IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 12.2.2025
COM(2025) 38 final
2025/0022(COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolament (UE) Nru 909/2014 fir-rigward ta’ ċiklu ta’ saldu iqsar fl-Unjoni
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
{SWD(2025) 37 final}
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Jeħtieġ li l-UE tagħmel aktar biex tisfrutta l-finanzjament meħtieġ biex tiffinanzja t-tranżizzjoni diġitali, ekoloġika u soċjali kif ukoll biex tagħti spinta lit-tkabbir. Swieq kapitali profondi u li jiffunzjonaw b’mod effiċjenti huma kundizzjoni meħtieġa biex jintlaħaq dak l-għan. Madankollu, is-swieq kapitali tal-UE għadhom frammentati minkejja sforzi sostanzjali biex jiġu integrati matul is-snin; din il-frammentazzjoni hija impediment sostanzjali għall-iżvilupp tagħhom. Dan ġie kkonfermat minn għadd ta’ rapporti matul l-2024 inkluż ir-rapport ta’ Draghi, u r-rapport ta’ Letta. Dawn ir-rapporti jenfasizzaw ukoll li l-kompetittività u l-attraenza tas-swieq kapitali tal-UE, u l-kapaċità tagħhom li jipprovdu l-finanzjament li teħtieġ l-UE, jistgħu jinkisbu biss jekk dawk is-swieq iħaddnu l-innovazzjoni.
L-Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti jeħtieġ li tinbena fuq servizzi ta’ wara n-negozjar effiċjenti u sikuri. Dawn is-servizzi għandhom rwol ewlieni, fost affarijiet oħra, fil-ħruġ ta’ titoli, il-finalizzazzjoni tan-negozju (saldu), iż-żamma ta’ rendikont tas-sjieda tat-titoli kif ukoll il-ġestjoni u t-tnaqqis tar-riskji (ikklerjar). Is-servizzi ta’ wara n-negozjar huma essenzjali għall-funzjonament tas-swieq kapitali tal-UE. Għal dawn ir-raġunijiet, ir-rapporti kollha msemmija hawn fuq enfasizzaw li jeħtieġ li jsir aktar biex tittejjeb l-effiċjenza tas-servizzi ta’ wara n-negozjar.
Kuljum, aktar minn EUR 4 triljun ta’ titoli jiġu saldati f’depożitorji ċentrali tat-titoli (CSDs) tal-UE. Aktar ma s-saldu jieħu żmien (i) aktar idumu r-riskji ffaċċjati mix-xerrejja u mill-bejjiegħa; (ii) aktar l-investituri jkollhom jistennew biex jirċievu l-flus jew it-titoli li huma dovuti lilhom – jekk is-saldu ma jfallix; u (iii) aktar jitnaqqsu l-opportunitajiet ta’ dħul fi tranżazzjonijiet oħra. Għalhekk, saldu rapidu, effiċjenti u affidabbli huwa prekundizzjoni essenzjali għall-iżvilupp tal-Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti.
Issa għaddew 10 snin minn meta daħal fis-seħħ ir-Regolament dwar id-Depożitorji Ċentrali tat-Titoli(CSDR, Central Securities Depositories Regulation) u armonizza ċ-ċiklu tas-saldu tat-titoli fl-UE għal massimu ta’ jumejn ta’ negozju wara d-data tan-negozjar (l-hekk imsejjaħ “T+2”) għal ċerti tranżazzjonijiet tas-swieq sekondarji. Minn dak iż-żmien ’l hawn, is-swieq finanzjarji u t-teknoloġija komplew jevolvu. Wara dan il-pass tal-UE fi tmiem l-2014, ħafna ġuriżdizzjonijiet għamlu l-istess u qassru l-perjodu ta’ saldu; pereżempju, l-Istati Uniti imxew għal T+2 fl-2017. Iżda l-innovazzjoni u l-ħtieġa li tittejjeb l-effiċjenza tas-saldu, li tiżdied il-kompetittività kif ukoll li jitnaqqsu r-riskji għall-istabbiltà finanzjarja, ifissru li l-isforzi ma waqfux hemm. Il-bqija tad-dinja mxiet minn dak iż-żmien ’l hawn: pereżempju ċ-Ċina, l-Indja, l-Istati Uniti u l-Kanada, kollha qassru s-saldu għal massimu ta’ jum ta’ negozju wieħed wara d-data tal-kummerċ (l-hekk imsejjaħ ‘T+1’). B’mod sinifikanti, il-bidla globali lejn T+1 qed toħloq allinjamenti ħżiena bejn is-swieq finanzjarji tal-UE u dawk globali u toħloq diskrepanzi potenzjali fil-kompetittività għas-swieq kapitali tal-UE. Dawn l-allinjamenti ħżiena se jkomplu jiżdiedu aktar kemm il-pajjiżi jagħmlu l-bidla għal T+1.
