|
15.12.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 424/21 |
ID-DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/2059
tas-7 ta’ Diċembru 2020
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tal-Kummerċ stabbilit mill-Ftehim Interim ta’ Sħubija bejn il-Komunità Ewropea minn naħa waħda, u l-Istati tal-Paċifiku, min-naħa l-oħra, rigward l-emendar ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Protokoll II għall-Ftehim dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Ftehim Interim ta’ Sħubija bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u l-Istati tal-Paċifiku, min-naħa l-oħra (1) (“il-Ftehim”), iffirmat fit-30 ta’ Lulju 2009, stabbilixxa qafas għal Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika. Il-Ftehim ġie applikat b’mod proviżorju mill-Istat Indipendenti ta’ Papua New Guinea u mir-Repubblika ta’ Fiġi mill-20 ta’ Diċembru 2009 u mit-28 ta’ Lulju 2014 rispettivament. Wara l-adeżjoni tagħhom mal-Ftehim, l-Istat Indipendenti ta’ Samoa u l-Gżejjer Solomon ukoll bdew japplikaw il-Ftehim b’mod proviżorju mill-31 ta’ Diċembru 2018 u mis-17 ta’ Mejju 2020 rispettivament. |
|
(2) |
Skont l-Artikolu 68 tal-Ftehim u l-Artikolu 41 tal-Protokoll II tal-Ftehim, fir-rigward tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “Prodotti Oriġinarji” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva (“Protocoll II”), il-Kumitat tal-Kummerċ stabbilit skont il-Ftehim (“il-Kumitat tal-Kummerċ bejn l-UE u l-Paċifiku”) jista’ jiddeċiedi li jemenda d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll II. |
|
(3) |
Il-Kumitat tal-Kummerċ bejn l-UE u l-Paċifiku, waqt it-tmien laqgħa tiegħu, il- irid jadotta deċiżjoni li temenda ċerti dispożizzjonijiet tal-Protokoll II |
|
(4) |
Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kumitat tal-Kummerċ bejn l-UE u l-Paċifiku, billi d-deċiżjoni prevista ser tkun vinkolanti għall-Unjoni. |
|
(5) |
Jenħtieġ li jiġu emendati ċerti dispożizzjonijiet tal-Protokoll II sabiex jiġu riflessi l-iżviluppi riċenti dwar ir-regoli tal-oriġini, jingħataw regoli tal-oriġini aktar flessibbli u aktar sempliċi li jiffaċilitaw il-kummerċ għall-operaturi ekonomiċi, u tiġi ottimizzata r-rata ta’ użu tat-trattament preferenzjali. |
|
(6) |
Jenħtieġ li jiġu emendati l-intestaturi u d-eskrizzjonijiet għal ċerti prodotti inklużi fl-Anness II għall-Protokoll II sabiex dawn jiġu allinjati mal-aġġornamenti magħmula mill-Organizzazzjoni Dinjija Doganali għall-edizzjonijiet tal-2012 u l-2017 tan-Nomenklatura tas-Sistema Arminozzata (SA) u sabiex tinżamm konsistenza tad-deskrizzjonijiet tal-prodotti u l-klassifikazzjoni tas-SA. |
|
(7) |
It-Trattat dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea ġie ffirmat fid-9 ta’ Diċembru 2011 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2013. Il-Ftehim japplika, minn naħa waħda, għat-territorji li fihom it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea japplika u skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak it-Trattat u, min-naħa l-oħra, għat-territorji tal-Istati tal-Paċifiku firmatarji. Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness IV għall-Protokoll II jiġi emendat biex ikun jinkludi l-verżjoni Kroata tad-dikjarazzjoni fuq fattura. |
|
(8) |
L-Anness VIII għall-Protokoll II jelenka l-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej tal-Unjoni. Fit-tifsira tal-Protokoll II “pajjiżi u territorji extra-Ewropej” tfisser il-pajjiżi u t-territorji msemmijin fir-Raba’ Parti tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea. Jenħtieġ li l-lista fl-Anness VIII għall-Protokoll II tiġi aġġornata biex tqis il-bidliet riċenti fl-istatus ta’ ċerti pajjiżi u territorji extra-Ewropej. |
|
(9) |
Wara l-adeżjoni tal-Istat Indipendenti ta’ Samoa u tal-Gżejjer Solomon mal-Ftehim, jenħtieġ li dawn iż-żewġ Stati jitħassru mil-lista ta’ “Stati oħrajn tal-AKP” imsemmija fl-Anness X għall-Protokoll II, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fit-tmien laqgħa tal-Kumitat tal-Kummerċ bejn l-UE u l-Paċifiku għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kumitat tal-Kummerċ bejn l-UE u l-Paċifiku (2).
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Diċembru 2020.
Għall-Kunsill
Il-President
J. BORRELL FONTELLES
(1) ĠU L 272, 16.10.2009, p. 2.
(2) Ara d-dokument ST10899/20 fuq http://register.consilium.europa.eu