IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 14.7.2021
COM(2021) 561 final
2021/0205(COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar l-iżgurar ta’ kundizzjonijiet ekwi għal trasport bl-ajru sostenibbli
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
{SEC(2021) 561 final} - {SWD(2021) 633 final} - {SWD(2021) 634 final}
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Suq intern tal-avjazzjoni kompetittiv u li jiffunzjona tajjeb huwa essenzjali għall-mobbiltà taċ-ċittadini Ewropej u għall-ekonomija Ewropea kollha kemm hi. Fl-2018, l-industriji tal-avjazzjoni u tal-ajrunawtika impjegaw madwar 0,4 miljun persuna direttament fl-UE u fl-2017 ikkontribwew għall-PDG tal-UE b’madwar 2,1 %. L-avjazzjoni hija xprunatur b’saħħtu għall-koeżjoni soċjali u reġjonali li tagħti spinta lit-turiżmu, tistimula n-negozju u tgħaqqad lin-nies. Fl-2018, aktar minn 1,2 biljun passiġġier taru lejn aktar minn 500 ajruport fl-Ewropa u telqu minnhom. Is-settur tal-avjazzjoni tal-UE jikkontribwixxi għall-integrazzjoni Ewropea u jsaħħaħ il-pożizzjoni tal-UE bħala mexxej ġeopolitiku.
Il-konnettività bl-ajru hija xprunatur essenzjali tal-mobbiltà għaċ-ċittadini tal-UE, tal-iżvilupp għar-reġjuni tal-UE u tat-tkabbir għall-ekonomija kollha kemm hi. Livelli għoljin ta’ konnettività bl-ajru fl-UE, kif ukoll lejn l-UE u minnha, huma żgurati bl-aħjar mod meta s-suq tat-trasport bl-ajru tal-UE jopera b’kundizzjonijiet ekwi, fejn l-atturi kollha tas-suq ikunu jistgħu joperaw abbażi ta’ opportunitajiet indaqs. Meta jseħħu, id-distorsjonijiet tas-suq jippreżentaw ir-riskju li jpoġġu lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru jew lill-ajruporti fi żvantaġġ fil-konfront tal-kompetituri. Min-naħa tiegħu, dan jista’ jirriżulta f’telf ta’ kompetittività tal-industrija, u f’telf ta’ konnettività bl-ajru għaċ-ċittadini u n-negozji.
B’mod partikolari, huwa essenzjali li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi fis-suq tat-trasport bl-ajru tal-UE, fir-rigward tal-użu tal-fjuwil tal-avjazzjoni. Fil-fatt, il-fjuwil tal-avjazzjoni jammonta għal sehem sostanzjali mill-kostijiet tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru, jiġifieri sa 25 % tal-kostijiet operazzjonali. Il-varjazzjonijiet fil-prezz tal-fjuwil tal-avjazzjoni jista’ jkollhom impatti importanti fuq il-prestazzjoni ekonomika tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru. Barra minn hekk, id-differenzi fil-prezz tal-fjuwil tal-avjazzjoni bejn il-postijiet ġeografiċi, kif inhu l-każ bħalissa bejn l-ajruporti tal-UE jew bejn l-ajruporti tal-UE u dawk mhux tal-UE, jistgħu jwasslu lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru jadattaw l-istrateġiji ta’ riforniment tagħhom minħabba raġunijiet ekonomiċi.
Prattiki bħat-“tankering tal-fjuwil” iseħħu meta l-operaturi tal-inġenji tal-ajru jippumpjaw aktar fjuwil tal-avjazzjoni milli meħtieġ f’ajruport partikolari, bil-għan li jevitaw ir-riforniment parzjali jew sħiħ tal-fjuwil f’ajruport tad-destinazzjoni fejn il-fjuwil tal-avjazzjoni jkun aktar għali. It-tankering tal-fjuwil iwassal għal konsum akbar tal-fjuwil milli meħtieġ, u b’hekk għal emissjonijiet ogħla, u jdgħajjef il-kompetizzjoni ġusta fis-suq tat-trasport bl-ajru tal-Unjoni. Minbarra li jmur kontra l-isforzi tal-Unjoni għad-dekarbonizzazzjoni tal-avjazzjoni, it-tankering tal-fjuwil huwa ta’ detriment ukoll għal kompetizzjoni b’saħħitha bejn l-atturi tas-suq tal-avjazzjoni. Bl-introduzzjoni u ż-żieda ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli fl-ajruporti tal-Unjoni, il-prattiki tat-tankering tal-fjuwil jistgħu jiġu aggravati bħala riżultat ta’ żieda fil-kostijiet tal-fjuwil tal-avjazzjoni. Għalhekk, fir-rigward tat-tankering tal-fjuwil, dan ir-Regolament għandu l-għan li jerġa’ jistabbilixxi u jippreserva kundizzjonijiet ekwi fis-settur tat-trasport bl-ajru, filwaqt li fl-istess ħin jevita kwalunkwe effett ambjentali negattiv.
F’Diċembru 2020, il-Kummissjoni adottat l-Istrateġija Komprensiva għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti. Din l-istrateġija tistabbilixxi l-objettiv li tingħata spinta lill-użu ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli. Il-fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli għandhom il-potenzjal li jagħtu kontribut kbir għall-ilħuq tal-mira klimatika akbar tal-UE għall-2030 u l-objettiv tan-newtralità klimatika tal-UE. Għall-fini ta’ din l-inizjattiva, fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli tfisser fjuwils likwidi ta’ sostituzzjoni li jistgħu jiġu sostitwiti bi fjuwil tal-avjazzjoni konvenzjonali. Sabiex inaqqas b’mod sinifikanti l-emissjonijiet tiegħu, is-settur tal-avjazzjoni jeħtieġ li jnaqqas id-dipendenza esklużiva attwali tiegħu mill-fjuwil fossili tal-ġettijiet u jaċċellera t-tranżizzjoni tiegħu għal tipi innovattivi u sostenibbli ta’ fjuwils u teknoloġiji. Filwaqt li teknoloġiji alternattivi ta’ propulsjoni għall-inġenji tal-ajru bħal dawk li jaħdmu bl-elettriku jew bl-idroġenu qed jagħmlu avvanzi promettenti, l-introduzzjoni tagħhom għall-użu kummerċjali se teħtieġ sforz u żmien konsiderevoli biex titħejja. Minħabba li t-trasport bl-ajru jeħtieġ li jindirizza l-impronta tal-karbonju tiegħu fil-meded kollha tat-titjir diġà sal-2030, ir-rwol tal-fjuwils likwidi tal-avjazzjoni sostenibbli se jkun essenzjali. Għal din ir-raġuni, huma meħtieġa wkoll miżuri biex jiżdiedu l-provvista u l-użu ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli fl-ajruporti tal-Unjoni.
Filwaqt li diversi perkorsi ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli huma ċċertifikati biex jintużaw fl-avjazzjoni, l-użu tagħhom bħalissa huwa negliġibbli, minħabba nuqqas ta’ produzzjoni bi prezz raġonevoli. Huwa meħtieġ mandat ta’ taħlit li jimmira speċifikament lejn is-settur tal-avjazzjoni, sabiex tingħata spinta lill-adozzjoni mis-suq tal-aktar teknoloġiji tal-fjuwil innovattivi u sostenibbli. Dan jippermetti li maż-żmien tiżdied il-kapaċità tal-produzzjoni u jitnaqqsu l-kostijiet tal-produzzjoni. Minħabba li l-fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli jenħtieġ li jammontaw għal mill-inqas 5 % tal-fjuwils tal-avjazzjoni sal-2030 u 63 % sal-2050, huwa essenzjali li t-teknoloġiji tal-fjuwil appoġġati skont dan ir-Regolament ikollhom l-akbar potenzjal f’termini ta’ innovazzjoni, dekarbonizzazzjoni u disponibbiltà. Din hija kundizzjoni sine qua non sabiex tissodisfa d-domanda futura għall-avjazzjoni u tikkontribwixxi għall-ilħuq tal-objettivi ta’ dekarbonizzazzjoni. Dan jenħtieġ li jkopri b’mod partikolari l-bijofjuwils avvanzati u l-fjuwils tal-avjazzjoni sintetiċi. B’mod partikolari, il-fjuwils tal-avjazzjoni sintetiċi għandhom il-potenzjal li jiksbu tnaqqis fl-emissjonijiet li jkun jilħaq sa 85 % jew aktar meta mqabbel mal-fjuwils fossili tal-avjazzjoni. Meta jiġi prodott mill-elettriku rinnovabbli u mill-karbonju li jinqabad direttament mill-arja, it-tnaqqis potenzjali fl-emissjonijiet meta mqabbel mal-fjuwil tal-avjazzjoni fossili jista’ jilħaq il-100 %. Bħala tali, il-fjuwils tal-avjazzjoni sintetiċi għandhom l-akbar potenzjal għad-dekarbonizzazzjoni tal-fjuwils kollha kkunsidrati fl-ambitu ta’ din l-inizjattiva. Il-proċess tal-produzzjoni tagħhom huwa wkoll partikolarment effiċjenti fir-riżorsi, b’mod partikolari fir-rigward tal-użu tal-ilma, meta mqabbel mal-produzzjoni ta’ perkorsi sostenibbli oħra tal-fjuwils tal-avjazzjoni. Filwaqt li l-fjuwils tal-avjazzjoni sintetiċi jistgħu jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għad-dekarbonizzazzjoni tas-settur, il-miġja tagħhom fis-suq f’volumi mdaqqsa sal-2030 ma hijiex probabbli fin-nuqqas ta’ appoġġ politiku ddedikat. Fil-fatt, il-kostijiet tal-produzzjoni tal-fjuwils tal-avjazzjoni sintetiċi bħalissa huma stmati għal bejn tlieta u sitt darbiet ogħla mill-prezz tas-suq attwali tal-fjuwils fossili tal-avjazzjoni. Peress li l-fjuwils tal-avjazzjoni sintetiċi huma mistennija jkollhom rwol fid-dekarbonizzazzjoni tas-settur diġà sal-2030, u jenħtieġ li jikkontribwixxu għal mill-inqas 28 % tat-taħlita tal-fjuwil tal-avjazzjoni sal-2050, għalhekk jeħtieġ li dan ir-Regolament jistabbilixxi obbligu sekondarju ddedikat, li jixpruna l-introduzzjoni tagħhom fis-suq. Dan huwa mistenni parzjalment ineħħi r-riskju tal-investimenti fil-kapaċità tal-produzzjoni tal-fjuwils tal-avjazzjoni sintetiċi u jippermetti żieda fil-kapaċità tal-produzzjoni.
Minħabba raġunijiet ta’ sostenibbiltà, il-bijofjuwils tal-ewwel ġenerazzjoni bħall-bijofjuwils ibbażati fuq l-għalf, l-ikel u l-għelejjel, li għandhom potenzjal limitat ta’ skalabbiltà u li jqajmu tħassib dwar is-sostenibbiltà, jenħtieġ li ma jiġux appoġġati. Il-bidla indiretta fl-użu tal-art isseħħ meta l-kultivazzjoni tal-għelejjel għall-bijofjuwils tieħu post il-produzzjoni tradizzjonali tal-għelejjel għal skopijiet ta’ ikel u għalf. Tali domanda addizzjonali żżid il-pressjoni fuq l-art u tista’ twassal għall-estensjoni tal-art agrikola f’żoni b’ħażna kbira ta’ karbonju, bħal foresti, artijiet mistagħdra u torbieri, li tikkawża emissjonijiet addizzjonali ta’ gassijiet serra. Ir-riċerka wriet li l-iskala tal-effett tiddependi minn varjetà ta’ fatturi, inklużi t-tip ta’ materja prima użata għall-produzzjoni tal-fjuwil, il-livell ta’ domanda addizzjonali għall-materja prima kkawżata mill-użu tal-bijofjuwils u sa liema punt l-art b’ħażna kbira ta’ karbonju hija protetta madwar id-dinja. L-akbar riskji ta’ tibdil indirett fl-użu tal-art ġew identifikati għall-bijofjuwils prodotti minn materja prima li għalihom ġiet osservata espansjoni sinifikanti taż-żona tal-produzzjoni f’art b’ħażna kbira ta’ karbonju. Minbarra l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra marbuta mat-tibdil indirett fl-użu tal-art – li huwa kapaċi jfixkel xi tnaqqis jew it-tnaqqis kollu fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ta’ bijofjuwils individwali, it-tibdil indirett fl-użu tal-art joħloq riskji wkoll għall-bijodiversità. Dan ir-riskju huwa partikolarment serju b’rabta ma’ espansjoni potenzjalment kbira tal-produzzjoni ddeterminata minn żieda sinifikanti fid-domanda. Għaldaqstant, il-fjuwils ibbażati fuq l-għelejjel tal-għalf u tal-ikel jenħtieġ li ma jiġux promossi. Dan l-approċċ huwa konformi mal-qafas ta’ politika rilevanti tal-Unjoni, li għandu t-tendenza li jillimita jew saħansitra li jelimina gradwalment l-użu ta’ bijofjuwils ibbażati fuq l-għelejjel, minħabba raġunijiet ambjentali. Dan huwa partikolarment il-każ fid-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, li tillimita l-użu ta’ bijofjuwils ibbażati fuq l-għelejjel minħabba l-benefiċċji ambjentali limitati tagħhom, il-potenzjal limitat ta’ tnaqqis ta’ gassijiet serra, u l-fatt li tali bijofjuwils huma f’kompetizzjoni diretta mas-setturi tal-ikel u tal-għalf għall-aċċess għall-materja prima. In-nuqqas ta’ inklużjoni ta’ bijofjuwils ibbażati fuq l-għelejjel jenħtieġ ukoll li jkollu l-għan li jevita r-riskju ta’ ċaqliq tal-bijofjuwils mis-settur tat-toroq lejn it-trasport bl-ajru, peress li dan jista’ jnaqqas id-dekarbonizzazzjoni tat-trasport bit-triq, li bħalissa għadu bil-bosta l-aktar mod ta’ trasport li jniġġes. Is-settur tal-avjazzjoni bħalissa għandu livelli insinifikanti ta’ domanda għall-bijofjuwils ibbażati fuq l-għelejjel tal-ikel u tal-għalf, peress li aktar minn 99 % tal-fjuwils tal-avjazzjoni użati bħalissa huma ta’ oriġini fossili. Għalhekk huwa xieraq li jiġi evitat il-ħolqien ta’ domanda potenzjalment kbira ta’ bijofjuwils ibbażati fuq l-għelejjel tal-ikel u tal-għalf billi jiġi promoss l-użu tagħhom skont dan ir-Regolament.