Ir-rieżami l-aktar reċenti tas-CSDR irrikonoxxa dawn ix-xejriet u ta mandat lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA), f’kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ), biex tivvaluta l-adegwatezza tat-tqassir taċ-ċiklu tas-saldu fl-UE u tippreżenta pjan direzzjonali dwar kif tista’ titwettaq tali bidla. L-ESMA ppubblikat ir-rapport tagħha (Rapport tal-ESMA) fit-18 ta’ Novembru 2024 , fejn irrakkomandat li l-UE tagħmel il-bidla għal T+1 mhux aktar tard mill-11 ta’ Ottubru 2027.
It-tqassir taċ-ċiklu tas-saldu fl-UE jbiddel b’mod sinifikanti l-mod li bih jiffunzjonaw is-swieq illum, b’impatti differenti skont it-tip ta’ parti kkonċernata, il-kategorija tat-tranżazzjoni u t-tip ta’ titoli. Il-kwantifikazzjoni ta’ wħud mill-kostijiet u l-benefiċċji relatati mat-tqassir taċ-ċiklu tas-saldu fl-UE hija ta’ sfida minħabba n-nuqqas ta’ data, iżda l-elementi vvalutati mill-ESMA jissuġġerixxu li l-benefiċċji ta’ bidla f’termini ta’ tnaqqis tar-riskju, iffrankar tal-marġni u t-tnaqqis tal-kostijiet imġarrba minħabba ineffiċjenzi li jirriżultaw mill-allinjament ħażin ma’ ġuriżdizzjonijiet ewlenin oħra globalment, jirrappreżentaw benefiċċji importanti għall-Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti. Barra minn hekk, l-investiment fl-immodernizzar, l-armonizzazzjoni u t-titjib tal-effiċjenza u r-reżiljenza tal-proċessi ta’ wara n-negozjar li jkunu xprunati minn bidla għal T+1 jiffaċilita l-kisba tal-objettiv li tiġi promossa aktar l-effiċjenza tas-saldu fl-UE, li tiġi promossa l-integrazzjoni tas-suq u fl-aħħar mill-aħħar l-Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti, u li jiġi evitat żvantaġġ kompetittiv għas-swieq kapitali tal-UE, li jista’ jirriżulta f’negozjanti li jiffavorixxu swieq oħra aktar effiċjenti. Fl-aħħar nett,iż-żamma taċ-ċiklu tas-saldu attwali fl-UE tikkontribwixxi għal frammentazzjoni ulterjuri tal-Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti peress li partijiet ikkonċernati differenti tal-UE jkomplu jimplimentaw soluzzjonijiet diverġenti biex ilaħħqu ma’ saldu iqsar fil-biċċa l-kbira tas-swieq kapitali tad-dinja.
Il-biċċa l-kbira tal-kostijiet identifikati assoċjati ma’ bidla għal T+1 ikunu osservati fuq perjodu qasir, u huma relatati mal-investimenti meħtieġa biex jiġu mmodernizzati, standardizzati u diġitalizzati diversi passi fil-proċess tas-saldu. Min-naħa l-oħra, l-elementi vvalutati mill-ESMA jissuġġerixxu li l-impatt ta’ T+1 f’termini ta’ tnaqqis tar-riskju, iffrankar tal-marġni u t-tnaqqis tal-kostijiet marbuta mal-allinjament ħażin ma’ ġuriżdizzjonijiet ewlenin oħra globalment, jirrappreżentaw benefiċċji importanti għall-kompetittività tas-swieq kapitali tal-UE u biex nimxu lejn l-Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti u fl-aħħar mill-aħħar itejbu l-effiċjenza tas-swieq kapitali tal-UE u b’hekk iżommu l-kompetittività tagħhom fuq livell globali.
Is-saldu ta’ tranżazzjonijiet ta’ titoli fuq T+1 diġà huwa teknikament u legalment possibbli fl-UE. Għalhekk, it-twettiq u l-koordinazzjoni għal bidla għal T+1 tista’ titħalla kompletament f’idejn l-industrija tat-titoli tal-UE. Madankollu, il-livell ogħla ta’ kumplessità tas-swieq finanzjarji tal-UE - minħabba l-għadd ta’ atturi, sistemi u muniti differenti involuti - meta mqabbel ma’ ġuriżdizzjonijiet oħra li diġà għamlu l-bidla għal T+1, jagħmel il-koordinazzjoni tal-proċess estremament diffiċli għal dik l-industrija u ma jipprovdix ċertezza legali jew saħansitra tal-ippjanar.
