Brussell, 13.9.2024

COM(2024) 405 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni fl-2021-2022 tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerta leġislazzjoni soċjali li għandha x'taqsam mat-trasport bit-triq u tad-Direttiva 2002/15/KE dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta’ ħaddiema li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport fit-toroq

(It-32 rapport mill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni soċjali relatata mat-trasport bit-triq)

{SWD(2024) 215 final}


Introduzzjoni

Dan ir-rapport jagħti ħarsa ġenerali lejn l-implimentazzjoni tar-regoli soċjali tal-UE fit-trasport bit-triq fl-Istati Membri għall-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2022. Jipprovdi sommarju tal-analiżijiet tal-attivitajiet tal-kontroll u jenfasizza l-isfidi ewlenin fl-infurzar u fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali rilevanti stabbiliti fl-erba’ atti leġiżlattivi li ġejjin:

1) Ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 1 (magħruf ukoll bħala r-Regolament dwar il-Ħin tas-Sewqan) li jistabbilixxi r-rekwiżiti minimi dwar il-ħinijiet tas-sewqan ta’ kuljum u fil-ġimgħa, il-pawżi u l-perjodi ta’ mistrieħ ta’ kuljum u fil-ġimgħa;

2) Id-Direttiva 2002/15/KE 2 2 (magħrufa wkoll bħala d-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol tat-Trasport bit-Triq) li tistabbilixxi r-regoli dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol tal-ħaddiema mobbli. Tistabbilixxi r-rekwiżiti dwar il-ħinijiet massimi tax-xogħol fil-ġimgħa, il-pawżi minimi fix-xogħol u fix-xogħol billejl. Tapplika għas-sewwieqa li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar il-Ħin tas-Sewqan;

3) Id-Direttiva 2006/22/KE 3 (magħrufa wkoll bħala d-Direttiva dwar l-Infurzar) li tistabbilixxi l-livelli minimi ta’ kontrolli mal-ġenb tat-triq u ta’ kontrolli fil-post tan-negozju tal-impriżi tat-trasport biex tiġi vverifikata l-konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar il-Ħin tas-Sewqan;

4) Ir-Regolament (UE) Nru 165/2014 4 (magħruf ukoll bħala r-Regolament dwar it-Takografu) li jistabbilixxi r-rekwiżiti dwar l-installazzjoni u l-użu tat-takografi fil-vetturi fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar il-Ħin tas-Sewqan.

Għall-kuntrarju tar-rapport preċedenti, l-analiżi tal-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE 5 (magħrufa wkoll bħala d-Direttiva dwar il-Piżijiet u d-Dimensjonijiet) li tistabbilixxi d-dimensjonijiet massimi awtorizzati fit-traffiku nazzjonali u internazzjonali u l-piżijiet massimi awtorizzati fit-traffiku internazzjonali għall-vetturi tqal, mhijiex inkluża f’dan ir-rapport minħabba n-nuqqas ta’ informazzjoni meħtieġa, peress li ħames Stati Membri biss 6 ikkonformaw mal-obbligu legali li jissottomettu r-rapporti nazzjonali tagħhom.

Dan ir-rapport huwa bbażat fuq l-Artikolu 17 tar-Regolament dwar il-Ħin tas-Sewqan u l-Artikolu 13 tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol tat-Trasport bit-Triq 7 .

Huwa maqsum fi tliet taqsimiet: It-Taqsima I tipprovdi l-analiżi tad-data nazzjonali dwar il-kontrolli u r-reati fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2006/22/KE u tar-Regolament (KE) Nru 561/2006, filwaqt li t-Taqsima II tagħti deskrizzjoni fil-qosor tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2002/15/KE mill-Istati Membri. It-Taqsima III tislet il-konklużjonijiet ewlenin ta’ dan ir-rapport. Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni jikkomplementa r-rapport tal-Kummissjoni b’informazzjoni supplimentari dwar il-multi, il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, kummenti minn awtoritajiet tal-infurzar, u statistika aktar dettaljata dwar il-kontrolli.

Sottomissjoni tad-data

Ir-rapporti nazzjonali dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/15/KE u tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 jridu jiġu sottomessi sat-30 ta’ Settembru tas-sena ta’ wara t-tmiem tal-perjodu ta’ sentejn ikkonċernat, permezz tal-formola ta’ rapportar standard stabbilita bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Marzu 2017 8 . L-iskadenza għas-sottomissjoni tar-rapporti li jkopru s-snin 2021-2022 skadiet fit-30 ta’ Settembru 2023.

L-Istati Membri kollha ssottomettew id-data nazzjonali tagħhom dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 561/2006, għalkemm ħafna għamlu dan wara l-iskadenza 9 . L-Istati Membri pprovdew id-diżaggregazzjoni mitluba tal-istatistika dettaljata dwar il-kontrolli tal-konformità mwettqa mal-ġenb tat-triq u fil-post tan-negozju. Madankollu, xi wħud ma pprovdewx data mqassma skont il-kategoriji mitluba, eż. data mqassma skont it-tip ta’ takografu 10 u t-tip ta’ reati 11 .

Kienu biss 21 Stat Membru li ppreżentaw l-informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2002/15/KE, li minnhom 11-il Stat Membru biss ipprovdew data statistika dwar il-kontrolli u l-eżiti tagħhom, li tvarja fir-rigward tal-livell ta’ dettall 12 . Tali nuqqas ta’ data kwantitattiva u komparabbli mill-Istati Membri jagħmel valutazzjoni diffiċli.

I. Ħarsa ġenerali lejn l-attivitajiet ta’ infurzar għad-Direttiva 2006/22/KE u għar-Regolament (KE) Nru 561/2006

1.Kontrolli

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/22/KE jirrikjedi li l-Istati Membri jorganizzaw sistema ta’ kontrolli xierqa u regolari mal-ġenb tat-triq u fil-post tan-negozju tal-impriżi li huma soġġetti għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 561/2006. Dan l-Artikolu jistabbilixxi wkoll li l-għadd minimu ta’ kontrolli għandu jkopri tal-anqas 3 % tal-jiem maħduma mis-sewwieqa 13 tal-vetturi li jaqgħu fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 561/2006.

