SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)
7 ta’ April 2022 ( *1 )
“Appell – Għajnuna mill-Istat – Suq tal-elettriku ġġenerat minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli – Leġiżlazzjoni nazzjonali li allegatament għandha l-effett li tagħti vantaġġ illegali lill-fornituri tal-elettriku – Ilment quddiem il-Kummissjoni Ewropea – Deċiżjoni ta’ ċaħda mingħajr il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali – Rikors għal annullament – Regolament (UE) 2015/1589 – Artikolu 1(h) – Kunċett ta’ ‘parti interessata’ – Inammissibbiltà”
Fil-Kawża C‑429/20 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fil-11 ta’ Settembru 2020,
Solar Ileias Bompaina AE, stabbilita f’Ateni (il-Greċja), irrappreżentata minn A. Metaxas, dikigoros, u A. Bartosch, Rechtsanwalt,
appellanti,
il-parti l-oħra fil-kawża li hija:
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Stromsky u K. Herrmann, bħala aġenti,
konvenuta fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),
komposta minn T. von Danwitz (Relatur), li qed jaġixxi bħala President tal-Awla, P. G. Xuereb u A. Kumin, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tal-appell tagħha, Solar Ileias Bompaina AE titlob l-annullament tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑3 ta’ Lulju 2020, Solar Ileias Bompaina vs Il-Kummissjoni (T‑143/19, mhux ippubblikat, iktar ’il quddiem id-digriet appellat, EU:T:2020:301), li permezz tiegħu din ċaħdet bħala inammissibbli r-rikors tagħha intiż, essenzjalment, għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2018) 6777 final tal‑10 ta’ Ottubru 2018 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.38967 (2014/NN‑2) – Il-Greċja – Skema nazzjonali ta’ għajnuna għall-funzjonament favur l-installazzjonijiet li jużaw is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u ta’ produzzjoni kkombinata ta’ sħana u ta’ elettriku b’rendiment għoli (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”). |
Il‑kuntest ġuridiku
|
2 |
L-Artikolu 1(h) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 [TFUE] (ĠU 2015, L 248, p. 9), jipprovdi: “Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: […]
|
|
3 |
Skont l-Artikolu 24(2) tar-Regolament 2015/1589: “Kull parti interessata tista’ tippreżenta lment biex tinforma lill-Kummissjoni [Ewropea] dwar xi għajnuna allegatament kontra l-liġi jew allegat użu ħażin ta’ għajnuna. Għal dak il-għan, il-parti interessata għandha timla formola li tkun ġiet stabbilita f’dispożizzjoni ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 33 u għandha tipprovdi kull informazzjoni obbligatorja mitluba fiha. […]” |
Il‑fatti li wasslu għall‑kawża u d‑deċiżjoni kontenzjuża
|
4 |
Solar Ileias Bompaina, kumpannija rregolata mid-dritt Elleniku, hija produttriċi tal-elettriku li tuża sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, attiva fis-suq tal-elettriku fil-Greċja. |
|
5 |
Fil-31 ta’ Diċembru 2014, skont l-Artikolu 108(3) TFUE, ir-Repubblika Ellenika nnotifikat lill-Kummissjoni Ewropea bl-introduzzjoni ta’ skema legali ta’ għajnuna għall-funzjonament favur produtturi li jużaw sorsi ta’ enerġija rinnovabbli (iktar ’il quddiem il-“produtturi SER”) u produtturi tas-sħana u tal-elettriku permezz ta’ koġenerazzjoni b’rendiment għoli (iktar ’il quddiem il-“produtturi SEK”), abbażi tan-Nomos 4254/2014, Metra stirixis kai anaptyxis tis ellinikis oikonomias sto plaisio efarmogis tou n. 4046/2012 kai alles diataxeis (il-Liġi 4254/2014, dwar il-miżuri intiżi għas-sostenn u għall-iżvilupp tal-ekonomija Ellenika fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Liġi 4046/2012 u dispożizzjonijiet oħra, FEK A 85/7.4.2014) (iktar ’il quddiem il-“ftehim ġdid SER”), li daħlet fis-seħħ fix-xahar ta’ April 2014. |
