|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/1492 |
21.7.2025 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1492
tal-14 ta’ Lulju 2025
dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), jeħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-oġġetti msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament. |
|
(2) |
Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija totalment jew parzjalment ibbażata fuqha jew li żżid xi suddiviżjoni addizzjonali magħha u li hija stabbilita minn dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan li jkun hemm l-applikazzjoni ta’ tariffi u ta’ miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-oġġetti. |
|
(3) |
Skont dawk ir-regoli ġenerali, jenħtieġ li l-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta’ dik it-tabella. |
|
(4) |
Jixraq li jiġi previst li l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi maħruġa għall-oġġetti kkonċernati minn dan ir-Regolament li ma tikkonformax ma’ dan ir-Regolament, tkun tista’ tibqa’ tiġi invokata mid-detentur, għal ċertu perjodu, f’konformità mal-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Dak il-perjodu jenħtieġ li jkun ta’ 3 xhur. |
|
(5) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness għandhom ikunu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta’ dik it-tabella.
Artikolu 2
L-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi li ma tikkonformax ma’ dan ir-Regolament tista’ tibqa’ tiġi invokata f’konformità mal-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għal perjodu ta’ 3 xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Lulju 2025.
Għall-Kummissjoni
Gerassimos THOMAS
Direttur Ġenerali
Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali
(1) ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/952/oj.
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1987/2658/oj).
ANNESS
|
Deskrizzjoni tal-oġġetti |
Klassifikazzjoni (Kodiċi NM) |
Raġunijiet |
|
(1) |
(2) |
(3) |
|
Oġġett fil-forma ta’ ċinturin (wiesgħa madwar 25 cm fin-nofs tal-parti ta’ wara), magħmul minn drappijiet tessili nnitjati elastiċizzati ħafna li għandhom jintlibsu madwar in-naħa t’isfel tad-dahar (iż-żona lombari). Fin-nofs tal-parti ta’ wara taċ-ċinturin hemm strixxa vertikali meħjuta. L-istrixxa hija wiesgħa madwar 11 cm u tikkonsisti prinċipalment minn drappijiet tessili minsuġin u mhux elastiċizzati. L-oġġett jinqafel madwar il-ġisem b’għeluq tat-tip Velcro. Biex l-oġġett jiġi ssikkat aktar madwar il-qadd u b’hekk ikun hemm aktar pressjoni, żewġ ċineg elastiċizzati ħafna huma mwaħħla man-naħa ta’ barra tal-oġġett, mal-istrixxa vertikali fuq wara. It-trufijiet ta’ dawn iċ-ċineg jistgħu jitwaħħlu fuq quddiem b’żidiet tal-Velcro. Fuq in-naħa ta’ ġewwa fin-nofs tal-parti ta’ wara, l-oġġett għandu erba’ bwiet vertikali li fihom strixxi tal-azzar flessibbli (twal madwar 22 cm u wiesgħa madwar 2 cm). Tnejn minn dawn l-erba’ strixxi tal-azzar jistgħu jitneħħew. L-istrixxi tal-azzar jistgħu jitgħawġu faċilment bl-idejn u jitqiegħdu fil-pożizzjoni oriġinali tagħhom. Kuxxinett tal-pressjoni fil-forma ta’ qalb (twil madwar 16 cm u wiesgħa madwar 15 cm) ta’ fowm ċellulari mgħotti bi drapp tessili minsuġ jista’ jitwaħħal ma’ strixxa tat-tip Velcro li tinsab fuq in-naħa ta’ ġewwa tal-oġġett fin-nofs tal-parti ta’ wara biex ikun hemm pressjoni fuq is-sinsla. L-oġġett huwa prodott f’5 daqsijiet skont iċ-ċirkonferenza tal-qadd. (Ara l-istampi) (*1) |
6212 90 00 |
Il-klassifikazzjoni hija determinata mir-Regoli Ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, in-Nota 7(d) tat-Taqsima XI, in-Nota 1(b) tal-Kapitolu 90 u mill-kliem tal-kodiċijiet NM 6212 u 6212 90 00 . Il-klassifikazzjoni taħt il-kodiċi NM 9021 10 10 bħala apparat ortopediku hija eskluża, peress li l-elastiċità taċ-ċinturin hija l-uniku fattur li jikkontribwixxi għall-effett ta’ appoġġ skont in-Nota 1(b) tal-Kapitolu 90. Il-kuxxinett tal-pressjoni u l-istrixxi tal-azzar flessibbli jikkontribwixxu b’mod insinifikanti għall-effett ta’ appoġġ maħsub. Il-kuxxinett tal-pressjoni jservi prinċipalment biex itaffi l-uġigħ u l-istrixxi tal-azzar flessibbli jservu wkoll biex jipprevjenu li l-oġġett jitgerbeb u b’hekk, skont is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Novembru 2002, Lohmann u medi Bayreuth, il-Kawżi Magħquda C-260/00 sa C-263/00, ECLI:EU:C:2002:637 (ara l-punti 48 u 50), ma jfixklux l-applikazzjoni tan-Nota 1(b) tal-Kapitolu 90. Barra minn hekk, minħabba l-elastiċità taċ-ċinturin u l-flessibbiltà tal-istrixxi tal-azzar li lanqas biss jifilħu għas-saħħa applikata manwalment, iċ-ċinturin ma jistax jipprevjeni kompletament, u taħt iċ-ċirkostanzi kollha, il-movimenti mhux mixtieqa tas-sinsla. Il-pressjoni applikata fuq is-sinsla tillimita biss il-movimenti konxji iżda ma tipprevjenix kompletament il-movimenti speċifiċi tas-sinsla biex teskludi korrimenti oħra (in-Nota 6 tal-Kapitolu 90) kif meħtieġ mill-apparat ortopediku tal-intestatura 9021 skont it-tieni paragrafu tan-Nota addizzjonali 2 tal-Kapitolu 90. Għalhekk l-oġġett għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi NM 6212 90 00 bħala oġġetti simili oħrajn. |
dehra minn barra
maqful:
issikkat:
dehra minn ġewwa
kuxxinett tal-pressjoni li jista’ jitwaħħal:
erba’ bwiet vertikali li fihom strixxi ta’ azzar flessibbli:
żewġ strixxi tal-azzar li jistgħu jitneħħew u kuxxinett tal-pressjoni:
(*1) L-istampi għandhom jintużaw biss għal raġunijiet ta’ informazzjoni.
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1492/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)