DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)
22 ta’ Ġunju 2016 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja — Assenza ta’ dubju raġonevoli — Ġurisdizzjoni fil-qasam matrimonjali — Regolament (KE) Nru 2201/2003 — Artikolu 16(1)(a) — Determinazzjoni tal-mument li fih il-qorti tkun adita — Kunċett ta’ ‘mument li fih ir-rikors promotur jew att ekwivalenti jiġi ppreżentat quddiem il-qorti’”
Fil-Kawża C‑173/16,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Court of Appeal (qorti tal-appell, l-Irlanda), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Marzu 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Marzu 2016, fil-proċedura
M. H.
vs
M. H.,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),
komposta minn A. Arabadjiev, President ta’ Awla, C. G. Fernlund (Relatur) u S. Rodin, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: Y. Bot,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat id-deċiżjoni, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat, skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,
tagħti l-preżenti
Digriet
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 16(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn M. H u M. H dwar it-tmiem tar-relazzjoni familjari tagħhom. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
|
3 |
L-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, intitolat “Il-Pussess ta’ Qorti” [“Tressiq ta’ kawża quddiem qorti”], jipprovdi: “Qorti għandha tiġi kkunsidrata li hija fil-pussess;
|
|
4 |
L-Artikolu 19(1) u (3) ta’ dan ir-regolament jipprovdi: “1. Fejn il-proċedimenti dwar id-divorzju, is-separazzjoni legali jew l-annullament taż-żwieg bejn l-istess partijiet jinġiebu quddiem qrati ta’ Stati Membri differenti, it-tieni qorti li tkun ħadet il-pussess [il-qorti adita t-tieni] għandha b’mozzjoni proprja żżomm il-proċedimenti sakemm il-ġurisdizzjoni ta’ l-qorti li tkun ħadet il-pussess l-ewwel [il-qorti adita l-ewwel] tigi stabbilita. […] 3. Fejn il-ġurisdizzjoni ta’ l-ewwel qorti li ħadet il-pussess tiġi stabbilita, it-tieni qorti bil-pussess għandha iċċedi l-ġurisdizzjoni favur dik il-qorti. F'dak il-każ, il-parti li tkun ġabet il-kawza relevanti quddiem il-qorti li ħadet il-ta’ l-pussess wara, tista’ ġġib dik il-kawza quddiem il-qorti li ħadet ita’ l-pussess l-ewwel.” |
Id-dritt Irlandiż
|
5 |
Skont ir-Regoli tal-Proċedura applikabbli fl-Irlanda, kif ippreżentati mill-qorti tar-rinviju, proċedura tingħata bidu meta ċ-ċitazzjoni (summons) tinħareġ (issued) mir-Reġistratur tal-qorti kkonċernata. In-notifika taċ-ċitazzjoni ma hijiex neċessarja qabel ma tibda l-proċedura. Wara li tkun inħarġet, iċ-ċitazzjoni tiġi nnotifikata lill-konvenut. |
|
6 |
Minkejja li l-proċedura ma titqiesx li hija pendenti sakemm tinbeda wara li tkun inħarġet iċ-ċitazzjoni, il-qorti kkonċernata madankollu għandha l-ġurisdizzjoni li taqta’ l-kawża qabel ma tinħareġ iċ-ċitazzjoni. Dan huwa l-każ fi proċeduri tad-dritt tal-familja f’sitwazzjonijiet ta’ urġenza. |
Id-dritt tar-Renju Unit
|
7 |
Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, ir-Regoli tal-Proċedura applikabbli għar-Renju Unit (l-Ingilterra u Wales) huma simili għal dawk li japplikaw fl-Irlanda, kif ippreżentati fil-punti 5 u 6 ta’ dan id-digriet. Madankollu, minflok ċitazzjoni, l-att promotur huwa rikors (petition). |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
|
8 |
M. H, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali u M. H, il-konvenuta fil-kawża prinċipali, iżżewwġu fis-26 ta’ Ġunju 1982. |
|
9 |
Il-konvenuta fil-kawża prinċipali ppreżentat rikors għad-divorzju li ġie rċevut mir-Reġistru tal-qorti tal-familja tar-Renju Unit (l-Ingilterra u Wales) fis-7:53 fis-7 ta’ Settembru 2015. Fuq dan ir-rikors ġiet ittimbrata d-data, mhux iktar tard mill-10:30 tal-istess jum. Sussegwentement, dan intbagħat lir-Reġistru ta’ din il-qorti fil-11 ta’ Settembru 2015. Ir-rikors ġie nnotifikat lir-rikorrent fil-kawża prinċipali fil-15 ta’ Settembru 2015. |
|
10 |
Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta ċitazzjoni għas-separazzjoni legali fir-Reġistru tal-High Court (qorti suprema, l-Irlanda) fis-14:30 approssimattivament, fis-7 ta’ Settembru 2015, li huwa ħareġ ftit ħin wara, l-istess jum. Iċ-ċitazzjoni ġiet innotifikata lill-konvenuta fil-kawża prinċipali fid-9 ta’ Settembru 2015. |
