|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2026/5244 |
12.10.2026 |
Notifika ta’ bidu ta’ rieżami ta’ skadenza tal-miżuri anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ vireg tal-wajer li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina
(C/2026/5244)
Wara l-pubblikazzjoni ta’ Notifika ta’ skadenza imminenti (1) tal-miżuri anti-dumping fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet ta’ vireg tal-wajer li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“ir-RPĊ” jew “il-pajjiż konċernat”), il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet talba għal rieżami skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (2) (“ir-Regolament bażiku”).
1. Talba għal rieżami
It-talba tressqet fit-30 ta’ Ġunju 2026 mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Azzar (“EUROFER” jew “l-applikant”) f’isem l-industrija tal-Unjoni tal-vireg tal-wajer fis-sens tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku.
Verżjoni pubblika tat-talba u l-analiżi tal-grad ta’ sostenn għat-talba mill-produtturi tal-Unjoni huma disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati. It-Taqsima 5.6 ta’ din in-Notifika tipprovdi informazzjoni dwar l-aċċess għall-fajl mill-partijiet interessati.
2. Prodott taħt rieżami
Il-prodott soġġett għal rieżami huwa żbarri u vireg, illaminati bis-sħana, f’koljaturi mkebbin b’mod irregolari, tal-ħadid, tal-azzar mhux illigat jew tal-azzar illigat għajr tal-azzar inossidabbli (“il-prodott taħt rieżami”), li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 7213 10 00 , 7213 20 00 , 7213 91 10 , 7213 91 20 , 7213 91 41 , 7213 91 49 , 7213 91 70 , 7213 91 90 , 7213 99 10 , 7213 99 90 , 7227 10 00 , 7227 20 00 , 7227 90 10 , 7227 90 50 u 7227 90 95 . Il-kodiċijiet NM huma pprovduti għall-informazzjoni biss mingħajr preġudizzju għal bidla sussegwenti fil-klassifikazzjoni tariffarja.
3. Miżuri eżistenti
Il-miżuri attwalment fis-seħħ huma dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1805 (3).
4. Raġunijiet għar-rieżami
It-talba hija bbażata fuq ir-raġunijiet li l-iskadenza tal-miżuri x’aktarx tirriżulta f’rikorrenza ta’ dumping u rikorrenza ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni.
4.1. Allegazzjoni dwar il-probabbiltà ta’ rikorrenza tad-dumping
4.1.1. Allegazzjoni dwar il-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni ta’ dumping mir-RPĊ
L-applikant sostna li mhux xieraq li jintużaw prezzijiet u kostijiet domestiċi fir-RPĊ minħabba l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti fis-sens tal-Artikolu 2(6a), il-punt (b) tar-Regolament bażiku.
Biex jissostanzja l-allegazzjonijiet ta’ distorsjonijiet sinifikanti, l-applikant qagħad fuq l-informazzjoni li tinsab fir-rapport tal-Kummissjoni dwar id-distorsjonijiet fir-RPĊ tal-10 ta’ April 2024 (4). B’mod partikolari, l-applikant irrefera għal distorsjonijiet bħall-preżenza tal-istat sew b’mod ġenerali kif ukoll b’mod aktar speċifiku, li jaffettwaw is-settur tal-azzar u għall-kapitoli dwar inputs ta’ materjal ieħor, bħall-enerġija, il-manodopera, id-drittijiet tal-użu tal-art u l-aċċess għall-kapital. Barra minn hekk, l-applikant irrefera għall-“Pjan ta’ Aġġustament u Aġġornament tal-Industrija tal-Azzar għall-2016-2020”, li għandu l-għan li jippromwovi u jiżviluppa l-industrija tal-azzar bħala settur favorit tal-ekonomija Ċiniża, u l-Pjan ta’ Ħidma għall-Istabbilizzazzjoni tat-Tkabbir fl-Industrija tal-Azzar (2025–2026) (5). L-applikant irrefera wkoll għad-Deċiżjoni Nru 40 tal-Kunsill tal-Istat dwar il-Promulgazzjoni u l-Implimentazzjoni tad-“Dispożizzjonijiet Temporanji li Jippromwovu l-Aġġustament tal-Istruttura Industrijali” li tidentifika l-industrija tal-azzar bħala industrija strateġika, prijoritizzata u mħeġġa fir-RPĊ, u għall-Perspettiva tal-Azzar tal-OECD għall-2026. Fl-aħħar nett, l-applikant irrefera għall-15-il Pjan ta’ 5 Snin, approvat f’Marzu 2026 u li se jkun fis-seħħ mill-2026 sal-2030. Il-15-il FYP isegwi l-istess objettivi bħal dak ta’ qablu: jappoġġja l-intrapriżi b’mod wiesa’, speċjalment fir-riċerka u l-iżvilupp (R u Ż), u jenfasizza l-promozzjoni tal-esportazzjonijiet billi jtejjeb il-politiki, jottimizza l-istrutturi tal-komoditajiet tal-esportazzjoni, u jespandi s-swieq internazzjonali.
