Brussell, 14.10.2019

COM(2019) 482 final

2019/0234(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Konġunt imwaqqaf mill-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji fir-rigward tal-emendar tal-Konvenzjoni


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji (“Kumitat Konġunt tal-PEM”) b’rabta mal-adozzjoni prevista ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt tal-PEM rigward l-emendar tal-Konvenzjoni

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Il-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji

Il-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji tistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar l-oriġini tal-prodotti kkummerċjati skont Ftehimiet rilevanti konklużi bejn il-Partijiet Kontraenti.

Is-sistema tal-akkumulazzjoni tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranja tippermetti l-applikazzjoni ta’ akkumulazzjoni djagonali bejn is-26 Parti Kontraenti tal-Konvenzjoni: L-Unjoni Ewropea, l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja, l-Iżvizzera, l-Alġerija, l-Eġittu, l-Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu, il-Marokk, il-Palestina 1 , is-Sirja, it-Tuneżija, it-Turkija, l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Kroazja, il-Maċedonja ta’ Fuq, il-Montenegro, is-Serbja, il-Kosovo 2 , il-Gżejjer Faeroe, ir-Repubblika tal-Moldova, il-Georgia u l-Ukrajna. Tistabbilixxi qafas multilaterali ta’ regoli tal-oriġini għal netwerk ta’ Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles, u tapplika mingħajr preġudizzju għall-prinċipji stabbiliti f’dawk il-ftehimiet. Il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ b’rabta mal-Unjoni fl-1 ta’ Mejju 2012.

L-Unjoni Ewropea hija parti għall-Konvenzjoni 3 .

2.2.Il-Kumitat Konġunt tal-PEM

Il-Kumitat Konġunt tal-PEM stabbilit bl-Artikolu 3(1) tal-Konvenzjoni jadotta emendi għall-Konvenzjoni, jamministra din il-Konvenzjoni u jiżgura l-implimentazzjoni xierqa tagħha. Skont l-Artikolu 12 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat Konġunt tal-PEM, id-Deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt jiġu adottati b’vot unanimu tal-Partijiet Kontraenti li għalihom tkun daħlet fis-seħħ il-Konvenzjoni, preżenti jew rappreżentati fil-laqgħa tal-Kumitat Konġunt tal-PEM.

Il-Partijiet Kontraenti li għalihom daħlet fis-seħħ il-Konvenzjoni għandhom id-drittijiet tal-vot. Kull Parti Kontraenti għandha vot wieħed.

2.3.L-att previst tal-Kumitat Konġunt tal-PEM

Il-proċess ta’ emendar tal-Konvenzjoni beda fl-2012 u twettaq fi ħdan Grupp ta’ Ħidma li kien jiltaqa’ mill-inqas darbtejn fis-sena. Matul dan il-proċess, l-Istati Membri ġew involuti b’mod regolari permezz ta’ fora differenti (il-Grupp ta’ Esperti Doganali – Taqsima tal-Oriġini, il-Grupp ta’ Ħidma tal-Unjoni Doganali tal-Kunsill, il-Kumitat tal-Politika Kummerċjali).

Fis-27 ta’ Novembru 2019, waqt id-9 laqgħa tiegħu, il-Kumitat Konġunt tal-PEM se jadotta deċiżjoni rigward l-emendar tal-Konvenzjoni (“l-att previst”).

L-għan tal-att previst huwa li jemenda r-regoli tal-oriġini sabiex jikkorrispondu aħjar mar-realtà ekonomika. L-att previst isir vinkolanti għall-partijiet f’konformità mal-Artikolu 4(3)(a) tal-Ftehim, li jipprevedi: “Il-Kumitat Konġunt għandu jadotta, permezz ta’ deċiżjonijiet, emendi għal din il-Konvenzjoni, inklużi emendi għall-Appendiċijiet”. L-aħħar sentenza tal-Artikolu 4(3)(a) tipprevedi: “Id-deċiżjonijiet li ssir referenza għalihom f'dan il-paragrafu għandhom jiddaħħlu fis-seħħ mill-Partijiet Kontraenti skont il-leġiżlazzjoni tagħhom stess.”