Id-data nazzjonali turi li l-għadd totali ta’ jiem ta’ xogħol 14 ikkontrollati fl-UE żdied minn madwar 108,9 miljun fl-2019-2020 għal 111,7 miljun jum ta’ xogħol ikkontrollati fil-perjodu ta’ rapportar attwali. Dan jikkostitwixxi żieda ta’ 3 %. Meta wieħed iħares lejn iċ-ċifri nazzjonali, iż-żieda fil-jiem ta’ xogħol ikkontrollati hija l-aktar importanti f’Malta (+ 450 % 15 ) u fin-Netherlands (+ 185 %), filwaqt li t-tnaqqis fil-jiem ta’ xogħol ikkontrollati huwa l-aktar viżibbli fis-Slovenja (-48 %), fi Franza (-45 %) u fl-Ungerija (-39 %).

Kif muri fl-Illustrazzjoni 1 hawn taħt, il-medja tal-UE ta’ jiem tax-xogħol ikkontrollati hija ta’ 4,7 %, li hija ogħla milli meħtieġ skont id-Direttiva 16 , iżda tippreżenta xejra ta’ tnaqqis meta mqabbla mal-perjodi ta’ rapportar preċedenti (5,4 % fl-2017-2018 u 6,3 % fl-2015-2016), ħlief għal 4,5 % fl-2019-2020. Madankollu, il-punteġġ miksub mir-Rumanija (21,3 %) huwa għoli.

Illustrazzjoni 1: Perċentwal ta’ jiem ta’ xogħol ikkontrollati għal kull Stat Membru

Ħafna mill-Istati Membri kkontrollaw aktar jiem ta’ xogħol mill-minimu meħtieġ mid-Direttiva. Madankollu, sitt Stati Membri ma laħqux il-limitu ta’ 3 %, jiġifieri Ċipru, l-Ungerija, l-Irlanda, il-Litwanja, Malta u s-Slovenja. Dan huwa simili bħal fiż-żewġ perjodi ta’ rapportar preċedenti (b’sitt Stati Membri li ma laħqux il-limitu ta’ 3 % fis-snin 2019-2020 u 2017-2018, u tliet Stati Membri fl-2015-2016). Fost is-sitt Stati Membri li ma kinux laħqu l-limitu ta’ 3 % fl-2021-2022, l-Ungerija, l-Irlanda u Malta biss baqgħu f’dan il-grupp, u magħhom ingħaqdu t-tliet Stati Membri l-oħra, li kellhom prestazzjoni tajba fil-perjodu ta’ rapportar preċedenti. Il-Greċja żiedet l-isforzi ta’ infurzar tagħha b’mod sinifikanti (titjib minn 0,1 % fl-2015-2016, 0,7 % fl-2017-2018, 2,4 % fl-2019-2020 għal 3,2 % fil-perjodu attwali), u għall-ewwel darba f’10 snin, kellha prestazzjoni ogħla mil-livell limitu.

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/22/KE jistabbilixxi wkoll il-proporzjon tal-jiem ta’ xogħol li għandhom jiġu kkontrollati mal-ġenb tat-triq u fil-post tan-negozju, jiġifieri 30 % u 50 % rispettivament. Il-kalkolu ta’ dan il-proporzjon huwa bbażat fuq l-għadd ta’ kontrolli mwettqa fil-verità mill-awtoritajiet tal-infurzar u mhux fuq l-għadd minimu ta’ jiem ta’ xogħol li għandhom jiġu kontrollati.

Bħala medja, 53 % tal-jiem ta’ xogħol ikkontrollati saru mal-ġenb tat-triq, filwaqt li 47 % ġew ikkontrollati permezz ta’ spezzjonijiet fil-post tan-negozju. Dan huwa tnaqqis fil-kontrolli mal-ġenb tat-triq meta mqabbel mal-aħħar perjodu (60 % fl-2019-2020) u żieda pożittiva fil-kontrolli fil-post tan-negozju meta mqabbla mal-aħħar perjodu (40 % fl-2019-2020). Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, sehem kbir ta’ kontrolli twettqu mal-ġenb tat-triq. L-Irlanda u s-Slovenja rrapportaw għadd baxx ta’ kontrolli mal-ġenb tat-triq. Tmien Stati Membri jissodisfaw is-sehem bilanċjat meħtieġ bejn il-kontrolli fil-post tan-negozju u mal-ġenb tat-triq meta mqabbla ma’ sitt Stati Membri fl-2019-2020 17 .  

Għal aktar dettalji dwar is-sehem nazzjonali tal-kontrolli mal-ġenb tat-triq u fil-post tan-negozju, ara l-Illustrazzjoni 2.

Illustrazzjoni 2: Sehem ta’ kontrolli mal-ġenb tat-triq u fil-post tan-negozju abbażi tal-jiem ta’ xogħol ikkontrollati għal kull Stat Membru

1.1Kontrolli mal-ġenb tat-triq

B’kollox, ġew ikkontrollati 3 564 138 vettura u 3 745 458 sewwieq mal-ġenb tat-triq madwar l-UE meta mqabbla mal-4 112 717 vettura u 4 323 245 sewwieq ikkontrollati fl-2019-2020. Id-differenza bejn l-għadd ta’ vetturi u sewwieqa kkontrollati tista’ tiġi spjegata minn sewqan minn aktar minn sewwieq wieħed, jiġifieri meta jkun hemm mill-inqas żewġ sewwieqa fil-vettura li jalternaw bejniethom biex isuqu. Id-differenzi bejn l-għadd ta’ sewwieqa u vetturi huma prinċipalment preżenti f’rapporti mill-Belġju, mill-Ġermanja, mil-Latvja u mir-Rumanija.

Meta mqabbel mar-rapport għall-2019-2020, l-għadd ta’ vetturi kkontrollati rrapportat naqas b’ 548 579 vettura u l-għadd ta’ sewwieqa kkontrollati naqas b’ 577 787 sewwieq.