B’hekk, fir-rigward tal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, l-allegazzjoni ta’ rikorrenza ta’ dumping mir-RPĊ hi bbażata fuq tqabbil ta’ valur normali maħdum fuq il-bażi tal-ispejjeż tal-produzzjoni u tal-bejgħ li jirriflettu prezzijiet jew punti ta’ riferiment mingħajr distorsjoni f’pajjiż rappreżentattiv xieraq (il-Perù) mal-prezz tal-esportazzjoni (fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika) tal-prodott taħt rieżami meta mibjugħ għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi, b’ħarsa lejn in-nuqqas preżenti ta’ volumi ta’ importazzjonijiet sinifikanti mir-Repubblka tal-Poplu taċ-Ċina lejn l-Unjoni.
Abbażi tat-tqabbil ta’ hawn fuq, li juri li d-dumping qed iseħħ, l-applikant jallega li x’aktarx hemm rikorrenza ta’ dumping mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.
4.2. Allegazzjoni dwar il-probabbiltà ta’ rikorrenza tad-dannu
L-applikant jallega l-probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dannu mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. F’dan ir-rigward l-applikant ipprovda biżżejjed evidenza li turi li jekk il-miżuri jitħallew jiskadu, l-importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina lejn l-Unjoni probabbilment jiżdiedu minħabba l-eżistenza ta’ kapaċità mhux użata/ta’ potenzjal mhux użat ta’ faċilitajiet ta’ manifattura tal-produtturi fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.
Finalment, l-applikant jallega li t-tneħħija tad-dannu seħħet l-aktar minħabba l-eżistenza tal-miżuri u li kull rikorrenza ta’ importazzjonijiet sostanzjali bi prezzijiet oġġett ta’ dumping mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina x’aktarx twassal għal rikorrenza tad-dannu għall-industrija tal-Unjoni jekk il-miżuri jitħallew jiskadu.
5. Proċedura
Wara li ġie ddeterminat, b’segwitu għal konsultazzjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku, li teżisti biżżejjed evidenza ta’ probabbiltà ta’ dumping (6) u dannu biex jiġi ġġustifikat il-bidu ta’ rieżami ta’ skadenza, il-Kummissjoni b’dan tagħti bidu għal rieżami skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.
Ir-rieżami ta’ skadenza se jiddetermina jekk ikunx probabbli li l-iskadenza tal-miżuri twassal għall-kontinwazzjoni jew għar-rikorrenza tad-dumping tal-prodott taħt rieżami li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u għall-kontinwazzjoni jew għar-rikorrenza ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni.
5.1. Perjodu ta’ investigazzjoni ta’ rieżami u perjodu kkunsidrat
L-investigazzjoni dwar kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dumping tkopri l-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2025 sat-30 ta’ Ġunju 2026 (“il-perjodu tal-investigazzjoni tar-rieżami”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tal-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ dannu se jkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2023 sa tmiem il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami (“il-perjodu kkunsidrat”).
5.2. Kummenti dwar it-talba u l-bidu tal-investigazzjoni
Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jikkummentaw dwar it-talba (inklużi l-kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mar-rikorrenza ta’ dannu u mal-kawżalità) jew dwar kwalunkwe aspett li jirrigwarda l-bidu tal-investigazzjoni (inkluż il-livell ta’ sostenn għat-talba) iridu jagħmlu dan fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (7).
Kwalunkwe talba għal seduta ta’ smigħ fir-rigward tal-bidu tal-investigazzjoni trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.
5.3. Proċedura għad-determinazzjoni tal-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dumping
F’rieżami ta’ skadenza, il-Kummissjoni teżamina l-esportazzjonijiet li saru lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami u, irrispettivament mill-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni, tqis jekk is-sitwazzjoni tal-kumpaniji li jipproduċu u jbigħu l-prodott taħt rieżami fil-pajjiż ikkonċernat hijiex tali li l-esportazzjonijiet bi prezzijiet oġġett ta’ dumping lejn l-Unjoni x’aktarx ikomplu jew jirrikorru jekk il-miżuri jiskadu.
Għaldaqstant, il-produtturi kollha (8) tal-prodott taħt rieżami mill-pajjiż ikkonċernat, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri fis-seħħ, huma mistiedna jipparteċipaw fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.
5.3.1. Investigazzjoni tal-produtturi fil-pajjiż ikkonċernat
Minħabba li jidher li hemm għadd kbir ta’ produtturi fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina involuti f’dan ir-rieżami ta’ skadenza, u sabiex l-investigazzjoni titlesta sal-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-produtturi li se jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar isir f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.
Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk ikunx meħtieġ il-kampjunar, u jekk ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, il-produtturi kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, inkluż dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri soġġetti għar-rieżami attwali, huma b’dan mitluba jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar il-kumpaniji tagħhom fi żmien 7 ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. L-informazzjoni trid tingħata permezz ta’ TRON.tdi fl-indirizz li ġej:
https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/tdi/form/R877_SAMPLING_FORM_FOR_EXPORTING_PRODUCER
L-informazzjoni dwar l-aċċess għal Tron tinsab fit-Taqsimiet 5.6 u 5.9 hawn taħt.
Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li tkun meħtieġa għall-għażla tal-kampjun tal-produtturi, il-Kummissjoni se tikkuntattja wkoll lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u tista’ tikkuntattja lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi fil-pajjiż ikkonċernat.
Jekk ikun meħtieġ kampjun, il-produtturi jintgħażlu abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ produzzjoni, bejgħ jew esportazzjonijiet li jista’ raġonevolment jiġi investigat fiż-żmien disponibbli. Il-produtturi kollha magħrufa fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, l-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat u l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi se jiġu nnotifikati mill-Kummissjoni, permezz tal-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat jekk ikun xieraq, dwar il-kumpaniji li jintgħażlu għall-kampjun.
