SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

24 ta’ Settembru 2026 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Għajnuna mill-Istat – Skemi ta’ għajnuna affavur ta’ impriżi li jikkonsmaw ħafna gass naturali jew elettriku – Dispożizzjonijiet nazzjonali li jeskludu minn dawn l-iskemi impriżi f’diffikultà fis-sens tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturar ta’ impriżi f’diffikultà minbarra stabbilimenti finanzjarji – Kunċett ta’ ‘impriża f’diffikultà’ – Sistema nazzjonali għall-amministrazzjoni straordinarja”

Fil-Kawżi magħquda C‑503/25 u C‑504/25,

li għandhom bħala suġġett żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per la Lombardia (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lombardia, l-Italja), permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑18 ta’ Lulju 2025, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑22 ta’ Lulju 2025, fil-proċeduri

Acciaierie d’Italia SpA, taħt amministrazzjoni straordinarja,

vs

Cassa per i servizi energetici e ambientali (CSEA),

fil-preżenza ta’:

Ministero delle Imprese e del Made in Italy,

Ministero dell’Ambiente e della Sicurezza energetica,

Autorità di regolazione per energia reti e ambiente (ARERA),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn J. Passer (Relatur), President tal-Awla, E. Regan u B. Smulders, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Rantos,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal Acciaierie d’Italia SpA, taħt amministrazzjoni straordinarja, minn D. Astorre, F. Cintioli u G. Lo Pinto, avvocati,

–

għall-Gvern Taljan, minn S. Fiorentino, bħala aġent, assistit minn G. Aiello, L. G. V. Delbono u F. Montanaro, avvocati dello Stato,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn I. Barcew u C. Molinari, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari jikkonċernaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE u tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi mhux finanzjarji f’diffikultà (ĠU 2014, C 249, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida Salvataġġ u Ristrutturar”).

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ numru ta’ tilwimiet bejn, minn naħa, Acciaierie d’Italia SpA (iktar ’il quddiem “ADI”), kumpannija mqiegħda taħt is-sistema Taljana ta’ “amministrazione straordinaria” (“amministrazzjoni straordinarja”), u, min-naħa l-oħra, il-Cassa per i servizi energetici e ambientali (CSEA) (il-Fond għas-Servizzi tal-Enerġija u Ambjentali, l-Italja) dwar il-fatt li ċ-CSEA ċaħad it-talbiet imressqa minn ADI sabiex jingħatalha aċċess għall-vantaġġi previsti fid-dritt nazzjonali għall-impriżi li jikkonsmaw ħafna gass naturali jew elettriku għas-sena 2025.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

It-Trattat FUE

3

L-Artikolu 107 TFUE jipprovdi:

“1.   Ħlief għad-derogi previsti fit-Trattati, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern.

[…]

3.   It-tipi ta’ għajnuna li ġejjin jistgħu jkunu kunsidrati bħala kompatibbli mas-suq intern:

[…]

c)

għajnuna maħsuba sabiex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew ta’ ċerti reġjuni ekonomiċi, basta dik l-għajnuna ma tfixkilx il-kondizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni,

[…]”

Il-Linji Gwida Salvataġġ u Ristrutturar

4

Il-punti 1, 20 u 23 tal-Linji Gwida Salvataġġ u Ristrutturar jipprovdu:

“1.

F’dawn il-linji gwida, il-Kummissjoni [Ewropea] tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li skonthom l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi mhux finanzjarji f’diffikultà tista’ tiġi kkunsidrata kumpatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(3)(c) [TFUE].

[…]

20.

Għall-finijiet ta’ dawn il-linji gwida, impriża tkun ikkunsidrata li hija f’diffikultà meta, mingħajr l-intervent tal-Istat, tkun kważi ċertament ikkundannata li tagħlaq l-operat tagħha fit-terminu taż-żmien qasir jew medju. Għaldaqstant, impriża tkun ikkunsidrata li qiegħda f’diffikultà jekk ikun hemm tal-inqas waħda minn dawn iċ-ċirkostanzi:

[…]

c)

Meta l-impriża tkun suġġetta għal proċedimenti kollettivi ta’ insolvenza jew tkun tissodisfa l-kriterji skont il-liġi domestika tagħha biex titqiegħed fi proċedimenti kollettivi ta’ insolvenza fuq talba tal-kredituri tagħha.

[…]

[…]

23.

Minħabba li l-eżistenza nnifisha tal-impriża tkun ipperikolata, impriża f’diffikultà ma tistax tkun ikkunsidrata bħala mezz adattat għall-promozzjoni ta’ objettivi oħrajn ta’ politika pubblika, sakemm il-vijabbiltà tagħha tiġi żgurata. Konsegwentement, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-għajnuna għall-impriżi f’diffikultà tista’ tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ attivitajiet ekonomiċi mingħajr ma taffettwa ħażin il-kummerċ sal-punt li jmur kontra l-interess komuni, dejjem jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dawn il-linji gwida jiġu ssodisfati, anki jekk din l-għajnuna tingħata skont skema li diġà tkun ġiet awtorizzata.”