Dawn l-aspetti ġew enfasizzati wkoll fid-Dikjarazzjoni Konġunta mill-ESMA, mill-Kummissjoni u mill-BĊE dwar it-tqassir taċ-ċiklu standard tas-saldu tat-titoli fl-UE, ippubblikata fil-15 ta’ Ottubru 2024 (“Dikjarazzjoni Konġunta”). Id-Dikjarazzjoni Konġunta indikat il-ħtieġa li l-UE taġixxi b’mod urġenti permezz ta’ approċċ ikkoordinat jekk trid tevita li testendi u tamplifika l-impatti negattivi tal-allinjament ħażin fiċ-ċikli tas-saldu ma’ ġuriżdizzjonijiet ewlenin internazzjonalment u tiżgura Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti effiċjenti u kompetittiva.
Għalhekk, din il-proposta għandha l-għan li tiżgura li l-partijiet ikkonċernati kollha jkollhom biżżejjed żmien biex iħejju u jagħmlu l-bidla għal T+1 b’mod koordinat u f’waqtu.
Għalhekk qed jiġi propost li l-UE tgħaddi għal ċiklu ta’ saldu iqsar li jirrikjedi s-saldu ta’ tranżazzjonijiet li bħalissa huma soġġetti għal ċiklu ta’ saldu f’T+2 li għandu jsir mhux aktar tard mill-ewwel jum ta’ negozju wara li jseħħ in-negozjar. Dan ma jipprevjenix lis-CSDs li diġà huma teknoloġikament kapaċi jagħmlu dan, milli jsaldaw it-tranżazzjonijiet b’mod volontarju fl-istess data tad-data tan-negozjar.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet tal-politika eżistenti fil-qasam ta’ politika
Il-proposta hija li s-CSDR jiġi emendat billi jiġi introdott ċiklu ta’ saldu T+1 fl-Unjoni Ewropea, biex tittejjeb l-effiċjenza tas-saldu bl-għan li tiżdied il-kompetittività u jitnaqqsu r-riskji għall-istabbiltà finanzjarja. Il-bidliet leġiżlattivi proposti jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ xenarju ta’ wara n-negozjar aktar effiċjenti fl-UE, f’konformità mal-objettivi stabbiliti fir-Refit tas-CSDR. Barra minn hekk, din il-proposta hija konformi mal-objettiv tal-Kummissjoni li tibni Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti, biex tiffaċilita l-fluss tal-kapital madwar l-UE għall-benefiċċju tal-konsumaturi, l-investituri u l-kumpaniji. Is-saldu tat-titoli huwa fil-qalba tas-swieq kapitali. Għalhekk, saldu rapidu, effiċjenti u affidabbli huwa prekundizzjoni essenzjali għall-iżvilupp tal-Unjoni tat-Tfaddil u l-Investimenti. Ċiklu iqsar ta’ saldu jtejjeb l-attraenza tas-swieq tal-UE u jiżblokka benefiċċji importanti, b’mod partikolari billi jikseb tnaqqis tar-riskju, iffrankar tal-marġni u t-tnaqqis tal-kostijiet marbuta ma’ allinjament ħażin ma’ ġuriżdizzjonijiet ewlenin oħra globalment.
•Konsistenza ma’ politiki oħrajn tal-Unjoni
Din l-inizjattiva għandha l-għan li tikkomplementa l-aġenda usa’ tal-Kummissjoni biex is-swieq kapitali tal-UE jsiru aktar kompetittivi u reżiljenti. Ambjent ta’ wara n-negozjar kompetittiv u effiċjenti, biċ-ċiklu tas-saldu tiegħu bħala karatteristika kruċjali, huwa element essenzjali biex jintlaħqu l-objettivi tal-Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti. Suq integrat u li jiffunzjona bis-sħiħ għall-kapital se jippermetti lill-ekonomija tal-UE tikber b’mod sostenibbli u tkun aktar kompetittiva, f’konformità mal-prijoritajiet strateġiċi tal-Kummissjoni, iffukati biex joħolqu l-kundizzjonijiet it-tajba għall-ħolqien tal-impjiegi, għat-tkabbir u għall-investiment.
2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi legali
Il-bażi legali għal din il-proposta hija l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li huwa l-bażi legali għas-CSDR. L-objettiv ewlieni tas-CSDR huwa li jiżdiedu s-sikurezza u l-effiċjenza tal-infrastrutturi tas-saldu u tas-saldu tat-titoli fl-UE. Din l-inizjattiva tipproponi li jiġi rivedut it-tul taċ-ċiklu tas-saldu fl-Unjoni, billi jitqassar minn jumejn għal jum ta’ negozju wieħed wara l-kummerċ, u għalhekk il-proposta leġiżlattiva relatata tiġi adottata taħt l-istess bażi legali.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà stipulat fl-Artikolu 5(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, azzjoni fil-livell tal-Unjoni għandha tittieħed biss meta l-għanijiet previsti ma jkunux jistgħu jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri weħidhom u jistgħu, minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjoni proposta, jinkisbu aħjar mill-UE.