Abbażi tal-pajjiż ta’ reġistrazzjoni tal-vettura, 64 % tal-vetturi kkontrollati kienu vetturi nazzjonali, 29 % kienu minn Stati Membri oħra tal-UE 18 u 7 % kienu vetturi rreġistrati f’pajjiżi terzi. B’mod ġenerali, il-biċċa l-kbira tal-vetturi kkontrollati mal-ġenb tat-triq (madwar 93 % tat-total) kienu trasportaturi tal-merkanzija, filwaqt li madwar 7 % biss kienu trasportaturi tal-passiġġieri.

Fl-2021-2022, 83 % tal-vetturi kkontrollati mal-ġenb tat-triq kienu mgħammra b’takografu diġitali, meta mqabbla mal-74 % fil-perjodu ta’ rapportar preċedenti. B’hekk, ma hemm ebda raġuni għaliex il-limitu tal-kontrolli għandu jiżdied minn 3 % għal 4 %, peress li dan għandu jsir biss meta 90 % tal-vetturi kkontrollati jkunu mgħammra b’takografi diġitali skont l-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2006/22/KE.

1.2Kontrolli fil-post tan-negozju

Fil-perjodu 2021-2022, ġew ikkontrollati 84 128 impriża tat-trasport, li hija żieda ta’ 44 % meta mqabbla ma’ 58 300 impriża tat-trasport ikkontrollati fl-2019-2020. Il-kontrolluri fil-post tan-negozju kkontrollaw madwar 39,3 miljun jum ta’ xogħol, li jirrappreżenta żieda ta’ madwar 14 % meta mqabbla ma’ 34,3 miljun fir-rapport preċedenti. B’mod ġenerali, l-awtoritajiet ta’ kontroll tal-Istati Membri kkontrollaw fil-post tan-negozju r-rekords ta’ 582 218 sewwieq, li huwa 16 % aktar meta mqabbel ma’ 499 943 sewwieq fl-2019-2020.

2.Reati

Is-27 Stat Membru kollha pprovdew data dwar ir-reati identifikati, iżda mhux kollha 19 pprovdew dettalji dwar it-tipi ta’ ksur. L-għadd totali ta’ reati rrapportati kien ta’ madwar 3,03 miljun, li huwa żieda meta mqabbel mal-aħħar rapport (2,25 miljun). Is-sehem tar-reati mal-ġenb tat-triq identifikati naqas għal-livell ta’ madwar 50 % tar-reati totali identifikati (60 % fl-aħħar rapport).

Is-sehem tat-tipi ta’ ksur fl-għadd totali ta’ ksur identifikat baqa’ simili bħal fil-perjodu ta’ rapportar preċedenti, b’xi tnaqqis jew żidiet żgħar għal ċerti kategoriji ta’ ksur. L-Illustrazzjoni 3 hawn taħt turi s-sehem medju tal-UE ta’ ksur skont it-tip ta’ dispożizzjoni miksura, identifikat kemm mal-ġenb tat-triq kif ukoll fil-post tan-negozju fl-2021-2022. L-għadd ta’ reati rigward il-pawżi naqas minn 19 % għal 18 %, filwaqt li r-reati tal-ħin tas-sewqan naqsu minn 15 % għal 14 % u r-reati tar-rekords tal-ħin tas-sewqan żdiedu minn 26 % għal 27 %. Ir-reati għall-perjodi ta’ mistrieħ jikkostitwixxu 19 % tar-reati totali (23 % fl-aħħar rapport), it-tagħmir ta’ reġistrazzjoni 20 jirrappreżenta 12 % tar-reati totali (9 % fl-aħħar rapport) u n-nuqqas/id-disponibbiltà ta’ rekords għal xogħol ieħor jikkostitwixxu 10 % (8 % fl-aħħar rapport) tal-ksur kollu identifikat. Dawn l-iżviluppi huma ppreżentati fl-Illustrazzjoni 4 hawn taħt.

Illustrazzjoni 3: Kategoriji ta’ ksur mal-ġenb tat-triq u fil-post tan-negozju 2021-2022

Illustrazzjoni 4: Kategoriji ta’ ksur mal-ġenb tat-triq u fil-post tan-negozju matul l-aħħar 10 snin

Ir-rata medja ta’ reati, li hija kkalkolata abbażi ta’ 100 jum ta’ xogħol ikkontrollati fil-post tan-negozju u kontrolli mal-ġenb tat-triq, żdiedet minn 2,1 fl-2019-2020 għal 2,7 fil-perjodu ta’ rapportar attwali. Kemm ir-rati ta’ detezzjoni mal-ġenb tat-triq kif ukoll fil-post tan-negozju żdiedu meta mqabbla mal-aħħar perjodu ta’ rapportar. Ir-rata ta’ detezzjoni fil-post tan-negozju baqgħet ogħla mir-rata ta’ detezzjoni mal-ġenb tat-triq, u dan jikkonferma li l-kontrolli fil-post tan-negozju huma aktar effiċjenti mill-kontrolli ad hoc mal-ġenb tat-triq. 

2.1 Reati identifikati mal-ġenb tat-triq

Fl-2021-2022, ġew identifikati madwar 1,53 miljun reat mal-ġenb tat-triq, u dan huwa 12 % aktar meta mqabbel ma’ madwar 1,36 miljun reat fl-2019-2020. Il-medja tal-UE ta’ reati identifikati mal-ġenb tat-triq żdiedet minn 1,82 għal 2,11 għal kull 100 jum ta’ xogħol ikkontrollat. Bħala medja, 51 % tar-reati nstabu li twettqu minn sewwieqa domestiċi, filwaqt li s-sehem ta’ vetturi domestiċi fost il-vetturi kollha mwaqqfa għall-kontrolli kien ta’ 64 %.

2.2 Reati identifikati fil-post tan-negozju

L-għadd ta’ reati identifikati fil-post tan-negozju kien ta’ madwar 1,50 miljun li huwa żieda sinifikanti meta mqabbel mal-aħħar rapport (890 000). Ir-rata medja tal-UE ta’ detezzjoni ta’ reati għal kull 100 jum ta’ xogħol ikkontrollat żdiedet minn 2,59 għal 3,81, u dan jirrappreżenta żieda ta’ 47 % meta mqabbel mal-2019-2020. Ir-rata medja ta’ reati identifikati fil-post tan-negozju għal kull impriża żdiedet minn 15-il reat għal kull impriża fl-2019-2020 għal aktar minn 17-il reat għal kull impriża.