Il-Linji Gwida Ambjent u Enerġija

5

Il-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014-2020 (ĠU 2014, C 200, p. 1), iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida Ambjent u Enerġija”), jipprevedu, fil-punt 16 tagħhom:

“Għajnuna […] għall-enerġija tista’ ma tingħatax lil ditti [impriżi] f’diffikultajiet, hekk kif definit għall-iskopijiet ta’ dawn il-Linji Gwida mil-[Linji Gwida Salvataġġ u Ristrutturar].”

Il-Linji Gwida Klima, Ambjent u Enerġija

6

Il-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-klima, għall-ħarsien tal-ambjent u għall-enerġija 2022 (ĠU 2022, C 80, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida Klima, Ambjent u Enerġija”), li ssostitwixxew il-Linji Gwida Ambjent u Enerġija, jipprevedu, fil-punt 14 tagħhom:

“L-għajnuna […] għall-enerġija ma tridx [tistax] tingħata lil impriżi f’diffikultà kif definit fil-[Linji Gwida Salvataġġ u Ristrutturar].”

Id-dritt Taljan

Id-dispożizzjonijiet dwar l-amministrazzjoni straordinarja

– Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 270/1999

7

Id-decreto legislativo n. 270 – Nuova disciplina dell’amministrazione straordinaria delle grandi imprese in stato di insolvenza, a norma dell’articolo 1 della legge 30 luglio 1998, n. 274 (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 270 dwar is-sistema l-ġdida ta’ amministrazzjoni straordinarja ta’ impriżi kbar fi stat ta’ insolvenza skont l-Artikolu 1 tal-Liġi Nru 274 tat‑30 ta’ Lulju 1998) tat‑8 ta’ Lulju 1999 (GURI Nru 185 tad‑9 ta’ Awwissu 1999, p. 11) (iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 270/1999”), jipprovdi, fl-Artikolu 1 tiegħu, intitolat “Natura u skop tal-amministrazzjoni straordinarja”:

“L-amministrazzjoni straordinarja hija l-proċedura kollettiva li tapplika għall-impriżi kummerċjali kbar fi stat ta’ insolvenza, li l-għan tagħha huwa li tippreżerva l-patrimonju produttiv billi jitkomplew, jerġgħu jitqajmu jew jiġu kkonvertiti l-attivitajiet imprenditorjali.”

8

L-Artikolu 2 ta’ dan id-digriet leġiżlattiv, intitolat “Impriżi suġġetti għall-amministrazzjoni straordinarja”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Jistgħu jitqiegħdu taħt amministrazzjoni straordinarja, fil-kundizzjonijiet u skont il-proċeduri previsti f’dan id-digriet, l-impriżi […] suġġetti għad-dispożizzjonijiet dwar il-falliment li jkunu jissodisfaw il-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin:

(a)

ikunu jħaddmu […] mhux inqas minn mitejn ruħ […]

(b)

ikollhom dejn pendenti li jammonta għal mhux inqas minn żewġ terzi tat-total tal-assi fil-karta tal-bilanċ kif ukoll tad-dħul […] tal-aħħar sena finanzjarja.

[…]”

9

L-Artikolu 3 tal-imsemmi digriet leġiżlattiv, intitolat “Konstatazzjoni tal-istat ta’ insolvenza”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Jekk impriża li tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 2 tkun tinsab fi stat ta’ insolvenza, il-qorti [li jkollha ġuriżdizzjoni], li tkun qiegħda tiddeċiedi għal talba tal-impriża, ta’ kreditur wieħed jew iktar, tal-prosekutur pubbliku jew ex officio, għandha tiddikjara dan l-istat permezz ta’ sentenza in camera.

[…]”

10

L-Artikolu 27 tal-istess digriet leġiżlattiv, intitolat “Kundizzjonijiet għall-ammissjoni għall-proċedura”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-impriżi ddikjarati insolventi taħt l-Artikolu 3 għandhom jiġu ammessi għall-proċedura ta’ amministrazzjoni straordinarja meta jippreżentaw prospetti konkreti li jirripristinaw l-ekwilibriju ekonomiku tal-attivitajiet tagħhom.