|
6 |
Is-suq Grieg tal-elettriku, kif organizzat qabel u fil-mument tad-dħul fis-seħħ tal-ftehim ġdid SER, kien jinkludi s-segwenti kategoriji ta’ atturi fis-suq:
|
|
7 |
F’dan il-kuntest, il-produtturi SER u l-produtturi SEK kienu rremunerati għall-elettriku prodott bi prezzijiet fissi, fil-forma ta’ tariffi feed-in. Ir-remunerazzjoni tal-fornituri ma kinitx fissa u kienet tiddependi mill-kundizzjonijiet tas-suq. |
|
8 |
Għall-finijiet tal-finanzjament tat-tariffi feed-in favur produtturi SER u produtturi SEK, inħoloq “kont speċjali SER” skont in-Nomos 2773/1999, Apeleftherosi tis agoras ilektrikis energeias – Rythmisi thematon energeiakis politikis kai loipes diataxeis (il-Liġi Nru 2773/1999, dwar il-liberalizzazzjoni tas-suq tal-elettriku, regolamentazzjoni ta’ kwistjonijiet marbuta mal-politika tal-enerġija u dispożizzjonijiet oħra, FEK A 286/22.12.99). Dan tal-aħħar kien iffinanzjat, essenzjalment, permezz ta’ kontribuzzjoni speċjali għat-tnaqqis tal-gassijiet serra, imposta fuq il-konsumaturi għal kull unità tal-elettriku kkonsmata, u permezz ta’ sorsi addizzjonali, bħad-dħul tal-atturi fis-suq SER u SEK. |
|
9 |
Il-ftehim ġdid SER emenda t-tariffi feed-in applikabbli għall-elettriku prodott mill-produtturi SER u l-produtturi SEK. B’hekk, għal ċerti tipi ta’ installazzjoni, ġew stabbiliti limiti massimi teknoloġiċi preċiżi, li jistabbilixxu l-ammont massimu ta’ elettriku pprovdut mill-produtturi SER eliġibbli sabiex jibbenefika minn għajnuna matul sena partikolari. L-għan ta’ dawn il-limiti massimi kien li jiġu limitati l-ammonti totali ta’ għajnuna mogħtija favur ċerti teknoloġiji SER. |
|
10 |
Skont ir-rapport ta’ spjegazzjoni dwar il-Liġi 4254/2014, il-ftehim ġdid SER kien intiż sabiex jelimina d-defiċit tal-kont speċjali SER u sabiex jirrendih sostenibbli. Fil-fatt, matul il-perijodu ta’ qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, dan il-kont speċjali kellu defiċit, li kien dovut għall-kombinazzjoni, minn naħa, ta’ żieda qawwija fl-ispejjeż relatati mal-iżvilupp tal-impjanti li jużaw sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u tal-installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni u, min-naħa l-oħra, tat-tnaqqis konkomitanti tad-dħul, li jirriżulta mit-tnaqqis tal-kontribuzzjoni speċjali preċedentement imposta fuq il-konsumaturi, minħabba l-kriżi ekonomika, kif ukoll minn tnaqqis fid-dħul mill-bejgħ tal-elettriku. |
|
11 |
Għall-finijiet tal-eliminazzjoni tal-imsemmi defiċit, il-mekkaniżmu stabbilit mill-ftehim ġdid SER kien jikkonsisti, minn naħa, fi tnaqqis fit-tariffi feed-in li kellhom jiġu previsti fil-kuntratti ta’ bejgħ tal-elettriku u, min-naħa l-oħra, fl-introduzzjoni ta’ tnaqqis tal-valur totali tal-enerġija elettrika mdaħħla fin-network mill-produtturi SER u l-produtturi SEK matul is-sena 2013, sabiex il-kumpens żejjed mogħti preċedentement lil dawn il-produtturi jiġi kkontrobilanċjat. |
|
12 |