L-objettivi tas-CSDR, jiġifieri, li jiġu stabbiliti rekwiżiti uniformi għas-saldu ta’ strumenti finanzjarji fl-UE, ir-regoli dwar l-organizzazzjoni u l-imġiba tas-CSDs u li jiġi promoss saldu sikur, effiċjenti u bla xkiel, ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri waħedhom, kif irrikonoxxew il-koleġiżlaturi fl-2014 meta adottaw is-CSDR u fl-2023 meta adottaw ir-Refit tas-CSDR.
B’mod partikolari, is-CSDR introduċa rekwiżit għal perjodu ta’ saldu obbligatorju għall-biċċa l-kbira tat-tranżazzjonijiet f’titoli trasferibbli eżegwiti f’ċentru tan-negozjar fl-UE, li jistabbilixxi dan il-perjodu għal jumejn ta’ negozju wara li jsir in-negozjar. Għalhekk huwa xieraq li t-tqassir ta’ tali perjodu ta’ saldu jsir permezz tal-istess strument legali.
Dan l-approċċ huwa appoġġat aktar meta titqies il-frammentazzjoni tax-xenarju tal-infrastrutturi ta’ wara n-negozjar tal-UE u d-differenzi fis-swieq kapitali u l-oqfsa legali tal-Istati Membri, li jagħmlu bidla komuni għal T+1 aktar diffiċli, li kieku ma kinitx ikkoordinata fil-livell tal-UE. L-adozzjoni ta’ prattiki diverġenti mis-CSDs u ċ-ċentri tan-negozjar tal-UE fir-rigward tal-allinjament ħażin tal-perjodi ta’ saldu globali tkun tinvolvi kumplessitajiet u riskji, żieda fil-frammentazzjoni tas-swieq kapitali tal-UE u l-ħolqien ta’ kundizzjonijiet mhux favorevoli għall-parteċipanti u l-investituri. Bħala tali, l-għan ta’ din l-inizjattiva li jitqassar iċ-ċiklu tas-saldu fl-Unjoni u b’hekk jitneħħew l-allinjamenti ħżiena mal-ekonomija globali, fid-dawl tat-tisħiħ tal-kompetittività u l-effiċjenza tal-ambjent ta’ wara n-negozjar tal-UE, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri waħedhom. Għalhekk, minħabba l-iskala tal-azzjonijiet, dawn l-objettivi jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-UE f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.
•Proporzjonalità
Il-proposta għandha l-għan li tneħħi l-allinjament ħażin bejn iċ-ċikli tas-saldu tal-UE u dawk internazzjonali b’mod proporzjonat, effettiv u effiċjenti.
It-tqassir taċ-ċiklu tas-saldu jipprovdi allinjament akbar mas-swieq globali, jissimplifika b’mod sinifikanti l-proċessi għall-parteċipanti kollha fis-suq transfruntier u jnaqqas ir-riskji u l-kostijiet għat-titoli elenkati jew innegozjati simultanjament fil-ġuriżdizzjonijiet T+1 u fl-UE. Minħabba l-għadd ta’ atturi, sistemi u muniti differenti involuti fis-suq finanzjarju tal-UE, tranżizzjoni kompletament awtonoma mill-Istati Membri għal T+1 tkun ta’ sfida, ineffiċjenti u aktar għalja. Azzjoni fil-livell tal-UE hija meħtieġa biex jintlaħaq b’mod adegwat l-objettiv tal-introduzzjoni ta’ ċiklu iqsar ta’ saldu fl-UE u l-iżblukkar tal-benefiċċji relatati. Il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li hu strettament meħtieġ sabiex jintlaħqu l-objettivi tagħha.
•Għażla tal-istrument
Is-CSDR huwa Regolament u għalhekk jeħtieġ li jiġi emendat bi strument legali tal-istess natura.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX-POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex-post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
Minħabba n-natura u l-urġenza tal-inizjattiva, li hija relatata ma’ emenda mmirata tal-Artikolu 5(2) tas-CSDR biex jiġi introdott ċiklu iqsar ta’ saldu fl-Unjoni, u l-ħidma preparatorja relatata, is-servizzi tal-Kummissjoni ma kkunsidrawx li huwa xieraq li titwettaq evalwazzjoni ex-post tal-leġiżlazzjoni eżistenti. Matul it-tħejjija tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja din il-proposta, is-servizzi tal-Kummissjoni analizzaw l-impatti tal-emenda mmirata fid-dawl tal-iżviluppi internazzjonali u qiesu r-rispons riċevut mill-partijiet ikkonċernati u l-analiżi stabbilita fir-Rapport tal-ESMA.