2.3 Għadd ta’ uffiċjali tal-infurzar u ta’ tagħmir biex janalizzaw it-takografi

Fil-perjodu ta’ rapportar attwali, 60 040 uffiċjal tal-kontroll (meta mqabbla ma’ 54 679 fl-2019-2020) kienu involuti f’kontrolli madwar l-UE.

17 081 uffiċjal tal-kontroll ġew imħarrġa biex janalizzaw ir-rekords tat-takografu diġitali (meta mqabbla ma’ 20 058 fl-2019-2020). L-unitajiet tat-tagħmir ipprovduti lill-uffiċjali tal-kontroll biex janalizzaw ir-rekords tat-takografi naqsu minn 13 031 fl-2019-2020 għal 8 336 fl-2021-2022.

Dan jikkonferma xejra kontinwa ta’ tnaqqis fil-kapaċità ta’ infurzar fl-Istati Membri.

3.Interpretazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea pprovdiet interpretazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 permezz tas-sentenzi fil-Kawżi Magħquda C‑870/19 u C‑871/19 21 , fil-Kawżi C-428/19 22 , C-906/19 23 u C-13/21 24 . Fil-każ tal-aħħar, il-Qorti ċċarat l-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 li jawtorizza lill-Istati Membri jidderogaw mir-regoli applikabbli relatati mal-ħin tas-sewqan, il-pawżi u l-mistrieħ ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa għall-vetturi użati jew mikrija, mingħajr sewwieq, minn impriżi agrikoli, ortikulturali, tal-forestrija, tal-biedja jew tas-sajd għall-ġarr ta’ merkanzija bħala parti mill-attività intraprenditorjali tagħhom stess f’raġġ li ma jaqbiżx il-100 km madwar il-bażi tal-impriża. L-ewwel nett, il-Qorti ddefiniet il-kunċett ta’ raġġ li ma jaqbiżx il-100 km madwar il-bażi tal-impriża bħala li jirreferi għal linja dritta li ma taqbiżx il-100 km, impinġija fuq il-mappa minn dan il-post ta’ stabbiliment u li tgħaqqdu ma’ kull punt ta’ żona ġeografika ċirkulari madwar l-istess post. Għalhekk huwa indipendenti min-numru attwali ta’ kilometri misjuqa. It-tieni nett, il-Qorti għamlitha ċara li, meta l-vetturi jittrasportaw merkanzija mhux biss f’raġġ li ma jaqbiżx il-100 km mill-bażi tal-impriża kkonċernata, iżda wkoll lil hinn minn dan ir-raġġ, id-derogi mogħtija mill-Istati Membri huma applikabbli biss għat-trasport ta’ merkanzija mwettaq minn dawk il-vetturi li ma jseħħx lil hinn minn dan ir-raġġ. 

4.Kooperazzoni bejn l-Istati Membri

Skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/22/KE, l-Istati Membri huma meħtieġa jwettqu mill-inqas sitt kontrolli organizzati mal-ġenb tat-triq fis-sena ma’ mill-inqas Stat Membru ieħor. Il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri bbażata fuq kontrolli miftiehma, inizjattivi ta’ taħriġ konġunt jew skambji ta’ esperjenza u informazzjoni, għandha rwol kruċjali fit-tisħiħ tal-infurzar sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-leġiżlazzjoni soċjali fis-settur tat-trasport bit-triq, jiġifieri kundizzjonijiet tax-xogħol imtejba, kompetizzjoni ġusta u sikurezza mtejba fit-toroq. Il-Pakkett dwar il-Mobilità I 25 , li beda japplika kważi bis-sħiħ fil-21 ta’ Frar 2022, għandu l-għan li jippromwovi u jsaħħaħ il-kooperazzjoni u l-assistenza reċiproka bejn l-Istati Membri u li jiżgura infurzar aktar effettiv u konsistenti tar-regoli fis-seħħ. Barra minn hekk, l-Awtorità Ewropea tax-Xogħol (ELA), li ġiet stabbilita fl-2019 26 b’objettiv ġenerali li tiżgura mobilità tal-forza tax-xogħol ġusta fis-suq intern, kompliet l-attivitajiet tagħha ta’ appoġġ għall-informazzjoni, it-taħriġ u l-infurzar fil-qasam tat-trasport bit-triq fil-perjodu ta’ rapportar. Wieħed mill-kompiti ewlenin tal-ELA jikkonsisti fl-appoġġ tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fl-infurzar transfruntier u l-iffaċilitar tal-ispezzjonijiet konġunti inkluż fil-qasam tar-regoli soċjali tal-UE fis-settur tat-trasport bit-triq.

Wara l-kriżi tal-COVID-19, setgħu jseħħu azzjonijiet konġunti ta’ infurzar fl-2021-2022. Madankollu, bħal fis-snin preċedenti, mhux l-Istati Membri kollha pprovdew informazzjoni dwar l-għadd eżatt ta’ kontrolli miftiehma jew ma rrapportaw xejn dwar jekk kinux wettqu l-kontrolli miftiehma. Mit-22 Stat Membru li pprovdew informazzjoni dwar il-kontrolli, 10 Stati Membri 27 ssodisfaw l-għadd meħtieġ ta’ kontrolli miftiehma fil-perjodu ta’ rapportar.

Il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-biċċa l-kbira kienet tikkonċerna Stati Membri ġirien. Barra minn hekk, fir-rigward tal-aħħar perjodu ta’ rapportar, ħafna mill-Istati Membri indikaw li l-kooperazzjoni seħħet fil-qafas tan-Network Ewropew tal-Pulizija tat-Traffiku (ROADPOL) u l-Euro Control Route (ECR), kif ukoll l-Awtorità Ewropea tax-Xogħol (ELA). 