It-teknoloġiji li huma l-aktar maturi mil-lat industrijali u fl-istess ħin jippreżentaw livelli għoljin ta’ potenzjal ta’ sostenibbiltà, bħall-fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli prodotti mil-lipidi tal-iskart (il-materja prima elenkata fil-Parti B tal-Anness IX tal-RED II), jenħtieġ li jkunu eliġibbli sabiex jitnieda s-suq u jippermettu tnaqqis fl-emissjonijiet diġà fuq terminu qasir. Filwaqt li miżura bħal din hija mistennija tnaqqas sostanzjalment l-emissjonijiet mis-settur tat-trasport kollu kemm hu, bħalissa, il-maġġoranza l-kbira tal-bijofjuwils likwidi huma prodotti għas-settur tat-toroq. Għalhekk, tista’ sseħħ bidla tal-materja prima għall-produzzjoni tal-bijofjuwils fis-settur tat-toroq għall-produzzjoni mis-settur tal-avjazzjoni, iżda din tkun limitata. Fil-fatt, din tistma li ċ-ċaqliq potenzjali għall-bijofjuwils prodotti mill-Parti B tal-Anness IX tal-RED II jkun ta’ madwar 3,2 % sal-2030.
L-introduzzjoni gradwali ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli fis-suq tat-trasport bl-ajru hija mistennija tirriżulta f’żieda fil-kostijiet tal-fjuwil tal-avjazzjoni għal-linji tal-ajru. Dan jista’ jenfasizza l-prattiki ta’ distorsjoni li diġà jeżistu mill-operaturi tal-inġenji tal-ajru, bħat-tankering tal-fjuwil. Għalhekk, din il-proposta għal Regolament għandha l-għan li tgħammar lis-suq tal-avjazzjoni tal-UE b’regoli sodi biex tiżgura li l-ishma ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli li jiżdiedu b’mod gradwali jkunu jistgħu jiġu introdotti fl-ajruporti tal-UE mingħajr effetti detrimentali fuq il-kompetittività tas-suq intern tal-avjazzjoni tal-UE.
Fattur essenzjali biex jiġi żgurat li l-obbligu ta’ forniment ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli ma jagħmilx ħsara lill-kundizzjonijiet ekwi tas-suq tat-trasport bl-ajru, huwa li jiġi impost obbligu ċar u uniformi għall-fornituri kollha tal-fjuwil tal-avjazzjoni fis-suq intern tal-UE. Minħabba d-dimensjoni transfruntiera u globali inerenti tat-trasport bl-ajru, huwa preferut Regolament armonizzat speċifiku għall-avjazzjoni, minn qafas li jeħtieġ traspożizzjoni fil-livell nazzjonali, peress li dan tal-aħħar jista’ jirriżulta f’taħlita ta’ miżuri nazzjonali b’rekwiżiti u miri differenti. Għal tfassil ta’ politika ċar u effettiv, f’dan ir-Regolament, li jikkostitwixxi lex specialis tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, jenħtieġ li jiġu stabbiliti esklużivament obbligi fuq il-fornituri tal-fjuwil tal-avjazzjoni fir-rigward ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli. Peress li r-Regolament jistabbilixxi ishma minimi ta’ fjuwil tal-avjazzjoni sostenibbli, dan ma jżommx lil-linji tal-ajru jew lill-fornituri tal-fjuwil milli jsegwu objettivi ambjentali aktar ambizzjużi jew ifittxu vantaġġi ekonomiċi/finanzjarji oħrajn relatati mal-SAF permezz tal-ippumpjar jew il-forniment ta’ ishma akbar ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli. Għal dan il-għan, il-linji tal-ajru jenħtieġ li jkunu jistgħu jfittxu li jiżguraw arranġamenti adegwati mal-fornituri tal-fjuwil tal-avjazzjoni biex iżidu l-użu tagħhom ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli. Ir-Regolament ma jinkludix in-negozjabbiltà taċ-ċertifikati tal-użu ta’ fjuwil tal-avjazzjoni sostenibbli (l-hekk imsejħa sistema ta’ “book and claim”). Jekk in-negozjar jiġi introdott fi kwalunkwe punt fil-futur, dan jenħtieġ li jkun regolat minn regoli sodi li jiżguraw l-integrità ambjentali tas-sistema.
Dan ir-Regolament jenħtieġ li jkun akkumpanjat minn sforzi intensifikati tal-UE u tal-Istati Membri tagħha fl-ICAO biex jiġu stabbiliti miri vinkolanti għall-użu ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli fl-avjazzjoni internazzjonali, b’alleanza strateġika tal-UE biex tissaħħaħ il-katina tal-valur tal-produzzjoni sostenibbli tal-fjuwils tal-avjazzjoni fl-UE b’mod partikolari għat-teknoloġiji l-aktar innovattivi bħall-bijofjuwils avvanzati u l-fjuwils tal-avjazzjoni sintetiċi, inklużi b’mod partikolari mekkaniżmi ta’ finanzjament bħal kuntratti għal differenzi u miżuri biex tiġi ffaċilitata ċ-ċertifikazzjoni ta’ teknoloġiji innovattivi sostenibbli tal-fjuwils tal-avjazzjoni.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Din il-proposta għal Regolament hija konsistenti mal-politika tat-trasport bl-ajru tal-UE, u b’mod partikolari mar-regoli rilevanti li jiffurmaw il-qafas tas-suq intern tal-avjazzjoni tal-UE. Din issegwi l-istess objettivi bħar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità, jiġifieri li jiġi żgurat li l-linji tal-ajru li joperaw fl-UE jkunu jistgħu jikkompetu fuq il-bażi ta’ opportunità ugwali. Ir-Regolament propost huwa wkoll konformi mar-Regolament (UE) 2019/712 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar is-salvagwardja tal-kompetizzjoni fit-trasport bl-ajru, li għandu l-għan li jiżgura li t-trasportaturi bl-ajru kollha li joperaw lejn l-UE u minnha jkunu jistgħu jibbenefikaw minn kundizzjonijiet ekwi.
Din il-proposta għal Regolament hija konsistenti mar-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (EASA), u b’mod partikolari mar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012 tal-5 ta’ Ottubru 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-operazzjonijiet bl-ajru. Ir-Regolament propost jeħtieġ li l-EASA tirċievi u tipproċessa rapporti mil-linji tal-ajru, b’mod partikolari dwar l-ippumpjar tal-fjuwil tal-avjazzjoni tagħhom. L-obbligu tal-ippumpjar tal-fjuwil tal-avjazzjoni stabbilit skont ir-Regolament propost jenħtieġ li jkun konsistenti mar-regoli dwar is-sikurezza tal-fjuwil tal-avjazzjoni kif stabbiliti skont ir-Regolament (UE) Nru 965/2012.
Ir-Regolament propost huwa konsistenti mad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli (RED II), peress li huwa mistenni jirriżulta f’użu akbar tal-enerġija rinnovabbli fit-trasport bl-ajru. Ir-Regolament propost jiddependi mill-komponenti tar-regoli RED II, b’mod partikolari l-qafas ta’ sostenibbiltà tagħha. L-RED II hija qafas transsettorjali li jistabbilixxi miri għal setturi ġenerali. Ma kienx biżżejjed li tingħata spinta lill-użu ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli minħabba l-ispeċifiċitajiet tas-settur tal-avjazzjoni, b’mod partikolari l-pressjoni qawwija fuq il-kostijiet kompetittivi madwar l-UE u globali tas-settur, kif ukoll is-suq intern tal-avjazzjoni tal-UE integrat ħafna u kompetittiv u d-dimensjoni globali tiegħu. Ir-Regolament propost jistabbilixxi rekwiżiti armonizzati bis-sħiħ biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi bejn il-linji tal-ajru u l-evitar ta’ żvantaġġ kompetittiv bejn l-ajruporti tal-UE.
Ir-Regolament propost huwa koerenti mal-Iskema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS), li tapplika għall-avjazzjoni. Huwa mistenni jinteraġixxi mingħajr xkiel mal-EU ETS, li fiha inċentiv għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru biex jużaw fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli, jiġifieri l-linji tal-ajru ma humiex meħtieġa li jċedu kwoti meta jirrapportaw l-użu tal-SAF. L-effett tal-EU ETS huwa mistenni jissaħħaħ fil-kuntest tar-reviżjoni li jmiss tagħha. Ir-Regolament propost jiddependi mill-EU ETS billi jagħmel kontroreferenza għall-proċessi meħtieġa għall-verifika tar-rapporti mil-linji tal-ajru (l-Artikoli 14 u 15 tal-EU ETS).
Ir-Regolament propost huwa koerenti mad-Direttiva dwar l-Infrastruttura tal-Fjuwils Alternattivi (AFID), iżda huwa mistenni jkollu interazzjoni limitata magħha. Id-Direttiva toħloq qafas komuni ta’ miżuri għall-varar ta’ infrastruttura tal-fjuwils alternattivi fl-UE. Peress li l-fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli huma funġibbli mal-fjuwil tal-ġettijiet konvenzjonali, il-ħtiġijiet ta’ infrastruttura addizzjonali fl-ajruporti huma limitati, iżda madankollu huwa importanti li jiġi żgurat li l-infrastruttura pprovduta tkun adatta għall-iskop tagħha.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
L-objettivi tar-Regolament propost huma wkoll konformi mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, jiġifieri li sal-2030 jinkiseb 55 % tat-tnaqqis tal-emissjonijiet fil-livell tal-UE u li tintlaħaq ekonomija newtrali għall-karbonju sal-2050. Dan għandu l-għan li jiżgura kundizzjonijiet ekwi fost l-atturi tas-suq uniku tal-avjazzjoni, u li s-settur jiġi mgħammar b’regoli sodi li jiżguraw il-kompetittività tiegħu filwaqt li jintroduċi ishma dejjem akbar ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli. Dan huwa konformi mal-objettivi ta’ politika tal-UE ta’ rkupru rapidu tas-setturi l-aktar milquta mill-kriżi tal-COVID-19, Suq Uniku tal-UE b’saħħtu, li jwassal għal livelli għoljin ta’ tkabbir u impjiegi. Fl-aħħar nett, ir-Regolament propost huwa konformi mal-objettivi ta’ tranżizzjoni mill-enerġija fossili, lejn sorsi rinnovabbli tal-enerġija, u biex tittejjeb is-sigurtà tal-enerġija tal-UE billi jitnaqqsu d-dipendenzi tagħna minn prodotti tal-enerġija miksuba minn pajjiżi terzi.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Ir-Regolament propost għandu l-għan li jiżgura kundizzjonijiet ekwi fost l-atturi tas-suq uniku tal-avjazzjoni, u li s-settur jiġi mgħammar b’regoli sodi li jiżguraw il-kompetittività tiegħu, filwaqt li tiżdied is-sostenibbiltà tiegħu. It-test legali se jinkludi dispożizzjonijiet iddettaljati speċifiċi għall-avjazzjoni biex jiġu indirizzati l-kumplessitajiet tas-settur.
L-Artikolu 100(2) jagħti s-setgħa lill-Unjoni li tistabbilixxi dispożizzjonijiet xierqa fit-trasport bl-ajru.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
It-trasport bl-ajru huwa kwistjoni ta’ rilevanza kbira għall-UE, peress li huwa suq integrat ħafna li jopera f’dimensjoni tan-network madwar l-UE kollha u lil hinn minnha. Id-dimensjoni transfruntiera hija inerenti għat-trasport bl-ajru, li jagħmel kwalunkwe qafas regolatorju frammentat ostaklu sinifikanti għall-atturi ekonomiċi tat-trasport bl-ajru.
Huwa meħtieġ intervent fil-livell tal-UE, peress li l-kompetittività tas-suq intern tal-avjazzjoni tal-UE kollu kemm hu ma tistax tiġi indirizzata b’mod adegwat fil-livell nazzjonali. Huwa meħtieġ intervent fil-livell tal-UE b’mod partikolari biex tiġi evitata taħlita ta’ miżuri nazzjonali b’effetti mhux intenzjonati possibbli. Billi l-objettiv tar-Regolament propost huwa li jerġa’ jkun hemm kundizzjonijiet ekwi fis-suq tat-trasport bl-ajru, livelli differenti ta’ obbligi għal kull Stat Membru jista’ jkollhom l-effett oppost u jfixklu aktar is-suq tal-avjazzjoni, filwaqt li jinkoraġġixxu prattiki negattivi mill-operaturi tal-inġenji tal-ajru bħat-tankering tal-fjuwil.
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-impożizzjoni ta’ obbligu fuq il-provvista ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli, l-azzjoni fil-livell tal-UE b’regoli armonizzati speċifiċi għall-avjazzjoni li japplikaw direttament għall-atturi tas-suq hija mistennija tkun aktar effettiva mill-miżuri nazzjonali li jistabbilixxu rekwiżiti u miri differenti.
•Proporzjonalità
Azzjoni fil-livell tal-UE hija mistennija tistabbilixxi direzzjoni politika ċara għall-atturi tas-suq kemm mill-industriji tal-avjazzjoni kif ukoll minn dawk tal-fjuwils. Sett ċar ta’ regoli tal-UE fil-livell tal-UE jfisser li l-linji tal-ajru jistgħu joperaw abbażi ta’ opportunitajiet indaqs madwar l-UE, u b’hekk jiġu restawrati kundizzjonijiet ekwi għal-linji tal-ajru u għall-ajruporti. Dan se jagħti wkoll sinjali ċari lill-industrija tal-fjuwils tal-avjazzjoni dwar il-livell tal-provvista tal-fjuwil u t-teknoloġiji tal-fjuwil biex isir investiment fihom. Sett uniku ta’ regoli jfisser ukoll tnaqqis fil-kostijiet ta’ konformità għall-atturi tas-suq.