Fis-6 ta’ Mejju 2015, Solar Ileias Bompaina u kumpannija oħra ressqu, skont l-Artikolu 24(2) tar-Regolament 2015/1589, ilment lill-Kummissjoni, dwar il-miżuri tal-ftehim ġdid SER, billi sostnew li dawn il-miżuri kienu jinvolvu għajnuna illegali favur il-fornituri. Dan l-ilment ġie rreġistrat taħt ir-referenza SA.41794. |
|
13 |
Fl-ilment tagħha, Solar Ileias Bompaina sostniet li l-fornituri kienu jibbenefikaw minn vantaġġ selettiv minħabba l-fatt li, skont il-Liġi 4254/2014, huma biss il-produtturi SER li għandhom ibatu l-ispejjeż marbuta mat-tnaqqis tad-defiċit tal-kont speċjali SER fil-kuntest tal-ftehim ġdid SER. Madankollu, il-fornituri kienu wkoll ikkontribwixxew għad-defiċit ta’ dan il-kont speċjali, peress li r-regoli tas-suq u l-formazzjoni tal-prezz tal-elettriku jippermettulhom jixtru bi prezz imnaqqas fis-suq bl-ingrossa, u peress li tali spiża mnaqqsa, sa fejn hija inqas għolja, iġġib inqas dħul għall-imsemmi kont speċjali. Fi kliem ieħor, il-produtturi u l-fornituri jinsabu, fir-realtà, f’sitwazzjoni komparabbli fir-rigward tal-għan ta’ eliminazzjoni tad-defiċit tal-kont speċjali SER. B’hekk, dan il-ftehim huwa selettiv, sa fejn il-portata tiegħu ma tinkludix il-fornituri, peress li dawn ma għandhomx l-obbligu li jipparteċipaw fil-kumpens għad-defiċit tal-kont speċjali SER. |
|
14 |
Fl‑10 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni rċeviet it-tieni lment imressaq f’isem il-produtturi ta’ enerġija solari u t-tielet ilment, fit‑22 ta’ Diċembru 2017, f’isem il-Pan-Hellenic Rooftop Photovoltaic Association. |
|
15 |
Fl-10 ta’ Marzu 2016, il-Kummissjoni bagħtet l-ewwel żewġ ilmenti lill-awtoritajiet Griegi u stednithom jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom f’dan ir-rigward. Dawn l-osservazzjonijiet ġew ippreżentati fis‑27 ta’ Lulju 2016. It-tielet ilment ma ntbagħatx lill-awtoritajiet Griegi, peress li l-Kummissjoni kkonstatat li l-kwistjonijiet imqajma kienu diġà koperti mill-ewwel żewġ ilmenti. |
|
16 |
Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tqajjem l-ebda oġġezzjoni fir-rigward tas-sistema stabbilita mil-Liġi 4254/2014 fir-rigward tal-ftehim ġdid SER, li jipprevedi aġġustament mill-ġdid tat-tariffi feed-in għall-produtturi SER u għall-produtturi SEK. |
|
17 |
Fil-premessi 111 sa 121 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni eżaminat l-allegazzjonijiet ifformulati fl-ilmenti, inkluża dik ta’ Solar Ileias Bompaina, u kkonkludiet li:
|
|
18 |
Il-komunikazzjoni fil-qosor ta’ din id-deċiżjoni ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tas‑7 ta’ Diċembru 2018. |
|
19 |
Fit‑18 ta’ Diċembru 2018, Solar Ileias Bompaina bagħtet ittra lill-Kummissjoni fejn staqsiet jekk din tal-aħħar kinitx tikkunsidra d-deċiżjoni kontenzjuża bħala ċaħda uffiċjali tal-ilment ippreżentat fil-Każ SA.41794 jew jekk, għall-kuntrarju, dan tal-aħħar kienx għadu kkunsidrat li huwa pendenti. |
|
20 |
Permezz ta’ ittra tat‑8 ta’ Frar 2019, il-Kummissjoni wieġbet lill-persuna kkonċernata li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet tkopri l-ilment tagħha u li, fuq din il-bażi, hija kienet ġabet dan l-ilment fi tmiemu. |
Il‑kawża quddiem il‑Qorti Ġenerali u d‑digriet appellat
|
21 |
Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑2 ta’ Marzu 2019, Solar Ileias Bompaina ressqet azzjoni abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, intiża b’mod partikolari għall-annullament tal-premessi 111 sa 121 tad-deċiżjoni kontenzjuża. |
|
22 |