Ladarba l-Kummissjoni tkun irċeviet l-informazzjoni meħtieġa biex tagħżel kampjun ta’ produtturi, hija tinforma lill-partijiet ikkonċernati bid-deċiżjoni tagħha dwar jekk humiex inklużi fil-kampjun. Il-produtturi fil-kampjun ikollhom jippreżentaw kwestjonarju komplut fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-inklużjoni tagħhom fil-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
Il-Kummissjoni se żżid nota fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati li tirrifletti l-għażla tal-kampjun. Kull kumment dwar l-għażla tal-kampjun irid jasal fi żmien 3 ijiem mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-kampjun.
Il-kwestjonarju għall-produtturi fil-pajjiż ikkonċernat huwa disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ u Sigurtà Ekonomika https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2913.
Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni possibbli tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, il-kumpaniji li jkunu qablu li jiġu inklużi fil-kampjun iżda li ma jintgħażlux biex ikunu parti mill-kampjun se jitqiesu li jkunu kkooperaw.
5.3.2. Proċedura addizzjonali fir-rigward tar-RPĊ li hija soġġetta għal distorsjonijiet sinifikanti
Soġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ din in-Notifika, il-partijiet interessati kollha huma b’dan mistiedna jesprimu l-fehmiet tagħhom, jippreżentaw l-informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn rigward l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.
B’mod partikolari, il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet interessati kollha biex jesprimu l-opinjonijiet tagħhom dwar l-inputs u l-kodiċijiet tas-Sistema Armonizzata (SA) ipprovduti fit-talba, jipproponu pajjiż(i) rappreżentattiv(i) xieraq/xierqa u jipprovdu l-identità tal-produtturi tal-prodott taħt rieżami f’dawk il-pajjiżi. Din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.
Skont l-Artikolu 2(6a), il-punt (e) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni, ftit wara l-bidu tal-investigazzjoni, permezz ta’ nota fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati, se tinforma lill-partijiet fl-investigazzjoni dwar is-sorsi rilevanti li beħsiebha tuża għad-determinazzjoni tal-valur normali fil-PRC skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku. Dan ikopri s-sorsi kollha, inkluża l-għażla ta’ pajjiż terz rappreżentattiv xieraq fejn ikun xieraq. Il-partijiet għall-investigazzjoni għandhom jingħataw 10 ijiem mid-data li fiha din in-nota tiżdied fil-fajl biex jippreżentaw il-kummenti.
Skont l-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni, pajjiż terz rappreżentattiv possibbli għar-RPĊ f’dan il-każ huwa l-Perù. Bil-għan li finalment tagħżel il-pajjiż terz rappreżentattiv xieraq, il-Kummissjoni teżamina jekk hemmx pajjiżi b’livell simili ta’ żvilupp ekonomiku bħar-RPĊ, li fihom isiru l-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott taħt rieżami u li għandhom data rilevanti disponibbli minnufih. F’każ li jkun hemm aktar minn pajjiż wieħed bħal dan, tingħata preferenza, meta jkun xieraq, lill-pajjiżi li għandhom livell adegwat ta’ protezzjoni soċjali u ambjentali.
Fir-rigward tas-sorsi rilevanti, il-produtturi kollha fir-RPĊ huma mitluba jipprovdu informazzjoni dwar il-materji (prima u dawk ipproċessati) u l-enerġija użati fil-produzzjoni tal-prodott taħt rieżami fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. L-informazzjoni trid tingħata permezz ta’ TRON.tdi fl-indirizz li ġej:
https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/tdi/form/R877_INFO_ON_INPUTS_FOR_EXPORTING_PRODUCER_FORM
L-informazzjoni dwar l-aċċess għal Tron tinsab fit-Taqsimiet 5.6 u 5.9 hawn taħt.
Barra minn hekk, kwalunkwe preżentazzjoni ta’ informazzjoni fattwali biex jiġu stabbiliti l-kostijiet u l-prezzijiet skont l-Artikolu 2(6a), il-punt (a) tar-Regolament bażiku trid issir fi żmien 65 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Tali informazzjoni fattwali jenħtieġ li tittieħed esklużivament minn sorsi pubblikament disponibbli.
Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li għandha bżonn għall-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-allegati distorsjonijiet sinifikanti fis-sens tal-Artikolu 2(6a), il-punt (b) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni se tagħmel disponibbli wkoll kwestjonarju lill-Gvern tar-RPĊ.
5.3.3. Investigazzjoni tal-importaturi mhux relatati (9) (10)
Importaturi mhux relatati tal-prodott taħt rieżami mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina lejn l-Unjoni, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri fis-seħħ, huma mistiedna jipparteċipaw f’din l-investigazzjoni.
Minħabba l-għadd kbir potenzjali ta’ importaturi li mhumiex relatati involuti f’dan ir-rieżami ta’ skadenza, u sabiex l-investigazzjoni titlesta fil-limiti ta’ żmien statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-għadd ta’ importaturi li mhumiex relatati u li se jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar isir f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.
Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ il-kampjunar, u jekk dan ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, l-importaturi kollha mhux relatati, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, inkluż dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri soġġetti għal dan ir-rieżami, huma b’dan mitluba jippreżentaw lilhom infushom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet iridu jagħmlu dan fi żmien 7 ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika billi jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar il-kumpanija/i tagħhom, kif mitlub fl-Anness ta’ din in-Notifika.