|
11 |
Il-proċedura ta’ divorzju li nbdiet mill-konvenut fil-kawża prinċipali quddiem il-qorti tal-familja tar-Renju Unit (l-Ingilterra u Wales) titqies li nbdiet b’effett mill-11 ta’ Settembru 2015 u li hija pendenti quddiem din il-qorti minn din id-data. Il-proċedura ta’ separazzjoni legali li nbdiet mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali quddiem il-High Court (qorti suprema) fl-Irlanda titqies li nbdiet fis-7 ta’ Settembru 2015 u li hija pendenti quddiem din il-qorti minn din id-data. |
|
12 |
Fil-kuntest tal-proċedura mibdija fl-Irlanda, il-partijiet fil-kawża prinċipali talbu, rispettivament, lill-High Court (qorti suprema), tiddikjara li din il-qorti, fir-rigward tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, u l-qorti tal-familja fir-Renju Unit (l-Ingilterra u Wales), fir-rigward tal-konvenuta fil-kawża prinċipali, kienet l-ewwel qorti adita, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 2201/2003. |
|
13 |
Il-High Court (qorti suprema) iddeċidiet fuq dawn it-talbiet billi kkonstatat, abbażi tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 2201/2003, li l-qorti tal-familja tar-Renju Unit (l-Ingilterra u Wales) kienet l-ewwel qorti adita. |
|
14 |
Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali appella minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju. |
|
15 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Court of Appeal (qorti tal-appell, l-Irlanda) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “Il-frażi ‘fiż-żmien li d-dokument li istitwixxa l-proċedimenti [...] [jiġi ppreżentat] [i]l-qorti’, fis-sens tal-Artikolu 16(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003, għandha tiġi interpretata bħala:
|
|
16 |
Il-qorti tar-rinviju talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tissuġġetta l-kawża għall-proċedura mħaffa, skont l-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
Fuq id-domanda preliminari
|
17 |
Skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, meta r-risposta għal domanda preliminari tkun tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat. |
|
18 |
Hemm lok li din id-dispożizzjoni tiġi applikata f’din il-kawża. |
|
19 |
Fid-dawl tal-fatt li l-kawża ser tiġi deċiża b’dan id-digriet skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba għall-proċedura mħaffa. |
|
20 |
Il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 16(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003 għandux jiġi interpretat fis-sens li “fiż-żmien li d-dokument li istitwixxa l-proċedimenti jew dokument ekwivalenti jiġu ppreżentati l-qorti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, huwa l-mument li fih issir din il-preżentata quddiem il-qorti kkonċernata, anki jekk skont id-dritt nazzjonali, tali preżentata ma tikkostitwixxix, fiha nfisha, il-bidu tal-proċedura. |
|
21 |
Il-Qorti ddeċidiet reċentement, fis-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, A (C‑489/14, EU:C:2015:654), dwar kwistjoni ta’ lis alibi pendens bejn żewġ proċeduri quddiem żewġ qrati ta’ Stati Membri differenti, waħda fil-qasam tad-divorzju u l-oħra fil-qasam tas-separazzjoni legali. |
|
22 |
Fir-rigward tal-finalità tar-regoli ta’ lis alibi pendens stabbiliti fl-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 2201/2003, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li dan ir-regoli huma intiżi li jevitaw proċeduri paralleli quddiem il-qrati ta’ Stati Membri differenti u li jevitaw deċiżjonijiet kunfliġġenti li jistgħu jirriżultaw minnhom. Għal dan il-għan, il-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea kellu l-intenzjoni jimplementa mekkaniżmu ċar u effettiv sabiex jiġu riżolti l-każijiet ta’ lis alibi pendens (ara sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, A,C‑489/14, EU:C:2015:654, punt 29). |
|
23 |
Kif jirriżulta mit-termini “qorti adita l-ewwel” u “qorti adita t-tieni” li jinsabu fl-Artikolu 19(1) u (3) tar-Regolament Nru 2201/2003, dan il-mekkaniżmu huwa bbażat fuq l-ordni kronoloġiku li fih il-qrati ġew aditi. |
|
24 |
Sabiex jiġi ddeterminat il-mument li fih qorti titqies adita u konsegwentement sabiex jiġi stabbilit liema hija l-qorti adita l-ewwel, għandu jsir riferiment għall-Artikolu 16 tal-imsemmi regolament intitolat “Il-Pussess ta’ Qorti [Tressiq ta’ kawża quddiem qorti]”. |