Azzjoni fil-livell tal-UE dwar l-SAF tikkontribwixxi għall-kisba tal-ambizzjoni klimatika akbar tal-UE kif stabbilit fil-Liġi Ewropea dwar il-Klima. Il-Pjan dwar il-Mira Klimatika għall-2030 jistabbilixxi li l-SAF għandu rwol ewlieni x’jaqdi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet mill-avjazzjoni sal-2030 u l-2050 u biex jintlaħqu l-għanijiet klimatiċi tal-UE. Għalhekk, l-istabbiliment ta’ regoli tal-UE dwar il-produzzjoni u l-użu tal-SAF jippermetti li jittieħed approċċ “imfassal apposta” għall-ilħuq tal-miri. Id-dipendenza minn miżuri nazzjonali biss b’miri probabbilment differenti (jekk ikun hemm) toħloq ir-riskju li l-livell aggregat ta’ ambizzjoni ma jkunx biżżejjed. L-inizjattiva attwali tista’ tappoġġa wkoll ir-rieżami li jmiss tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli billi ssaħħaħ is-sehem tal-enerġija rinnovabbli fis-settur tat-trasport.
Azzjoni fil-livell tal-UE jista’ jkollha effetti pożittivi fil-livell internazzjonali. Peress li l-intervent tal-UE jkollu effetti fuq is-suq kollu tal-avjazzjoni u tal-SAF tal-UE, huwa mistenni jkollu prominenza akbar lejn pajjiżi terzi minn inizjattivi nazzjonali iżolati. X’aktarx li jseħħu wkoll b’mod aktar faċli effetti kollaterali, fejn pajjiżi terzi jistgħu jikkunsidraw li jadottaw miżuri simili. Min-naħa tiegħu, dan jista’ jaċċellera l-ħidma li għaddejja fil-livell tal-ICAO dwar l-użu tal-SAF. Fil-qosor, l-azzjoni tal-UE tista’ tixpruna aktar żviluppi fil-produzzjoni u l-użu tal-SAF barra mill-UE, li jistgħu jgħinu biex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi fil-livell globali, kif ukoll biex jitnaqqsu l-emissjonijiet mit-trasport bl-ajru f’kamp ta’ applikazzjoni usa’.
•Għażla tal-istrument
Din l-inizjattiva trid tiġi implimentata malajr u b’mod effiċjenti, bħala riżultat ewlieni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Istrateġija Komprensiva għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti, u bħala element kostitwenti meħtieġ għall-ilħuq tal-għanijiet klimatiċi tal-UE sal-2030 u l-2050 billi jiġi żgurat li s-setturi tal-avjazzjoni jħaffu d-dekarbonizzazzjoni tagħhom stess mingħajr ma jipperikolaw il-benefiċċji murija sew ta’ suq intern tal-avjazzjoni integrat ħafna. Kif spjegat fit-Taqsima 1.4 u fl-Anness 11, dan jista’ jinkiseb bl-akbar suċċess billi l-atturi ekonomiċi jiġu rregolati direttament fil-livell tal-UE permezz ta’ Regolament dwar is-suq intern. Fil-fatt, ir-regoli komuni li japplikaw b’mod dirett u uniformi għall-atturi tas-suq tal-avjazzjoni u tal-fjuwil madwar l-UE se jipprovdu ċarezza u uniformità. Peress li s-suq uniku tal-avjazzjoni huwa integrat b’mod inerenti fil-livell tal-UE, jiffunzjona l-aħjar meta r-regoli jiġu applikati għal-linji tal-ajru kollha bl-istess mod. L-impożizzjoni tal-istess rekwiżiti għall-atturi kollha tas-suq tnaqqas ir-riskji ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u tibgħat sinjali ċari lill-atturi tas-suq tal-avjazzjoni mhux tal-UE, meta jagħmlu titjiriet fl-UE. Sett uniformi ta’ regoli madwar l-UE, kif stabbilit skont Regolament, se jippermetti li jintbagħtu sinjali qawwija u ċari lis-suq. Peress li t-tranżizzjoni għall-SAF teħtieġ investimenti sinifikanti, huwa indispensabbli li l-qafas regolatorju jipprovdi sett ta’ regoli uniku, fit-tul u sod lill-investituri kollha madwar l-UE. B’mod partikolari, huwa kruċjali li jiġi evitat il-ħolqien ta’ taħlita ta’ miżuri differenti fil-livell nazzjonali, kif ikun il-każ jekk jiġu implimentati skont Direttiva transsettorjali. Filwaqt li dan jista’ jiffunzjona b’modi tat-trasport bħat-triq jew il-ferrovija, ma jistax ikun ta’ suċċess għall-modi tat-trasport li tant huma transfruntiera u globali bħall-avjazzjoni. L-iskala tas-suq tal-biċċa l-kbira tal-linji tal-ajru hija mifruxa mal-UE kollha jew saħansitra globali. Taħlita ta’ traspożizzjonijiet nazzjonali tista’ tnaqqas l-effettività tal-politika u tipperikola d-dekarbonizzazzjoni effettiva tat-trasport bl-ajru. Dan jista’ jwassal ukoll għal imġiba ekonomika differenti fl-industriji tal-avjazzjoni u tal-fjuwil minn Stat Membru għal ieħor. Dan jista’ jwassal għal prattiki ta’ evitar tal-kostijiet (eż. permezz ta’ tankering tal-fjuwil) li jdgħajfu l-funzjonament tas-Suq Uniku. Din l-inizjattiva se jkollha impatt importanti fuq l-atturi tat-trasport bl-ajru u fuq is-suq intern tal-avjazzjoni kollu kemm hu. Huwa essenzjali li l-obbligi stabbiliti fuq il-linji tal-ajru kollha japplikaw għal-linji tal-ajru kollha b’mod uniformi, kif jista’ jiġi żgurat permezz ta’ regolament. Huwa daqstant ieħor importanti għall-effettività ta’ din l-inizjattiva li l-obbligu tal-provvista tal-fjuwil jiġi implimentat u infurzat b’mod uniformi. Obbligi differenti għall-provvista tal-fjuwil f’oqsma differenti tal-UE (eż. miri differenti, standards ta’ sostenibbiltà differenti, eċċ.) jistabbilixxu differenzi fit-trattamenti bejn il-linji tal-ajru u jistgħu jwasslu għal distorsjonijiet kompetittivi bejn l-ajruporti tal-UE jew ipoġġu lill-atturi tal-avjazzjoni tal-UE fi żvantaġġ ma’ kompetituri mhux tal-UE. Din l-inizjattiva jenħtieġ li tiġi implimentata f’regolament awtonomu sabiex jiġu indirizzati l-ispeċifiċitajiet u l-kumplessitajiet tas-suq uniku tal-avjazzjoni.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
Din hija inizjattiva ġdida. Għalhekk, ma kien hemm l-ebda evalwazzjoni ex post u kontroll tal-idoneità.
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Din il-proposta għal Regolament issegwi konsultazzjoni komprensiva li saret matul l-2020. F’Marzu u f’April 2020, il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni pubblika dwar il-valutazzjoni tal-impatt tal-bidu. Waslu total ta’ 121 feedback mingħand l-awtoritajiet pubbliċi, l-industriji tal-ajrunawtika u tal-fjuwils, l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ, l-akkademiċi u ċ-ċittadini. B’mod ġenerali, il-feedback esprima appoġġ għal azzjoni regolatorja fil-livell tal-UE biex tingħata spinta lill-użu ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli. Il-Kummissjoni organizzat żewġ diskussjonijiet madwar mejda (f’Marzu u f’Novembru 2020), kull darba b’sessjonijiet iddedikati għal diskussjonijiet mal-partijiet ikkonċernati u mal-Istati Membri, u sessjonijiet iddedikati għal diskussjonijiet mal-Istati Membri biss. Id-diskussjonijiet madwar mejda ppermettew li jinkisbu fehmiet u skambju diretti mal-parteċipanti dwar il-ħtieġa ta’ azzjoni regolatorja fil-livell tal-UE dwar fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli. L-ewwel diskussjoni madwar mejda ppermettiet li jinkiseb għarfien siewi dwar id-definizzjoni tal-problema, filwaqt li t-tieni diskussjoni madwar mejda għamlet enfasi fuq l-għażliet ta’ politika, filwaqt li ppermettiet lill-parteċipanti jagħtu l-fehmiet tagħhom dwar l-għażla ppreferuta tagħhom, u ssuġġeriet aġġustamenti fit-tfassil tal-għażliet proposti. Saret konsultazzjoni pubblika miftuħa ta’ 12-il ġimgħa minn Awwissu sa Ottubru 2020. Total ta’ 156 tweġiba nġabru minn awtoritajiet pubbliċi, industriji tal-ajrunawtika u tal-fjuwils, organizzazzjonijiet mhux governattivi, akkademiċi u ċittadini. B’mod ġenerali, it-tweġibiet esprimew appoġġ li tittieħed azzjoni regolatorja fil-livell tal-UE biex tingħata spinta lill-użu ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli fil-forma ta’ mandat ta’ taħlit tal-SAF. Inġabret informazzjoni siewja dwar il-preferenza tar-rispondenti lejn disinji speċifiċi ta’ din il-miżura. Fl-aħħar nett, matul l-istudju ta’ sostenn imwettaq minn kuntrattur estern, twettqet konsultazzjoni mmirata, biex jinkiseb għarfien speċifiku u dettaljat dwar il-funzjonament tas-suq tal-avjazzjoni, l-istat tas-suq tal-fjuwils tal-avjazzjoni, il-produzzjoni ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli u d-diversi politiki eżistenti jew futuri li jappoġġaw l-użu ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli. Din il-konsultazzjoni mmirata ffukat fuq l-atturi tal-industrija tal-ajrunawtika, l-industrija tal-fjuwils tal-avjazzjoni, l-Istati Membri, l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ u l-organizzazzjonijiet internazzjonali tal-avjazzjoni.
Matul din l-istrateġija ta’ konsultazzjoni komprensiva, il-maġġoranza l-kbira tal-partijiet ikkonċernati tal-avjazzjoni (linji tal-ajru, ajruporti, manifatturi tal-inġenji tal-ajru) u l-industriji tal-fjuwil, l-Istati Membri u l-NGOs appoġġaw l-istabbiliment ta’ obbligu tal-SAF bħala mekkaniżmu ta’ politika effettiv biex tingħata spinta lill-produzzjoni u l-adozzjoni tal-SAF u biex jiġi ddekarbonizzat b’suċċess is-settur tal-avjazzjoni. Il-partijiet ikkonċernati kienu pjuttost f’nuqqas ta’ qbil fuq id-disinn speċifiku tal-għażla iżda l-maġġoranza tal-fornituri tal-fjuwil, tal-Istati Membri, tal-NGOs, tal-ajruporti u parti mil-linji tal-ajru jappoġġaw obbligu ta’ SAF min-naħa tal-provvista bi flessibbiltà fid-distribuzzjoni tal-fjuwil, u jkopru l-fjuwil tal-ġettijiet fornut għat-titjiriet kollha li jitilqu mill-ajruporti tal-UE. Fl-istess ħin, il-maġġoranza tal-partijiet ikkonċernati raw il-ħtieġa ta’ miżuri li jipprevjenu r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju u d-distorsjoni fis-suq intern tal-avjazzjoni. Il-biċċa l-kbira tal-partijiet ikkonċernati (il-linji tal-ajru, l-ajruporti, l-industrija tal-fjuwil, l-NGOs, l-Istati Membri) jappoġġaw ukoll inċentivi speċifiċi biex jappoġġaw l-RFNBOs. Dawn il-miżuri kollha ġew inklużi fl-għażla ta’ politika ppreferuta.
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
Sar studju minn kuntrattur estern biex jappoġġa l-valutazzjoni tal-impatt li tirfed din il-proposta. Dan l-istudju beda f’Lulju 2020 u ġie konkluż fil-bidu tal-2021. L-istudju pprovda għarfien siewi lis-servizzi tal-Kummissjoni, b’mod partikolari biex jitfasslu l-għażliet ta’ politika, jiġu vvalutati l-impatti ambjentali, ekonomiċi u soċjali tagħhom, u jinġabru l-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati affettwati b’mod dirett.
•Valutazzjoni tal-impatt
L-għażliet ta’ politika proposti kienu strutturati madwar rekwiżit regolatorju li jikkonsisti f’obbligu ta’ SAF. Dan ir-rekwiżit jippermetti r-restawr ta’ kundizzjonijiet ekwi fis-settur tat-trasport bl-ajru fir-rigward tal-ippumpjar tal-fjuwil tal-avjazzjoni u ż-żamma tiegħu filwaqt li jiżdied l-użu tal-SAF fl-avjazzjoni. L-għażliet ta’ politika pprovdew modi differenti għat-tfassil tal-obbligu. L-ewwel sett ta’ Għażliet kien jinkludi obbligu fuq il-fornituri tal-fjuwil li jqassmu l-SAF fl-ajruporti kollha tal-UE. It-tieni sett ta’ għażliet kien jinkludi obbligu fuq il-linji tal-ajru biex jadottaw l-SAF meta jtiru mill-ajruporti tal-UE (subgħażla waħda kopriet it-titjiriet kollha, is-subgħażla l-oħra kopriet titjiriet fl-UE biss). Fl-aħħar nett, it-tielet sett ta’ għażliet kien jinkludi obbligi fuq il-fornituri tal-fjuwil biex iqassmu l-SAF b’xi flessibbiltà fil-bidu, u fuq il-linji tal-ajru biex jużaw il-fjuwil tal-ġettijiet qabel ma jitilqu mill-ajruporti tal-UE. Il-miri tfasslu f’termini ta’ volum tal-SAF għall-għażliet, u f’termini ta’ tnaqqis tal-intensità tas-CO2 tal-fjuwil tal-ġettijiet għall-oħrajn. L-għażliet kollha kien fihom inċentivi biex jiġu appoġġati fjuwils rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika (RFNBOs). L-għażla ppreferuta kienet li jiġi impost mandat ta’ taħlit tal-SAF fuq il-fornituri tal-fjuwil u obbligu ta’ ppumpjar tal-fjuwil tal-ġettijiet fuq il-linji tal-ajru, inkluż sottomandat fuq l-RFNBOs. Din l-għażla kienet ippreferuta peress li tippermetti li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi fis-suq tat-trasport bl-ajru filwaqt li jiżdiedu b’mod sinifikanti l-produzzjoni u l-użu tal-SAF.