II. Ħarsa ġenerali lejn l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2002/15/KE

Skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2002/15/KE, l-Istati Membri huma obbligati jirrapportaw dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva kull sentejn, filwaqt li jindikaw il-fehmiet tar-rappreżentanti tal-impjegati u tal-impjegaturi fil-livell nazzjonali.

1.Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/15/KE

Id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli li jirregolaw, fost l-oħrajn, pawżi xierqa waqt il-perjodu tax-xogħol, il-ħin massimu tax-xogħol fil-ġimgħa u x-xogħol billejl. Id-dispożizzjonijiet tagħha jissupplimentaw ir-regoli dwar il-ħinijiet tas-sewqan, il-pawżi u l-perjodi ta’ mistrieħ stabbiliti bir-Regolament (KE) Nru 561/2006. Billi din id-Direttiva tistabbilixxi ċerti dispożizzjonijiet dwar is-sigħat tax-xogħol li huma speċifiċi għas-settur tat-trasport bit-triq, din hi meqjusa bħala lex specialis tad-Direttiva 2003/88/KE 28 ġenerali dwar il-ħinijiet tax-xogħol, li tistabbilixxi r-rekwiżiti bażiċi għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol tal-ħaddiema fis-setturi kollha.

2.Aspetti ta’ implimentazzjoni fl-Istati Membri

Xi Stati Membri u sħab soċjali rrapportaw xi kwistjonijiet ta’ implimentazzjoni. L-awtoritajiet Ġermaniżi rrapportaw li l-impjegaturi ma jimmonitorjawx b’mod sistematiku l-konformità mar-regoli rilevanti dwar is-saħħa u s-sikurezza applikabbli għall-ħaddiema mobbli. Hemm ukoll nuqqas ġenerali ta’ għarfien tal-leġiżlazzjoni dwar il-ħinijiet tas-sewqan u tax-xogħol fost l-impjegaturi u dwar kif dawk ir-regoli jinteraġixxu. Kif osservat, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, il-ħin tax-xogħol għall-ħaddiema mobbli normalment jiġi kkontrollat fil-kontrolli tal-leġiżlazzjoni dwar il-ħin tas-sewqan u ġeneralment ma jiġix irrispettat kompletament.

Il-Ġermanja nnotat ukoll li l-impriżi fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolamenti (KE) Nru 561/2006 u (UE) Nru 165/2014 huma fil-prinċipju soġġetti għal kontrolli aktar frekwenti minn dawk li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni oħra tas-settur tat-trasport bit-triq.

L-awtoritajiet Taljani jqisu li l-leġiżlazzjoni Ewropea għenet biex tipproteġi s-saħħa u s-sikurezza tax-xufiera u biex tarmonizza l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni bejn l-impriżi tat-trasport. Xi impriżi adottaw programmi aktar xierqa għat-tniżżil, il-ħżin u l-verifika tad-data mit-takografi diġitali. Xi spettorati tax-xogħol indikaw ukoll l-importanza li jkun hemm għodod teknoloġiċi xierqa biex jappoġġaw l-attivitajiet ta’ spezzjoni sabiex titrażżan il-problema tar-riżorsi skarsi tal-infurzar. F’dan is-sens, applikazzjoni tal-IT iddedikata użata fl-Italja wriet li kienet partikolarment utli għall-kontroll tal-attivitajiet tat-trasport bit-triq. Aspett pożittiv ieħor kien l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-ħin tax-xogħol għall-persuni li jaħdmu għal rashom.

Xi awtoritajiet irrapportaw ukoll problemi b’xi definizzjonijiet fid-Direttiva 2002/15/KE. Kif ġie rrapportat mill-Ġermanja fir-rapport preċedenti, hija meħtieġa kjarifika ulterjuri dwar kif għandhom jiġu ttrattati “l-ħinijiet ta’ stennija fir-rampa”. Instab ukoll li x-xogħol tal-ħatt spiss ma jiġix irreġistrat bħala “xogħol ieħor”, iżda bħala ħin ta’ mistrieħ. F’xi każijiet, l-impriżi għamlu distinzjoni wkoll bejn il-ħin tax-xogħol effettiv u l-ħin tax-xogħol soġġett għal remunerazzjoni, u għalhekk il-ħin ġie rreġistrat u remunerat b’rata fissa, iżda mhux bħala “xogħol ieħor”.

Fl-aħħar nett, xi awtoritajiet nazzjonali rrapportaw diffikultajiet fil-kontroll tal-ħin tax-xogħol tas-sewwieqa involuti f’tipi differenti ta’ attivitajiet ta’ trasport jew fit-twettiq ta’ operazzjonijiet ta’ trasport għal diversi impjegaturi. Xi Stati Membri rrapportaw nuqqas ta’ spetturi għall-kontroll tal-ħin tax-xogħol.

B’kuntrast għal dan, il-Litwanja infurmat li ma kien hemm l-ebda problema sinifikanti fl-eżerċizzju tal-kontrolli skont id-Direttiva 2002/15/KE.

Minkejja dawn l-osservazzjonijiet kondiviżi, għadu diffiċli li jiġu identifikati x-xejriet u l-kwistjonijiet pendenti fil-livell tal-UE minħabba l-għadd sinifikanti ta’ sottomissjonijiet mhux kompluti mill-Istati Membri u prattiki nazzjonali differenti.

3.Interpretazzjoni tad-Direttiva 2002/15/KE

Għadd żgħir ta’ Stati Membri 29 rrapportaw interpretazzjoni ġudizzjarja mill-qrati nazzjonali li interpretaw ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/15/KE fl-2021-2022.

L-Iżvezja għamlet aġġornament fuq sentenza tal-qorti f’każ relatat mad-demarkazzjoni bejn ir-responsabbiltajiet tal-Aġenzija Żvediża tat-Trasport u dawk tas-sħab soċjali meta ġew iffirmati ftehimiet kollettivi li jidderogaw minn partijiet tal-att legali nazzjonali li jittrasponi d-Direttiva 2002/15/KE 30 . L-Iżvezja infurmat ukoll li ftit tilwim legali ieħor dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2002/15/KE kien ġie solvut mill-qrati tal-prim’istanza u li ma kien hemm l-ebda deċiżjoni legali mill-qorti suprema. L-istess sitwazzjoni ġiet irrapportata mill-Estonja, li kkonfermat li, b’mod ġenerali, l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2002/15/KE ma kienet ħolqot l-ebda problema fl-2021-2022 fl-Estonja.