Sabiex tikseb it-tagħrif li jidhrilha li huwa meħtieġ għall-għażla tal-kampjun ta’ importaturi mhux relatati, il-Kummissjoni tista’ tikkuntattja wkoll lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi.
Jekk ikun hemm bżonn ta’ kampjun, l-importaturi jistgħu jintgħażlu abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ bejgħ tal-prodott taħt rieżami mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina fl-Unjoni li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. L-importaturi mhux relatati u l-assoċjazzjonijiet tal-importaturi kollha magħrufa se jiġu nnotifikati mill-Kummissjoni dwar il-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.
Il-Kummissjoni se żżid ukoll nota fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati li tirrifletti l-għażla tal-kampjun. Kull kumment dwar l-għażla tal-kampjun irid jasal fi żmien 3 ijiem mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-kampjun.
Sabiex tikseb informazzjoni li tqis meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tqiegħed kwestjonarji għad-dispożizzjoni tal-importaturi mhux relatati fil-kampjun. Dawn il-partijiet iridu jippreżentaw kwestjonarju mimli fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor.
Il-kwestjonarju għall-importaturi mhux relatati huwa disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ u Sigurtà Ekonomika:
https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2913
5.4. Proċedura għad-determinazzjoni tal-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza tad-dannu u għall-investigazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni
Sabiex jiġi stabbilit jekk hemmx probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza tad-dannu għall-industrija tal-Unjoni, il-Kummissjoni tistieden lill-produtturi tal-Unjoni tal-prodott taħt rieżami jipparteċipaw fl-investigazzjoni.
Minħabba li hemm għadd kbir ta’ produtturi tal-Unjoni involuti f’dan ir-rieżami ta’ skadenza, u sabiex ittemm l-investigazzjoni fil-limitu tal-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni ddeċidiet li tillimita għal għadd raġonevoli l-produtturi tal-Unjoni li se jiġu investigati billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar isir f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.
Il-Kummissjoni għażlet b’mod proviżorju kampjun ta’ produtturi tal-Unjoni. Id-dettalji jinsabu fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati.
Il-partijiet interessati huma b’dan mistednin jikkummentaw dwar il-kampjun proviżorju. Barra minn hekk, produtturi oħrajn tal-Unjoni, jew rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, inklużi l-produtturi tal-Unjoni li ma jkunux ikkooperaw fl-investigazzjoni li tkun wasslet għall-miżuri fis-seħħ, li jqisu li hemm raġunijiet għaliex jenħtieġ li jkunu inklużi fil-kampjun iridu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fi żmien sebat (7) ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Il-kummenti kollha dwar il-kampjun proviżorju jridu jaslu fi żmien 7 ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
Il-Kummissjoni se tinnotifika lill-produtturi u/jew lill-assoċjazzjonijiet tal-produtturi tal-Unjoni magħrufin kollha bil-kumpaniji li finalment ikunu ntgħażlu biex ikunu fil-kampjun.
Il-produtturi tal-Unjoni li jkunu parti mill-kampjun ikollhom jippreżentaw kwestjonarju komplut fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-inklużjoni tagħhom fil-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
Il-kwestjonarju għall-produtturi tal-Unjoni huwa disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ u Sigurtà Ekonomika:
https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2913
5.5. Proċedura għall-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni
Jekk tiġi kkonfermata l-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza tad-dumping u tad-dannu, tittieħed deċiżjoni, skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, dwar jekk iż-żamma tal-miżuri anti-dumping tmurx kontra l-interess tal-Unjoni.
Il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, it-trade unions u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur huma mistiedna jipprovdu informazzjoni dwar l-interess tal-Unjoni lill-Kummissjoni.
L-informazzjoni dwar il-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni trid tiġi pprovduta fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Din l-informazzjoni tista’ tingħata fil-format ta’ test liberu jew inkella billi jimtela kwestjonarju mħejji mill-Kummissjoni.
Il-kwestjonarji, inkluż il-kwestjonarju għall-utenti tal-prodott taħt rieżami, huma disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ u Sigurtà Ekonomika:
https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2913
Fi kwalunkwe każ, l-informazzjoni ppreżentata skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku titqies biss jekk, meta tiġi ppreżentata, tkun sostnuta b’evidenza fattwali li tissostanzja l-validità tagħha.
5.6. Partijiet interessati
Sabiex jieħdu sehem fl-investigazzjoni, il-partijiet interessati, bħall-produtturi fil-pajjiżi kkonċernati, il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, it-trade unions u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur, iridu juru li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott taħt rieżami.
Il-produtturi fil-pajjiż ikkonċernat, il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi li poġġew disponibbli informazzjoni f’konformità mal-proċeduri deskritti fit-Taqsimiet 5.3.1, 5.3.3 u 5.4 jiġu kkunsidrati bħala partijiet interessati jekk ikun hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott taħt rieżami.
Il-partijiet l-oħra msemmija fl-ewwel paragrafu ta’ din it-taqsima se jkunu jistgħu jipparteċipaw biss fl-investigazzjoni bħala parti interessata mill-mument li jippreżentaw lilhom infushom, u dment li jkun hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott taħt rieżami. Li parti titqies bħala parti interessata huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.
