħżen iħejji t-tagħmir maħżun għat-trasport.
L-operatur tal-faċilità ta' maħżen ikun responsabbli li jiżgura/jikkuntratta t-trasport ta' tagħmir kif ġej:
—
mill-maħżen ċentrali lejn il-missjoni tal-PSDK
—
mill-missjoni tal-PSDK lejn il-maħżen ċentrali
—
bejn missjonijiet tal-PSDK
—
Sistema tal-ippjanar tar-riżorsi għall-intrapriżi (ERP, Enterprise resource planning)
L-operatur tal-faċilità ta' maħżen jipprovdi sistema ERP b'sistemi ta' riżerva xierqa biex jiżgura l-kontinwità ta' attivitajiet/proċessi relatati u jipprovdi l-manutenzjoni tas-sistema ERP. L-operatur tal-faċilità ta' maħżen jipprovdi servizzi marbuta mal-konfigurazzjoni, il-personalizzazzjoni u l-aġġornament tas-sistema ERP. L-operatur tal-faċilità ta' maħżen jamministra wkoll il-liċenzji kollha meħtieġa għall-użu tas-sistema ERP.
—
Manutenzjoni teknika u tiswija ta' tagħmir ġdid u użat
L-operatur tal-faċilità ta' maħżen jipprovdi l-manutenzjoni teknika u jmexxi testijiet operazzjonali kemm għat-tagħmir użat kif ukoll għal dak ġdid li jkunu maħżuna fil-maħżen. L-operatur tal-faċilità ta' maħżen jiżgura wkoll it-tiswija ta' tagħmir użat jekk jingħata struzzjoni li jagħmel hekk mill-Awtorità Kontraenti.
—
Rinnovament ta' vetturi blindati
L-operatur tal-faċilità ta' maħżen huwa mistenni li jipprovdi manutenzjoni, rinnovazzjoni u ċertifikazzjoni (mill-ġdid) għal vetturi blindati, jekk jiġi inkarigat biex jagħmel hekk mill-Awtorità Kontraenti.
—
Servizzi ta' rimi
L-operatur tal-faċilità ta' maħżen jipprovdi servizzi marbuta mar-rimi ta' materjal perikoluż (hazmat, hazardous material), bħal batteriji, lubrikanti tal-karozzi, munizzjon, vetturi blindati u tagħmir tar-radju, li għal diversi raġunijiet (sigurtà, ambjentali eċċ.) ma jistgħux ikunu pprovduti lokalment mill-Missjoni. L-operatur tal-faċilità ta' maħżen jarmi tagħmir ta' stokk strateġiku li jkun sar ekonomikament mhux vijabbli li jissewwa.
—
Prodotti farmaċewtiċi u oġġetti ta' konsum mediċi
L-operatur tal-faċilità ta' maħżen jiżgura provvisti ta' prodotti farmaċewtiċi u oġġetti ta' konsum mediċi direttament mingħand il-fornitur lill-persunal mediku awtorizzat tal-missjoni tal-PSDK.