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Il-Kummissjoni kkonsultat lill-partijiet ikkonċernati matul il-proċess kollu ta’ tħejjija ta’ din il-proposta. B’mod partikolari permezz ta’:
· Diskussjoni madwar mejda organizzata mill-Kummissjoni fil-25 ta’ Jannar 2024 dwar il-bidla għal ċiklu tas-saldu iqsar fl-UE. Il-parteċipanti inkludew rappreżentanti ta’ livell għoli minn firxa wiesgħa ta’ setturi tal-industrija (min-naħa tax-xiri, min-naħa tal-bejgħ, investituri fil-livell tal-konsumatur, infrastrutturi tas-suq), minn awtoritajiet regolatorji ewlenin, kif ukoll rappreżentanti tal-Parlament Ewropew u tal-Bank Ċentrali Ewropew. Għalkemm ġew espressi firxa ta’ fehmiet, il-maġġoranza tal-parteċipanti appoġġaw bidla leġiżlattiva biex nagħmlu bidla għal T+1. Huma rrikonoxxew li għalkemm bidla għal ċiklu iqsar ta’ saldu tista’ ġġib benefiċċji, b’mod partikolari fuq perjodu ta’ żmien twil, dawk il-benefiċċji kienu diffiċli biex jiġu kkwantifikati. Huma kienu tal-fehma li l-benefiċċji fuq terminu qasir jimmaterjalizzaw b’mod predominanti permezz ta’ riallinjament ma’ ġuriżdizzjonijiet oħra, b’mod partikolari l-Istati Uniti, u ffrankar kollaterali, filwaqt li l-benefiċċji ewlenin fuq terminu medju sa twil ikunu livell akbar ta’ awtomatizzazzjoni tal-katina kollha tas-saldu u l-kompetittività kontinwa tas-swieq kapitali tal-UE. Il-parteċipanti kienu kważi unanimi dwar il-ħtieġa għal koordinazzjoni bejn il-ġuriżdizzjonijiet Ewropej; kien hemm ukoll kunsens li ma kienx possibbli li jiġi mmaniġġjat allinjament ħażin bejn l-UE u l-Istati Uniti fuq perjodu ta’ żmien twil. Stħarriġ informali li sar fid-diskussjoni madwar mejda dwar id-dati ta’ bidla potenzjali wera li l-maġġoranza (54 %) appoġġat li bidla sseħħ fl-2027/2028, filwaqt li 34 % appoġġaw bidla aktar bikrija u 12 % jiffavorixxu bidla aktar tard.
·Laqgħa tal-esperti tal-Istati Membri li saret fil-5 ta’ Settembru 2024, biex jiddiskutu tqassir potenzjali taċ-ċiklu tas-saldu fl-UE. Il-maġġoranza l-kbira tal-Istati Membri esprimew l-appoġġ tagħhom għat-tqassir taċ-ċiklu tas-saldu għal T+1 u qiesu li bidla għal T+1 twassal għal saldu aktar effiċjenti u f’waqtu u żżid l-attraenza tas-swieq kapitali tal-UE għall-investituri. Barra minn hekk, huma qiesu li l-istabbiltà tas-swieq titjieb, u l-likwidità tintuża b’mod aktar effiċjenti minħabba tnaqqis tar-riskji u l-kostijiet relatati mas-saldu. L-Istati Membri kienu wkoll tal-fehma li bidla għandha tkun indikata permezz ta’ emenda għas-CSDR. Huma appoġġaw bidla simultanja għall-istrumenti finanzjarji kollha aktar milli waħda f’fażijiet. Fl-aħħar nett, huma enfasizzaw li biex il-bidla għal T+1 tirnexxi, tħejjija bir-reqqa tkun essenzjali, inkluż l-iżvilupp ta’ pjan direzzjonali dettaljat.
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
Fit-tħejjija ta’ din il-proposta, il-Kummissjoni qagħdet fuq għarfien espert estern u data mis-sorsi li ġejjin:
·ESMA:
–it-tweġibiet għal sejħa ta’ 3 xhur għal evidenza dwar it-tqassir taċ-ċiklu tas-saldu, imnedija mill-ESMA fil-5 ta’ Ottubru 2023 li għaliha waslu 81 tweġiba. Ir-rispons li wasal ġie miġbur fil-qosor u ppubblikat fil-21 ta’ Marzu 2024;
–is-sejbiet tas-sessjoni ta’ ħidma tal-industrija tal-ESMA li saret fl-4 ta’ Diċembru 2023;
–is-sejbiet tas-smigħ pubbliku tal-ESMAorganizzat fl-10 ta’ Lulju 2024; kif ukoll
–ir-rapport tal-ESMA skont l-Artikolu 74(3) tas-CSDR ippreżentat lill-Kummissjoni fit-18 ta’ Novembru 2024.