L-aċċess għall-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati jsir permezz ta’ TRON.tdi f’dan l-indirizz: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI. Segwi l-istruzzjonijiet f’dik il-paġna sabiex ikollok aċċess (11).
5.7. Preżentazzjonijiet oħrajn bil-miktub
Soġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ din in-Notifika, il-partijiet interessati kollha huma b’dan mistiedna jesprimu l-opinjonijiet tagħhom, jippreżentaw l-informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.
5.8. Possibbiltà ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni
Il-partijiet interessati kollha jistgħu jitolbu li jinstemgħu mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kwalunkwe talba għal seduta ta’ smigħ trid issir bil-miktub u trid tispeċifika r-raġunijiet għat-talba kif ukoll sommarju ta’ dak li l-parti interessata tixtieq tiddiskuti matul is-seduta ta’ smigħ. Is-smigħ ikun limitat għall-kwistjonijiet stabbiliti minn qabel mill-partijiet interessati bil-miktub.
Fil-prinċipju, is-seduti ta’ smigħ ma jintużawx biex tiġi ppreżentata informazzjoni fattwali li tkun għadha mhijiex fil-fajl. Madankollu, fl-interess tal-amministrazzjoni tajba u sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ timxi ’l quddiem bl-investigazzjoni, il-partijiet interessati jistgħu jiġu mitluba jipprovdu informazzjoni fattwali ġdida wara smigħ.
5.9. Struzzjonijiet għat-tfassil ta’ preżentazzjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji kompluti u l-korrispondenza
L-informazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni għall-fini tal-investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ għandha tkun ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Il-partijiet interessati, qabel ma jippreżentaw lill-Kummissjoni informazzjoni u/jew data li jkunu soġġetti għad-drittijiet tal-awtur ta’ parti terzi, iridu jitolbu permess speċifiku lid-detentur tad-drittijiet li jippermetti b’mod espliċitu li l-Kummissjoni a) tuża l-informazzjoni u d-data għall-finijiet ta’ dan il-proċediment tad-difiża tal-kummerċ u b) tipprovdi l-informazzjoni u/jew id-data lill-partijiet interessati f’din l-investigazzjoni f’għamla li tippermettilhom jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.
Il-preżentazzjonijiet kollha bil-miktub, fosthom l-informazzjoni mitluba f’din in-Notifika, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għalihom jintalab trattament kunfidenzjali għandhom jiġu mmarkati bħala “Sensitive” (12). Il-partijiet li jippreżentaw informazzjoni matul din l-investigazzjoni huma mistiedna jagħtu raġunijiet għat-talba tagħhom għal trattament kunfidenzjali.
Il-partijiet li jipprovdu informazzjoni mmarkata bħala “Sensittiva” huma mitlubin jipprovdu sommarji mhux kunfidenzjali tagħha skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, filwaqt li jimmarkawha “Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati”. Dawn is-sommarji jridu jkunu dettaljati biżżejjed biex jippermettu li s-sustanza tal-informazzjoni ppreżentata b’mod kunfidenzjali tinftiehem b’mod raġonevoli. Meta parti li tipprovdi informazzjoni kunfidenzjali tonqos milli tagħti raġunijiet ġusti għal talba ta’ trattament kunfidenzjali jew ma tfassalx sommarju mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u bil-kwalità mitluba, il-Kummissjoni tista’ tinjora tali informazzjoni sakemm ma jkunx jista’ jintwera b’mod sodisfaċenti minn sorsi xierqa li l-informazzjoni hija korretta.
Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu l-preżentazzjonijiet u t-talbiet kollha permezz ta’ TRON.tdi (https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI) inklużi t-talbiet biex il-partijiet interessati jiġu rreġistrati bħala tali kif ukoll il-prokuri u d-dokumenti ta’ ċertifikazzjoni skennjati. Il-partijiet interessati, meta jużaw TRON.tdi jew il-posta elettronika, ikunu qed jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għall-preżentazzjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “CORRESPONDENCE WITH THE EUROPEAN COMMISSION IN TRADE DEFENCE CASES” ippubblikat fis-sit tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ u s-Sigurtà Ekonomika: https://europa.eu/!7tHpY3. Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefown u indirizz validu tal-posta elettronika u għandhom jiżguraw li l-indirizz tal-posta elettronika li jagħtu jkun indirizz kummerċjali uffiċjali tal-posta elettronika li jiffunzjona u li jiġi ċċekkjat kuljum. Ladarba jiġu pprovduti d-dettalji ta’ kuntatt, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz ta’ TRON.tdi jew tal-posta elettronika biss, dment li ma jitolbux li jirċievu d-dokumenti kollha mingħand il-Kummissjoni b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew sakemm in-natura tad-dokument li jrid jintbagħat ma tkunx teħtieġ l-użu tal-posta rreġistrata. Għal regoli u għal informazzjoni oħra dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni, inklużi l-prinċipji li japplikaw għas-sottomissjonijiet bi TRON.tdi u bil-posta elettronika, il-partijiet interessati għandhom jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.
L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:
|
European Commission |
|
Directorate-General for Trade and Economic Security |
|
Directorate G |
|
Office: CHAR 04/039 |
|
1049 Bruxelles/Brussel |
|
BELGIQUE/BELGIË |
TRON. tdi: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/tdi
Email: TRADE-R877-WIREROD-DUMPING@ec.europa.eu
TRADE-R877-WIREROD-INJURY@ec.europa.eu
6. Skeda tal-investigazzjoni
L-investigazzjoni għandha normalment tiġi konkluża fi żmien 12-il xahar, u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament bażiku.