L-emendi għall-Konvenzjoni għandhom isiru applikabbli fl-1 ta’ Jannar 2021. Madankollu, jista’ jkun li id-data tal-implimentazzjoni effettiva tal-emendi jkollha tiġi modifikata sabiex jitqiesu l-proċeduri interni meħtieġa li jridu jiġu segwiti minn Partijiet Kontraenti oħra qabel din id-data.

3.Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni

L-emendi proposti għall-Konvenzjoni jipprevedu diversi flessibbiltajiet u elementi ta’ modernizzazzjoni addizzjonali, li huma konsistenti ma’ dawk diġà miftiehma mill-Unjoni fi ftehimiet oħra reċenti (il-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv bejn l-UE u l-Kanada (CETA), il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Vjetnam, il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-UE u l-Ġappun, il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-UE u l-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika) jew fi skemi preferenzjali (Sistema Ġeneralizzata tal-Preferenzi). It-titjib jikkonsisti fl-introduzzjoni ta’ regoli ġeneralment aktar flessibbli u simplifikati li jagħmluha aktar faċli għall-industrija tal-UE li tilħaqhom, u għalhekk, li ttejjeb il-kompetittività tal-esportazzjoni tagħhom. It-test emendat ma jbiddilx id-dispożizzjonijiet istituzzjonali tal-Konvenzjoni attwali.

3.1.Dettalji tar-regoli tal-oriġini emendati

(a)Derogi

Il-Konvenzjoni emendata tikkodifika u tintroduċi aktar trasparenza fil-prattika attwali, skont liema l-Partijiet Kontraenti jistgħu jaqblu b’mod bilaterali dwar regoli li jidderogaw mir-regoli komuni skont il-Konvenzjoni, billi jirrikjedu n-notifika ta’ tali derogi (l-Artikolu 1(3)). Id-derogi eżistenti jibqgħu fis-seħħ u ma jiġux affettwati mill-obbligu ta’ notifika (l-Artikolu 1(2)).

(b)Prodotti miksuba għalkollox – il-kundizzjonijiet “tal-bastimenti”

L-hekk imsejħa kundizzjonijiet tal-bastimenti li jinsabu fis-sett emendat tar-regoli huma aktar sempliċi u jipprevedu aktar flessibbiltà (l-Artikolu 3(2)). Meta mqabbla mat-test attwali, ċerti kundizzjonijiet tħassru (jiġifieri rekwiżiti speċifiċi tal-ekwipaġġ); oħrajn ġew emendati biex jipprovdu aktar rilassament (jiġifieri s-sjieda).

(c)Biżżejjed ħidma jew ipproċessar – Bażi medja

Is-sett emendat tar-regoli propost jagħti l-flessibbiltà lill-esportatur li jitlob awtorizzazzjoni lill-awtoritajiet doganali biex jikkalkulaw il-prezz mill-fabbrika u l-valur tal-materjali mhux oriġinarji fuq bażi medja biex jitqiesu l-varjazzjonijiet fil-kostijiet u fir-rati tal-kambju (l-Artikolu 4(3) sa 4(6)). Dan jagħti aktar prevedibbiltà lill-esportaturi.

(d)Tolleranza

Bħalissa t-tolleranza hi stabbilita għal 10 % fil-valur tal-prezz mill-fabbrika tal-prodott (l-Artikolu 5).

Għall-prodotti agrikoli, it-test propost jipprovdi tolleranza ta’ 15 % tal-piż nett tal-prodott, u għall-prodotti industrijali jipprovdi tolleranza ta’ 15 % fil-valur tal-prezz mill-fabbrika tal-prodott (l-Artikolu 5).

It-tolleranza fil-piż tintroduċi kriterju aktar oġġettiv u livell limitu ta’ 15 % jenħtieġ jipprovdi livell ta’ klemenza biżżejjed. Din tiżgura wkoll li l-varjazzjonijiet internazzjonali fil-prezzijiet tal-prodotti bażiċi tħalli impatt fuq l-oriġini tal-prodotti agrikoli.

