IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 9.7.2025
COM(2025) 394 final
2025/0212(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar l-adozzjoni ta’ deċiżjoni biex tingħata deroga tad-WTO li tippermetti lill-Istati Uniti jipprovdu trattament mingħajr dazju skont l-Att tal-Istati Uniti dwar l-Irkupru Ekonomiku tal-Baċir tal-Karibew (CBERA)
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.Suġġett tal-proposta
Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO, World Trade Organization) b’rabta mal-adozzjoni prevista ta’ deċiżjoni biex tingħata deroga tad-WTO li tippermetti lill-Istati Uniti jipprovdu trattament mingħajr dazju għal prodotti eliġibbli li joriġinaw minn pajjiżi u territorji benefiċjarji tal-Amerka Ċentrali u tal-Karibew deżinjati skont id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar l-Irkupru Ekonomiku tal-Baċir tal-Karibew tal-1983, kif emendat mill-Att dwar l-Espansjoni tal-Irkupru Ekonomiku tal-Baċir tal-Karibew tal-1990 (CBERA, Caribbean Basin Economic Recovery Expansion Act) sat-30 ta’ Settembru 2030.
2.Kuntest tal-proposta
2.1.Il-Ftehim ta’ Marrakesh li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ
Il-Ftehim ta' Marrakesh li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (“il-Ftehim tad-WTO”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1995.
L-Unjoni Ewropea hija parti fil-Ftehim.
2.2.Konferenza Ministerjali u Kunsill Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ
Skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu IV tal-Ftehim tad-WTO, il-Konferenza Ministerjali għandha l-awtorità li tieħu deċiżjonijiet dwar il-kwistjonijiet kollha li jaqgħu taħt kwalunkwe wieħed mill-Ftehimiet Kummerċjali Multilaterali.
Skont il-paragrafu 2 tal-Artikolu IV tal-Ftehim tad-WTO, fl-intervalli bejn il-laqgħat tal-Konferenza Ministerjali, il-funzjonijiet tagħha għandhom jitwettqu mill-Kunsill Ġenerali.
Skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu IX, id-WTO normalment tieħu d-deċiżjonijiet b’konsensus.
2.3.L-att previst tal-Kunsill Ġenerali tad-WTO
Skont il-paragrafu 3 tal-Artikolu IX tal-Ftehim tad-WTO, obbligu impost fuq membru jista’ jiġi rinunzjat f’ċirkostanzi eċċezzjonali.
Wara talba mill-Istati Uniti, il-Kunsill Ġenerali tad-WTO irid jadotta deċiżjoni biex jagħti deroga tad-WTO li tippermetti lill-Istati Uniti jipprovdu trattament mingħajr dazju għall-prodotti eliġibbli li joriġinaw f’pajjiżi u territorji benefiċċjarji tal-Amerka Ċentrali u tal-Karibew skont is-CBERA, skont il-paragrafi 3 u 4 tal-Artikolu IX tal-Ftehim tad-WTO (l-“att previst”).
It-talba hija bbażata fuq deroga eżistenti għas-CBERA li tiskadi fit-30 ta’ Settembru 2025. Għalhekk, l-għan tal-att previst huwa li tingħata deroga ġdida sat-30 ta’ Settembru 2030 skont it-talba tal-Istati Uniti (G/C/W/870).
L-att previst isir vinkolanti fuq il-Membri tad-WTO f'konformità mal-paragrafu 3 tal-Artikolu IX, kif ukoll il-paragrafu 2 tal-Artikolu II tal-Ftehim tad-WTO, li jistipula li: “Il-ftehimiet u l-istrumenti legali assoċjati inklużi fl-Annessi 1, 2 u 3 <…> huma partijiet integrali ta’ dan il-Ftehim, u vinkolanti għall-Membri kollha”.
3.Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni
L-Istati Uniti talbu deroga tad-WTO mill-obbligi tal-Istati Uniti skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu I tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal-1994 (GATT tal-1994) u l-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu XIII tal-GATT tal-1994 sabiex l-Istati Uniti jkunu jistgħu jipprovdu trattament mingħajr dazju lill-prodotti eliġibbli li joriġinaw minn pajjiżi u territorji tal-Amerka Ċentrali u tal-Karibew (“pajjiżi benefiċjarji”) skont is-CBERA sat-30 ta’ Settembru 2030.
L-Istati Uniti ppreżentaw it-talba skont il-paragrafi 3 u 4 tal-Artikolu IX tal-Ftehim tad-WTO. L-Istati Uniti jiġġustifikaw it-talba minħabba l-prevalenza għolja ta’ faqar u instabbiltà fil-pajjiżi tal-Baċir tal-Karibew, filwaqt li jinnotaw li l-prospetti ekonomiċi għal dawn il-pajjiżi ż-żgħar huma aktar ikkumplikati minħabba s-suxxettibilità għal diżastri naturali. Il-benefiċċji skont is-CBERA huma maħsuba biex jespandu l-opportunitajiet ekonomiċi u jikkontribwixxu għal reġjun aktar stabbli u prosperu.