7. Preżentazzjoni ta’ informazzjoni
Bħala regola, il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw biss l-informazzjoni fil-perjodi ta’ żmien speċifikati fit-taqsima 5 ta’ din in-Notifika.
Sabiex tlesti l-investigazzjoni sal-iskadenzi obbligatorji, il-Kummissjoni mhux se taċċetta preżentazzjonijiet mill-partijiet interessati wara l-iskadenza biex jipprovdu kummenti dwar id-divulgazzjoni finali jew, jekk applikabbli, wara l-iskadenza biex jipprovdu kummenti dwar id-divulgazzjoni finali addizzjonali.
8. Possibbiltà għal kummenti dwar il-preżentazzjonijiet ta’ partijiet oħra
Sabiex jiġu ggarantiti d-drittijiet tad-difiża, il-partijiet interessati għandu jkollhom il-possibbiltà jikkummentaw dwar l-informazzjoni ppreżentata minn partijiet interessati oħra. Meta jagħmlu dan, il-partijiet interessati jistgħu biss jindirizzaw kwistjonijiet imqajma fil-preżentazzjonijiet tal-partijiet interessati l-oħra u ma jistgħux iqajmu kwistjonijiet ġodda.
Jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduta minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għad-divulgazzjoni tas-sejbiet definittivi, jiġu ppreżentati fi żmien 5 ijiem mill-iskadenza għall-kummenti dwar is-sejbiet definittivi, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor. Jekk ikun hemm żvelar finali addizzjonali, jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduti minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għal dan l-iżvelar ulterjuri jsiru fi żmien ġurnata (1) mill-iskadenza għal kummenti dwar dan l-iżvelar ulterjuri, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
L-iskeda ta’ żmien indikata hija mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Kummissjoni li titlob għal informazzjoni addizzjonali mingħand il-partijiet interessati f’każijiet debitament ġustifikati.
9. Estensjoni tal-limiti ta’ żmien speċifikati f’din in-Notifika
Jenħtieġ li kwalunkwe estensjoni tal-iskadenzi previsti f’din in-Notifika tiġi rikjesta biss f’ċirkostanzi eċċezzjonali, u tingħata biss jekk tkun debitament ġustifikata. Fi kwalunkwe każ, kull estensjoni fl-iskadenza tar-risposta għall-kwestjonarji se tkun limitata għal 3 ijiem, u bħala regola ma taqbiżx 7 ijiem. Rigward l-iskadenzi għall-preżentazzjoni ta’ informazzjoni oħra speċifikata fin-Notifika ta’ bidu, l-estensjonijiet se jkunu limitati għal 3 ijiem sakemm ma jintweriex li hemm ċirkostanzi eċċezzjonali.
10. Nonkooperazzjoni
F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess għall-informazzjoni meħtieġa jew ma tipprovdihiex sal-limitu tal-iskadenzi, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, jistgħu jiġu stabbiliti sejbiet, sew jekk pożittivi kif ukoll jekk negattivi, abbażi tal-fatti disponibbli, f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.
Meta jinstab li xi parti interessata tkun ipprovdiet informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista’ tiġi injorata u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.
Meta parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss u għaldaqstant is-sejbiet ikunu bbażati fuq il-fatti disponibbli f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun anqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.
In-nuqqas ta’ tweġiba kompjuterizzata ma għandux jiġi kkunsidrat bħala nonkooperazzjoni, dment li l-parti interessata turi li l-preżentazzjoni tat-tweġiba kif mitlub tkun tirriżulta f’piż żejjed mhux raġonevoli jew f’kost addizzjonali mhux raġonevoli. Jenħtieġ li l-parti interessata tikkuntattja immedjatament lill-Kummissjoni.
11. Uffiċjal tas-Seduta
Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta fil-proċedimenti kummerċjali. L-Uffiċjal tas-Seduta jirrieżamina t-talbiet għall-aċċess għall-fajl, it-tilwim fir-rigward tal-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għall-estensjoni tal-limiti ta’ żmien u kwalunkwe talba oħra dwar id-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati u tal-partijiet terzi li jistgħu jfeġġu matul il-proċediment.
L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduti ta’ smigħ u jagħmilha ta’ medjatur bejn il-parti(jiet) interessata/i u l-Kummissjoni sabiex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jiġu eżerċitati bis-sħiħ. It-talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta għandha ssir bil-miktub u tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina r-raġunijiet għat-talbiet. Dawn is-seduti ta’ smigħ għandhom isiru biss jekk il-kwistjonijiet ma jkunux ġew solvuti mill-Kummissjoni fi żmien debitu.
Kull talba trid tiġi ppreżentata fi żmien raġonevoli u bla dewmien sabiex ma xxekkilx l-andament tajjeb tal-proċedimenti. Għal dan il-għan, il-partijiet interessati għandhom jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta minn kmieni kemm jista’ jkun wara li jseħħ il-każ li jiġġustifika tali intervent. Meta t-talbiet għal seduti ta’ smigħ jiġu ppreżentati barra mill-iskedi ta’ żmien rilevanti, l-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina wkoll ir-raġunijiet għalfejn dawn it-talbiet ikunu saru tard, in-natura tal-kwistjonijiet imqajma u l-impatt ta’ dawn il-kwistjonijiet fuq id-drittijiet tad-difiża, filwaqt li jqis kif dovut l-interessi tal-amministrazzjoni tajba u t-tlestija tal-investigazzjoni fil-ħin.