(e)Akkumulazzjoni

It-test propost (l-Artikolu 7) iżomm l-akkumulazzjoni dijagonali għall-prodotti kollha. Barra minn hekk, dan jipprevedi akkumulazzjoni sħiħa ġeneralizzata għall-prodotti kollha għajr għat-tessuti u għall-ħwejjeġ fil-Kapitoli 50-63 tas-Sistema Armonizzata (SA).

Minbarra dan, għall-prodotti tal-Kapitoli 50-63 tas-SA, dan jipprovdi għal akkumulazzjoni sħiħa bilaterali. Fl-aħħar nett, il-Partijiet Kontraenti se jkollhom l-għażla li jaqblu li jestendu l-akkumulazzjoni sħiħa ġeneralizzata wkoll għall-prodotti tal-Kapitoli 50-63 tas-SA.

(f)Segregazzjoni tal-kontabbiltà

Skont ir-regoli attwali (l-Artikolu 20), l-awtoritajiet doganali jistgħu jawtorizzaw segregazzjoni tal-kontabbiltà meta “jinqalgħu kostijiet jew diffikultajiet materjali konsiderevoli fiż-żamma ta’ stokkijiet separati”. Ir-regola emendata (l-Artikolu 12) tistipula li l-awtoritajiet doganali jistgħu jawtorizzaw is-segregazzjoni tal-kontabbiltà “jekk jintużaw materjali funġibbli oriġinarji u mhux oriġinarji”.

Esportatur mhux se jkollu aktar għalfejn jiġġustifika meta jitlob awtorizzazzjoni għal segregazzjoni tal-kontabbiltà li ż-żamma ta’ stokkijiet separati għandha kost konsiderevoli jew toħloq diffikultajiet materjali; se jkun biżżejjed li jiġi indikat li se jintużaw materjali funġibbli.

Fil-każ taz-zokkor, peress li hu materjal jew prodott finali, l-istokkijiet oriġinarji u mhux oriġinarji mhux se jibqgħu jinżammu separati fiżikament.

(g)Prinċipju ta’ territorjalità

Ir-regoli attwali (l-Artikolu 11) jippermettu li ċertu xogħol jew ipproċessar isir barra mit-territorju skont ċerti kundizzjonijiet, għajr għall-prodotti tal-Kapitoli 50-63 tas-SA. Ir-regoli proposti (l-Artikolu 13) ma għadhomx jinkludu l-esklużjoni għat-tessuti.

(h)Nonalterazzjoni

Ir-regola tan-nonalterazzjoni proposta (l-Artikolu 14) tipprevedi aktar klemenza dwar il-moviment tal-prodotti oriġinarji bejn il-Partijiet Kontraenti. Jenħtieġ tevita sitwazzjonijiet fejn prodotti, li għalihom ma jkun hemm l-ebda dubju dwar l-istatus oriġinarju tagħhom, jiġu esklużi mill-benefiċċju tar-rata preferenzjali waqt l-importazzjoni għax ir-rekwiżiti formali tad-dispożizzjoni tat-trasport dirett ma jiġux issodisfati.

(i)Projbizzjoni ta' rifużjoni ta' dazji doganali jew eżenzjoni minnhom

Skont ir-regoli attwali (l-Artikolu 14), il-prinċipju ġenerali tal-projbizzjoni tar-rifużjoni japplika għall-materjali użati fil-manifattura ta’ kwalunkwe prodott. Bir-regoli emendati (l-Artikolu 16) titneħħa l-projbizzjoni għall-prodotti kollha, għajr għall-materjali użati fil-manifattura ta’ prodotti li jaqgħu fl-ambitu tal-Kapitoli 50-63 tas-Sistema Armonizzata (tessuti u ħwejjeġ). Madankollu, it-test jipprovdi wkoll għal xi eċċezzjonijiet għall-projbizzjoni tar-rifużjoni tad-dazju għal dawn il-prodotti.