L-għażliet ta’ politika ppreferuti jippermettu li tinżamm il-kompetittività tal-industrija tat-trasport bl-ajru u jwasslu għal tnaqqis sinifikanti tal-emissjonijiet tas-CO2 well-to-wing fis-settur tal-avjazzjoni, jiġifieri b’madwar 60-61 % sal-2050, meta mqabbla max-xenarju ta’ referenza. L-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu fl-arja jonqsu b’madwar 9 % sal-2050 meta mqabbla mal-linja bażi. B’mod ġenerali, il-kostijiet ambjentali tal-avjazzjoni (relatati mal-emissjonijiet tas-CO2 u mal-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu fl-arja) jitnaqqsu b’madwar EUR 87-88 biljun meta mqabbla mal-linja bażi, espressa bħala valur attwali matul il-perjodu 2021-2050. Il-kapaċità tal-produzzjoni tal-SAF tiżdied b’25,5-25,6 Mt addizzjonali sal-2050. It-tfaċċar tal-SAF fis-suq iwassal għal tnaqqis kbir fid-dipendenza tal-avjazzjoni mill-fjuwil fossili tal-ġettijiet, li l-konsum tiegħu jonqos b’65 % sal-2050 meta mqabbel mal-linja bażi. Is-sigurtà tal-enerġija tal-UE tittejjeb hekk kif l-importazzjonijiet tal-enerġija fossili minn pajjiżi terzi jonqsu u l-materja prima u l-elettriku rinnovabbli għall-produzzjoni tal-SAF jinkisbu fl-UE (l-SAF prodott fl-UE jirrappreżenta 92 % tal-użu totali tal-SAF fl-2050). Skont l-għażliet ta’ politika ppreferuti, it-teknoloġiji tal-SAF bl-akbar potenzjal ta’ dekarbonizzazzjoni jitfaċċaw fis-suq fi kwantitajiet sinifikanti aktar kmieni milli mingħajr azzjoni politika. Il-prezzijiet tal-SAF jonqsu meta mqabbla mal-istimi attwali, li jikkontribwixxi għat-tnaqqis tad-distakk fil-prezzijiet bil-fjuwil fossili tal-ġettijiet maż-żmien. L-għażliet ta’ politika ppreferuti jwasslu għall-ħolqien nett ta’ impjiegi fl-UE, jiġifieri madwar 202 100 impjieg addizzjonali meta mqabbla mal-linja bażi. Fl-aħħar nett, it-tnaqqis fit-tniġġis tal-arja għandu effetti pożittivi fuq is-saħħa pubblika (jiġifieri l-kostijiet esterni mit-tnaqqis fit-tniġġis tal-arja b’madwar EUR 1,5 biljun matul il-perjodu 2021 sal-2050, meta mqabbel mal-linja bażi).
B’mod ġenerali l-POs C1 u C2 iwasslu għal żieda fil-kostijiet ta’ EUR 20,3 biljun (C1) u EUR 14,6-il biljun (C2) meta mqabbla mal-linja bażi matul il-perjodu 2021-2050. Dawn il-kostijiet huma fil-biċċa l-kbira xprunati minn żieda fil-kost tal-fjuwil tal-ġettijiet meta mqabbla mal-linja bażi, jiġifieri EUR 103,5 biljun (C1) u EUR 88,2 biljun (C2), espressi bħala valur attwali matul l-2021-2050. Iż-żieda fil-kostijiet tal-fjuwil hija riflessa fuq in-nollijiet tal-ajru, li huma stmati li jiżdiedu b’madwar 8,1-8,2 % sal-2050. Nollijiet ogħla tal-ajru jwasslu għal tnaqqis żgħir fl-attività totali tat-trasport bl-ajru tal-passiġġieri meta mqabbla mal-linja bażi, minkejja li għadhom qed jikbru b’77 % sal-2050 meta mqabbla mal-2015. Dan iwassal għal kostijiet kapitali u operazzjonali aktar baxxi għat-trasport bl-ajru meta mqabbla mal-linja bażi, jiġifieri b’EUR 84 biljun (C1) u EUR 74,5 biljun (C2). Il-kostijiet addizzjonali tal-loġistika jammontaw għal EUR 0,19 biljun (C1 u C2). Il-linji tal-ajru jġarrbu wkoll żieda fil-kostijiet tar-rapportar ta’ EUR 0,34 biljun (C1 u C2) meta mqabbla mal-linja bażi, espressa bħala valur attwali matul l-2021-2050. Għall-produtturi tal-SAF, il-ħtiġijiet ta’ investiment matul il-perjodu mill-2021 sal-2050 huma stmati għal madwar EUR 10,4-10,5 biljun. Fil-fatt, jeħtieġ li jinbnew bejn 104 u 106 impjanti addizzjonali tal-SAF fl-UE sal-2050 biex jipprovdu għall-kapaċità ta’ produzzjoni meħtieġa tal-SAF.
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
Ir-Regolament propost jevita li jimponi piż żejjed fuq l-operaturi ekonomiċi billi jnaqqas il-kostijiet tal-konformità. B’mod partikolari fl-ewwel ħames snin mill-applikazzjoni tiegħu, dan jipprovdi xi flessibbiltà fil-mod kif il-fornituri tal-fjuwil tal-avjazzjoni jistgħu jissodisfaw l-obbligu tal-provvista sostenibbli tal-fjuwil tal-avjazzjoni. Dan mistenni jnaqqas il-kostijiet tal-loġistika u jevita żieda fil-kostijiet sostenibbli tal-fjuwils tal-avjazzjoni. Peress li l-fjuwil tal-avjazzjoni jirrappreżenta sehem imdaqqas mill-kostijiet operazzjonali tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru, dan mistenni jkollu impatt pożittiv fuq il-kompetittività tagħhom.
•Drittijiet fundamentali
Din il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni fuq id-drittijiet fundamentali.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
L-implikazzjonijiet baġitarji huma relatati b’mod partikolari mar-rieżami tar-rapporti u l-valutazzjoni tal-konformità tal-operaturi ekonomiċi soġġetti għall-obbligi, kif ukoll mar-rapportar annwali mill-EASA lill-Kummissjoni. Dawn huma vvalutati fid-dettall fid-Dikjarazzjoni Finanzjarja Leġiżlattiva. L-iżvilupp tal-IT u l-għażliet ta’ akkwist se jkunu soġġetti għal approvazzjoni minn qabel mill-Bord tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u taċ-Ċibersigurtà tal-Kummissjoni Ewropea.
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar
Ir-Regolament propost jinkludi sistemi ta’ monitoraġġ, rapportar u verifika li jippermettu li jiġi żgurat li dan jiġi implimentat b’mod korrett. B’mod partikolari, l-operaturi tal-inġenji tal-ajru u l-fornituri tal-fjuwil se jkunu meħtieġa jirrapportaw fuq bażi annwali. Tali rapporti se jiġu vverifikati minn korpi indipendenti u se titwettaq valutazzjoni tal-konformità tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru u tal-fornituri tal-fjuwil biex jiġi ddeterminat jekk ikunux issodisfaw l-obbligi rispettivi tagħhom. Barra minn hekk, fuq bażi annwali, l-EASA se tirrapporta lill-Kummissjoni b’mod partikolari dwar il-konformità tal-operaturi ekonomiċi u dwar l-istatus tas-swieq tal-avjazzjoni u tal-fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni se tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, tal-inqas kull ħames snin wara d-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, l-evoluzzjoni tas-suq tal-fjuwils tal-avjazzjoni u l-impatt tiegħu fuq is-suq intern tal-avjazzjoni tal-Unjoni, inkluż fir-rigward tal-estensjoni possibbli tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għal sorsi oħra tal-enerġija, u dwar il-ħtieġa possibbli li jiġu aġġustati karatteristiċi speċifiċi tar-Regolament propost.
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
L-Artikolu 1 tal-proposta jiddeskrivi s-suġġett tar-Regolament propost, li jistabbilixxi regoli armonizzati li għandhom l-għan li jżommu kundizzjonijiet ekwi kompetittivi fis-suq intern tal-avjazzjoni tal-Unjoni filwaqt li jżidu l-użu ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli mill-operaturi tal-inġenji tal-ajru u d-distribuzzjoni ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli fl-ajruporti tal-Unjoni. L-Artikolu 2 jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament. L-Artikolu 3 jipprovdi diversi definizzjonijiet ta’ importanza għar-Regolament. L-Artikolu 4 jistabbilixxi l-obbligu għall-fornituri tal-fjuwil tal-avjazzjoni li jiżguraw li l-fjuwil kollu tal-avjazzjoni li jsir disponibbli għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru fl-ajruporti tal-Unjoni jkun fih sehem minimu ta’ fjuwil tal-avjazzjoni sostenibbli, inkluż sehem minimu ta’ fjuwil sintetiku. L-Artikolu 5 jistabbilixxi l-obbligu għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru li jiżguraw li l-kwantità annwali ta’ fjuwil tal-avjazzjoni li jkun ġie ppumpjat f’ajruport partikolari tal-Unjoni tkun ta’ mill-inqas 90 % tal-fjuwil tal-avjazzjoni annwali meħtieġ. L-Artikolu 6 jiddefinixxi l-obbligi għall-Ajruporti tal-Unjoni li jipprovdu l-infrastruttura meħtieġa biex jiġi ffaċilitat l-aċċess tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru għall-fjuwils tal-avjazzjoni li jkun fihom ishma ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli. L-Artikolu 7 jispeċifika l-obbligi ta’ rapportar għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru. L-Artikolu 8 jistabbilixxi regoli dwar id-dikjarazzjoni tal-użu ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli li jikkonċernaw aktar minn skema waħda ta’ gassijiet serra. L-Artikolu 9 jispeċifika l-obbligi ta’ rapportar għall-fornituri tal-fjuwil tal-avjazzjoni. L-Artikolu 10 jiddefinixxi r-regoli dwar l-awtoritajiet kompetenti li għandhom jinħatru mill-Istati Membri biex jiżguraw l-infurzar ta’ dan ir-Regolament. L-Artikolu 11 jistabbilixxi regoli dwar il-multi amministrattivi. L-Artikolu 12 jistabbilixxi obbligu għall-EASA li tippubblika rapport tekniku annwali abbażi tar-rapporti annwali ppreżentati mill-operaturi tal-inġenji tal-ajru u mill-fornituri tal-fjuwil. L-Artikolu 13 joħloq perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ ħames snin li fih il-fornituri tal-fjuwil tal-avjazzjoni jistgħu jfornu s-sehem minimu ta’ fjuwil tal-avjazzjoni sostenibbli bħala medja fuq il-fjuwil kollu tal-avjazzjoni li jfornu madwar l-ajruporti tal-Unjoni għal dak il-perjodu ta’ rapportar. L-Artikolu 14 jiddefinixxi obbligu għall-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li tirrapporta dwar diversi aspetti tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, mill-inqas kull ħames snin. L-Artikolu 15 jipprevedi d-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament. L-Anness I jiddefinixxi l-ishma minimi ta’ fjuwil tal-avjazzjoni sostenibbli, inklużi l-ishma minimi ta’ fjuwil sintetiku, tal-fjuwil tal-avjazzjoni li għandu jiġi fornut, u l-Anness II jipprovdi mudell għall-obbligu ta’ rapportar tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru.
2021/0205 (COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar l-iżgurar ta’ kundizzjonijiet ekwi għal trasport bl-ajru sostenibbli
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)Matul l-aħħar deċennji, it-trasport bl-ajru kellu rwol kruċjali fl-ekonomija tal-Unjoni u fil-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini tal-Unjoni, bħala wieħed mis-setturi bl-aħjar prestazzjoni u l-aktar dinamiċi tal-ekonomija tal-Unjoni. Dan huwa xprunatur b’saħħtu għat-tkabbir ekonomiku, l-impjiegi, il-kummerċ u t-turiżmu, kif ukoll għall-konnettività u l-mobbiltà kemm tan-negozji kif ukoll taċ-ċittadini bl-istess mod, b’mod partikolari fi ħdan is-suq intern tal-avjazzjoni tal-Unjoni. It-tkabbir fis-servizzi tat-trasport bl-ajru kkontribwixxa b’mod sinifikanti għat-titjib fil-konnettività fl-Unjoni u ma’ pajjiżi terzi u kien faċilitatur sinifikanti tal-ekonomija tal-Unjoni.
(2)Mill-2020, it-trasport bl-ajru kien wieħed mill-aktar setturi milquta mill-kriżi tal-COVID-19. Bil-perspettiva li tintemm il-pandemija fil-qrib, huwa mistenni li t-traffiku tal-ajru se jerġa’ jibda gradwalment fis-snin li ġejjin u jirkupra għal-livelli tiegħu ta’ qabel il-kriżi. Fl-istess ħin, l-emissjonijiet mis-settur ilhom jiżdiedu mill-1990 u x-xejra ta’ żieda fl-emissjonijiet tista’ terġa’ lura hekk kif aħna negħlbu l-pandemija. Għalhekk, jeħtieġ li wieħed iħejji għall-futur u jagħmel l-aġġustamenti meħtieġa biex jiġi żgurat suq tat-trasport bl-ajru li jiffunzjona tajjeb u li jikkontribwixxi għall-ilħuq tal-għanijiet klimatiċi tal-Unjoni, b’livelli għoljin ta’ konnettività, sikurezza u sigurtà.
(3)Il-funzjonament tas-settur tat-trasport bl-ajru tal-Unjoni huwa ddeterminat min-natura transfruntiera tiegħu madwar l-Unjoni, u mid-dimensjoni globali tiegħu. Is-suq intern tal-avjazzjoni huwa wieħed mill-aktar setturi integrati fl-Unjoni, regolat minn regoli uniformi dwar l-aċċess għas-suq u kundizzjonijiet operattivi. Il-politika esterna tat-trasport bl-ajru hija regolata minn regoli stabbiliti fil-livell globali fl-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO), kif ukoll minn ftehimiet multilaterali jew bilaterali komprensivi bejn l-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha, u pajjiżi terzi.