Għal aktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq is-sit tad-DĠ Kummerċ u s-Sigurtà Ekonomika: https://policy.trade.ec.europa.eu/contacts/hearing-officer_mt.
12. Possibbiltà li jintalab rieżami skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku
Billi dan ir-rieżami ta’ skadenza qed jinbeda b’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, is-sejbiet tiegħu mhux se jwasslu biex il-miżuri eżistenti jiġu emendati iżda biex dawk il-miżuri jitħassru jew jinżammu skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament bażiku.
Jekk xi parti interessata tqis li jkun ġustifikat li jsir rieżami tal-miżuri, sabiex ikun possibbli li l-miżuri jiġu emendati, din il-parti tista’ titlob li jsir rieżami skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku.
Il-partijiet li jixtiequ jitolbu għal rieżami ta’ dan it-tip, li jsir indipendentement mir-rieżami ta’ skadenza msemmi f’din in-Notifika, jistgħu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fl-indirizz mogħti hawn fuq.
13. Proċessar ta’ data personali
Kwalunkwe data personali li tinġabar f’din l-investigazzjoni se tiġi trattata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13).
Avviż dwar il-protezzjoni tad-data li jinforma lill-individwi kollha dwar l-ipproċessar tad-data personali fil-qafas tal-attivitajiet tad-difiża tal-kummerċ tal-Kummissjoni huwa disponibbli fis-sit web tad-DĠ Kummerċ u Sigurtà Ekonomika: https://europa.eu/!vr4g9W.
(1) ĠU C, C/2026/532, 27.1.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/532/oj.
(2) ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/reg/2016/1036/oj.
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1805 tat-12 ta’ Ottubru 2021 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ vireg tal-wajer li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 364, 13.10.2021, p. 14, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/1805/oj).
(4) Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar Distorsjonijiet Sinifikanti fl-Ekonomija tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-Finijiet tal-Investigazzjonijiet għad-Difiża tal-Kummerċ, 10.4.2024 (SWD (2024) 91 final), disponibbli fuq: https://ec.europa.eu/transparency/documents-register/detail?ref=SWD(2024)91&lang=mt.
(5) Il-Pjan ta’ Ħidma 2025–2026 inħareġ b’mod konġunt mill-MIIT, mill-NDRC, mill-Ministeru tal-Finanzi, mill-Bank tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Amministrazzjoni Nazzjonali tal-Enerġija, disponibbli fuq: https://www.gov.cn/zhengce/zhengceku/202509/P020250922419004924459.pdf.
(6) Fid-dawl tal-informazzjoni disponibbli, il-Kummissjoni tqis li hemm biżżejjed evidenza li għandha t-tendenza li turi li, minħabba distorsjonijiet sinifikanti li jaffettwaw il-prezzijiet u l-kostijiet, l-użu ta’ prezzijiet u kostijiet domestiċi fil-pajjiż ikkonċernat mhuwiex xieraq, u għalhekk huwa ġġustifikat li jingħata bidu għal investigazzjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku.
(7) Ir-referenzi kollha għall-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika se jkunu referenzi għall-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
(8) Produttur huwa kwalunkwe kumpanija fil-pajjiż ikkonċernat li tipproduċi l-prodott taħt rieżami, inkluż kwalunkwe kumpanija relatata magħha involuta fil-produzzjoni, il-bejgħ domestiku jew l-esportazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami.
(9) Huma biss l-importaturi li mhumiex relatati ma’ produtturi fil-pajjiż ikkonċernat li jistgħu jiddaħħlu fil-kampjun. L-importaturi li huma relatati mal-produtturi jridu jimlew l-Anness I tal-kwestjonarju f’isem dawn il-produtturi. F’konformità mal-Artikolu 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, żewġ persuni għandhom jitqiesu li jkunu relatati jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju tal-persuna l-oħra; (b) ikunu sħab rikonoxxuti legalment fin-negozju; (c) ikunu l-impjegatur u l-impjegat; (d) parti terza tippossjedi, tikkontrolla jew iżżomm direttament jew indirettament 5 % jew aktar tal-azzjonijiet bid-dritt tal-vot jew l-ishma pendenti tat-tnejn li huma; (e) waħda minnhom tkun tikkontrolla lill-oħra direttament jew indirettament; (f) it-tnejn li huma jkunu kkontrollati direttament jew indirettament minn persuna terza; (g) flimkien jikkontrollaw persuna terza direttament jew indirettament; jew (h) ikunu membri tal-istess familja (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/2447/oj). F’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, “persuna” tfisser persuna fiżika, persuna ġuridika u kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ persuni li mhijiex persuna ġuridika iżda li hi rikonoxxuta mil-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali bħala li jkollha l-kapaċità biex tagħmel atti legali (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/952/oj).
(10) Id-data pprovduta minn importaturi mhux relatati tista’ tintuża wkoll b’rabta ma’ aspetti oħra ta’ din l-investigazzjoni apparti minn biex jiġi stabbilit id-dumping.
(11) F’każ ta’ problemi tekniċi kkuntattja lit-Trade Service Desk permezz ta’ ittra elettronika lil (trade-service-desk@ec.europa.eu) jew ċempel (+32 22979797).