Skont l-Istati Uniti, it-trattament mingħajr dazju previst fis-CBERA m’għandux jippreġudika l-interessi ta’ Membri oħrajn li ma jibbenefikawx minn dan it-trattament, u huwa mistenni li l-estensjoni ta’ tali trattament mingħajr dazju ma jikkawżax devjazzjoni sinifikanti ta’ importazzjonijiet ta’ prodotti eliġibbli mill-Istati Uniti skont is-CBERA li joriġinaw minn Membri li mhumiex pajjiżi benefiċjarji.
Din it-talba hija bbażata fuq deroga eżistenti għal trattament tariffarju preferenzjali skont is-CBERA, li inizjalment ingħata fil-15 ta’ Frar 1985 għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 1984 sat-30 ta’ Settembru 1995, u li bħalissa huwa fis-seħħ sat-30 ta’ Settembru 2025.
It-talba mill-Istati Uniti tirrifletti l-iskadenza tal-Opportunità Emisferika tal-Haiti permezz tal-Att dwar is-Sħubija ta’ Inkoraġġiment tal-2006, tal-Opportunità Emisferika tal-Haiti permezz tal-Att dwar is-Sħubija ta’ Inkoraġġiment tal-2008, u l-Att tal-Programm għal Titjib Ekonomiku ta' Haiti tal-2010 (“CBERA kif emendat”);
L-għoti tad-deroga la taffettwa negattivament l-ekonomija tal-Unjoni u lanqas ir-relazzjonijiet kummerċjali mal-benefiċjarji ta’ din id-deroga. Barra minn hekk, l-Unjoni tappoġġa azzjonijiet kontra l-faqar u favur l-istabbiltà. Għalhekk, il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni fil-Kunsill Ġenerali jenħtieġ li tkun li tappoġġa t-talba għad-deroga.
4.Bażi legali
4.1.Bażi legali proċedurali
4.1.1.Prinċipji
L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li jridu jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”
Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp ikkonċernat. Dan jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni”.
4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
Il-Kunsill Ġenerali tad-WTO huwa korp imwaqqaf bi ftehim, jiġifieri bil-Ftehim tad-WTO.
L-att li l-Kunsill Ġenerali qed jintalab jadotta, jikkostitwixxi att li għandu effetti legali. L-att previst se jkun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali b’konformità mal-paragrafu 2 tal-Artikolu II u l-paragrafu 3 tal-Artikolu IX tal-Ftehim tad-WTO.
L-att previst la jissupplimenta u lanqas ma jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.
Għalhekk, il-bażi legali proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
4.2.Bażi legali sostantiva
4.2.1.Prinċipji
Il-bażi legali sostantiva biex tittieħed deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni dwaru. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċement inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE trid tissejjes fuq bażi legli sostantiva waħda, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.
4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
L-objettiv u l-kontenut ewlenin tal-att previst huma relatati mal-politika kummerċjali komuni.
Għalhekk, il-bażi legali sostantiva għad-deċiżjoni proposta hija l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4).
4.3.Konklużjoni
Jenħtieġ li l-bażi legali tad-deċiżjoni proposta tkun l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
5.Pubblikazzjoni tal-att previst
Peress li l-att tal-Kunsill Ġenerali tad-WTO se jimplimenta d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim tad-WTO fir-rigward tad-derogi, huwa idoneu li jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara l-adozzjoni tiegħu.
2025/0212 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar l-adozzjoni ta’ deċiżjoni biex tingħata deroga tad-WTO li tippermetti lill-Istati Uniti jipprovdu trattament mingħajr dazju skont l-Att tal-Istati Uniti dwar l-Irkupru Ekonomiku tal-Baċir tal-Karibew (CBERA)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Ftehim ta' Marrakesh li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (“il-Ftehim tad-WTO”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1995.
(2)Skont il-paragrafu 2 tal-Artikolu II tal-Ftehim tad-WTO, “il-ftehimiet u l-istrumenti legali assoċjati inklużi fl-Annessi 1, 2 u 3 (“Ftehimiet Kummerċjali Multilaterali”) huma partijiet integrali ta’ dan il-Ftehim, u vinkolanti għall-Membri kollha.”
(3)F'konformità mal-paragrafu 3 tal-Artikolu IX, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, il-Konferenza Ministerjali tista’ tiddeċiedi li tagħti deroga minn obbligu impost fuq Membru mill-Ftehim tad-WTO jew kwalunkwe wieħed mill-Ftehimiet Kummerċjali Multilaterali.