(4)Is-suq tat-trasport bl-ajru huwa soġġett għal kompetizzjoni b’saħħitha bejn l-atturi ekonomiċi madwar l-Unjoni, li għalihom kundizzjonijiet ekwi huma indispensabbli. L-istabbiltà u l-prosperità tas-suq tat-trasport bl-ajru u l-atturi ekonomiċi tiegħu jiddependu minn qafas ta’ politika ċar u armonizzat fejn l-operaturi tal-inġenji tal-ajru, l-ajruporti u atturi oħra tal-avjazzjoni jistgħu joperaw abbażi ta’ opportunitajiet indaqs. Fejn iseħħu distorsjonijiet fis-suq, dawn jirriskjaw li jqiegħdu lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru jew lill-ajruporti fi żvantaġġ mal-kompetituri interni jew esterni. Min-naħa tiegħu, dan jista’ jirriżulta f’telf ta’ kompetittività tal-industrija tat-trasport bl-ajru, u f’telf ta’ konnettività bl-ajru għaċ-ċittadini u għan-negozji.
(5)B’mod partikolari, huwa essenzjali li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi fis-suq tat-trasport bl-ajru tal-Unjoni fir-rigward tal-fjuwil tal-avjazzjoni, li jammonta għal sehem sostanzjali tal-kostijiet tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru. Il-varjazzjonijiet fil-prezzijiet tal-fjuwil jistgħu jaffettwaw b’mod sinifikanti l-prestazzjoni ekonomika tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru u jkollhom impatt negattiv fuq il-kompetizzjoni fis-suq. Fejn jeżistu differenzi fil-prezzijiet tal-fjuwil tal-avjazzjoni bejn l-ajruporti tal-Unjoni jew bejn l-ajruporti tal-Unjoni u dawk mhux tal-Unjoni, dan jista’ jwassal lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru biex jadattaw l-istrateġiji ta’ riforniment tagħhom minħabba raġunijiet ekonomiċi. It-tankering tal-fjuwil iżid il-konsum tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru u jirriżulta f’emissjonijiet mhux meħtieġa ta’ gassijiet serra. Għaldaqstant, it-tankering tal-fjuwil mill-operaturi tal-inġenji tal-ajru jdgħajjef l-isforzi tal-Unjoni għall-protezzjoni ambjentali. Xi operaturi tal-inġenji tal-ajru jistgħu jużaw prezzijiet favorevoli tal-fjuwil tal-avjazzjoni fil-bażi residenzjali tagħhom bħala vantaġġ kompetittiv għal linji tal-ajru oħra li joperaw rotot simili. Dan jista’ jkollu effetti detrimentali fuq il-kompetittività tas-settur u jkun ta’ ħsara għall-konnettività tal-ajru. Dan ir-Regolament jenħtieġ li jistabbilixxi miżuri biex jipprevjeni prattiki bħal dawn sabiex tiġi evitata ħsara ambjentali bla bżonn kif ukoll biex jiġu restawrati u ppreservati l-kundizzjonijiet għal kompetizzjoni ġusta fis-suq tat-trasport bl-ajru.
(6)Objettiv ewlieni tal-politika komuni dwar it-trasport huwa l-iżvilupp sostenibbli. Dan jeħtieġ metodu integrat li għandu l-għan li jiżgura kemm il-funzjonament effettiv tas-sistemi ta’ trasport tal-Unjoni kif ukoll il-protezzjoni tal-ambjent. L-iżvilupp sostenibbli tat-trasport bl-ajru jeħtieġ l-introduzzjoni ta’ miżuri li għandhom l-għan li jnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju minn inġenji tal-ajru li jagħmlu titjiriet minn ajruporti tal-Unjoni. Tali miżuri jenħtieġ li jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-objettivi klimatiċi tal-Unjoni sal-2030 u l-2050.
(7)Il-Komunikazzjoni dwar Strateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti adottata mill-Kummissjoni f’Diċembru 2020 tistabbilixxi kors ta’ azzjoni għas-sistema tat-trasport tal-UE biex tikseb it-trasformazzjoni ekoloġika u diġitali tagħha u ssir aktar reżiljenti. Id-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-trasport bl-ajru hija proċess meħtieġ u ta’ sfida, speċjalment fuq terminu qasir. L-avvanzi teknoloġiċi, segwiti fil-programmi Ewropej u nazzjonali tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-avjazzjoni kkontribwew għal tnaqqis importanti fl-emissjonijiet fl-aħħar deċennji. Madankollu, it-tkabbir globali tat-traffiku tal-ajru qabeż it-tnaqqis fl-emissjonijiet tas-settur. Filwaqt li t-teknoloġiji l-ġodda huma mistennija jgħinu fit-tnaqqis tad-dipendenza tal-avjazzjoni fuq distanzi qosra mill-enerġija fossili fid-deċennji li ġejjin, il-fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli joffru l-unika soluzzjoni għad-dekarbonizzazzjoni sinifikanti tal-firxiet kollha tat-titjiriet, diġà fuq terminu qasir. Madankollu, dan il-potenzjal bħalissa fil-biċċa l-kbira tiegħu ma huwiex sfruttat.
(8)Il-fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli huma fjuwils likwidi, ta’ sostituzzjoni, kompletament funġibbli ma’ fjuwil tal-avjazzjoni konvenzjonali u kompatibbli mal-magni tal-inġenji tal-ajru eżistenti. Diversi perkorsi ta’ produzzjoni ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli ġew iċċertifikati fil-livell globali għall-użu fl-avjazzjoni ċivili jew militari. Il-fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli huma lesti mill-aspett teknoloġiku biex ikollhom rwol importanti fit-tnaqqis tal-emissjonijiet mit-trasport bl-ajru diġà fuq terminu qasir ħafna. Dawn mistennija jkunu jammontaw għal parti kbira mit-taħlita tal-fjuwil tal-avjazzjoni fit-terminu medju u fit-tul. Barra minn hekk, bl-appoġġ ta’ standards tal-fjuwils internazzjonali xierqa, il-fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli jistgħu jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-kontenut aromatiku tal-fjuwil finali użat minn operatur, u b’hekk jgħinu biex jitnaqqsu emissjonijiet oħra mhux tas-CO2. Alternattivi oħra biex jitħaddmu l-inġenji tal-ajru, bħall-elettriku jew l-idroġenu likwidu huma mistennija jikkontribwixxu progressivament għad-dekarbonizzazzjoni tat-trasport bl-ajru, li tibda b’titjiriet fuq distanzi qosra.
(9)L-introduzzjoni gradwali ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli fis-suq tat-trasport bl-ajru se tirrappreżenta kost addizzjonali tal-fjuwil għal-linji tal-ajru, peress li tali teknoloġiji tal-fjuwil bħalissa huma aktar għaljin biex jiġu prodotti mill-fjuwil tal-avjazzjoni konvenzjonali. Dan mistenni jaggrava l-kwistjonijiet li diġà jeżistu ta’ kundizzjonijiet ekwi fis-suq tat-trasport bl-ajru fir-rigward tal-fjuwil tal-avjazzjoni, u jikkawża aktar distorsjonijiet fost l-operaturi tal-inġenji tal-ajru u l-ajruporti. Dan ir-regolament jenħtieġ li jieħu miżuri biex jipprevjeni li l-introduzzjoni ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli taffettwa b’mod negattiv il-kompetittività tas-settur tal-avjazzjoni billi jiddefinixxi rekwiżiti armonizzati madwar l-Unjoni.
(10)Fil-livell globali, il-fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli huma rregolati fl-ICAO. B’mod partikolari, l-ICAO tistabbilixxi rekwiżiti dettaljati dwar is-sostenibbiltà, it-traċċabbiltà u l-kontabbiltà ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli għall-użu fuq titjiriet koperti mill-Iskema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA). Filwaqt li l-inċentivi huma stabbiliti fil-CORSIA u l-fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli huma kkunsidrati bħala pilastru integrali tal-ħidma dwar il-fattibbiltà ta’ Għan ta’ Aspirazzjoni fit-Tul għall-avjazzjoni internazzjonali, bħalissa ma hemm l-ebda skema obbligatorja dwar l-użu ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli għal titjiriet internazzjonali. Ftehimiet multilaterali jew bilaterali komprensivi dwar it-trasport bl-ajru bejn l-UE jew l-Istati Membri tagħha, u pajjiżi terzi ġeneralment jinkludu dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni ambjentali. Madankollu, għalissa, tali dispożizzjonijiet ma jimponu l-ebda rekwiżit vinkolanti fuq il-partijiet kontraenti dwar l-użu ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli.
(11)Fil-livell tal-UE, ir-regoli ġenerali dwar l-enerġija rinnovabbli għas-settur tat-trasport huma stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Fil-passat, dawn l-oqfsa regolatorji transsettorjali orizzontali ma wrewx li huma effettivi biex iwettqu tranżizzjoni mill-fjuwils fossili għal fjuwil tal-avjazzjoni sostenibbli fit-trasport bl-ajru. Id-Direttiva (UE) 2018/2001 u l-predeċessur tagħha jistabbilixxu miri ġenerali fil-modi kollha tat-trasport li għandhom jiġu fornuti bi fjuwils rinnovabbli. Peress li l-avjazzjoni huwa suq tal-fjuwils żgħir li għalih il-fjuwils rinnovabbli jiswew aktar biex jiġu prodotti, meta mqabbel ma’ modi oħra ta’ trasport, tali oqfsa regolatorji jenħtieġ li jiġu kkomplementati b’miżuri speċifiċi għall-avjazzjoni biex tingħata spinta effettiva lill-użu ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli. Barra minn hekk, it-traspożizzjonijiet nazzjonali tad-Direttiva (UE) 2018/2001 jippreżentaw ir-riskju li joħolqu frammentazzjoni sinifikanti fis-suq tat-trasport bl-ajru, fejn ir-regoli nazzjonali dwar il-fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli jistabbilixxu miri differenti ħafna. Dan ikun mistenni jkompli jaggrava l-kwistjonijiet ta’ kundizzjonijiet ekwi fit-trasport bl-ajru.
(12)Għalhekk, jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli uniformi għas-suq intern tal-avjazzjoni biex jikkomplementaw id-Direttiva (UE) 2018/2001 u jintlaħqu l-objettivi ġenerali tagħha billi jiġu indirizzati l-ħtiġijiet u r-rekwiżiti speċifiċi li jirriżultaw mis-suq intern tal-avjazzjoni tal-UE. B’mod partikolari, dan ir-Regolament għandu l-għan li jevita frammentazzjoni tas-suq tal-avjazzjoni, jipprevjeni distorsjonijiet kompetittivi possibbli bejn l-atturi ekonomiċi, jew prattiki inġusti ta’ evitar tal-kostijiet fir-rigward tar-riforniment tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru.
(13)L-ewwel nett, dan ir-regolament għandu l-għan li jistabbilixxi qafas li jerġa’ jistabbilixxi u jippreserva kundizzjonijiet ekwi fis-suq tat-trasport bl-ajru fir-rigward tal-użu tal-fjuwils tal-avjazzjoni. Tali qafas jenħtieġ li jipprevjeni rekwiżiti diverġenti madwar l-Unjoni li jaggravaw il-prattiki ta’ riforniment li jfixklu l-kompetizzjoni bejn l-operaturi tal-inġenji tal-ajru jew li jpoġġu lil xi ajruporti fi żvantaġġ kompetittiv ma’ oħrajn. It-tieni, dan għandu l-għan li jgħammar lis-suq tal-avjazzjoni tal-UE b’regoli sodi biex jiżgura li l-ishma dejjem akbar ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli jkunu jistgħu jiġu introdotti fl-ajruporti tal-UE mingħajr effetti detrimentali fuq il-kompetittività tas-suq intern tal-avjazzjoni tal-UE.
(14)Huwa essenzjali li jiġu stabbiliti regoli armonizzati fis-suq intern tal-UE, li japplikaw direttament u b’mod uniformi għall-atturi tas-suq tal-avjazzjoni minn naħa waħda, u għall-atturi tas-suq tal-fjuwils tal-avjazzjoni min-naħa l-oħra. Il-qafas ġenerali stabbilit bid-Direttiva (UE) 2018/2001 jenħtieġ li jiġi kkomplementat b’lex specialis li tapplika għat-trasport bl-ajru. Din jenħtieġ li tinkludi miri li jiżdiedu gradwalment għall-provvista ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli. Dawn il-miri jenħtieġ li jiġu ddefiniti bir-reqqa, filwaqt li jitqiesu l-objettivi ta’ suq tat-trasport bl-ajru li jiffunzjona tajjeb, il-ħtieġa li s-settur tal-avjazzjoni jiġi dekarbonizzat u l-istatus attwali tal-industrija tal-fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli.
(15)Dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika għall-inġenji tal-ajru involuti fl-avjazzjoni ċivili, li jwettqu titjiriet kummerċjali tat-trasport bl-ajru. Jenħtieġ li ma japplikax għal inġenji tal-ajru bħal inġenji tal-ajru militari u inġenji tal-ajru involuti f’operazzjonijiet għal finijiet umanitarji, ta’ tiftix, ta’ salvataġġ, ta’ għajnuna f’diżastri jew mediċi, kif ukoll operazzjonijiet doganali, tal-pulizija u tat-tifi tan-nar. Tabilħaqq, it-titjiriet operati f’ċirkostanzi bħal dawn huma ta’ natura eċċezzjonali u għalhekk mhux dejjem jistgħu jiġu ppjanati bl-istess mod bħal titjiriet regolari. Minħabba n-natura tal-operazzjonijiet tagħhom, dawn mhux dejjem jistgħu jkunu f’pożizzjoni li jissodisfaw l-obbligi skont dan ir-Regolament, peress li jistgħu jirrappreżentaw piż bla bżonn. Sabiex ikun hemm kundizzjonijiet ekwi madwar is-suq uniku tal-avjazzjoni tal-UE, dan ir-regolament jenħtieġ li jkopri l-akbar sehem possibbli ta’ traffiku tal-ajru kummerċjali operat minn ajruporti li jinsabu fit-territorju tal-UE. Fl-istess ħin, sabiex tiġi ssalvagwardjata l-konnettività bl-ajru għall-benefiċċji taċ-ċittadini, tan-negozji u tar-reġjuni tal-UE, huwa importanti li tiġi evitata l-impożizzjoni ta’ piż żejjed fuq l-operazzjonijiet tat-trasport bl-ajru f’ajruporti żgħar. Jenħtieġ li jiġi ddefinit limitu tat-traffiku annwali tal-ajru tal-passiġġieri u tat-traffiku tal-merkanzija, li taħtu l-ajruporti ma jkunux koperti minn dan ir-Regolament; madankollu, il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament jenħtieġ li jkopri mill-inqas 95 % tat-traffiku totali li jitlaq mill-ajruporti fl-Unjoni. Minħabba l-istess raġunijiet, jenħtieġ li jiġi definit limitu biex jiġu eżentati l-operaturi tal-inġenji tal-ajru li huma responsabbli għal għadd baxx ħafna ta’ vjaġġi li jitilqu minn ajruporti li jinsabu fit-territorju tal-UE.