B’kuntrast għal dan, il-Greċja u l-Italja rrapportaw dwar sentenzi tal-qorti suprema rigward xi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/15/KE. Fil-Ġermanja, fid-digriet tiegħu tad-19 ta’ Mejju 2021, il-BAG iddeċieda dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2002/15/KE 31 .

4.Ksur tar-regoli dwar il-ħinijiet tax-xogħol

Tnax-il Stat Membru 32 biss ipprovdew xi data kwantitattiva dwar ir-reati identifikati. Dan l-għadd huwa kemxejn ogħla meta mqabbel mal-perjodu ta’ rapportar preċedenti li fih ħdax-il Stat Membru 33 pprovdew din l-informazzjoni. L-għadd insuffiċjenti ta’ kontributi ma jippermettix li tinstilet konklużjoni għall-UE kollha.

Il-Ġermanja infurmat li spiss ikun hemm ksur tal-ħin tax-xogħol massimu fil-ġimgħa jew nuqqas ta’ kumpens għall-ħin massimu ta’ xogħol fil-ġimgħa. L-aktar ksur frekwenti tal-leġiżlazzjoni rrapportat huwa dwar il-pawżi.

Xi Stati Membri indikaw li kontrolli aktar frekwenti jwasslu għal għarfien akbar tar-regoli fost l-impjegaturi u s-sewwieqa u għal korrezzjoni tal-imġiba.

5.Opinjonijiet tal-partijiet ikkonċernati dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2002/15/KE

Kif meħtieġ mill-Artikolu 13 tad-Direttiva 2002/15/KE, ħdax-il Stat Membru 34 indikaw b’mod ċar li ż-żewġ naħat tal-industrija kienu ġew ikkonsultati għall-fini ta’ dan l-eżerċizzju ta’ rapportar. Dan l-għadd huwa kemxejn ogħla meta mqabbel mal-aħħar rapport 35 , iżda xorta waħda juri li aktar minn nofs l-Istati Membri ma jinvolvux lis-sħab soċjali fir-rapportar dwar l-implimentazzjoni tar-regoli dwar il-ħin tax-xogħol. L-Awstrija spjegat li s-sħab soċjali ma ġewx ikkonsultati, iżda li l-abbozz tar-rapport annwali mhuwiex biss diskuss fil-Parlament (il-Kumitat Soċjali) iżda huwa wkoll disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit web tal-Ispettorat tax-Xogħol.

F’sebgħa mill-ħdax-il Stat Membru 36 , il-fehmiet tas-sħab soċjali ġew riflessi f’taqsima jew paragrafu separati.

L-opinjonijiet mis-sħab soċjali ma jistgħux jiġu analizzati aktar, peress li ma jikkostitwux kampjun rappreżentattiv.

III. Konklużjonijiet

L-eżitu ġenerali tal-analiżi dwar l-implimentazzjoni u l-infurzar tar-regoli soċjali tal-UE dwar it-trasport bit-triq juri li l-prestazzjoni ġenerali fir-rigward tal-livelli ta’ infurzar u konformità fl-2021–2022 baqgħet stabbli, b’xi żviluppi pożittivi, meta mqabbel mal-2019-2020.

Kien hemm żieda fl-għadd totali ta’ jiem ta’ xogħol ikkontrollati fil-perjodu ta’ rapportar attwali, li treġġa’ lura xejra ta’ tnaqqis osservata f’dawn l-aħħar snin. Madankollu, meta mqabbel mal-perjodi ta’ rapportar preċedenti, kemm l-għadd irrapportat ta’ vetturi kif ukoll l-għadd irrapportat ta’ sewwieqa kkontrollati mal-ġenb tat-triq madwar l-UE naqsu. Madankollu, ġiet osservata żieda fin-numru ta’ impriżi tat-trasport ikkontrollati fil-post tan-negozju. Fl-istess ħin, il-proporzjon tal-jiem ta’ xogħol ikkontrollati mal-ġenb tat-triq u fil-post tan-negozju huwa bbilanċjat aħjar (53 % mal-ġenb tat-triq u 47 % fil-post tan-negozju filwaqt li fl-aħħar rapport kien ta’ 60 % u 40 % rispettivament), li huwa żvilupp pożittiv li jġib il-proporzjon ta’ dawn iż-żewġ tipi ta’ kontrolli eqreb lejn ir-rekwiżiti legali.

L-għadd totali ta’ reati identifikati fil-post tan-negozju u mal-ġenb tat-triq żdied meta mqabbel mal-aħħar rapport, speċjalment fir-rigward ta’ reati identifikati fil-post tan-negozju. Ir-rata ta’ detezzjoni fil-post tan-negozju tibqa’ ogħla mir-rata ta’ detezzjoni mal-ġenb tat-triq, li tikkonferma li kontrolli mmirati fil-post tan-negozju huma aktar effiċjenti minn kontrolli għal għarrieda mal-ġenb tat-triq. Barra minn hekk, ir-rata medja ta’ detezzjoni fil-post tan-negozju żdiedet meta mqabbla mal-aħħar perjodu ta’ rapportar.

Ir-rati ta’ detezzjoni tal-ksur ivarjaw b’mod sinifikanti madwar l-UE (minn 0,08 sa 12,40). Dan il-fatt jindika li huwa imperattiv li l-kontrolli jiġu mmirati aħjar. L-aċċess għad-data, bħall-klassifikazzjoni tar-riskju, mal-ġenb tat-triq għandu importanza kbira b’mod partikolari biex il-kontrolli jiġu mmirati aħjar u biex jitnaqqsu l-kontrolli “nodfa” mhux meħtieġa, jiġifieri kontrolli li fihom ma jiġi identifikat l-ebda ksur. L-aċċess għad-data dwar il-klassifikazzjoni tar-riskju mill-ispetturi tal-ġenb tat-triq huwa obbligatorju f’konformità mar-rekwiżiti l-ġodda introdotti mill-Pakkett dwar il-Mobilità I.