(12) Dokument “Sensitive” huwa dokument li jitqies kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (il-Ftehim dwar l-Anti-dumping). Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2001/1049/oj).
(13) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).
ANNESS
|
☐ |
Verżjoni sensittiva |
|
☐ |
Verżjoni għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati |
|
(immarka l-kaxxa xierqa) |
|
PROĊEDIMENT ANTI-DUMPING RIGWARD L-IMPORTAZZJONIJIET TA’ VIREG TAL-WAJER LI JORIĠINAW MIR-REPUBBLIKA TAL-POPLU TAĊ-ĊINA
INFORMAZZJONI GĦALL-GĦAŻLA TAL-KAMPJUN TA’ IMPORTATURI MHUX RELATATI
Din il-formola hija mfassla biex tgħin lill-importaturi mhux relatati jwieġbu għat-talba għal informazzjoni rigward it-teħid ta’ kampjuni li saret fil-punt 5.3.3 tan-notifika tal-bidu.
Jenħtieġ li kemm il-verżjoni Sensittiva kif ukoll il-verżjoni Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati jintbagħtu lura lill-Kummissjoni kif stipulat fin-notifika tal-bidu.
1. IDENTITÀ U DETTALJI TA’ KUNTATT
Agħti d-dettalji li ġejjin dwar il-kumpanija tiegħek:
|
Isem il-kumpanija |
|
|
Indirizz |
|
|
Persuna ta’ kuntatt |
|
|
Indirizz elettroniku |
|
|
Numru tat-telefown |
|
2. FATTURAT U VOLUM TAL-BEJGĦ
Indika l-fatturat totali tal-kumpanija f’euro (EUR), il-valur f’euro (EUR) u l-volum f’tunnellati għall-importazzjonijiet u l-bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Unjoni wara l-importazzjoni mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, tal-prodott taħt rieżami, kif definit fin-notifika ta’ bidu.
|
|
Tunnellati metriċi |
Valur f’euro (EUR) |
|
Fatturat totali tal-kumpanija tiegħek f’euro (EUR) |
|
|
|
Importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina |
|
|
|
Importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami (kwalunkwe oriġini) |
|
|
|
Il-bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Unjoni wara l-importazzjoni mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina tal-prodott taħt rieżami |
|
|
3. ATTIVITAJIET TAL-KUMPANIJA TIEGĦEK U TAL-KUMPANIJI RELATATI (1)
Agħti dettalji tal-attivitajiet preċiżi tal-kumpanija u tal-kumpaniji relatati kollha (elenkahom u ddikjara r-relazzjoni tagħhom mal-kumpanija tiegħek) involuti fil-produzzjoni u/jew fil-bejgħ (f’esportazzjonijiet u/jew fis-suq domestiku) tal-prodott taħt rieżami. Attivitajiet bħal dawn jistgħu jinkludu x-xiri tal-prodott taħt rieżami, il-produzzjoni tiegħu skont arranġamenti ta’ sottokuntrattar, jew l-ipproċessar jew in-negozjar tal-prodott taħt rieżami, iżda mhumiex limitati għal dawn biss.
|
Isem u lokalità tal-kumpanija |
Attivitajiet |
Relazzjoni |
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
4. INFORMAZZJONI OĦRA
|
|
Agħti kull informazzjoni rilevanti oħra li l-kumpanija tqis li tista’ tkun utli biex tgħin lill-Kummissjoni fl-għażla tal-kampjun. |
5. ĊERTIFIKAZZJONI
Billi tipprovdi l-informazzjoni ta’ hawn fuq, il-kumpanija tkun qed taqbel mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun. Jekk il-kumpanija tintgħażel biex tkun parti mill-kampjun, dan ifisser li trid timla kwestjonarju u taċċetta li ssirilha żjara fuq il-post sabiex jiġu vverifikati t-tweġibiet tagħha. Jekk il-kumpanija tindika li ma taqbilx mal-possibbiltà li tiġi inkluża fil-kampjun, din titqies li ma kkooperatx fl-investigazzjoni. Il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni għall-importaturi li ma jikkooperawx jissejsu fuq il-fatti disponibbli u r-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-kumpanija milli kieku tkun ikkooperat.
Firma tal-uffiċjal awtorizzat:
Isem u kariga tal-uffiċjal awtorizzat:
Data:
(1) F’konformità mal-Artikolu 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, żewġ persuni għandhom jitqiesu li jkunu relatati jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju tal-persuna l-oħra; (b) ikunu msieħba rikonoxxuti legalment fin-negozju; (c) ikunu l-impjegatur u l-impjegat; (d) parti terza tippossjedi, tikkontrolla jew iżżomm direttament jew indirettament 5 % jew aktar tal-azzjoni bid-dritt tal-vot jew l-ishma pendenti tat-tnejn li huma; (e) waħda minnhom tikkontrolla direttament jew indirettament lill-persuna l-oħra; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn persuna terza; (g) flimkien jikkontrollaw persuna terza direttament jew indirettament; jew (h) ikunu membri tal-istess familja (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/2447/oj). F’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, “persuna” tfisser persuna fiżika, persuna ġuridika u kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ persuni li mhijiex persuna ġuridika iżda li hi rikonoxxuta mil-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali bħala li jkollha l-kapaċità biex tagħmel atti legali (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/952/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/5244/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)