·Grupp Konsultattiv dwar l-Infrastrutturi tas-Suq għat-Titoli u l-Kollateral (AMI-SeCo): matul il-laqgħa plenarja tiegħu tas-26 ta’ Ġunju 2024, l-AMI-SeCo, li jagħti pariri lill-Eurosistema dwar kwistjonijiet relatati mal-infrastrutturi tas-suq finanzjarju, enfasizza li hemm bżonn ta’ proċess biex (i) tiġi żviluppata skeda ta’ żmien għall-implimentazzjoni għal tranżizzjoni tal-UE lejn T+1, (ii) tiġi segwita t-tħejjija tas-suq u (iii) jiġu identifikati oqsma fejn iridu jiġu żviluppati soluzzjonijiet. Il-maġġoranza tal-parteċipanti tal-AMI-SeCo esprimew il-fehma li l-UE m’għandhiex tistenna analiżi formali tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji u ħeġġet lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-UE biex jindikaw kemm jista’ jkun malajr l-intenzjoni li jagħmlu t-tranżizzjoni kif ukoll data mmirata għat-tranżizzjoni. Barra minn hekk, l-AMI-SeCo appella għat-twaqqif mill-aktar fis possibbli ta’ korp għall-koordinazzjoni tal-bidla.
·Task Force Ewropea T+1: it-task force, li tinkludi rappreżentanza wiesgħa ta’ membri min-naħa tax-xiri, min-naħa tal-bejgħ u mill-infrastrutturi tas-suq, ġiet stabbilita f’Lulju 2023 mill-parteċipanti fis-suq biex tfittex ftehim mal-industrija kollha u tippreżenta l-fehmiet tagħhom dwar l-impatti tat-tranżizzjoni tal-Istati Uniti għal T+1 fuq il-partijiet ikkonċernati tal-UE u dwar bidla potenzjali għal T+1 fl-UE. Din twaqqfet wara rapport mill-Assoċjazzjoni għas-Swieq Finanzjarji fl-Ewropa (AFME, Association for Financial Markets in Europe) dwar il-benefiċċji u l-isfidi potenzjali tal-bidla għal T+1 fl-Ewropa. Ir-rapport ikkonkluda li ħafna mill-benefiċċji u l-isfidi ta’ migrazzjoni għal T+1 mill-Istati Uniti jkunu applikabbli wkoll għas-swieq Ewropej. Madankollu, minħabba n-natura tas-swieq Ewropej li, meta mqabbla mal-Istati Uniti, għandhom għadd kbir ta’ muniti, infrastrutturi tas-suq, u atturi x’jikkoordinaw, l-implimentazzjoni tkun aktar kumplessa milli fl-Istati Uniti. It-task force ippubblikat it-tieni rapport f’Ottubru 2024, fejn tenniet l-appoġġ tagħha għal bidla għal T+1 fl-UE, u rrikonoxxiet il-benefiċċji potenzjali f’termini ta’ titjib fl-effiċjenza u tnaqqis tar-riskju. Huma qiesu li bidla għal T+1 tkun impriża kumplessa u pluriennali, li tirrikjedi l-kollaborazzjoni tal-partijiet ikkonċernati kollha tal-industrija biex jiġi żgurat li ma jiġu introdotti l-ebda riskji ġodda jew li ma ssirx ħsara lill-effiċjenza, il-likwidità u l-funzjonament eżistenti tas-suq tat-titoli tal-UE. F’termini ta’ kamp ta’ applikazzjoni, it-task force appoġġat l-allinjament mal-kamp ta’ applikazzjoni tas-CSDR, għalkemm teskludi t-tranżazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli. Il-membri tat-task force ġeneralment qiesu li, ladarba tiġi kkomunikata data ta’ tranżizzjoni konkreta, ikun meħtieġ perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ bejn 24 u 36 xahar, li jirrifletti l-kumplessità tax-xenarju tal-infrastruttura tas-suq fl-UE. Ġew espressi firxa ta’ fehmiet dwar jekk it-tieni nofs tal-2027, id-data identifikata għat-tranżizzjoni tar-Renju Unit, tistax tkun ukoll data ta’ implimentazzjoni fattibbli għall-UE. It-task force baqgħet tappoġġa ħafna approċċ ikkoordinat fir-reġjun Ewropew kollu, inklużi ż-ŻEE, ir-Renju Unit u l-Iżvizzera.
Dan ta’ hawn fuq ġie kkomplementat minn kontribut, li xi drabi jinkludi informazzjoni kwantitattiva u kwalitattiva kunfidenzjali, ipprovduta mill-parteċipanti fis-swieq finanzjarji matul il-laqgħat bilaterali.