2.   Dan ir-riżultat għandu jkun jista’ jinkiseb:

(a)

jew permezz ta’ pjan ta’ bejgħ innegozjat ta’ partijiet mill-impriża […];

(b)

jew permezz ta’ proċedura ta’ ristrutturar ekonomiku u finanzjarju tal-impriża […];

[…]”

– Id-Digriet Liġi Nru 347/2003

11

Id-decreto-legge n. 347 – Misure urgenti per la ristrutturazione industriale di grandi imprese in stato di insolvenza (id-Digriet Liġi Nru 347 dwar miżuri urġenti għar-ristrutturar industrijali ta’ impriżi kbar fi stat ta’ insolvenza), tat‑23 ta’ Diċembru 2003 (GURI Nru 298 tal‑24 ta’ Diċembru 2003, p. 4) (iktar ’il quddiem id-“Digriet Liġi Nru 347/2003”), ikkonvertit f’liġi, wara emendi, bil-legge n. 39. Conversione in legge, con modificazioni, del decreto-legge 23 dicembre 2003, n. 347 (il-Liġi Nru 39 li tikkonverti f’liġi, wara emendi, id-[Digriet Liġi tat‑23 ta’ Diċembru 2003, Nru 347) tat‑18 ta’ Frar 2004 (GURI Nru 42 tal‑20 ta’ Frar 2004, p. 5), tipprovdi, fl-Artikolu 1 tagħha, intitolat “Kundizzjonijiet ta’ ammissjoni”:

“1.   Id-dispożizzjonijiet ta’ dan id-[digriet liġi] japplikaw għall-impriżi fi stat ta’ insolvenza suġġetti għad-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-falliment, li jkollhom il-ħsieb li jirrikorru għall-proċedura […] imsemmija fl-Artikolu 27(2)(b) tad-[Digriet Leġiżlattiv Nru 270/1999], jew għall-pjan […] imsemmi fl-Artikolu 27(2)(a) tal-imsemmi [digriet leġiżlattiv], kemm‑il darba jkunu jissodisfaw […] iż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin:

(a)

ikunu jħaddmu […] tal-inqas 500 ruħ […];

(b)

ikollhom dejn pendenti […] li jammonta għal, tal-inqas, EUR 300 miljun.”

12

L-Artikolu 2 ta’ dan id-digriet liġi, intitolat “Ammissjoni immedjata għall-amministrazzjoni straordinarja”, jipprovdi:

“1.   Il-kumpannija li tissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tista’ titlob […], billi tippreżenta fl-istess ħin rikors għal dikjarazzjoni ta’ insolvenza quddiem il-qorti b’ġuriżdizzjoni […], l-ammissjoni tagħha għall-proċedura ta’ amministrazzjoni straordinarja, permezz tar-ristrutturar […] imsemmi fl-Artikolu 27(2)(b) tad-[Digriet Leġiżlattiv Nru 270/1999], jew permezz tat-trasferiment […] imsemmi fl-Artikolu 27(2)(a) [ta’ dan id-digriet leġiżlattiv].

2.   Permezz ta’ digriet, il-Ministru għall-Attivitajiet ta’ Produzzjoni, wara li jkun evalwa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1, għandu jammetti minnufih l-impriża għall-proċedura ta’ amministrazzjoni straordinarja […]. Għall-impriżi […] li jiġġestixxu […] stabbiliment industrijali ta’ interess strateġiku nazzjonali […], l-ammissjoni […] [għandha ssir] permezz ta’ digriet tal-President tal-Kunsill tal-Ministri jew tal-Ministri jew tal-Ministru għall-Iżvilupp Ekonomiku […]

[…]”

13

L-Artikolu 4(1) tal-istess digriet liġi jipprovdi:

“Permezz ta’ sentenza ppubblikata fi żmien ħmistax‑il jum min-notifika tad-digriet imsemmi fl-Artikolu 2(2), […] il-qorti għandha tiddikjara l-istat ta’ insolvenza tal-impriża. […]”

Id-dispożizzjonijiet li japplikaw għall-impriżi li jikkonsmaw ħafna gass naturali

– Il-Liġi Nru 167/2017

14

Il-legge n. 167 – Disposizioni per l’adempimento degli obblighi derivanti dall’appartenenza dell’Italia all’Unione europea – Legge europea 2017 (il-Liġi Nru 167 dwar dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-obbligi li jirriżultaw mis-sħubija tal-Italja fl-Unjoni Ewropea – Liġi Ewropea 2017) tal‑20 ta’ Novembru 2017 (GURI Nru 277 tas‑27 ta’ Novembru 2017, p. 1) (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 167/2017”), tipprevedi, fl-Artikolu 21 tagħha:

“1.   Sabiex tkun tista’ ssir, b’mod konformi mal-kriterji stabbiliti fil-[Linji Gwida Ambjent u Enerġija], ir-reviżjoni tal-applikazzjoni għas-settur industrijali tal-ammonti maħsuba sabiex ikopru l-ispejjeż ġenerali tas-sistema tal-gass, għall-finijiet tal-finanzjament ta’ miżuri li l-iskop tagħhom huwa li jintlaħqu l-għanijiet komuni fil-qasam tad-dekarbonizzazzjoni, il-Ministru għall-Iżvilupp Ekonomiku għandu jiddetermina, permezz ta’ digriet, […] l-impriżi li jikkonsmaw ħafna gass naturali, abbażi ta’ rekwiżiti u ta’ parametri relatati mal-livelli minimi ta’ konsum, mal-impatt tal-ispiża tal-gass naturali fuq il-valur tal-attività kummerċjali u mal-espożizzjoni tal-impriżi għall-kompetizzjoni internazzjonali. L-impriżi li jitolbu dan għandhom, wara verifika […], jiġu inklużi f’lista speċifika ta’ impriżi li jikkonsmaw ħafna gass naturali.