Fir-rigward ta’ kontrolli miftiehma u konġunti fost l-Istati Membri, jidher ċar li dawn jikkontribwixxu għall-kondiviżjoni tal-għarfien, u għall-istabbiliment ta’ approċċ armonizzat għall-fehim u l-infurzar tar-regoli tal-UE fis-seħħ. Għalhekk, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex ikomplu jsaħħu l-isforzi tagħhom fit-titjib tal-kooperazzjoni, permezz ta’ spezzjonijiet konġunti u kontrolli miftiehma, kif ukoll biex jibbenefikaw mill-assistenza offruta mill-Awtorità Ewropea tax-Xogħol. Il-Kummissjoni se tagħti attenzjoni partikolari lill-azzjonijiet konġunti ta’ infurzar fil-perjodu li jmiss.

Is-sehem tat-tipi differenti ta’ reati għadu simili għall-aħħar perjodu ta’ rapportar. Fil-post tan-negozju, ir-reati relatati man-nuqqas ta’ rekords tal-ħin tas-sewqan jammontaw għal kważi terz tar-reati kollha identifikati, u dan jindika diffikultajiet fil-ħżin xieraq tad-data rilevanti mill-impriżi. B’kuntrast għal dan, ir-reati relatati mal-pawżi, il-perjodi ta’ mistrieħ u l-ħinijiet tas-sewqan jammontaw għal kważi nofs ir-reati kollha identifikati mal-ġenb tat-triq.

Fir-rigward tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2002/15/KE, in-nuqqas ta’ data kwantitattiva komparabbli u informazzjoni kwalitattiva f’ħafna rapporti nazzjonali jagħmilha diffiċli li ssir valutazzjoni fil-fond. Il-Kummissjoni tixtieq tisħaq fuq l-importanza ta’ dan l-eżerċizzju ta’ rapportar u tfakkar li tista’ titnieda azzjoni legali kontra l-Istati Membri li jonqsu milli jikkonformaw mar-rekwiżit li jissottomettu l-informazzjoni kif meħtieġ mill-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 561/2006. 

Il-Kummissjoni tosserva li l-livelli ġenerali ta’ infurzar u konformità, wara l-applikazzjoni tal-Pakkett dwar il-Mobilità I, tjiebu fil-perjodi ta’ rapportar attwali. Att ta’ implimentazzjoni adottat mill-Kummissjoni dwar formula armonizzata tal-klassifikazzjoni tar-riskju 37 jippermetti lill-infurzaturi jirrikonoxxu malajr il-profil tal-kumpanija li beħsiebhom jikkontrollaw u jkunu jafu jekk kumpanija għandhiex klassifikazzjoni tar-riskju baxxa (minħabba ksur ta’ livell baxx tal-liġi) jew klassifikazzjoni tar-riskju għolja (livell għoli ta’ ksur tal-liġi). Barra minn hekk, detezzjoni bikrija mill-bogħod ta’ manipulazzjoni u użu ħażin possibbli tat-takografu diġitali, tagħti lill-infurzaturi l-possibbiltà li jagħżlu liema vetturi għandhom jikkontrollaw. Il-Kummissjoni se tkompli tinvestiga kif it-teknoloġiji tad-diġitalizzazzjoni u tal-awtomatizzazzjoni jistgħu jgħinu biex il-kontrolli tal-konformità jsiru aktar intelliġenti (aktar effettivi, effiċjenti, mingħajr karti, abbażi tal-aċċess għad-data diġitali u l-iskambju tagħha).

Il-Kummissjoni tinsisti fuq l-importanza li l-Istati Membri jissottomettu settijiet sħaħ ta’ data dwar l-implimentazzjoni tar-regoli soċjali relatati mat-trasport bit-triq kif meħtieġ mill-Artikolu 13 tad-Direttiva 2002/15/KE, l-Artikolu 10g tad-Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE u l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 561/2006. Il-Kummissjoni se ssaħħaħ il-monitoraġġ tat-twettiq tal-obbligi ta’ rapportar mill-Istati Membri. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni se tesplora l-possibbiltajiet tekniċi biex tagħmel il-proċess ta’ rapportar aktar intelliġenti u aktar faċli għall-Istati Membri.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tkompli taħdem biex ittejjeb il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni u l-infurzar tar-regoli soċjali fit-trasport bit-triq bl-għajnuna tal-Istati Membri. Hija tistieden lill-Istati Membri jinkludu l-fehmiet taż-żewġ naħat tal-industrija dwar l-implimentazzjoni tar-regoli dwar il-ħin tax-xogħol, kif meħtieġ mid-Direttiva 2002/15/KE.

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 (ĠU L 102, 11.4.2006, p.1)

(2)

Id-Direttiva 2002/15/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2002 dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta’ ħaddiema li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport fit-toroq (ĠU L 80, 23.3.2002, p. 35).

(3)

Id-Direttiva 2006/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar il-kundizzjonijiet minimi għall-implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 561/2006 u Nru 165/2014 u tad-Direttiva 2002/15/KE fir-rigward tal-leġiżlazzjoni soċjali relatata ma’ attivitajiet tat-trasport bit-triq, u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 88/599/KEE (ĠU L 102, 11.4.2006, p. 35).

(4)

Ir-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Frar 2014 dwar takografi fit-trasport bit-triq, li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 dwar apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq (ĠU L 60, 28.2.2014, p. 1).

(5)

Id-Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE tal-25 ta’ Lulju 1996 li tistabbilixxi għal ċerti vetturi tat-triq li jiċċirkolaw fi ħdan il-Komunità id-dimensjonijiet massimi awtorizzati fit-traffiku nazzjonali u internazzjonali u l-piżijiet massimi awtorizzati fit-traffiku internazzjonali (ĠU L 235, 17.9.1996, p. 59).

(6)

L-Awstrija, in-Netherlands, il-Litwanja, il-Polonja u l-Iżvezja biss ipprovdew informazzjoni skont l-Artikolu 10g tad-Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE għall-perjodu 2021-2022.