•Valutazzjoni tal-impatt
Minħabba l-urġenza li tittieħed azzjoni minħabba żviluppi internazzjonali, is-servizzi tal-Kummissjoni għażlu li jħejju Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li janalizza l-impatti ta’ bidla tal-UE lejn ċiklu iqsar ta’ saldu. Ingħatat deroga mir-rekwiżit li tiġi prodotta valutazzjoni tal-impatt kompluta. Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal qies ir-Rapport tal-ESMA li jivvaluta l-kostijiet u l-benefiċċji ta’ ċiklu iqsar tas-saldu fl-UE. Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal indika li se tkun meħtieġa awtomatizzazzjoni u standardizzazzjoni akbar tal-proċessi ewlenin tal-back-office u ta’ wara n-negozjar, inkluża żieda sostanzjali fl-użu tal-ipproċessar dirett, biex tkun tista’ ssir il-bidla għal T+1. Dan indika li d-daqs tal-ħtiġijiet ta’ investiment se jvarja minn parteċipant fis-suq għal ieħor skont il-mudell tan-negozju tagħhom, l-għadd ta’ CSDs u CCPs li huma konnessi magħhom u jekk sarux investimenti preċedenti biex jikkonformaw ma’ T+1 f’ġuriżdizzjonijiet oħra. Enfasizza wkoll li dawn il-kostijiet, fil-parti l-kbira tagħhom ta’ darba, maż-żmien għandhom jiġu megħluba mill-benefiċċji fit-tul ta’ riskji aktar baxxi tal-kontroparti u tas-suq, saldu aktar effiċjenti u f’waqtu u aktar attraenza tas-swieq kapitali tal-UE għall-investituri. Ikkonkluda li minħabba n-natura frammentata tas-swieq kapitali tal-UE, il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni tal-parteċipanti fis-suq mhux biss huma utli iżda essenzjali biex tiġi żgurata bidla bla xkiel għal T+1.
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
L-inizjattiva għandha l-għan li ttejjeb il-kompetittività u l-attraenza tax-xenarju ta’ wara n-negozjar tal-UE billi tintroduċi ċiklu iqsar ta’ saldu fl-UE. Bħala tali, ma għandhiex l-għan li tnaqqas il-piżijiet u l-kostijiet regolatorji per se. Kostijiet identifikati assoċjati ma’ bidla għal T+1 ikunu osservati fuq perjodu qasir, u huma relatati mal-investimenti meħtieġa biex jiġu modernizzati, standardizzati u diġitalizzati diversi passi fil-proċess tas-saldu. Dawn l-ispejjeż jitħallsu mill-entitajiet finanzjarji. Madankollu, il-benefiċċji mistennija, bħaż-żieda fl-awtomatizzazzjoni u l-effiċjenza, it-tnaqqis tar-riskju, ir-rekwiżit tal-marġni aktar baxx u l-eliminazzjoni ta’ kostijiet u frizzjonijiet relatati ma’ allinjament ħażin, maż-żmien, għandhom jegħlbu il-biċċa l-kbira tal-kostijiet ta’ darba li jirriżultaw mill-investimenti meħtieġa li tkun tinvolvi bidla għal T+1.
•Drittijiet fundamentali
L-UE hija impenjata li tilħaq standards għoljin ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u hija firmatarja għal sett wiesa’ ta’ konvenzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem. F’dan il-kuntest, il-proposta aktarx li mhux se jkollha impatt dirett fuq dawn id-drittijiet, kif elenkati fil-konvenzjonijiet ewlenin tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tal-bniedem, fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li hija parti integrali mit-Trattati tal-UE, u fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Il-proposta mhux se jkollha implikazzjonijiet għall-baġit tal-Unjoni.
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar
Din il-proposta ma teħtieġx pjan ta’ implimentazzjoni jew arranġamenti għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar.
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
L-Artikolu 1 jintroduċi emenda mmirata għall-Artikolu 5(2) tas-CSDR, li tirrikjedi li għal tranżazzjonijiet fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(2), id-data tas-saldu maħsuba ma għandhiex tkun aktar tard mill-ewwel jum ta’ negozju wara li jseħħ in-negozjar. Din il-proposta ma temendax il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(2).
2025/0022 (COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolament (UE) Nru 909/2014 fir-rigward ta’ ċiklu ta’ saldu iqsar fl-Unjoni
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)L-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014jirregola l-perjodu ta’ saldugħall-biċċa l-kbira tat-tranżazzjonijiet f’titoli trasferibbli eżegwiti f’ċentri tan-negozjar. B’ċerti eċċezzjonijiet, id-data tas-saldu maħsuba għal tranżazzjonijiet bħal dawn ma għandhiex tkun aktar tard mit-tieni jum ta’ negozju wara li jseħħ in-negozjar. Tali perjodu jissejjaħ “iċ-ċiklu tas-saldu”. Ir-rekwiżit li s-saldu jsir mhux aktar tard mit-tieni jum ta’ negozju wara li jseħħ in-negozjar jissejjaħ “ċiklu tas-saldu f’T+2”, jew, sempliċiment, “T+2”.