Il-Qorti Ġenerali qieset, għar-raġunijiet esposti fil-punti 31 sa 48 tad-digriet appellat, li Solar Ileias Bompaina ma stabbilixxietx il-kwalità tagħha ta’ “parti interessata”, fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE u tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament 2015/1589, kwalità meħtieġa sabiex tkun tista’ tinvoka ksur tad-drittijiet proċedurali tagħha, sa fejn il-Kummissjoni kienet ikkunsidrat fid-deċiżjoni kontenzjuża, mingħajr ma fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, li ebda għajnuna ma kienet ingħatat lill-fornituri permezz tal-Liġi 4254/2014. |
|
23 |
Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors bħala inammissibbli. |
It‑talbiet tal‑partijiet
|
24 |
Permezz tal-appell tagħha, Solar Ileais Bompaina titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
25 |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell u tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż. |
Fuq l‑appell
L‑argumenti tal‑partijiet
|
26 |
Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka żewġ aggravji, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, u li permezz tagħhom hija ssostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta rrifjutat li tirrikonoxxilha l-kwalità ta’ “parti interessata”, fis-sens tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament 2015/1589, sa fejn l-ammissibbiltà tar-rikors tagħha hija suġġetta għar-rikonoxximent ta’ din il-kwalità. |
|
27 |
Għalkemm l-appellanti tirrikonoxxi li, fid-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali indikat korrettement il-kontenut tal-ilment li hija kienet ressqet quddiem il-Kummissjoni u fehmet perfettament il-kontenut tal-ilmenti tagħha, b’mod partikolari fir-rigward tal-fatt li huma biss il-produtturi SER li kellhom ibatu l-piż finanzjarju marbut mal-eliminazzjoni tad-defiċit tal-kont speċjali SER, hija madankollu tikkunsidra li l-Qorti Ġenerali kellha tirrikonoxxilha l-kwalità ta’ “parti interessata”. B’mod partikolari, hija tqis li għalkemm il-Qorti Ġenerali ġabret fil-qosor b’mod korrett l-għan tal-ilmenti tagħha fil-punt 10 tad-digriet appellat, hija madankollu naqset milli tislet il-konklużjonijiet meħtieġa fil-punt 44 tal-imsemmi digriet, billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-fornituri u l-produtturi SER jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli fil-kuntest tas-sistema ta’ riferiment li l-kont speċjali SER jikkostitwixxi u tal-għan imfittex mill-ftehim ġdid SER, jiġifieri l-eliminazzjoni tad-defiċit ta’ dan il-kont speċjali. Barra minn hekk, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-fornituri setgħu wkoll jinżammu parzjalment responsabbli għall-eżistenza ta’ dan id-defiċit. |
|
28 |
Fil-fatt, skont l-appellanti, li kieku l-fornituri ġew ukoll imġiegħla jikkontribwixxu għall-eliminazzjoni tal-imsemmi defiċit, is-sitwazzjoni patrimonjali tagħha kienet tkun aħjar. Hemm korrelazzjoni bejn, minn naħa, l-allegata għajnuna li l-fornituri kisbu sa fejn dawn ġew eżentati mill-kontribuzzjoni għall-eliminazzjoni tal-istess defiċit u, min-naħa l-oħra, it-tnaqqis tat-tariffi feed-in imħallsa lill-produtturi SER bħall-appellanti b’tali mod li l-interessi tagħha u l-pożizzjoni tagħha fis-suq ġew affettwati. |
|
29 |
F’dan ir-rigward, fil-kuntest tal-eżami tagħha, il-Qorti Ġenerali kisret ir-regoli dwar l-istabbiliment tal-prova tal-kwalità ta’ “parti interessata”, fis-sens tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament 2015/1589. |