2.   Fi żmien mija u għoxrin jum mid-data li fiha jiġi ppubblikat id-digriet imsemmi fil-paragrafu 1, […] l-[Autorità per l’energia elettrica, il gas et sistema idrico (l-Awtorità għall-Elettriku, il-Gass u n-Network tal-Ilma)] għandha tiddefinixxi mill-ġdid l-ammonti maħsuba sabiex ikopru l-ispejjeż ġenerali tas-sistema tal-gass […] billi tieħu inkunsiderazzjoni d-definizzjoni tal-impriżi li jikkonsmaw ħafna gass naturali msemmija fil-paragrafu 1, b’osservanza tar-rekwiżiti u tal-limiti stabbiliti fil-[Linji Gwida Ambjent u Enerġija] […]”

– Id-Digriet Ministerjali Nru 541/2021

15

Id-Decreto del Ministro della Transizione ecologica n. 541 (id-Digriet tal-Ministeru għat-Tranżizzjoni Ekoloġika Nru 541) tal‑21 ta’ Diċembru 2021 (iktar ’il quddiem id-“Digriet Ministerjali Nru 541/2021”) għandu, skont l-Artikolu 1 tiegħu, l-għan li jistabbilixxi skema ta’ għajnuna skont l-Artikolu 44 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas‑17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (ĠU 2014, L 187, p. 1, rettifika fil-ĠU 2023, L 137, p. 71), permezz tar-reviżjoni, b’effett mill‑1 ta’ April 2022, tal-ammonti maħsuba sabiex ikopru l-ispejjeż ġenerali tas-sistema tal-gass applikati għall-impriżi li jikkonsmaw ħafna gass naturali, għall-finijiet tal-finanzjament ta’ miżuri li l-iskop tagħhom huwa li jintlaħqu għanijiet komuni fil-qasam tad-dekarbonizzazzjoni.

16

L-Artikolu 1 ta’ dan id-digriet ministerjali, li jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, l-għoti ta’ vantaġġi lill-impriżi li jikkonsmaw ħafna gass naturali, jipprovdi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“L-impriżi f’diffikultà fis-sens tal-[Linji Gwida Salvataġġ u Ristrutturar] ma għandhomx dritt għat-tnaqqis imsemmi fil-paragrafu 1.”

Id-dispożizzjonijiet li japplikaw għall-impriżi li jikkonsmaw ħafna elettriku

17

Id-decreto-legge no 131 – Misure urgenti in materia di energia, interventi per sostenere il potere di acquisto e a tutela del risparmio (id-Digriet Liġi Nru 131 dwar miżuri urġenti fil-qasam tal-enerġija, kif ukoll interventi li jsostnu l-kapaċità għall-infiq u li jipproteġu t-tfaddil) tad‑29 ta’ Settembru 2023 (GURI Nru 228 tad‑29 ta’ Settembru 2023, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Digriet Liġi Nru 131/2023”), ikkonvertit f’liġi, wara emendi, permezz tal-legge n. 169 – Conversione in legge, con modificazioni, del decreto-legge 29 settembre 2023, n. 131 (il-Liġi Nru 169 li tikkonverti, wara emendi, id-Digriet Liġi tad‑29 ta’ Settembru 2023, Nru 131) tas‑27 ta’ Novembru 2023 (GURI Nru 278 tat‑28 ta’ Novembru 2023, p. 1), ġie adottat, b’mod partikolari, sabiex jallinja l-leġiżlazzjoni nazzjonali mal-Linji Gwida Klima, Ambjent u Enerġija.

18

L-Artikolu 3 ta’ dan id-digriet liġi, li jipprevedi, fil-paragrafi 1, 2 u 4 tiegħu, l-għoti ta’ vantaġġi lill-impriżi li jikkonsmaw ħafna elettriku, jipprovdi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“L-impriżi f’diffikultà fis-sens tal-[Linji Gwida Salvataġġ u Ristrutturar] ma għandhomx dritt għat-tnaqqis imsemmi f’dan l-artikolu.”

