European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2725

25.10.2024

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/2725

tal-24 ta’ Ottubru 2024

li jagħmel l-importazzjonijiet ta’ tagħmir ta’ aċċess mobbli li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina soġġetti għar-reġistrazzjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 24(5) tiegħu,

Wara li informat lill-Istati Membri,

Billi:

(1)

Fis-27 ta’ Marzu 2024, il-Kummissjoni ħabbret, permezz ta’ avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2), il-bidu ta’ proċediment antisussidji fir-rigward tal-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ tagħmir ta’ aċċess mobbli (“MAE”), li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Dan il-bidu segwa lment imressaq fit-13 ta’ Frar 2024 mill-“Koalizzjoni biex jiġu restawrati kundizzjonijiet ekwi fis-Settur tat-Tagħmir ta’ Aċċess Mobbli tal-UE” f’isem il-produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni tal-MAE.

(2)

Separatament, fit-13 ta’ Novembru 2023, il-Kummissjoni ħabbret, permezz ta’ avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (3), il-bidu ta’ proċediment anti-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet fl-Unjoni tal-MAE, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Fit-13 ta’ Lulju 2024, il-Kummissjoni imponiet dazji anti-dumping proviżorji fuq l-importazzjonijiet tal-MAE li joriġinaw miċ-Ċina (4).

1.   PRODOTT SOĠĠETT GĦAR-REĠISTRAZZJONI

(3)

Il-prodott soġġett għar-reġistrazzjoni (“il-prodott ikkonċernat”) huwa tagħmir ta’ aċċess mobbli ddisinjat għall-irfigħ ta’ persuni, awtopropulsiv, b’għoli massimu ta’ operat ta’ 6 metri jew aktar, u l-biċċiet tiegħu magħqudin minn qabel jew lesti biex jingħaqdu, esklużi l-komponenti individwali meta jiġu ppreżentati separatament, u eskluż it-tagħmir għall-irfigħ tal-persuni mmuntat fuq vetturi tal-Kapitolu 86 u tal-Kapitolu 87 tas-Sistema Armonizzata.

(4)

Il-prodott ikkonċernat bħalissa huwa kklassifikat, għall-MAE, taħt il-kodiċijiet NM ex 8427 10 10 , ex 8427 20 19 , ex 8428 90 90 u, għas-sezzjonijiet immuntati minn qabel jew lesti għall-immuntar tal-MAE, taħt ex 8431 20 00 u ex 8431 39 00 (il-kodiċijiet TARIC: 8427 10 10 10, 8427 20 19 10, 8428 90 90 20, 8431 20 00 60 u 8431 39 00 10). Il-kodiċijiet NM u TARIC huma mogħtija għall-informazzjoni biss u bla ħsara għal bidla sussegwenti fil-klassifikazzjoni tariffarja.

2.   REĠISTRAZZJONI

(5)

Skont l-Artikolu 24(5) tar-Regolament bażiku, l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat jistgħu jsiru soġġetti għar-reġistrazzjoni bl-għan li jiġi żgurat li, jekk l-investigazzjoni tirriżulta f’sejbiet li jwasslu għall-impożizzjoni ta’ dazji kumpensatorji, dawk id-dazji jistgħu, jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet meħtieġa, jiġu imposti retroattivament fuq l-importazzjonijiet irreġistrati skont id-dispożizzjonijiet legali applikabbli.

(6)

Il-Kummissjoni ddeċidiet li tagħmel l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat soġġetti għar-reġistrazzjoni fuq inizjattiva tagħha stess skont l-Artikolu 24(5) tar-Regolament bażiku. Il-kundizzjonijiet għall-ġbir retroattiv tad-dazji se jiġu vvalutati fir-regolament li jimponi dazji definittivi, jekk ikun hemm.

(7)

Kwalunkwe obbligazzjoni futura tiġi mis-sejbiet tal-investigazzjoni.

(8)

F’dan l-istadju tal-investigazzjoni għadu mhuwiex possibbli li jiġi stmat l-ammont ta’ sussidjarjetà. L-ilment ma jipprevedix stima eżatta tal-ammont ta’ sussidju, li normalment jenħtieġ li jintuża bħala l-bażi biex jiġu stabbiliti d-dazji kompensatorji. L-ilment fih stima tal-livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu ta’ 64,1 % għall-prodott ikkonċernat minn April 2022 sa Marzu 2023. F’konformità mar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku, il-livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu jkun rilevanti biss f’każ li dazju bbażat fuq l-ammont ta’ sussidji kumpensabbli jkun ogħla u l-Kummissjoni tikkonkludi b’mod ċar li mhuwiex fl-interess tal-Unjoni li timponi dan id-dazju ogħla.

3.   IPPROĊESSAR TA’ DATA PERSONALI

(9)

Kwalunkwe data personali miġbura fil-kuntest ta’ din ir-reġistrazzjoni se tiġi ttrattata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   L-awtoritajiet doganali huma b’dan ordnati, skont l-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2016/1037, biex jieħdu l-passi xierqa biex jirreġistraw l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ tagħmir ta’ aċċess mobbli ddisinjat għall-irfigħ ta’ persuni, awtopropulsiv, b’għoli massimu tax-xogħol ta’ 6 metri jew aktar, u sezzjonijiet tagħhom immuntati minn qabel jew lesti għall-assemblaġġ, esklużi komponenti individwali meta ppreżentati separatament, u eskluż tagħmir għall-irfigħ tal-persuni mmuntat fuq vetturi tal-Kapitolu 86 u l-Kapitolu 87 tas-Sistema Armonizzata, attwalment ikklassifikat, għat-tagħmir ta’ aċċess mobbli, taħt il-kodiċijiet NM ex 8427 10 10 , ex 8427 20 19 , ex 8428 90 90 u, għas-sezzjonijiet immuntati minn qabel jew lesti għall-assemblaġġ ta’ tagħmir ta’ aċċess mobbli, taħt ex 8431 20 00 u ex 8431 39 00 (il-kodiċijiet TARIC: 8427 10 10 10, 8427 20 19 10, 8428 90 90 20, 8431 20 00 60 u 8431 39 00 10), u li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

2.   Ir-reġistrazzjoni għandha tiskadi disa’ xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Ottubru 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 55, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1037/oj.

(2)   ĠU C, C/2024/2362, 27.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/2362/oj.

(3)   ĠU C, C/2023/783, 13.11.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/783/oj.

(4)   ĠU L, 2024/1915, 12.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1915/oj.

(5)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2725/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)