(16)Jenħtieġ li jiġu promossi l-iżvilupp u l-użu ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli b’potenzjal kbir ta’ sostenibbiltà, maturità kummerċjali u potenzjal kbir ta’ innovazzjoni u tkabbir biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet futuri. Dan jenħtieġ li jappoġġa l-ħolqien ta’ swieq tal-fjuwils innovattivi u kompetittivi u jiżgura provvista suffiċjenti ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli għall-avjazzjoni fuq terminu qasir u twil biex jikkontribwixxi għall-ambizzjonijiet tad-dekarbonizzazzjoni tat-trasport tal-Unjoni, filwaqt li jsaħħaħ l-isforzi tal-Unjoni lejn livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali. Għal dan il-għan, il-fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli prodotti mill-materja prima elenkata fil-Partijiet A u B tal-Anness IX tad-Direttiva (UE) 2018/2001, kif ukoll il-fjuwils tal-avjazzjoni sintetiċi jenħtieġ li jkunu eliġibbli. B’mod partikolari, il-fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli prodotti mill-materja prima elenkata fil-Parti B tal-Anness IX tad-Direttiva (UE) 2018/2001 huma essenzjali, peress li bħalissa dawn huma l-aktar teknoloġija kummerċjalment matura għad-dekarbonizzazzjoni tat-trasport bl-ajru diġà fuq terminu qasir.
(17)Minħabba raġunijiet ta’ sostenibbiltà, il-fjuwils ibbażati fuq l-għelejjel tal-għalf u tal-ikel jenħtieġ li ma jkunux eliġibbli. B’mod partikolari, il-bidla indiretta fl-użu tal-art isseħħ meta l-kultivazzjoni tal-għelejjel għall-bijofjuwils tieħu post il-produzzjoni tradizzjonali tal-għelejjel għal skopijiet ta’ ikel u għalf. Tali domanda addizzjonali żżid il-pressjoni fuq l-art u tista’ twassal għall-estensjoni tal-art agrikola f’żoni b’ħażna kbira ta’ karbonju, bħal foresti, artijiet mistagħdra u torbiera, filwaqt li toħloq emissjonijiet addizzjonali ta’ gassijiet serra u tħassib dwar it-telfien tal-bijodiversità. Ir-riċerka wriet li l-iskala tal-effett tiddependi minn varjetà ta’ fatturi, inklużi t-tip ta’ materja prima użata għall-produzzjoni tal-fjuwil, il-livell ta’ domanda addizzjonali għall-materja prima kkawżata mill-użu tal-bijofjuwils u sa liema punt l-art b’ħażna kbira ta’ karbonju hija protetta madwar id-dinja. L-akbar riskji ta’ tibdil indirett fl-użu tal-art ġew identifikati għall-bijofjuwils prodotti minn materja prima li għalihom ġiet osservata espansjoni sinifikanti taż-żona tal-produzzjoni f’art b’ħażna kbira ta’ karbonju. Għaldaqstant, il-fjuwils ibbażati fuq l-għelejjel tal-għalf u tal-ikel jenħtieġ li ma jiġux promossi. Dan l-approċċ huwa konformi mal-politika tal-Unjoni u b’mod partikolari mad-Direttiva (UE) 2018/2001 li tillimita u tistabbilixxi limitu massimu fuq l-użu ta’ tali bijofjuwils fit-trasport bit-triq u bil-ferrovija, meta jiġu kkunsidrati l-benefiċċji ambjentali aktar baxxi tagħhom, prestazzjoni aktar baxxa f’termini ta’ potenzjal ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u tħassib usa’ dwar is-sostenibbiltà. Minbarra l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra marbuta mat-tibdil indirett fl-użu tal-art – li huwa kapaċi jċaħħad parti mit-tnaqqis jew it-tnaqqis kollu tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ta’ bijofjuwils individwali – it-tibdil indirett fl-użu tal-art joħloq riskji wkoll għall-bijodiversità. Dan ir-riskju huwa partikolarment serju b’rabta ma’ espansjoni potenzjalment kbira tal-produzzjoni ddeterminata minn żieda sinifikanti fid-domanda. Is-settur tal-avjazzjoni bħalissa għandu livelli insinifikanti ta’ domanda għall-bijofjuwils ibbażati fuq l-għelejjel tal-ikel u tal-għalf, peress li aktar minn 99 % tal-fjuwils tal-avjazzjoni użati bħalissa huma ta’ oriġini fossili. Għalhekk huwa xieraq li jiġi evitat il-ħolqien ta’ domanda potenzjalment kbira ta’ bijofjuwils ibbażati fuq l-għelejjel tal-ikel u tal-għalf billi jiġi promoss l-użu tagħhom skont dan ir-Regolament. In-nuqqas ta’ eliġibbiltà tal-bijofjuwils ibbażati fuq l-għelejjel skont dan ir-Regolament jimminimizza wkoll kwalunkwe riskju li jitnaqqas ir-ritmu tad-dekarbonizzazzjoni tat-trasport bit-triq, li altrimenti jista’ jirriżulta minn bidla ta’ bijofjuwils ibbażati fuq l-għelejjel mit-triq għas-settur tal-avjazzjoni. Huwa essenzjali li tiġi minimizzata bidla bħal din, peress li t-trasport bit-triq bħalissa għadu bil-bosta l-aktar settur tat-trasport li jniġġes.
(18)Huwa meħtieġ qafas ta’ sostenibbiltà uniku, ċar u sod biex tiġi pprovduta ċertezza għall-atturi tal-industriji tal-avjazzjoni u tal-fjuwils, dwar l-eliġibbiltà ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli skont dan ir-Regolament. Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza ma’ politiki relatati oħra tal-UE, l-eliġibbiltà ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli jenħtieġ li tiġi ddeterminata skont il-konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 29 tad-Direttiva 2018/2001.
(19)Dan ir-Regolament jenħtieġ li jkollu l-għan li jiżgura li l-operaturi tal-inġenji tal-ajru jkunu jistgħu jikkompetu abbażi ta’ opportunitajiet indaqs fir-rigward tal-aċċess għal fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli. Sabiex tiġi evitata kwalunkwe distorsjoni fis-suq tas-servizzi tal-ajru, l-ajruporti kollha tal-Unjoni koperti minn dan ir-Regolament jenħtieġ li jiġu pprovduti b’ishma minimi uniformi ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli. Filwaqt li s-suq huwa liberu li jforni u juża kwantitajiet akbar ta’ fjuwils sostenibbli, dan ir-Regolament jenħtieġ li jiżgura li l-ishma minimi obbligatorji ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli jkunu l-istess madwar l-ajruporti kollha koperti. Dan jissostitwixxi kwalunkwe rekwiżit stabbilit direttament jew indirettament fil-livell nazzjonali jew reġjonali li jeħtieġ li l-operaturi tal-inġenji tal-ajru jew il-fornituri tal-fjuwil tal-avjazzjoni jużaw jew ifornu fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli b’miri differenti minn dawk stabbiliti skont dan ir-Regolament. Sabiex jinħoloq qafas legali ċar u prevedibbli u b’hekk jiġu mħeġġa l-iżvilupp u l-użu tas-suq tal-aktar teknoloġiji sostenibbli u innovattivi b’potenzjal ta’ tkabbir biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet futuri tal-fjuwil, dan ir-Regolament jenħtieġ li jistabbilixxi ishma minimi li jiżdiedu gradwalment tal-fjuwils tal-avjazzjoni sintetiċi maż-żmien. L-istabbiliment ta’ obbligu sekondarju ddedikat għall-fjuwils tal-avjazzjoni sintetiċi huwa meħtieġ fid-dawl tal-potenzjal sinifikanti ta’ dekarbonizzazzjoni ta’ tali fjuwils, u fid-dawl tal-kostijiet tal-produzzjoni stmati attwali tagħhom. Meta jiġu prodotti mill-elettriku rinnovabbli u mill-karbonju li jinqabad direttament mill-arja, il-fjuwils tal-avjazzjoni sintetiċi jistgħu jiksbu tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ 100 % meta mqabbel mal-fjuwil tal-avjazzjoni konvenzjonali. Dawn għandhom ukoll vantaġġi notevoli meta mqabbla ma’ tipi oħra ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli fir-rigward tal-effiċjenza fir-riżorsi (b’mod partikolari għall-ħtiġijiet tal-ilma) tal-proċess tal-produzzjoni. Madankollu, il-kostijiet tal-produzzjoni tal-fjuwils tal-avjazzjoni sintetiċi bħalissa huma stmati għal bejn tlieta u sitt darbiet ogħla mill-prezz tas-suq tal-fjuwil tal-avjazzjoni konvenzjonali. Għalhekk, dan ir-Regolament jenħtieġ li jistabbilixxi obbligu sekondarju ddedikat għal din it-teknoloġija. Tipi oħra ta’ fjuwils sintetiċi, bħal fjuwils sintetiċi b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju li jiksbu tnaqqis kbir ta’ gassijiet serra, jistgħu jiġu kkunsidrati għall-inklużjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament matul ir-reviżjonijiet futuri, fejn tali fjuwils jiġu ddefiniti skont id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli.
(20)Huwa essenzjali li jiġi żgurat li l-ishma minimi ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli jkunu jistgħu jiġu fornuti b’suċċess lis-suq tal-avjazzjoni mingħajr nuqqas ta’ provvista. Għal dan il-għan, jenħtieġ li jiġi ppjanat biżżejjed żmien ta’ tħejjija biex l-industrija tal-fjuwils rinnovabbli tkun tista’ tiżviluppa l-kapaċità tal-produzzjoni kif xieraq. Il-provvista ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli jenħtieġ li ssir obbligatorja mill-2025. Bl-istess mod, sabiex is-suq jiġi pprovdut b’ċertezza u prevedibbiltà legali u l-investimenti jiġu xprunati b’mod durabbli lejn il-kapaċità ta’ produzzjoni sostenibbli tal-fjuwils tal-avjazzjoni, it-termini ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li jkunu stabbli fuq perjodu ta’ żmien twil.
(21)Bl-introduzzjoni u ż-żieda ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli fl-ajruporti tal-Unjoni, il-prattiki tat-tankering tal-fjuwil jistgħu jiġu aggravati bħala konsegwenza taż-żidiet fil-kostijiet tal-fjuwil tal-avjazzjoni. Il-prattiki tat-tankering tal-fjuwil ma humiex sostenibbli u jenħtieġ li jiġu evitati peress li jimminaw l-isforzi tal-Unjoni biex tnaqqas l-impatti ambjentali mit-trasport. Dawn imorru kontra l-objettivi tad-dekarbonizzazzjoni tal-avjazzjoni peress li żieda fil-piż tal-inġenji tal-ajru żżid il-konsum tal-fjuwil u l-emissjonijiet relatati fuq titjira partikolari. Il-prattiki tat-tankering ipoġġu wkoll f’riskju l-kundizzjonijiet ekwi fl-Unjoni bejn l-operaturi tal-inġenji tal-ajru, u anke bejn l-ajruporti. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament jeħtieġ li l-operaturi tal-inġenji tal-ajru jagħmlu riforniment qabel ma jitilqu minn ajruport partikolari tal-Unjoni. L-ammont ta’ fjuwil li jkun ġie ppumpjat qabel it-tluq minn ajruport partikolari tal-Unjoni jenħtieġ li jkun proporzjonat mal-ammont ta’ fjuwil meħtieġ biex jiġu operati t-titjiriet li jitilqu minn dak l-ajruport, filwaqt li titqies il-konformità meħtieġa mar-regoli dwar is-sikurezza tal-fjuwil. Ir-rekwiżit jiżgura li l-kundizzjonijiet ugwali għall-operazzjonijiet fl-Unjoni japplikaw bl-istess mod għall-operaturi tal-Unjoni u dawk barranin, filwaqt li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali. Peress li r-Regolament ma jiddefinixxix sehem massimu ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli fil-fjuwils kollha tal-avjazzjoni, il-linji tal-ajru u l-fornituri tal-fjuwil jistgħu jsegwu politiki ambjentali aktar ambizzjużi b’użu u provvista ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli ogħla fin-network ġenerali tal-operazzjonijiet tagħhom, filwaqt li jevitaw it-tankering tal-fjuwil.
(22)L-ajruporti koperti minn dan ir-Regolament jenħtieġ li jiżguraw li tiġi prevista l-infrastruttura kollha meħtieġa għall-kunsinna, għall-ħżin u għar-riforniment tal-avjazzjoni sostenibbli, sabiex ma jkunx hemm ostaklu fir-rigward tal-użu ta’ tali fjuwil tal-avjazzjoni sostenibbli. Jekk ikun meħtieġ, l-Aġenzija jenħtieġ li tkun tista’ teħtieġ lil ajruport tal-Unjoni jipprovdi informazzjoni dwar l-infrastruttura disponibbli li tippermetti distribuzzjoni u riforniment ta’ fjuwil bla xkiel tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru bi fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli. Ir-rwol tal-Aġenzija jenħtieġ li jippermetti lill-ajruporti u lil-linji tal-ajru jkollhom punt fokali komuni, fil-każ fejn tkun meħtieġa kjarifika teknika dwar id-disponibbiltà tal-infrastruttura tal-fjuwil.