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

19

ADI, kumpannija li tmexxi l-grupp prinċipali li jopera fl-industrija tal-azzar fl-Italja, tqiegħdet taħt amministrazzjoni straordinarja skont id-Digriet Liġi Nru 347/2003 u ġiet iddikjarata fi stat ta’ insolvenza permezz ta’ sentenza tat-Tribunale fallimentare di Milano (il-Qorti tal-Fallimenti ta’ Milano, l-Italja) tad‑29 ta’ Frar 2024. Permezz ta’ żewġ talbiet imressqa quddiem iċ-CSEA fl‑14 ta’ Novembru 2024, hija talbet li tiġi inkluża fil-lista tal-impriżi li jikkonsmaw ħafna elettriku kif ukoll f’dik tal-impriżi li jikkonsmaw ħafna gass għas-sena 2025, sabiex tkun tista’ tibbenefika, kif kien il-każ fis-snin ta’ qabel, mit-tnaqqis previst, għal tal-ewwel, fl-Artikolu 3 tad-Digriet Liġi Nru 131/2023, kif ukoll, għal tat-tieni, fid-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 21(1) tal-Liġi Nru 167/2017 u tal-Artikolu 3(1) tad-Digriet Ministerjali Nru 541/2021.

20

Fit‑2 ta’ Diċembru 2024, iċ-CSEA nnotifika lil ADI żewġ avviżi preliminari li jiċħdu t-talbiet tagħha, li permezz tagħhom huwa indika li din tal-aħħar kellha tiġi kklassifikata bħala “impriża f’diffikultà”, fis-sens tal-punt 20(c) tal-Linji Gwida Salvataġġ u Ristrutturar, billi kienet tqiegħdet taħt amministrazzjoni straordinarja.

21

ADI ppreżentat osservazzjonijiet dwar dawn l-avviżi preliminari. Permezz ta’ żewġ deċiżjonijiet tas‑17 ta’ Diċembru 2024, iċ-CSEA, abbażi tal-istess motiv, ċaħad formalment it-talbiet għal inklużjoni mressqa minn ADI.

22

ADI adixxiet lit-Tribunale amministrativo regionale per la Lombardia (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lombardia, l-Italja), li hija l-qorti tar-rinviju, b’żewġ rikorsi għall-annullament ta’ dawn id-deċiżjonijiet kif ukoll tal-atti preliminari tagħhom. Hija sostniet, essenzjalment, li impriża taħt amministrazzjoni straordinarja ma tistax titqies bħala impriża f’diffikultà fis-sens tal-punt 20 tal-Linji Gwida Salvataġġ u Ristrutturar, peress li tali impriża kienet ġiet ammessa għal proċedura ta’ insolvenza li l-għan speċifiku tagħha huwa li jitkomplew, jitqajmu mill-ġdid jew jiġu kkonvertiti l-attivitajiet tagħha.

23

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-kunċett ta’ “impriża f’diffikultà”, fis-sens tal-Linji Gwida Salvataġġ u Ristrutturar, ikopri l-impriżi li, mingħajr intervent mill-Istat, ikunu, bla dubju ta’ xejn, imġiegħla jieqfu joperaw fi żmien qasir jew medju u, għalhekk, ma jkunux jistgħu jitqiesu bħala strument xieraq għall-promozzjoni tal-għanijiet li jfittxu li jilħqu politiki pubbliċi oħra sakemm ma tiġix irripristinata l-profittabbiltà tagħhom. Hija għandha dubju jekk impriża mqiegħda taħt amministrazzjoni straordinarja, skont is-sistema prevista fil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, taqax fl-iskop ta’ dan il-kunċett. Hija tenfasizza li din is-sistema tfittex li tippreżerva l-kontinwità tal-impriża u li tippermetti l-irkupru tagħha sabiex jiġi evitat li din ikollha tieqaf topera.

24

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-Tribunale amministrativo regionale per la Lombardia (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lombardia) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-Kawża C‑503/25, id-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 107(3)(ċ) TFUE u l-[Linji Gwida Salvataġġ u Ristrutturar], meta interpretati korrettament, jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik li tipprevedi l-esklużjoni tal-impriżi f’amministrazzjoni straordinarja skont l-Artikolu 2 tad-[Digriet Liġi Nru 347 tal-2003], tal-aċċess għall-għajnuna prevista għall-impriżi b’konsum għoli ta’ gass naturali skont id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 21 tal-[Liġi Nru 167 tal-2017] u tal-Artikolu 1(3) tad-[Digriet Ministerjali Nru 541/2021]?”

25

Abbażi tal-istess motivi bħal dawk imsemmija fil-punt 23 ta’ din is-sentenza, it-Tribunale amministrativo regionale per la Lombardia (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lombardia) iddeċidiet ukoll li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-Kawża C‑504/25, id-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 107(3)(ċ) TFUE u l-[Linji Gwida Salvataġġ u Ristrutturar], meta interpretati korrettament, jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik li tipprevedi l-esklużjoni tal-impriżi f’amministrazzjoni straordinarja skont l-Artikolu 2 tad-[Digriet Liġi Nru 347/2003], tal-aċċess għall-għajnuna prevista għall-impriżi b’konsum għoli ta’ enerġija elettrika skont l-Artikolu 3 tad-[Digriet Liġi Nru 131/2023]?”