(2)Perjodi itwal ta’ saldu għal tranżazzjonijiet f’titoli trasferibbli jżidu r-riskji lill-partijiet tat-tranżazzjoni u jnaqqsu l-opportunitajiet għax-xerrejja u l-bejjiegħa biex jidħlu fi tranżazzjonijiet oħra. Għal dawk ir-raġunijiet, ħafna ġuriżdizzjonijiet ta’ pajjiżi terzi qassru l-perjodu ta’ saldu għal jum ta’ negozju wieħed wara n-negozjar (“T+1”), jew jinsabu fil-proċess li jqassruh, jew qed jippjanaw li jqassruh. Madankollu, il-bidla globali għal perjodi iqsar ta’ saldu qed toħloq allinjamenti ħżiena bejn is-swieq finanzjarji tal-Unjoni u dawk globali. Dawk l-allinjamenti ħżiena se jkomplu jiżdiedu meta aktar pajjiżi jmorru għas-saldu T+1 u jżidu l-kost ikkawżat minn tali allinjamenti ħżiena għall-parteċipanti fis-suq tal-Unjoni.
(3)Fir-rapport tagħha dwar l-adegwatezza tat-tqassir taċ-ċiklu tas-saldu fl-Unjoni Ewropea, ippubblikat fit-18 ta’ Novembru 2024, l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq ikkonkludiet li t-tqassir taċ-ċiklu tas-saldu fl-Unjoni għal T+1 inaqqas b’mod sinifikanti r-riskji fis-suq, b’mod partikolari fir-rigward tar-riskji tal-kontroparti u tal-volatilità, u jillibera l-kapital li ma għadux meħtieġ biex ikopri l-appelli għall-marġni. T+1 jippermetti wkoll lis-swieq kapitali tal-Unjoni jlaħħqu mal-evoluzzjoni ta’ swieq globali oħra, filwaqt li jelimina l-kostijiet assoċjati mal-allinjament ħażin attwali tal-perjodi ta’ saldu. Dan jikkontribwixxi wkoll għal aktar armonizzazzjoni tal-istandards tal-avvenimenti korporattivi u l-prattiki tas-suq fl-Unjoni u b’mod aktar ġenerali għall-kompetittività tas-swieq kapitali tal-Unjoni. Il-Kummissjoni taqbel ma’ dawk il-konklużjonijiet.
(4)Għalhekk huwa xieraq li tiġi introdotta emenda mmirata għar-Regolament (UE) Nru 909/2014 sabiex iċ-ċiklu tas-saldu obbligatorju attwali jitqassar għal jum wara li jsir in-negozjar. Tali tqassir taċ-ċiklu tas-saldu ma jipprevjenixlid-depożitorji ċentrali tat-titoli milli jsaldaw it-tranżazzjonijiet b’mod volontarju fl-istess data bħad-data tan-negozjar, fejn ikunu teknoloġikament kapaċi.
(5)Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 909/2014 jiġi emendat skont dan.
(6)Minħabba li l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jiġi introdott ċiklu iqsar ta’ saldu fl-Unjoni, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tagħhom, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jikseb dawk l-għanijiet.
(7)Sabiex jiġi żgurat li l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha involuti jkunu mħejjija biżżejjed u jkunu jistgħu jgħaddu għas-saldu T+1 b’mod koordinat u f’waqtu, jenħtieġ li d-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament tiġi differita.
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Emenda għar-Regolament (UE) Nru 909/2014
Fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 909/2014, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“2.
Fir-rigward ta’ transazzjonijiet f’titoli trasferibbli msemmija fil-paragrafu 1 li huma eżegwiti f’ċentri tan-negozjar, id-data prevista tas-saldu ma għandhiex tkun aktar tard mill-ewwel jum ta’ xogħol wara li jkun seħħ in-negozju. Dak ir-rekwiżit ma għandux japplika għal transazzjonijiet li huma negozjati privatament iżda jiġu eżegwiti f’ċentri ta’ negozjar, għal transazzjonijiet li jiġu eżegwiti bilateralment iżda jiġu rrappurtati lil ċentru ta’ negozjar jew għall-ewwel tranżazzjoni fejn it-titoli trasferibbli kkonċernati huma soġġetti għar-reġistrazzjoni inizjali f’format ta’ entrata fil-kotba skont l-Artikolu 3(2).”.
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-11 ta’ Ottubru 2027.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President