|
30 |
B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkunsidrat li l-appellanti kellha, sabiex tiġi rrikonoxxuta lilha din il-kwalità, turi l-effetti tal-għajnuna allegata fuq il-pożizzjoni tagħha fis-suq jew fuq l-interessi ekonomiċi tagħha. Għalhekk, skont l-appellanti, fis-sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex (C‑83/09 P, EU:C:2011:341), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat l-imsemmija kwalità għall-benefiċċju tal-appellanti abbażi biss tal-argumenti ta’ dawn tal-aħħar, li skonthom ma setax jiġi eskluż li l-għajnuna inkwistjoni f’dik il-kawża kellha effett fuq l-interessi tagħhom, mingħajr ma ħtieġet mingħandhom il-prova konkreta tal-eżistenza ta’ din il-possibbiltà. |
|
31 |
Konsegwentement, skont l-appellanti, ma jistax ikun meħtieġ li hija jkollha tipprova liema kienu jkunu l-effetti konkreti tar-reviżjoni tat-tariffi feed-in għall-produtturi SER li kieku l-oneru li jiġi eliminat id-defiċit tal-kont speċjali SER kien tqassam bejn dawn il-produtturi u l-fornituri. Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li ma jistax jiġi eskluż li dawn it-tariffi feed-in setgħu jkunu iktar favorevoli għall-produtturi SER li kieku l-fornituri ntalbu wkoll jikkontribwixxu sabiex il-kont speċjali SER jiġi ffinanzjat mill-ġdid. |
|
32 |
Il-Kummissjoni tqis li dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
L‑evalwazzjoni tal‑Qorti tal-Ġustizzja
|
33 |
B’mod preliminari, għandu jitfakkar li l-Artikolu 1(h) tar-Regolament 2015/1589 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “parti interessata” bħala “kull Stat Membru u kull persuna, impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi li l-interessi tagħhom jistgħu jkunu affettwati bl-għoti ta’ għajnuna, b’mod partikolari l-benefiċjarju tal-għajnuna, impriżi li jikkompetu bejniethom u assoċjazzjonijiet tal-kummerċ”. Għandu jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni ssostitwixxiet l-Artikolu 1(h) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat‑22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 183, p. 339), li kien ifformulat f’termini identiċi. B’hekk, il-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza dwar din id-dispożizzjoni tal-aħħar, imfakkra mill-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari, fil-punt 31 tad-digriet appellat, huma applikabbli għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament 2015/1589. |
|
34 |
Skont din id-dispożizzjoni, “parti interessata” għandha tfisser, b’mod partikolari, kull persuna, impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi li l-interessi tagħhom jistgħu jiġu affettwati bl-għoti ta’ għajnuna, jiġifieri b’mod partikolari l-impriżi kompetituri tal-benefiċjarju ta’ din l-għajnuna. Fi kliem ieħor, din hija ġabra indeterminata ta’ destinatarji (sentenza tal-24 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
35 |
Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni ma teskludix li impriża li ma hijiex kompetitriċi diretta tal-benefiċjarju tal-għajnuna tista’ tiġi kklassifikata bħala parti interessata, sa fejn hija ssostni li l-interessi tagħha jistgħu jiġu affettwati mill-għoti tal-għajnuna. Sabiex tagħmel dan, din l-impriża trid turi, b’mod suffiċjenti fid-dritt, li l-għajnuna jista’ jkollha effett konkret fuq is-sitwazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punti 64 u 65, u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, jekk il-preġudizzju kkawżat lill-interessi ta’ din l-impriża jista’ jkun biss potenzjali, għandu jkun jista’ jintwera b’mod suffiċjenti fid-dritt riskju ta’ effett konkret fuq dawn l-istess interessi. |