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

26

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑22 ta’ Awwissu 2025, il-Kawżi C‑503/25 u C‑504/25 ingħaqdu għall-finijiet tal-fażi bil-miktub u tal-fażi orali tal-proċedura, kif ukoll tas-sentenza.

Fuq l-ammissibbiltà tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari

27

Il-Gvern Taljan isostni, essenzjalment, li t-talbiet għal deċiżjoni preliminari huma inammissibbli minħabba, minn naħa, li ma jagħtux raġunijiet xierqa li jiġġustifikaw l-intervent tal-Qorti tal-Ġustizzja u, min-naħa l-oħra, li dawn jikkonċernaw kwistjonijiet tad-dritt intern.

28

Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali adita bit-tilwima u li għandha terfa’ r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tittieħed iktar ’il quddiem, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, kemm‑il darba d-domandi magħmula jkunu jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2026, Centro Petroli Roma – II, C‑386/24, EU:C:2026:471, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

Dan ifisser li d-domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali biss meta jkun jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha ebda rabta mal-fatti jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun waħda ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tat‑30 ta’ April 2026, Kotaňák,C‑748/24, EU:C:2026:358, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

F’dan il-każ, mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li l-kawżi prinċipali jikkonċernaw l-applikazzjoni għal impriża mqiegħda taħt amministrazzjoni straordinarja, fis-sens tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Taljan tal-proċeduri kollettivi, tal-esklużjoni – li tapplika għall-impriżi f’diffikultà – tal-aċċess għall-vantaġġi previsti affavur ta’ impriżi li jikkonsmaw ħafna gass naturali jew elettriku, taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti. F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-punt 23 ta’ din is-sentenza, il-qorti, wara li rrilevat li l-imsemmija leġiżlazzjoni tirreferi għall-kunċett ta’ “impriża f’diffikultà” fis-sens tal-Linji Gwida Salvataġġ u Ristrutturar, fissret ir-raġunijiet li wassluha sabiex tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE u tal-Linji Gwida Salvataġġ u Ristrutturar.

31

B’hekk, ma huwiex ċar li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba għal deċiżjoni preliminari ma għandha ebda rabta mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali. It-talbiet għal deċiżjoni preliminari ma jikkonċernawx kwistjonijiet ta’ dritt purament interni u jagħtu raġunijiet xierqa li jiġġustifikaw risposta mill-Qorti tal-Ġustizzja.

32

Konsegwentement, it-talbiet għal deċiżjoni preliminari huma ammissibbli.

Fuq id-domandi preliminari

33

Permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 107(3)(c) TFUE, moqri flimkien mal-Linji Gwida Salvataġġ u Ristrutturar, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi impriżi mqiegħda taħt is-sistema ta’ amministrazzjoni straordinarja mill-aċċess għall-vantaġġi previsti fid-dritt nazzjonali affavur ta’ impriżi li jikkonsmaw ħafna gass naturali jew elettriku minħabba li jaqgħu fl-iskop tal-kunċett ta’ “impriża f’diffikultà”, fis-sens tal-punt 20 ta’ dawn il-Linji Gwida Salvataġġ u Ristrutturar.

34

L-Artikolu 107(1) TFUE jistabbilixxi l-prinċipju ta’ inkompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat mas-suq intern, suġġett għad-derogi previsti fit-Trattati. Fost dawn id-derogi, dik prevista fil-paragrafu 3(c) ta’ dan l-artikolu tkopri l-għajnuna maħsuba sabiex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew ta’ ċerti reġjuni ekonomiċi, u dan kemm‑il darba din l-għajnuna ma tkunx taffettwa ħażin il-kundizzjonijiet tal-kummerċ b’mod li jmur kontra l-interess komuni.

35

Bl-adozzjoni tal-Linji Gwida Salvataġġ u Ristrutturar, il-Kummissjoni tillimita lilha nnifisha fl-eżerċizzju tas-setgħa tagħha li tevalwa l-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE. Fil-fatt, il-Linji Gwida Salvataġġ u Ristrutturar jiddefinixxu l-kundizzjonijiet li fihom l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturar ta’ impriżi f’diffikultà minbarra stabbilimenti finanzjarji jistgħu jitqiesu bħala kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE. Għalhekk, fil-prinċipju, il-Kummissjoni ma tistax titbiegħed minn dawn ir-regoli mingħajr ma tiġi ssanzjonata, fejn meħtieġ, għal ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħalma huma l-ugwaljanza fit-trattament jew il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punt 211). F’dan is-sens, il-Linji Gwida Salvataġġ u Ristrutturar jagħmlu parti mill-kuntest ġuridiku li għandha tinterpreta l-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti risposta għad-domandi tal-qorti tar-rinviju.