(j)Prova tal-oriġini

Ir-regoli emendati (l-Artikolu 17(1)) jintroduċu tip wieħed ta’ prova tal-oriġini (ċertifikat EUR.1 jew dikjarazzjoni tal-oriġini) minflok l-avviċinament doppju attwali ta’ EUR 1 u EUR-MED, u b’hekk jissimplifikaw sostanzjalment is-sistema. Dan itejjeb il-konformità mill-operaturi ekonomiċi billi jevita l-iżbalji minħabba regoli kumplessi, u jiffaċilita l-ġestjoni min-naħa tal-awtoritajiet doganali. Apparti hekk, dan ma jaffettwax il-kapaċità tal-verifika tal-provi tal-oriġini, li tibqa’ l-istess.

Ir-regoli emendati (l-Artikolu 17(3)) jinkludu wkoll l-alternattiva ta’ qbil dwar l-applikazzjoni ta’ sistema ta’ esportaturi rreġistrati (REX). Dawn l-esportaturi rreġistrati f’bażi ta’ data komuni se jkunu responsabbli biex jagħmlu dikjarazzjonijiet huma stess dwar l-oriġini mingħajr ma jgħaddu mill-proċedura tal-esportaturi approvati. Id-dikjarazzjoni tal-oriġini jkollha l-istess valur ġuridiku bħad-dikjarazzjoni tal-oriġini jew iċ-ċertifikat tal-moviment EUR.1. Ir-regoli emendati jipprevedu wkoll il-possibbiltà futura li jiġu applikati ċertifikati ta’ oriġini maħruġa b’mod elettroniku (l-Artikolu 17(4)).

(k)Validità tal-prova tal-oriġini

Qed jiġi propost li jiġi estiż il-perjodu tal-validità ta’ prova tal-oriġini minn erbgħa (4) għal għaxar (10) xhur (l-Artikolu 23). Jenħtieġ ukoll li tiġi prevista aktar klemenza b’rabta mal-moviment ta’ prodotti oriġinarji bejn il-Partijiet.

3.2.Dettalji tar-regoli tal-lista emendata

3.2.1.Prodotti agrikoli

(a)valur u piż

Il-limitu tal-materjali mhux oriġinarji ġie espress biss fil-valur. Il-limiti l-ġodda ġew espressi bħala piż biex tkun evitata l-varjazzjoni fil-prezzijiet u fir-rata tal-kambju (eż. l-ex Kapitoli 19, 20, 2105, 2106) flimkien ma’ tneħħija ta’ ċertu limitu għaz-zokkor (eż. il-Kapitolu 8 jew is-SA 2202).

Is-sett emendat tar-regoli żied il-limitu massimu tal-piż (minn 20 % għal 40 %) u l-possibbiltà li xi intestaturi jużaw valur jew piż ta’ għażla alternattiva. Il-kapitoli u l-intestaturi tas-SA ikkonċernati mill-bidla huma b’mod partikolari: ex-1302, 1704 (piż jew valur ta’ regola alternattiva), 18 (1806: piż jew valur ta’ regola alternattiva), 1901.

(b)Addattament għax-xejriet tal-akkwisti

Prodotti agrikoli oħra (jiġifieri ż-żjut veġetali, il-ġewż, it-tabakk) għandhom regoli aktar flessibbli adattati għar-realtà ekonomika b’mod partikolari għall-Kapitoli 14, 15, 20 (inkluż l-intestatura 2008), 23, 24 tas-SA. Is-sett emendat tar-regoli jikseb bilanċ bejn is-sorsi reġjonali u dawk globali (il-Kapitoli 9 u 12 tas-SA). Ir-regoli ġew ukoll simplifikati (inqas eċċezzjonijiet) fil-Kapitoli 4, 5, 6, 8, 11 u ex-13 tas-SA.