(7)

L-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 jirrikjedi li kull sentejn l-Istati Membri jikkomunikaw l-informazzjoni meħtieġa biex jippermettu li l-Kummissjoni tfassal rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament u dwar l-iżviluppi li jkunu saru fl-oqsma inkwistjoni. L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2002/15/KE jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva, filwaqt li jindikaw ukoll l-opinjonijiet taż-żewġ naħat tal-industrija. Ir-rapporti dwar id-Direttiva 2002/15/KE u r-Regolament (KE) Nru 561/2006 jistgħu jiġu ppreżentati f’dokument uniku, peress li ż-żewġ atti leġiżlattivi jkopru l-istess perjodu ta’ rapportar ta’ sentejn u jistabbilixxu regoli komplementari għas-sewwieqa professjonali.

(8)

C(2017) 1927 final

(9)

L-aħħar rapport nazzjonali ġie sottomess fit-30 ta’ Mejju 2024.

(10)

Dan huwa l-każ għal-Litwanja li infurmat li d-data dwar takografi analogi u intelliġenti ma kinitx disponibbli minħabba żball tekniku. 

(11)

Bħal fil-perjodu ta’ rapportar preċedenti, il-Latvja ma pprovdietx din il-kategorizzazzjoni għal reati fil-post tan-negozju.

(12)

L-aktar data statistika dettaljata ġiet ipprovduta mir-Repubblika Ċeka, il-Finlandja, il-Greċja, il-Polonja u s-Slovenja.

(13)

Din iċ-ċifra hija bbażata fuq l-għadd ta’ jiem ta’ xogħol għal sentejn u fuq l-għadd ta’ vetturi rreġistrati fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament matul dak il-perjodu għal kull Stat Membru.

(14)

It-terminu “jiem ta’ xogħol” jintuża b’mod interkambjabbli mat-terminu “jiem maħduma” minn sewwieq fil-leġiżlazzjoni rilevanti: Ir-Regolament (KE) Nru 561/2006, id-Direttiva 2006/22/KE u d-Deċiżjoni (UE) 2017/1013.

(15)

Madankollu, Malta għadha ma laħqitx il-limitu ta’ 3 % tal-jiem ta’ xogħol ikkontrollati.

(16)

Speċjalment fl-Awstrija, fil-Bulgarija, fil-Ġermanja, fil-Portugall u fir-Rumanija.

(17)

Il-Kroazja, Ċipru, l-Estonja, il-Greċja, Malta, in-Netherlands, is-Slovakkja u l-Iżvezja. Fl-2019-2020 dawn il-pajjiżi kienu: il-Bulgarija, Ċipru, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja u s-Slovakkja.

(18)

Id-data tinkludi wkoll il-pajjiżi taż-ŻEE u l-Iżvizzera.

(19)

Il-Latvja ma pprovdietx it-tipi ta’ reati fil-kontrolli tal-post tan-negozju.

(20)

Ir-reati fir-rigward tat-tagħmir ta’ reġistrazzjoni huma relatati mal-funzjonament mhux korrett u mal-użu ħażin jew mal-manipulazzjoni tat-tagħmir ta’ reġistrazzjoni.

(21)

Prefettura Ufficio territoriale del governo di Firenze v. MI (C‑870/19), TB (C‑871/19), ECLI:EU:C:2021:233.

(22)

OL et v Rapidsped Fuvarozási és Szállítmányozási Zrt, ECLI:EU:C:2021:548.

(23)

Proċeduri kriminali kontra FO, ECLI:EU:C:2021:715.

(24)

 Pricoforest SRL vs Inspectoratul de Stat pentru Controlul în Transportul Rutier (ISCTR), ECLI:EU:C:2022:531.

(25)

  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=OJ:L:2020:249:FULL&from=FR

(26)

Ir-Regolament (UE) 2019/1149 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi Awtorità Ewropea tax-Xogħol, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 883/2004, (UE) Nru 492/2011, u (UE) 2016/589 u li jħassar id-Deċiżjoni (UE) 2016/344 (ĠU L 186, 11.7.2019, p. 21).

(27)

L-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Litwanja, in-Netherlands, is-Slovenja u r-Rumanija. 

(28)

Id-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU L 299, 18.11.2003, p.9)

(29)

Il-Greċja, l-Estonja, il-Ġermanja, l-Italja u l-Iżvezja. Id-Danimarka rrapportat li t-tilwim legali dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2002/15/KE ġie ttrattat mill-qrati tal-prim’istanza. Ma kien hemm l-ebda deċiżjoni legali mill-qorti suprema Estonjana.

(30)

Is-sentenza saret finali f’Jannar 2023 u ddikjarat li jekk kumpanija tkun marbuta bi ftehim kollettiv ċentrali li jirregola l-kwistjoni tal-ħin tax-xogħol totali u x-xogħol ta’ billejl, titqies li kienet soġġetta għal dan il-ftehim u mhux għal artikoli speċifiċi tal-Att dwar il-Ħin tax-Xogħol tat-Trasport bit-Triq.

(31)

L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2002/15/KE jippermetti lill-Istati Membri japplikaw jew jintroduċu regoli aktar favorevoli għall-protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza ta’ persuni li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport fit-toroq.

(32)

Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, il-Finlandja, Franza, il-Greċja, il-Ġermanja, l-Ungerija, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja u l-Iżvezja.

(33)

L-Awstrija, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, il-Finlandja, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Italja, il-Lussemburgu, il-Polonja, is-Slovakkja u Spanja.

(34)

Ċipru, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, il-Portugall, is-Slovakkja, is-Slovenja u l-Iżvezja.

(35)

Ċipru, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Polonja, il-Portugall, is-Slovakkja u l-Iżvezja.

(36)

Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, il-Portugall, is-Slovenja u l-Iżvezja.

(37)

 Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/695 tat-2 ta’ Mejju 2022 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2006/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-formula komuni għall-kalkolu tal-klassifikazzjoni tar-riskju tal-impriżi tat-trasport (ĠU L 129, 3.5.2022, p 33).