European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/1947

19.8.2026

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2026/1947

tal-21 ta’ April 2026

dwar l-iffirmar u l-konklużjoni ta’ Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Djibouti dwar l-istatus tal-forzi mmexxijin mill-Unjoni Ewropea fir-Repubblika tal-Djibouti fil-qafas tal-operazzjoni ta’ sigurtà marittima tal-Unjoni Ewropea biex tiġi ssalvagwardata l-libertà ta’ navigazzjoni b’rabta mal-kriżi tal-Baħar l-Aħmar (EUNAVFOR ASPIDES)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 218(5) u (6) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-8 ta’ Frar 2024, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2024/583 (1), dwar operazzjoni ta’ sigurtà marittima tal-Unjoni Ewropea biex tiġi ssalvagwardata l-libertà ta’ navigazzjoni b’rabta mal-kriżi tal-Baħar l-Aħmar (EUNAVFOR ASPIDES).

(2)

Il-bastimenti u l-persunal li joperaw fil-qafas tal-EUNAVFOR ASPIDES jeħtieġu provvisti u appoġġ, inkluż appoġġ loġistiku u mediku.

(3)

Fit-12 ta’ Marzu 2024, permezz ta’ dikjarazzjoni unilaterali, ir-Repubblika tal-Djibouti (“Djibouti”) iddeċidiet li l-EUNAVFOR ASPIDES titħalla tiġi skjerata fil-Djibouti biex takkwista l-appoġġ li teħtieġ u li,sakemm jidħol fis-seħħ ftehim internazzjonali dwar dan, il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Djibouti dwar l-istatus tal-forzi mmexxijin mill-Unjoni Ewropea fir-Repubblika tal-Djibouti fil-qafas tal-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea Atalanta (2), konkluż fil-5 ta’ Jannar 2009, japplika għall-EUNAVFOR ASPIDES u l-persunal tagħha fil-Djibouti. Barra minn hekk, dik id-dikjarazzjoni ddikjarat li l-EUNAVFOR ASPIDES titħalla tittrasporta bl-ajru lejn l-ajruport tal-Djibouti apparati militari utli għall-bastimenti tagħha, li taħżen tali apparati militari hemmhekk u tittrasportahom lejn il-port tal-baħar fejn jistgħu jiġu mbarkati abbord il-bastimenti tagħhom.

(4)

Fl-4 ta’ April 2024, il-Kunsill adotta deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati mal-Djibouti bil-ħsieb tal-konklużjoni ta’ ftehim dwar l-istatus tal-EUNAVFOR ASPIDES. Ġie nnegozjat ftehim bejn l-Unjoni u r-Repubblika tal-Djibouti abbażi ta’ dik id-deċiżjoni.

(5)

Jenħtieġ li l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Djibouti dwar l-istatus tal-forzi mmexxijin mill-Unjoni Ewropea fir-Repubblika tal-Djibouti fil-qafas tal-operazzjoni tas-sigurtà marittima tal-Unjoni Ewropea biex tiġi ssalvagwardjata l-libertà ta’ navigazzjoni b’rabta mal-kriżi fil-Baħar l-Aħmar (EUNAVFOR ASPIDES) jiġi approvat u l-iffirmar tiegħu jiġi awtorizzat sabiex jorbot lill-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Djibouti dwar l-istatus tal-forzi mmexxijin mill-Unjoni Ewropea fir-Repubblika tal-Djibouti fil-qafas tal-operazzjoni tas-sigurtà marittima tal-Unjoni Ewropea biex tissalvagwardata l-libertà tan-navigazzjoni b’rabta mal-kriżi fil-Baħar l-Aħmar (EUNAVFOR ASPIDES) huwa b’dan approvat (3). L-iffirmar ta’ dak il-Ftehim, li jesprimi l-approvazzjoni tal-Unjoni li tintrabat bih, huwa b’dan awtorizzat.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-21 ta’ April 2026.

Għall-Kunsill

Il-President

K. KALLAS


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/583 tat-8 ta’ Frar 2024 dwar operazzjoni ta’ sigurtà marittima tal-Unjoni Ewropea biex tiġi ssalvagwardata l l-libertà ta’ navigazzjoni b’rabta mal-kriżi tal-Baħar l-Aħmar (EUNAVFOR ASPIDES) (ĠU L, 2024/583, 12.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/583/oj).

(2)   ĠU L 33, 3.2.2009, p. 43, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2009/88/oj.

(3)  It-test tal-Ftehim huwa ppublikat fil-ĠU L, 2026/1946, 19.8.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2026/1946/oj.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/1947/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)