3.2.2.Prodotti industrijali (għajr it-tessuti)

Il-kompromess propost jinkludi bidliet konsiderevoli meta mqabbel mar-regoli attwali:

- fir-rigward tal-għadd ta’ prodotti, ir-regola attwali tal-Kapitolu fiha kundizzjoni kumulattiva doppja. Din saret kundizzjoni waħda (il-Kapitoli 74, 75, 76, 78 u 79 tas-SA);

- tħassar għadd kbir ta’ regoli speċifiċi li qed jidderogaw mir-regola tal-Kapitolu (il-Kapitoli 28, 35, 37, 38 u 83 tas-SA). Dan l-approċċ aktar orizzontali joħloq ambjent aktar sempliċi għall-operaturi u għad-dwana;

- l-inklużjoni ta’ regola alternattiva fir-regola attwali tal-Kapitolu, li toffri għażla akbar lill-esportatur biex jissodisfa l-kriterju tal-oriġini (il-Kapitoli 27, 40, 42, 44, 70 u 83, 84 u 85).

Dawn il-bidliet kollha joħolqu regoli tal-lista aġġornati u mmodernizzati li b’mod ġenerali jagħmluha eħfef biex jiġi ssodisfat il-kriterju li jinkiseb l-istatus tal-oriġini ta’ prodott. Barra minn hekk, il-possibbiltà msemmija hawn fuq li tintuża bażi medja fuq perjodu taż-żmien tista’ tipprevedi aktar simplifikazzjoni għall-esportaturi.

3.2.3.Tessuti

Fir-rigward tat-tessuti u tal-ħwejjeġ, ġew introdotti alternattivi ġodda fir-rigward tal-ipproċessar passiv u t-tolleranzi. Ġew introdotti wkoll proċessi ġodda għall-għoti tal-oriġini għal dawn il-prodotti, speċjalment għat-tessut li se jsir disponibbli aktar faċilment. Fl-aħħar nett, l-akkumulazzjoni sħiħa bilaterali se tapplika wkoll għal dawn il-prodotti. B’din l-akkumulazzjoni, l-ipproċessar li jsir fuq il-materjali tat-tessuti (jiġifieri l-insiġ, it-tidwir eċċ.) se jkun jista’ jitqies fil-proċess tal-produzzjoni fiż-żona tal-akkumulazzjoni.

L-emendi għall-Konvenzjoni se jsiru applikabbli fl-1 ta’ Jannar 2021 (jew fid-data li għandha tiġi miftiehma mill-Kumitat Konġunt tal-PEM) fost dawk il-Partijiet Kontraenti li jkunu introduċew dawn l-emendi għall-Konvenzjoni, jew ir-referenza għalihom, b’mod effettiv fil-protokolli tagħhom dwar ir-regoli tal-oriġini.

4.Bażi ġuridika

4.1.Bażi ġuridika proċedurali

4.1.1.Il-Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi Deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp inkwistjoni. Jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni” 4 .

4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

Il-Kumitat Konġunt tal-PEM huwa korp stabbilit permezz ta’ ftehim, jiġifieri l-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji.

L-att li l-Kumitat Konġunt tal-PEM huwa mitlub jadotta jikkostitwixxi att b’effetti legali. L-att previst se jkun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji.

L-att previst ma jissupplimentax jew ma jemendax il-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.

Għaldaqstant, il-bażi ġuridika proċedurali għad-Deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

4.2.Bażi ġuridika sostantiva

4.2.1.Il-Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva biex tittieħed Deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li dwaru tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni.

4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst huma relatati mal-politika kummerċjali komuni.

Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva għad-deċiżjoni proposta hi l-Artikolu 207(3) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) tat-TFUE.

4.3.Konklużjoni

Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 207(3) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

5.Implikazzjonijiet baġitarji

L-emendi għall-Konvenzjoni PEM huma bbażati fuq prinċipju ta’ modernizzazzjoni tar-regoli tal-oriġini sabiex jiġu allinjati max-xejriet il-ġodda stabbiliti mill-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles reċenti. Ir-regoli emendati fil-Konvenzjoni PEM fihom, fil-biċċa l-kbira, elementi ta’ simplifikazzjoni tal-proċeduri doganali u elementi ta’ modernizzazzjoni, bħal:

–Biżżejjed ħidma jew ipproċessar – Bażi medja: billi jiġi kkalkulat il-prezz mill-fabbrika u l-valur tal-materjali mhux oriġinarji fuq bażi medja b’kunsiderazzjoni tal-fluttwazzjonijiet tas-suq, jipprovdi lill-esportaturi b’aktar prevedibbiltà,

–Prova tal-oriġini: huwa soġġett għal simplifikazzjoni peress li se jintuża biss ċertifikat wieħed tat-tip tal-oriġini – EUR1,

–Validità ta’ prova tal-oriġini: tipprevedi aktar klemenza b’rabta mal-moviment ta’ prodotti oriġinarji, billi żżid il-validità minn 4 xhur għal 10 xhur).