|
36 |
F’dan il-każ, mill-konstatazzjonijiet fattwali magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punti 6 sa 8 tad-digriet appellat, li ma humiex ikkontestati mill-appellanti, jirriżulta li l-ftehim ġdid SER, approvat mil-leġiżlatur Grieg, għandu l-effett li jnaqqas it-tariffi feed-in imħallsa lill-appellanti, fil-kwalità tagħha ta’ produttur SER. Dan il-ftehim huwa intiż sabiex inaqqas id-defiċit tal-kont speċjali SER, li l-għan tiegħu huwa li jiffinanzja l-attivitajiet tal-produtturi SER. |
|
37 |
Issa, skont l-appellanti, sa fejn il-leġiżlatur Grieg naqas milli jistabbilixxi kontribuzzjoni imposta fuq il-fornituri, minkejja li dawn setgħu, fil-fehma tagħha, jinżammu parzjalment responsabbli għal dan id-defiċit, hija tinsab inġustament żvantaġġata fil-livell finanzjarju. Fil-fatt, l-appellanti ssostni illi kieku l-fornituri ġew obbligati jikkontribwixxu mil-leġiżlatur Grieg għall-finijiet ta’ tnaqqis tal-imsemmi defiċit, is-sitwazzjoni patrimonjali tagħha setgħet tkun iktar favorevoli, peress li ma kienx ikun neċessarju li jitnaqqsu t-tariffi feed‑in li minnhom hija kienet tibbenefika. B’hekk, hija tqis, essenzjalment, li din l-ommissjoni tal-leġiżlatur Grieg kellha impatt fuq l-interessi tagħha u li għalhekk teżisti rabta bejn l-eżenzjoni li minnha jibbenefikaw il-fornituri u t-tnaqqis ta’ dawn it-tariffi feed‑in. |
|
38 |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi fattwali, il-Qorti Ġenerali ġustament applikat il-kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 34 u 35 ta’ din is-sentenza billi ppreċiżat, fil-punt 37 tad-digriet appellat, li, sabiex tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala “parti interessata”, l-appellanti kellha jew tistabbilixxi li hija kienet tinsab f’relazzjoni ta’ kompetizzjoni diretta jew indiretta mal-benefiċjarji tal-allegata għajnuna, jew turi li l-imsemmija għajnuna seta’ jkollha effett konkret fuq is-sitwazzjoni tagħha. |
|
39 |
Fil-punti 39 sa 41 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali, l-ewwel nett, ikkonstatat li l-fornituri u l-produtturi SER ma kinux f’relazzjoni ta’ kompetizzjoni, peress li kienu joperaw fuq livelli differenti tas-suq tal-elettriku fil-Greċja. |
|
40 |
Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali vverifikat jekk l-għajnuna allegata setax ikollha effett konkret fuq is-sitwazzjoni tal-appellanti u jekk din kinitx uriet, b’mod suffiċjenti fid-dritt, tali effett potenzjali. |
|
41 |
F’dan ir-rigward, mid-digriet appellat jirriżulta li l-Liġi 4254/2014 sempliċement naqqset l-għajnuna mogħtija preċedentement lill-produtturi SER, tali kienet is-soluzzjoni magħżula mil-leġiżlatur Grieg sabiex jirrimedja għall-fatt li l-iskema ta’ għajnuna lill-produtturi SER kienet saret għolja wisq u kellha tiġi ffinanzjata mill-ġdid. Huwa f’dan il-kuntest li l-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 44 tad-digriet appellat, li, għalkemm ma kienx hemm dubju li l-Liġi 4254/2014 li tipprevedi tariffi mnaqqsa għall-elettriku iġġenerat minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, adottata