36

Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix a priori leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-aċċess għall-għajnuna mill-Istat għal kundizzjonijiet iktar stretti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑30 ta’ Mejju 2018, Yanchev,C‑481/17, EU:C:2018:352, punti 22 sa 24).

37

F’dan il-każ, sa fejn għandhom x’jaqsmu l-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-vantaġġi previsti fid-dritt nazzjonali affavur ta’ impriżi li jikkonsmaw ħafna gass naturali jew elettriku, mil-leġiżlazzjoni rilevanti, kif ippreżentata mill-qorti tar-rinviju, jirriżulta li din teskludi b’mod espliċitu lill-impriżi f’diffikultà, fis-sens tal-Linji Gwida Salvataġġ u Ristrutturar, mill-aċċess għall-imsemmija vantaġġi, b’mod partikolari, fl-Artikolu 1(3) tad-Digriet Ministerjali Nru 541/2021, fil-qasam tal-gass naturali, kif ukoll fl-Artikolu 3(3) tad-Digriet Liġi Nru 131/2023, fil-qasam tal-elettriku.

38

Permezz ta’ dawn l-esklużjonijiet, ir-Repubblika Taljana ma pprevedietx kundizzjonijiet ta’ aċċess iktar stretti minn dawk meħtieġa mid-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, iżda sempliċement allinjat il-leġiżlazzjoni tagħha fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat għall-enerġija mar-rekwiżiti fil-Linji Gwida Ambjent u Enerġija, u sussegwentement fil-Linji Gwida Klima, Ambjent u Enerġija li ssostitwixxewhom, linji gwida li l-punti 16 u 14 tagħhom, rispettivament, essenzjalment ifissru l-pożizzjoni tal-Kummissjoni li tali għajnuna ma tistax tingħata lill-“impriżi f’diffikultà” fis-sens tal-Linji Gwida Salvataġġ u Ristrutturar.

39

Fejn jidħol il-kunċett ta’ “impriża f’diffikultà” fis-sens tal-Linji Gwida Salvataġġ u Ristrutturar, il-punt 20 ta’ dawn il-linji gwida jfisser li impriża taqa’ fl-iskop ta’ dan il-kunċett meta jkun prattikament ċert li, fin-nuqqas ta’ intervent mill-Istat, hija ser tkun imġiegħla tieqaf topera fi żmien qasir jew medju, u dan ikun, b’mod partikolari, il-każ, skont il-kliem tal-punt (c) tiegħu, “[m]eta l-impriża tkun suġġetta għal proċedimenti kollettivi ta’ insolvenza jew tkun tissodisfa l-kriterji skont il-liġi domestika tagħha biex titqiegħed fi proċedimenti kollettivi ta’ insolvenza fuq talba tal-kredituri tagħha.”

40

Minn dan jirriżulta li impriża li titqiegħed taħt sistema ta’ amministrazzjoni straordinarja, bħal dik prevista fil-leġiżlazzjoni Taljana inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandha titqies li taqa’ fl-iskop tal-kunċett ta’ “impriża f’diffikultà”, fis-sens tal-punt 20 tal-Linji Gwida Salvataġġ u Ristrutturar. Fil-fatt, din is-sistema tikkostitwixxi, skont il-kliem stess tal-Artikolu 1 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 270/1999, “proċedura kollettiva” li tapplika għal “impriżi fi stat ta’ insolvenza” u, barra minn hekk, ammissjoni għall-imsemmija sistema jidher, fid-dawl tal-Artikoli 3 u 27 tal-istess digriet leġiżlattiv, kif ukoll tal-Artikoli 1, 2 u 4 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 347/2003 – li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dan – li hija suġġetta għall-konstatazzjoni minn qabel, permezz ta’ deċiżjoni mogħtija mill-qorti b’ġuriżdizzjoni, li l-impriża kkonċernata tinsab fi stat ta’ insolvenza.

41

Huwa irrilevanti, f’dan ir-rigward, li s-sistema ta’ amministrazzjoni straordinarja inkwistjoni fil-kawża prinċipali tfittex li tilħaq l-għan li jiġi żgurat li l-impriża kkonċernata terġa’ ssir vijabbli. Fil-fatt, l-għan tal-Linji Gwida Salvataġġ u Ristrutturar innifishom huwa, kif jesprimu t-titolu tagħhom u l-punt 1 tagħhom, li jippermettu, sa fejn possibbli fil-kuntest tal-Artikolu 107 TFUE, is-“salvataġġ u r-ristrutturar” tal-impriżi f’diffikultà u, għalhekk, ir-ripristinu tal-vijabbiltà ekonomika tagħhom. Għalhekk, il-fatt li l-proċeduri kollettivi ta’ insolvenza previsti fid-drittijiet tal-Istati Membri jfittxu li jilħqu għan li tiġi rripristinata l-vijabbiltà ekonomika tal-impriżi suġġetti għal dawn il-proċeduri b’ebda mod ma jikkontesta l-fatt li dawn l-impriżi jaqgħu fl-iskop tal-kunċett ta’ “impriża f’diffikultà” fis-sens tal-punt 20 tal-Linji Gwida Salvataġġ u Ristrutturar.