Dawn l-emendi għall-Konvenzjoni PEM ma għandhomx impatt li jista’ jitkejjel fuq il-baġit tal-UE peress li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom jikkonċerna prinċipalment il-faċilitazzjoni tal-kummerċ u l-konsolidazzjoni ta’ prattiki moderni mill-awtoritajiet doganali. Jipprevedu għal faċilitazzjoni fakultattiva fl-oqsma li jibqgħu taħt il-kompetenza tal-awtoritajiet mingħajr ma jkollhom impatt fuq is-sustanza tar-regoli (segregazzjoni tal-kontabbiltà, provi tal-oriġini, teħid ta’ medja). Uħud mill-aspetti tas-simplifikazzjoni (bħat-tnaqqis tal-kriterji tal-bastimenti) jipprevedu aktar prevedibbiltà billi jneħħu l-kundizzjonijiet li bħalissa huma diffiċli biex jiġu kkontrollati mill-awtoritajiet doganali filwaqt li oħrajn (nonalterazzjoni) jirreferu għal-loġistika mingħajr ma jaffettwaw is-sustanza tar-regoli.

Għalkemm id-dispożizzjonijiet dwar ir-rifużjoni tad-dazju huma emendati, il-projbizzjoni tar-rifużjoni tad-dazju tinżamm fis-settur tat-tessuti u tal-ħwejjeġ, li jibqa’ wieħed mis-setturi ewlenin tal-kummerċ fiż-żona PEM. Ir-regoli emendati jikkodifikaw l-istatus quo billi jżommu fis-seħħ il-projbizzjoni li bħalissa qed tiġi applikata ma’ xi Partijiet Kontraenti. Il-ġeneralizzazzjoni proposta ta’ akkumulazzjoni sħiħa fiż-żona PEM għandha l-għan li ssaħħaħ ix-xejriet kummerċjali eżistenti fiż-żona u l-kumplimentarjetà tagħhom, iżda ma għandhiex taffettwa b’mod sinifikanti d-dazji doganali tal-UE miġbura peress li l-prodotti soġġetti għall-akkumulazzjoni se jkollhom jikkonformaw mar-rekwiżit tagħhom stess ta’ valur miżjud fiż-żona sabiex jibbenefikaw minn preferenzi, kif inhu l-każ bħalissa.

L-emendi għar-regoli tal-lista fis-settur tal-prodotti agrikoli u l-prodotti agrikoli pproċessati jikkonsistu prinċipalment minn metodoloġija adattata mingħajr ma tiġi affettwata s-sustanza tar-regoli. Il-limiti massimi eżistenti attwalment espressi f’valuri se jiġu espressi f’piżijiet. Dan il-kriterju huwa aktar oġġettiv u aktar faċli biex jiġi kkontrollat mill-awtoritajiet doganali. Is-simplifikazzjoni tar-regoli speċifiċi għall-prodott għall-prodotti industrijali għandu jkollha impatt limitat fuq id-dħul mid-dazji doganali, peress li f’ħafna każijiet dawn jistgħu jwasslu għal aktar bidliet fil-provvista milli f’żidiet fl-importazzjonijiet preferenzjali mill-pajjiżi tal-PEM li jissostitwixxu l-importazzjonijiet li qabel kienu soġġetti għal dazji tal-importazzjoni. Għalhekk, l-impatt ta’ dawk il-bidliet fuq id-dħul mid-dazju fuq l-importazzjoni mhuwiex kwantifikabbli.