sabiex jitnaqqas id-defiċit tal-kont speċjali SER, kellha effett fuq il-produtturi SER, l-appellanti madankollu ma kienx irnexxielha turi l-eżistenza ta’ korrelazzjoni bejn it-tariffi mnaqqsa għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u n-nuqqas ta’ ħlas ta’ kontribuzzjoni għall-kont speċjali SER mill-fornituri tal-elettriku, u lanqas li l-preżunta għajnuna lill-fornituri tal-elettriku setgħet affettwat il-pożizzjoni tagħha fis-suq jew l-interessi tagħha. B’mod partikolari, l-appellanti ma spjegatx b’liema mod l-hekk imsejħa eżenzjoni tal-fornituri tal-elettriku bil-Liġi 4254/2014 seta’ kellha influwenza fuq l-iffissar tat-tariffi feed‑in ġodda u tat-tnaqqis applikabbli għall-produtturi SER, ladarba l-aġġustamenti li saru b’dan il-mod kienu prinċipalment intiżi sabiex jikkontrobilanċjaw il-kumpens żejjed mogħti preċedentement lil dawn il-produtturi. |
|
42 |
Fl-aħħar nett, fid-dawl, b’mod partikolari, ta’ dawn l-aħħar evalwazzjonijiet fattwali, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 48 tad-digriet appellat, ikkunsidrat li l-appellanti ma kinitx stabbilixxiet li hija kellha l-kwalità ta’ “parti interessata”, fis-sens tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament 2015/1589. |
|
43 |
Issa, peress li l-Qorti Ġenerali b’hekk għamlet applikazzjoni korretta tal-kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza rilevanti, imfakkra fil-punti 34 u 35 ta’ din is-sentenza, hija ma tista’ tiġi kkritikata b’ebda żball ta’ liġi. Fil-fatt, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ natura fattwali inkwistjoni, li jaqgħu, barra minn hekk, taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali biss, il-kriterju rilevanti li għandha tieħu inkunsiderazzjoni huwa dak tal-eżistenza ta’ rabta kawżali potenzjali, stabbilita b’mod suffiċjenti fid-dritt, bejn l-allegata għajnuna u l-ħsara konkreta kkawżata lill-interessi jew lill-pożizzjoni fis-suq tal-impriża kkonċernata. B’kuntrast ma’ dan, il-kwistjoni dwar jekk kategorija oħra ta’ operaturi ekonomiċi setgħetx possibbilment tikkontribwixxi għall-ħolqien tad-defiċit fil-livell tal-iskema ta’ għajnuna msemmija iktar ’il fuq hija irrilevanti. Bl-istess mod, il-fatt li l-produtturi SER u l-fornituri setgħu kienu jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli, fid-dawl tal-għan ta’ tnaqqis tad-defiċit fil-kont speċjali SER, ma għandu l-ebda rilevanza għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kwalità ta’ “parti interessata”, fis-sens tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament 2015/1589. |
|
44 |
Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta rrifjutat li tirrikonoxxi lill-appellanti l-kwalità ta’ “parti interessata”, fis-sens tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament 2015/1589, u meta ċaħdet, għaldaqstant, ir-rikors tagħha bħala inammissibbli. |
|
45 |
Peress li ż-żewġ aggravji invokati insostenn tal-appell huma infondati, hemm lok li dan tal-aħħar jiġi miċħud kollu kemm hu. |
Fuq l‑ispejjeż
|
46 |
Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. |
|
47 |
Peress li l-Kummissjoni talbet li l-appellanti tiġi kkundannata għall-ispejjeż u peress li din tal-aħħar tilfet fir-rigward tal-aggravji tagħha, hemm lok li l-appellanti tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, dawk sostnuti mill-Kummissjoni. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.