(23)L-operaturi tal-inġenji tal-ajru jenħtieġ li jkunu meħtieġa jirrapportaw kull sena lill-Aġenzija dwar ix-xiri tagħhom ta’ fjuwil tal-avjazzjoni sostenibbli, kif ukoll dwar il-karatteristiċi ta’ dan il-fjuwil. Jenħtieġ li tiġi pprovduta informazzjoni dwar il-karatteristiċi tal-fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli mixtrija bħal, fost l-oħrajn, in-natura u l-oriġini tal-materja prima, il-perkors ta’ konverżjoni u l-emissjonijiet tul iċ-ċiklu tal-ħajja.
(24)L-operaturi tal-inġenji tal-ajru jenħtieġ li jkunu meħtieġa wkoll jirrapportaw kull sena dwar l-ippumpjar reali tagħhom tal-fjuwil tal-avjazzjoni għal kull ajruport tal-Unjoni, sabiex jagħtu prova li ma kien hemm l-ebda tankering tal-fjuwil. Jenħtieġ li r-rapporti jiġu vverifikati minn verifikaturi indipendenti u jiġu trażmessi lill-Aġenzija għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-konformità. Jenħtieġ li l-verifikaturi jiddeterminaw l-akkuratezza tal-fjuwil tal-avjazzjoni annwali meħtieġ irrapportat mill-operaturi permezz ta’ għodda approvata mill-Kummissjoni.
(25)Jenħtieġ li l-fornituri tal-fjuwil tal-avjazzjoni jkunu meħtieġa jirrapportaw kull sena fil-bażi ta’ data tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 28 tad-Direttiva (UE) 2018/2001, dwar il-provvista tagħhom ta’ fjuwil tal-avjazzjoni, inklużi fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli. L-Aġenzija jenħtieġ li tirrapporta kull sena lill-Kummissjoni dwar l-issodisfar mill-operaturi tal-inġenji tal-ajru u mill-fornituri tal-fjuwil tal-avjazzjoni tal-obbligi rispettivi tagħhom skont dan ir-Regolament. Dan huwa importanti għall-Kummissjoni biex ikollha viżibbiltà ċara fil-livell ta’ konformità mar-Regolament.
(26)Mingħajr proċeduri addizzjonali ma huwiex possibbli li jiġi ddeterminat b’mod preċiż jekk l-operaturi tal-inġenji tal-ajru fil-fatt ippumpjawx fiżikament ishma ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli fit-tankijiet tagħhom f’ajruporti speċifiċi tal-Unjoni. Għalhekk, jenħtieġ li l-operaturi tal-inġenji tal-ajru jitħallew jirrapportaw l-użu tagħhom ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli fuq il-bażi ta’ rekords tax-xiri. L-operaturi tal-inġenji tal-ajru jenħtieġ li jkunu intitolati li jirċievu mingħand il-fornitur tal-fjuwil tal-avjazzjoni l-informazzjoni li hija meħtieġa biex jiġi rrapportat ix-xiri tal-fjuwil tal-avjazzjoni sostenibbli.
(27)Huwa essenzjali li l-operaturi tal-inġenji tal-ajru jkunu jistgħu jitolbu l-użu ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli fl-ambitu ta’ skemi ta’ gassijiet serra bħall-Iskema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet jew CORSIA, skont ir-rotta tat-titjiriet tagħhom. Madankollu, huwa essenzjali li dan ir-regolament ma jwassalx għal għadd doppju ta’ tnaqqis fl-emissjonijiet. L-operaturi tal-inġenji tal-ajru jenħtieġ li jitħallew biss jitolbu benefiċċji għall-użu ta’ lott identiku ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli darba. Il-fornituri tal-fjuwil jenħtieġ li jintalbu jipprovdu mingħajr ħlas lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru kwalunkwe informazzjoni li tappartjeni għall-proprjetajiet tal-fjuwil tal-avjazzjoni sostenibbli mibjugħ lil dak l-operatur tal-inġenji tal-ajru u li tkun rilevanti għall-finijiet ta’ rapportar mill-operatur tal-inġenji tal-ajru skont dan ir-Regolament jew l-iskemi ta’ gassijiet serra.
(28)Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi tas-suq intern tal-avjazzjoni u l-aderenza mal-ambizzjonijiet klimatiċi tal-Unjoni, dan ir-Regolament jenħtieġ li jintroduċi penali effettivi, proporzjonati u dissważivi fuq il-fornituri tal-fjuwil tal-avjazzjoni u l-operaturi tal-inġenji tal-ajru f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità. Il-livell tal-penali jeħtieġ li jkun proporzjonat għall-ħsara ambjentali u għall-preġudizzju għall-kundizzjonijiet ekwi tas-suq intern ikkawżati min-nuqqas ta’ konformità. Meta jimponu multi amministrattivi, l-awtoritajiet jenħtieġ li jqisu l-evoluzzjoni tal-prezz tal-fjuwil tal-avjazzjoni u tal-fjuwil tal-avjazzjoni sostenibbli fis-sena ta’ rapportar;
(29)Il-penali għall-fornituri li jonqsu milli jilħqu l-miri stabbiliti f’dan ir-Regolament jenħtieġ li jiġu kkomplementati mill-obbligu li s-suq jiġi pprovdut bin-nuqqas tal-ilħuq tal-kwota fis-sena sussegwenti;
(30)Dan ir-Regolament jenħtieġ li jinkludi dispożizzjonijiet għal rapporti perjodiċi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-evoluzzjoni tas-swieq tal-avjazzjoni u tal-fjuwils, l-effettività tal-karatteristiċi ewlenin tar-Regolament bħall-ishma minimi ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli, il-livell ta’ multi amministrattivi jew ta’ żviluppi ta’ politika dwar l-użu sostenibbli tal-fjuwils tal-avjazzjoni fil-livell internazzjonali. Tali elementi huma kruċjali biex jipprovdu sitwazzjoni ċara tas-suq tal-fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli u jenħtieġ li jitqiesu meta tiġi kkunsidrata reviżjoni tar-Regolament.
(31)Jenħtieġ li jiġi pprovdut perjodu tranżitorju ta’ ħames snin biex jippermetti ammont raġonevoli ta’ żmien għall-fornituri tal-fjuwil tal-avjazzjoni, għall-ajruporti tal-Unjoni u għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru biex jagħmlu l-investimenti teknoloġiċi u loġistiċi meħtieġa. Matul din il-fażi, il-fjuwil tal-avjazzjoni li jkun fih ishma akbar ta’ fjuwil tal-avjazzjoni sostenibbli jista’ jintuża biex jikkumpensa għal ishma iżgħar ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli jew għat-tnaqqis ta’ disponibbiltà ta’ fjuwil tal-avjazzjoni konvenzjonali f’ajruporti oħra.
(32)Peress li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jinżammu kundizzjonijiet ekwi fis-suq tat-trasport bl-ajru tal-Unjoni filwaqt li jiżdied l-użu ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli, ma jistax jintlaħaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri minħabba n-natura transfruntiera tal-avjazzjoni, iżda pjuttost, minħabba l-karatteristiċi tas-suq u l-effetti tal-azzjoni, jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-objettiv.
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli armonizzati dwar l-użu u l-provvista ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli.
Artikolu 2
Kamp ta’ applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu japplika għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru, għall-ajruporti tal-Unjoni, u għall-fornituri tal-fjuwil tal-avjazzjoni.
Artikolu 3
Definizzjonijiet
Għall-fini ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
–“ajruport tal-Unjoni” tfisser ajruport kif definit fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2009/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fejn il-livell ta’ traffiku tal-passiġġieri kien ogħla minn miljun passiġġier jew fejn il-livell ta’ traffiku tal-merkanzija kien ogħla minn 100000 tunnellata fil-perjodu ta’ rapportar, u ma jkunx jinsab f’reġjun ultraperiferiku, kif elenkat fl-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;
–“operatur tal-inġenji tal-ajru” tfisser persuna li kienet topera mill-inqas 729 titjira ta’ trasport kummerċjali bl-ajru li jitilqu minn ajruporti tal-Unjoni fil-perjodu ta’ rapportar jew, meta dik il-persuna ma tkunx tista’ tiġi identifikata, is-sid tal-inġenju tal-ajru;
–“titjira ta’ trasport kummerċjali bl-ajru” tfisser titjira operata bil-għan li ġġorr passiġġieri, merkanzija jew posta, bi ħlas jew kiri, jew titjiriet tal-avjazzjoni kummerċjali;
–“fjuwil tal-avjazzjoni” tfisser il-fjuwil manifatturat għall-użu dirett mill-inġenji tal-ajru;
–“fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli” (“SAF”) tfisser fjuwils tal-avjazzjoni ta’ sostituzzjoni li huma jew fjuwils tal-avjazzjoni sintetiċi, bijofjuwils avvanzati kif iddefiniti fil-punt 34 tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2018/2001, jew bijofjuwils prodotti mill-materja prima elenkata fil-Parti B tal-Anness IX ta’ dik id-Direttiva, li jikkonformaw mal-kriterji dwar is-sostenibbiltà u l-iffrankar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra stabbiliti fl-Artikolu 29(2) sa (7) ta’ dik id-Direttiva u li huma ċċertifikati f’konformità mal-Artikolu 30 ta’ din id-Direttiva;
–“lott” tfisser kwantità ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli li jistgħu jiġu identifikati b’numru u li jistgħu jiġu traċċati;
–“emissjonijiet tul iċ-ċiklu tal-ħajja” tfisser emissjonijiet ekwivalenti tad-diossidu tal-karbonju ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli li jqisu l-emissjonijiet ekwivalenti tad-diossidu tal-karbonju tal-produzzjoni, tat-trasport, tad-distribuzzjoni u tal-użu tal-enerġija abbord, inkluż matul il-kombustjoni, ikkalkolati f’konformità mal-Artikolu 31 tad-Direttiva (UE) 2018/2001;
–“fjuwils tal-avjazzjoni sintetiċi” tfisser fjuwils li huma fjuwils rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika, kif definiti fil-punt 36 tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2018/2001, użati fl-avjazzjoni;
–“fjuwils tal-avjazzjoni konvenzjonali” tfisser fjuwils prodotti minn sorsi fossili mhux rinnovabbli ta’ fjuwils idrokarburi, użati fl-avjazzjoni;
–“fornitur tal-fjuwil tal-avjazzjoni” tfisser fornitur tal-fjuwil kif definit fil-punt 38 tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2018/2001, li jforni fjuwil tal-avjazzjoni f’ajruport tal-Unjoni;
–“sena ta’ rapportar” tfisser perjodu ta’ sena li fih ir-rapporti msemmija fl-Artikoli 7 u 9 għandhom jiġu ppreżentati għal perjodu li jibda mill-1 ta’ Jannar u li jintemm fil-31 ta’ Diċembru;
–“perjodu ta’ rapportar” tfisser perjodu mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ qabel is-sena ta’ rapportar;
–“fjuwil tal-avjazzjoni annwali meħtieġ” tfisser l-ammont ta’ fjuwil tal-avjazzjoni meħtieġ biex operatur tal-inġenji tal-ajru jopera t-titjiriet ta’ trasport kummerċjali bl-ajru kollha, li jitilqu minn ajruport partikolari tal-Unjoni, matul perjodu ta’ rapportar;
–“kwantità annwali mhux ippumpjata fit-tank” tfisser id-differenza bejn il-fjuwil tal-avjazzjoni annwali meħtieġ u l-fjuwil attwali ppumpjat minn operatur tal-inġenji tal-ajru qabel it-titjiriet li jitilqu minn ajruport partikolari tal-Unjoni, matul perjodu ta’ rapportar;
–“kwantità totali annwali mhux ippumpjata fit-tank” tfisser is-somma tal-kwantitajiet annwali mhux ippumpjati fit-tank minn operatur tal-inġenji tal-ajru fl-ajruporti kollha tal-Unjoni matul perjodu ta’ rapportar;
–“skema ta’ gassijiet serra” tfisser skema li tagħti benefiċċji lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru għall-użu ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli.
Artikolu 4
Sehem ta’ fjuwil tal-avjazzjoni sostenibbli disponibbli fl-ajruporti tal-Unjoni
Il-fornituri tal-fjuwil tal-avjazzjoni għandhom jiżguraw li l-fjuwil tal-avjazzjoni kollu li jsir disponibbli għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru f’kull ajruport tal-Unjoni jkun fih sehem minimu ta’ fjuwil tal-avjazzjoni sostenibbli, inkluż sehem minimu ta’ fjuwil tal-avjazzjoni sintetiku f’konformità mal-valuri u d-dati tal-applikazzjoni stabbiliti fl-Anness I.
Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 11(3) u (4), meta fornitur tal-fjuwil tal-avjazzjoni jonqos milli jforni l-ishma minimi stabbiliti fl-Anness I għal perjodu ta’ rapportar partikolari, huwa għandu tal-inqas jikkomplementa dak in-nuqqas fil-perjodu ta’ rapportar sussegwenti.
Artikolu 5
Obbligu ta’ riforniment għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru
Il-kwantità annwali ta’ fjuwil tal-avjazzjoni ppumpjat minn operatur ta’ inġenji tal-ajru partikolari f’ajruport partikolari tal-Unjoni għandha tkun mill-inqas 90 % tal-fjuwil tal-avjazzjoni annwali meħtieġ.
Artikolu 6
Obbligi tal-ajruporti tal-Unjoni li jipprovdu l-infrastruttura
L-ajruporti tal-Unjoni għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiffaċilitaw l-aċċess tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru għall-fjuwils tal-avjazzjoni li jkun fihom ishma ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli f’konformità mal-Anness I u, għandhom jipprovdu l-infrastruttura meħtieġa għat-twassil, għall-ħżin u għall-ippumpjar ta’ tali fjuwils.
Meta l-operaturi tal-inġenji tal-ajru jirrapportaw diffikultajiet lill-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (“l-Aġenzija”) fl-aċċess għall-fjuwils tal-avjazzjoni li jkun fihom fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli f’ajruport partikolari tal-Unjoni għal nuqqas ta’ infrastruttura adegwata tal-ajruport, l-Aġenzija tista’ titlob lill-ajruport tal-Unjoni jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa biex tiġi ppruvata l-konformità mal-paragrafu 1. L-ajruport tal-Unjoni kkonċernat għandu jipprovdi l-informazzjoni mingħajr dewmien żejjed.