F’termini ta’ kummerċ u tal-impatt fuq l-użu tal-preferenzi, ir-rilassamenti previsti fir-regoli l-ġodda jenfasizzaw l-integrazzjoni ekonomika fiż-żona kollha, pereżempju fis-settur tat-tessuti fejn l-użu tal-preferenzi diġà huwa għoli ħafna. Ir-regoli mtejba dwar it-tessuti u l-akkumulazzjoni huma prinċipalment maħsuba biex isaħħu l-integrazzjoni reġjonali diġà eżistenti u d-disponibbiltà tal-materjali fiż-żona, aktar milli biex jippermettu li jiġu importati aktar materjali mhux oriġinarji minn barra ż-żona.

6.Pubblikazzjoni tal-att previst

Billi l-att tal-Kumitat Konġunt tal-PEM se jemenda l-Konvenzjoni, huwa xieraq li din tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara l-adozzjoni tagħha.

2019/0234 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Konġunt imwaqqaf mill-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji fir-rigward tal-emendar tal-Konvenzjoni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(3) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli tal-oriġini preferenzjali pan-Ewro-Mediterranji (“il-Konvenzjoni”) ġiet konkluża mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/93/UE 5 u daħlet fis-seħħ fir-rigward tal-Unjoni fl-1 ta’ Mejju 2012.

(2)Is-sistema tal-akkumulazzjoni tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranja tippermetti l-applikazzjoni ta’ akkumulazzjoni djagonali bejn is-26 Parti Kontraenti tal-Konvenzjoni: L-Unjoni Ewropea, l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja, l-Iżvizzera, l-Alġerija, l-Eġittu, l-Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu, il-Marokk, il-Palestina 6 , is-Sirja, it-Tuneżija, it-Turkija, l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Kroazja, il-Maċedonja ta’ Fuq, il-Montenegro, is-Serbja, il-Kosovo 7 , il-Gżejjer Faeroe, il-Moldova, il-Georgia u l-Ukrajna.

(3)Il-Konvenzjoni tipprevedi li r-regoli tal-oriġini se jkollhom jiġu emendati sabiex jirrispondu aħjar għar-realtà ekonomika, u tistabbilixxi proċeduri għall-emendar tagħha stess. L-emendi għall-Konvenzjoni għandhom jiġu adottati b’deċiżjoni unanima tal-Kumitat Konġunt stabbilit bl-Artikolu 3(1) tal-Konvenzjoni (“il-Kumitat Konġunt”).

(4)Il-proċess ta’ emendar tal-Konvenzjoni beda fl-2012 u rriżulta f’sett ġdid ta’ regoli tal-oriġini iżjed moderni u iżjed flessibbli, li huma konsistenti ma’ dawk diġà miftiehma mill-Unjoni f’ċerti ftehimiet oħra reċenti (il-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv bejn l-UE u l-Kanada (CETA), il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Vjetnam, il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-UE u l-Ġappun, il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-UE u l-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika) jew fi skemi preferenzjali (Sistema Ġeneralizzata tal-Preferenzi).

(5)Il-Kumitat Konġunt huwa mistenni li jadotta Deċiżjoni dwar l-emendar tal-Konvenzjoni matul il-laqgħa tiegħu tas-27 ta’ Novembru 2019 jew f’data aktar tard.

(6)Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt, għaliex id-Deċiżjoni se tkun vinkolanti fuq l-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li trid tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Konġunt imwaqqaf mill-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt mehmuża ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Dan l-isem m’għandux jiġi interpretat bħala rikonoxximent ta’ Stat tal-Palestina u huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet individwali tal-Istati Membri dwar din il-kwistjoni.
(2)    Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.
(3)    ĠU L 54, 26.2.2013, p. 4.
(4)    Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja v Il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafi 61 sa 64.
(5)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/93/UE tal-14 ta’ April 2011 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli tal-oriġini preferenzjali pan-Ewro-Mediterranji (ĠU L 54, 26.2.2013, p. 4).
(6)    Dan l-isem m’għandux jiġi interpretat bħala rikonoxximent ta’ Stat tal-Palestina u huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet individwali tal-Istati Membri dwar din il-kwistjoni.
(7)    Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.