|
25 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 30 tad-digriet tas-16 ta’ Lulju 2015, P (C‑507/14, mhux ippubblikat, EU:C:2015:512), li dan l-artikolu jinkludi definizzjoni awtonoma tal-mument li fih għandu jitqies li qorti tkun adita. Il-leġiżlatur tal-Unjoni adotta kunċett uniformi tal-mument li fih jitqies li qorti tkun adita, liema mument huwa ddeterminat, skont is-sistema proċedurali ineżami, bit-twettiq ta’ att wieħed, jiġifieri l-preżentata tal-att promotur jew iċ-ċitazzjoni, iżda li madankollu jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt dwar jekk it-tieni att kienx effettivament imwettaq sussegwentement. Għaldaqstant, skont l-Artikolu 16(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003, il-mument li fih tiġi adita l-qorti huwa meta l-att promotur jew att ekwivalenti jiġi ppreżentat quddiem il-qorti, sakemm ir-rikorrenti ma jkunx naqas sussegwentement milli jieħu l-miżuri li kellu jieħu sabiex l-att ikun innotifikat lill-konvenut (digriet tas-16 ta’ Lulju 2015, P, C‑507/14, mhux ippubblikat, EU:C:2015:512, punt 32). |
|
26 |
Il-Qorti kkonstatat li, skont l-Artikolu 16(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2006, it-tressiq ta’ kawża quddiem qorti ma jeżiġix li jkunu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet, jiġifieri l-preżentata tar-rikors promotur jew ta’ att ekwivalenti kif ukoll in-notifika jew iċ-ċitazzjoni lill-konvenut ta’ dan l-att, iżda ta’ kundizzjoni waħda biss, jiġifieri l-preżentata tar-rikors promotur jew ta’ att ekwivalenti. Skont din id-dispożizzjoni, din il-preżentata stess tikkostitwixxi l-mument li fih il-qorti tiġi adita, sakemm ir-rikorrenti ma jkunx naqas sussegwentement milli jieħu l-miżuri li kellu jieħu sabiex l-att ikun innotifikat lill-konvenut (digriet tas-16 ta’ Lulju 2015, P, C‑507/14, mhux ippubblikat, EU:C:2015:512, punt 37). |
|
27 |
Fir-rigward ta’ din il-kundizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-għan tagħha huwa li tiżgura protezzjoni kontra l-abbuż tal-proċedura. Għaldaqstant, għall-finijiet tal-verifika tal-imsemmija kundizzjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mhux id-dewmien ikkawżat mis-sistema ġudizzjarja applikabbli, iżda biss tan-nuqqas ta’ diliġenza tar-rikorrent (digriet tas-16 ta’ Lulju 2015, P, C‑507/14, mhux ippubblikat, EU:C:2015:512, punt 34). |
|
28 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, kif stqarret il-Qorti tal-Ġustizzja, ladarba jiġi stabbilit liema waħda miż-żewġ għażliet previsti fl-Artikolu 16(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 2201/2003 tapplika, skont l-għażla li tkun saret mill-Istat Membru kkonċernat, il-mument li fih qorti kienet adita huwa bbażat biss fuq il-konstatazzjoni oġġettiva, fil-kuntest tal-ewwel għażla, prevista fl-Artikolu 16(1)(a), tal-mument li fih ir-rikors promotur jew att ekwivalenti jkun ġie ppreżentat quddiem din il-qorti, indipendentement minn kull regola proċedurali nazzjonali intiża sabiex jiġi ddeterminat meta u f’liema ċirkustanzi proċedura tinbeda jew titqies li hija pendenti, sa fejn ir-rikorrent ma jkunx sussegwentement naqas milli jissodisfa l-kundizzjoni dwar iċ-ċitazzjoni ta’ dan ir-rikors lill-konvenut. |
|
29 |
Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 16(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-“mument li fih ir-rikors promotur jew att ekwivalenti jiġi ppreżentat quddiem il-qorti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, huwa l-mument li fih issir din il-preżentata quddiem il-qorti kkonċernata, anki jekk skont id-dritt nazzjonali, tali preżentata ma tikkostitwixxix, fiha nfisha, il-bidu tal-proċedura b’effett immedjat. |
Fuq l-ispejjeż
|
30 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. |
|
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 16(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-“mument li fih ir-rikors promotur jew att ekwivalenti jiġi ppreżentat quddiem il-qorti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, huwa l-mument li fih issir din il-preżentata quddiem il-qorti kkonċernata, anki jekk skont id-dritt nazzjonali, tali preżentata ma tikkostitwixxix, fiha nfisha, il-bidu tal-proċedura b’effett immedjat. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.