L-Aġenzija għandha tivvaluta l-informazzjoni li tirċievi u tinforma lill-Kummissjoni jekk tali informazzjoni tippermetti li jiġi konkluż li l-ajruport tal-Unjoni ma jissodisfax l-obbligi tiegħu. L-ajruporti tal-Unjoni għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jidentifikaw u jindirizzaw in-nuqqas ta’ infrastruttura adegwata tal-ajruport fi żmien ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament jew wara s-sena meta jaqbżu wieħed mil-limiti fl-Artikolu 3(1).
Artikolu 7
Obbligi ta’ rapportar għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru
Sal-31 ta’ Marzu ta’ kull sena ta’ rapportar, l-operaturi tal-inġenji tal-ajru għandhom jirrapportaw l-informazzjoni li ġejja lill-Aġenzija:
(a)L-ammont totali ta’ fjuwil tal-avjazzjoni ppumpjat f’kull ajruport tal-Unjoni, espress f’tunnellati;
(b)Il-fjuwil tal-avjazzjoni annwali meħtieġ, għal kull ajruport tal-Unjoni, espress f’tunnellati;
(c)Il-kwantità annwali mhux ippumpjata fit-tank, għal kull ajruport tal-Unjoni. Jekk il-kwantità annwali mhux ippumpjata fit-tank tkun negattiva jew jekk tkun inqas minn 10 % tal-fjuwil tal-avjazzjoni annwali meħtieġ, il-kwantità annwali rrapportata mhux ippumpjata fit-tank għandha tiġi rrapportata bħala 0;
(d)L-ammont totali ta’ fjuwil tal-avjazzjoni sostenibbli mixtri mill-fornituri tal-fjuwil tal-avjazzjoni, għall-fini tal-operat tat-titjiriet tagħhom li jitilqu minn ajruporti tal-Unjoni, espress f’tunnellati.
(e)Għal kull xirja ta’ fjuwil tal-avjazzjoni sostenibbli, l-isem tal-fornitur tal-fjuwil tal-avjazzjoni, l-ammont mixtri espress f’tunnellati, it-teknoloġija ta’ konverżjoni, il-karatteristiċi u l-oriġini tal-materja prima użata għall-produzzjoni, u l-emissjonijiet tul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-fjuwil tal-avjazzjoni sostenibbli. Meta xirja waħda tinkludi fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli b’karatteristiċi differenti, ir-rapport għandu jipprovdi din l-informazzjoni għal kull tip ta’ fjuwil tal-avjazzjoni sostenibbli.
Ir-rapport għandu jiġi ppreżentat f’konformità mal-mudell stabbilit fl-Anness II.
Ir-rapport għandu jiġi vverifikat minn verifikatur indipendenti f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 14 u 15 tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2067
Artikolu 8
Operatur tal-inġenji tal-ajru li jiddikjara l-użu ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli
L-operaturi tal-inġenji tal-ajru ma għandhomx jitolbu benefiċċji għall-użu ta’ lott identiku ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli taħt aktar minn skema waħda ta’ gassijiet serra. Flimkien mar-rapport imsemmi fl-Artikolu 7, l-operaturi tal-inġenji tal-ajru għandhom jipprovdu lill-Aġenzija bi:
(a)Dikjarazzjoni tal-iskemi ta’ gassijiet serra li jipparteċipaw fihom u li fihom jista’ jiġi rrapportat l-użu ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli;
(b)Dikjarazzjoni li ma rrapportawx lottijiet identiċi ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli taħt aktar minn skema waħda.
Għall-finijiet tar-rapportar tal-użu sostenibbli ta’ fjuwils tal-avjazzjoni skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament, jew skont skema ta’ gassijiet serra, il-fornituri ta’ fjuwils tal-avjazzjoni għandhom jipprovdu lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru bl-informazzjoni rilevanti mingħajr ħlas.
Artikolu 9
Obbligi ta’ rapportar għall-fornituri tal-fjuwil
Sal-31 ta’ Marzu ta’ kull sena ta’ rapportar, il-fornituri tal-fjuwil tal-avjazzjoni għandhom jirrapportaw fil-Bażi ta’ Data tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 28 tad-Direttiva (UE) 2018/2001, l-informazzjoni li ġejja relatata mal-perjodu ta’ rapportar:
(a)Il-volum ta’ fjuwil tal-avjazzjoni fornut f’kull ajruport tal-Unjoni;
(b)Il-volum ta’ fjuwil tal-avjazzjoni sostenibbli fornut f’kull ajruport tal-Unjoni, u għal kull tip ta’ fjuwil tal-avjazzjoni sostenibbli, kif dettaljat fil-punt c);
(c)L-emissjonijiet tul iċ-ċiklu tal-ħajja, l-oriġini tal-proċess tal-materja prima u tal-konverżjoni ta’ kull tip ta’ fjuwil tal-avjazzjoni sostenibbli fornut fl-ajruporti tal-Unjoni.
L-Aġenzija għandu jkollha aċċess għall-bażi tad-data tal-Unjoni u għandha tuża l-informazzjoni li tinsab fil-bażi tad-data tal-Unjoni, ladarba l-informazzjoni tkun ġiet ivverifikata fil-livell tal-Istati Membri skont l-Artikolu 28 tad-Direttiva (UE) 2018/2001.
Artikolu 10
Awtorità kompetenti
(1)L-Istati Membri għandhom jaħtru l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-infurzar tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u għall-impożizzjoni ta’ multi għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru, għall-ajruporti tal-Unjoni u għall-fornituri tal-fjuwil. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bihom.
(2)L-Aġenzija għandha tibgħat id-data li tirċievi skont l-Artikoli 7 u 9 lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. L-Aġenzija għandha tibgħat ukoll lill-awtoritajiet kompetenti d-data aggregata għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru u għall-fornituri tal-fjuwils tal-avjazzjoni li għalihom l-awtoritajiet huma kompetenti skont il-paragrafi 3, 4 u 5.
(3)L-awtoritajiet kompetenti fir-rigward ta’ operatur ta’ inġenji tal-ajru għandhom jiġu ddeterminati skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 748/2009.
(4)L-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tal-ajruporti tal-Unjoni għandhom jiġu ddeterminati abbażi tal-ġuriżdizzjoni territorjali rispettiva.
(5)L-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tal-fornituri tal-fjuwil tal-avjazzjoni għandhom jiġu ddeterminati skont l-Istat Membru ta’ stabbiliment tagħhom.
Artikolu 11
Infurzar
(1)L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar penali applikabbli għal ksur ta’ dispożizzjonijiet adottati skont dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li jiġu implimentati. Il-penali previsti jridu jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2023 u għandhom jinnotifikawha wkoll, mingħajr dewmien, b’kull emenda li taffettwahom.
(2)L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe operatur ta’ inġenji tal-ajru li jonqos milli jikkonforma mal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 5 ikun responsabbli għal multa amministrattiva. Dik il-multa għandha tkun mill-inqas id-doppju tal-multiplikazzjoni tal-prezz medju annwali tal-fjuwil tal-avjazzjoni għal kull tunnellata u tal-kwantità annwali totali mhux ippumpjata fit-tank;
(3)L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe fornitur tal-fjuwil tal-avjazzjoni li jonqos milli jikkonforma mal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 4 fir-rigward tas-sehem minimu ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli jkun soġġett għal multa amministrattiva. Dik il-multa għandha tkun mill-inqas id-doppju tal-multiplikazzjoni tad-differenza bejn il-prezz medju annwali tal-fjuwil tal-avjazzjoni sostenibblu u tal-fjuwil tal-avjazzjoni konvenzjonali għal kull tunnellata u tal-kwantità ta’ fjuwils tal-avjazzjoni li ma jikkonformawx mas-sehem minimu msemmi fl-Artikolu 4 u fl-Anness I;
(4)L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe fornitur tal-fjuwil tal-avjazzjoni li jonqos milli jikkonforma mal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 4 fir-rigward tas-sehem minimu ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sintetiċi jkun soġġett għal multa amministrattiva. Dik il-multa għandha tkun mill-inqas id-doppju tal-multiplikazzjoni tad-differenza bejn il-prezz medju annwali tal-fjuwil tal-avjazzjoni sintetiku u tal-fjuwil tal-avjazzjoni konvenzjonali għal kull tunnellata u tal-kwantità tal-fjuwil tal-avjazzjoni li ma jikkonformax mas-sehem minimu msemmi fl-Artikolu 4 u l-Anness I;
(5)Fid-deċiżjoni li timponi l-multi amministrattivi msemmija fil-paragrafi 3 u 4, l-awtorità kompetenti għandha tispjega l-metodoloġija applikata għad-determinazzjoni tal-prezz tal-fjuwil tal-avjazzjoni, tal-fjuwil tal-avjazzjoni sostenibbli u tal-fjuwil tal-avjazzjoni sintetiku fis-suq tal-Unjoni, abbażi ta’ kriterji verifikabbli u oġġettivi;
(6)L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe fornitur tal-fjuwil tal-avjazzjoni li kien soġġett għal nuqqas mill-obbligu stabbilit fl-Artikolu 4 fir-rigward tas-sehem minimu ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli jew ta’ fjuwils sintetiċi f’perjodu ta’ rapportar partikolari, għandu jforni lis-suq fil-perjodu ta’ rapportar sussegwenti bi kwantità ta’ dak il-fjuwil rispettiv ugwali għal dak in-nuqqas, minbarra l-obbligu tiegħu tal-perjodu ta’ rapportar. L-issodisfar ta’ dan l-obbligu ma għandux jeżonera lill-fornitur tal-fjuwil mill-obbligu li jħallas il-penali stabbiliti fil-paragrafi 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu;
(7)L-Istati Membri għandu jkollhom il-qafas legali u amministrattiv meħtieġ stabbilit fil-livell nazzjonali biex jiżguraw l-issodisfar tal-obbligi u l-ġbir tal-multi amministrattivi. L-Istati Membri għandhom jittrasferixxu l-ammont miġbur permezz ta’ dawk il-multi amministrattivi bħala kontribuzzjoni għall-Faċilità ta’ Investiment għal Tranżizzjoni Ekoloġika tal-InvestEU, bħala żieda għall-garanzija tal-UE.
Artikolu 12
Ġbir u pubblikazzjoni tad-data
Kull sena, l-Aġenzija għandha tippubblika rapport tekniku abbażi tar-rapporti annwali msemmija fl-Artikoli 7 u 9. Dak ir-rapport għandu jkun fih mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:
(a)L-ammont ta’ fjuwil tal-avjazzjoni sostenibbli mixtri mill-operaturi tal-inġenji tal-ajru fil-livell tal-Unjoni b’mod aggregat, għall-użu fuq titjiriet li jitilqu minn ajruport tal-Unjoni, u mill-ajruport tal-Unjoni;
(b)L-ammont ta’ fjuwil tal-avjazzjoni sostenibbli u ta’ fjuwil tal-avjazzjoni sintetiku fornut fil-livell tal-Unjoni b’mod aggregat u skont l-ajruport tal-Unjoni;
(c)L-istat tas-suq, inkluż informazzjoni dwar il-prezzijiet, u x-xejriet fil-produzzjoni u l-użu sostenibbli tal-fjuwil tal-avjazzjoni fl-Unjoni;
(d)L-istatus tal-konformità tal-ajruporti rigward l-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 6;
(e)L-istatus ta’ konformità ta’ kull operatur tal-inġenji tal-ajru u fornitur tal-fjuwil tal-avjazzjoni li jkollhom obbligu skont dan ir-Regolament fil-perjodu ta’ rapportar;
(f)L-oriġini u l-karatteristiċi tal-fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli kollha mixtrija mill-operaturi tal-inġenji tal-ajru għall-użu fuq titjiriet li jitilqu minn ajruporti tal-Unjoni.
Artikolu 13
Perjodu tranżitorju
B’deroga mill-Artikolu 4, mill-1 ta’ Jannar 2025 sal-31 ta’ Diċembru 2029, għal kull perjodu ta’ rapportar, fornitur tal-fjuwil tal-avjazzjoni jista’ jforni s-sehem minimu ta’ fjuwil tal-avjazzjoni sostenibbli ddefinit fl-Anness I bħala medja ponderata fuq il-fjuwil tal-avjazzjoni kollu li jkun forna fl-ajruporti tal-Unjoni għal dak il-perjodu ta’ rapportar.
Artikolu 14
Rapporti u Rieżami
Sal-1 ta’ Jannar 2028 u kull ħames snin wara dan, is-servizzi tal-Kummissjoni għandhom jippreżentaw rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, dwar l-evoluzzjoni tas-suq tal-fjuwils tal-avjazzjoni u l-impatt tiegħu fuq is-suq intern tal-avjazzjoni tal-Unjoni, inkluż fir-rigward tal-estensjoni possibbli tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għal sorsi oħra tal-enerġija, u tipi oħra ta’ fjuwils sintetiċi ddefiniti skont id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, ir-reviżjoni possibbli tal-ishma minimi fl-Artikolu 4 u fl-Anness I, u l-livell ta’ multi amministrattivi. Ir-rapport għandu jinkludi informazzjoni, fejn ikun disponibbli, dwar l-iżvilupp ta’ qafas ta’ politika potenzjali għall-użu ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli fil-livell tal-ICAO. Ir-rapport għandu jinforma wkoll dwar l-avvanzi teknoloġiċi fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni fl-industrija tal-avjazzjoni li huma rilevanti għall-fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli, inkluż fir-rigward tat-tnaqqis tal-emissjonijiet mhux tas-CO2. Ir-rapport jista’ jikkunsidra jekk dan ir-Regolament jenħtiġx li jiġi emendat u, għażliet għal emendi, fejn ikun xieraq, f’konformità ma’ qafas ta’ politika potenzjali dwar l-adozzjoni ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli fil-livell tal-ICAO.
Artikolu 15
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2023.
Madankollu, l-Artikoli 4 u 5 għandhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2025 u l-Artikoli 7 u 9 għandhom japplikaw mill-1 ta’ April 2024 għall-perjodu ta’ rapportar tas-sena 2023.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President