42

Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-amministrazzjoni straordinarja hija espliċitament ikklassifikata bħala “proċedura ta’ insolvenza” fl-Anness A tar-Regolament (UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 2015 dwar proċedimenti ta’ insolvenza (ĠU 2015, C 141, p. 19, rettifiki fil-ĠU 2016, L 349, p. 9 u fil-ĠU L, 2026/90283).

43

L-interpretazzjoni fil-punt 40 ta’ din is-sentenza lanqas ma hija kkontestata mill-argument ta’ ADI u tal-Gvern Taljan li, essenzjalment, huwa illoġiku li impriża f’diffikultà li tibbenefika minn sistema protettiva għar-ripristinu tal-vijabbiltà ekonomika tagħha, f’dan il-każ is-sistema ta’ amministrazzjoni straordinarja, tista’ ssib ruħha, minħabba dan il-fatt biss, imċaħħda minn ċerta għajnuna li hija kienet tibbenefika minnha qabel, f’dan il-każ il-vantaġġi mogħtija lill-impriżi li jikkonsmaw ħafna gass naturali jew elettriku, hekk li jżidu jitgħarrqu d-diffikultajiet finanzjarji li hija tkun qiegħda tħabbat wiċċha magħhom. Fil-fatt, dan l-argument huwa bbażat fuq nuqqas ta’ ftehim, billi, fl-aħħar mill-aħħar, jekwipara l-għajnuna għall-enerġija inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma’ għajnuna għar-ristrutturar u għas-salvataġġ. Issa, kif jirriżulta mill-punt 23 tal-Linji Gwida Salvataġġ u Ristrutturar, impriża f’diffikultà ma tistax titqies bħala strument xieraq li jgħin sabiex jintlaħqu għanijiet li jaqgħu fl-iskop ta’ politiki pubbliċi oħra, sakemm ma tiġix żgurata l-vijabbiltà tagħha. Huwa għalhekk li l-Kummissjoni, f’dan il-punt 23, tfisser li l-għajnuna lil impriżi f’diffikultà tista’ tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ attivitajiet ekonomiċi mingħajr ma tbiddel il-kundizzjonijiet tal-kummerċ b’mod li jmur kontra l-interess komuni biss jekk ikunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dawn il-linji gwida.

44

Is-sentenza tat‑28 ta’ April 2022, Federatie Nederlandse Vakbeweging (Proċedura ta’ pre-pack) (C‑237/20, EU:C:2022:321), invokata mill-Gvern Taljan, lanqas ma tista’ tikkontesta din l-interpretazzjoni. Fil-fatt, id-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE tat‑12 ta’ Marzu 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 98), li hija s-suġġett tal-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dik is-sentenza, tfittex li tilħaq għanijiet li ma għandhom ebda rabta ma’ dawk li jfittex li jilħaq id-dritt tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

45

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha premessi, ir-risposta għad-domanda magħmula f’kull waħda mill-kawżi magħquda għandha tkun li l-Artikolu 107(3)(c) TFUE, moqri flimkien mal-Linji Gwida Salvataġġ u Ristrutturar, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi impriżi mqiegħda taħt is-sistema ta’ amministrazzjoni straordinarja mill-aċċess għall-vantaġġi previsti fid-dritt nazzjonali affavur ta’ impriżi li jikkonsmaw ħafna gass naturali jew elettriku minħabba li jaqgħu fl-iskop tal-kunċett ta’ “impriża f’diffikultà”, fis-sens tal-punt 20 ta’ dawn il-Linji Gwida Salvataġġ u Ristrutturar, kemm‑il darba l-ammissjoni għal din is-sistema tkun suġġetta għall-istat ta’ insolvenza ta’ dawn l-impriżi.

Fuq l-ispejjeż

46

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 107(3)(c) TFUE, moqri flimkien mal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi f’diffikultà minbarra l-istabbilimenti finanzjarji,

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi impriżi mqiegħda taħt amministrazzjoni straordinarja mill-aċċess għall-benefiċċji previsti fil-liġi nazzjonali affavur ta’ impriżi li jikkonsmaw ħafna gass naturali jew elettriku, minħabba li jaqgħu fl-iskop tal-kunċett ta’ “impriża f’diffikultà”, fis-sens tal-punt 20 ta’ dawn il-linji gwida, kemm‑il darba l-aċċess għal din is-sistema jkun suġġett għall-istat ta’ insolvenza ta’ dawn l-impriżi.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.