(4)Il-paragrafi 3 u 4 tal-Artikolu IX tal-Ftehim tad-WTO jistabbilixxu l-proċeduri għall-għoti ta’ derogi li jikkonċernaw il-Ftehimiet Kummerċjali Multilaterali fl-Anness 1A jew 1B jew 1C tal-Ftehim tad-WTO u l-annessi tagħhom.
(5)Skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu IV tal-Ftehim tad-WTO, il-Konferenza Ministerjali għandu jkollha l-awtorità li tieħu deċiżjonijiet dwar il-kwistjonijiet kollha koperti minn kwalunkwe wieħed mill-Ftehimiet Kummerċjali Multilaterali.
(6)Skont il-paragrafu 2 tal-Artikolu IV tal-Ftehim tad-WTO, fl-intervalli bejn il-laqgħat tal-Konferenza Ministerjali tad-WTO (“l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ”), il-Kunsill Ġenerali tad-WTO għandu jwettaq il-funzjonijiet tagħha.
(7)Skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu IX, id-WTO normalment tieħu d-deċiżjonijiet b’konsensus.
(8)L-Istati Uniti ngħataw deroga mill-obbligi skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu I tal-GATT tal-1994 fil-15 ta’ Frar 1985, għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 1984 sat-30 ta’ Settembru 1995. Fil-15 ta’ Novembru 1995, il-Membri tad-WTO ġeddew id-deroga sat-30 ta’ Settembru 2005, u ġeddewha għal darba oħra fid-29 ta’ Mejju 2009 sal-31 ta’ Diċembru 2014. Fil-5 ta’ Mejju 2015, il-Membri tad-WTO estendew id-deroga fir-rigward tal-paragrafu 1 tal-Artikolu I tal-GATT tal-1994 u espandew id-deroga biex tkopri l-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu XIII tal-GATT sal-31 ta’ Diċembru 2019, sa fejn ikun meħtieġ għall-Istati Uniti biex jipprovdu trattament mingħajr dazju għall-importazzjonijiet ta’ prodotti eliġibbli li joriġinaw minn pajjiżi benefiċjarji deżinjati skont id-dispożizzjonijiet tas-CBERA, prodotti li joriġinaw minn pajjiżi benefiċjarji deżinjati skont id-dispożizzjonijiet tas-CBERA, u li l-Membri estendew id-deroga fir-rigward tal-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu XIII tal-GATT tal-1994 fis-17 ta’ Ottubru 2019 sat-30 ta’ Settembru 2025, sal-punt meħtieġ għall-Istati Uniti biex jipprovdu trattament mingħajr dazju għall-importazzjonijiet ta’ prodotti eliġibbli li joriġinaw minn pajjiżi benefiċjarji deżinjati skont id-dispożizzjonijiet tas-CBERA.
(9)Skont il-paragrafi 3 u 4 tal-Artikolu IX tal-Ftehim tad-WTO, l-Istati Uniti ppreżentaw talba biex il-Kunsill Ġenerali jieħu deċiżjoni li jaghti deroga tad-WTO biex jippermetti lill-Istati Uniti jipprovdu trattament mingħajr dazju lill-prodotti eliġibbli li joriġinaw minn pajjiżi u territorji tal-Amerka Ċentrali u tal-Karibew skont is-CBERA sat-30 ta’ Settembru 2030.
(10)L-Istati Uniti jiġġustifikaw it-talba minħabba l-prevalenza għolja ta’ faqar u l-instabbiltà fil-pajjiżi tal-Baċir tal-Karibew, b’mod partikolari fil-Haiti. Il-benefiċċji skont is-CBERA huma maħsuba biex jespandu l-opportunitajiet ekonomiċi u jikkontribwixxu għal reġjun aktar stabbli u prosperu.
(11)Id-deroga la taffettwa negattivament l-ekonomija tal-Unjoni u lanqas ir-relazzjonijiet kummerċjali tal-Unjoni mal-benefiċjarji ta’ din id-deroga. Barra minn hekk, l-Unjoni tappoġġa azzjonijiet kontra l-faqar u favur l-istabbiltà.
(12)Huwa idoneu li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni mill-Kummissjoni Ewropea fil-Kunsill Ġenerali tad-WTO biex tappoġġa t-talba tal-Istati Uniti biex tingħata d-deroga f'konformità mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE, peress li d-deroga se tkun vinkolanti fuq il-Membri tad-WTO,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Kummissjoni Ewropea f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ għandha tkun li tappoġġa l-għotja tad-deroga tad-WTO li tippermetti lill-Istati Uniti jipprovdu trattament mingħajr dazju għall-prodotti eliġibbli li joriġinaw minn pajjiżi u territorji tal-Amerka Ċentrali u tal-Karibew skont l-Att tal-Istati Uniti dwar l-Irkupru Ekonomiku tal-Baċir tal-Karibew sat-30 ta’ Settembru 2030.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President