12.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 400/157

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2021/1966

tal-11 ta’ Novembru 2021

li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2019/1894 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-attivitajiet ta’ tħaffir mhux awtorizzat tat-Turkija fil-Lvant tal-Mediterran

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-11 ta’ Novembru 2019, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2019/1894 (1) dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-attivitajiet ta’ tħaffir mhux awtorizzat tat-Turkija fil-Lvant tal-Mediterran.

(2)

Il-Kunsill irrieżamina l-miżuri restrittivi li jinsabu fid-Deċiżjoni (PESK) 2019/1894. Abbażi ta’ dak ir-rieżami, jenħtieġ li dawk il-miżuri jiġu estiżi sat-12 ta’ Novembru 2022 u l-entrati fil-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet jew korpi li tinsab fl-Anness għal dik id-Deċiżjoni jenħtieġ li jiġu aġġornati.

(3)

Id-Deċiżjoni (PESK) 2019/1894 jenħtieġ li tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni (PESK) 2019/1894 hija emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 8

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sat-12 ta’ Novembru 2022 u għandha tinżamm taħt rieżami kostanti. Hija għandha tiġġedded jew tiġi emendata, kif xieraq, jekk il-Kunsill iqis li l-objettivi tagħha ma jkunux intlaħqu.”;

(2)

L-Anness huwa emendat kif jinsab fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Novembru 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

Z. POČIVALŠEK

(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/1894 tal-11 ta’ Novembru 2019 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-attivitajiet ta’ tħaffir mhux awtorizzat tat-Turkija fil-Lvant tal-Mediterran (ĠU L 291, 12.11.2019, p. 47).

ANNESS

Fl-Anness għad-Deċiżjoni (PESK) 2019/1894, l-entrati 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

Isem

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“1.

Mehmet Ferruh AKALIN

Data tat-twelid: 9.12.1960

Numru tal-passaport jew tal-karta tal-identità: 13571379758

Nazzjonalità: Torka

Ġeneru: maskil

Mehmet Ferruh Akalın huwa Viċi President (Assistant General Manager) u membru tal-Bord tad-Diretturi tat-Turkish Petroleum Corporation (TPAO). Huwa l-kap tad-Dipartiment tal-Esplorazzjoni tat-TPAO.

Fil-kapaċità tiegħu bħala Viċi President tat-TPAO u kap tad-Dipartiment għall-Esplorazzjoni tagħha, Mehmet Ferruh Akalın huwa responsabbli għall-ippjanar, id-direzzjoni u l-implimentazzjoni tal-attivitajiet tat-TPAO għall-esplorazzjoni għall-idrokarburi fil-baħar. Dawk jinkludu l-attivitajiet ta’ tħaffir tat-TPAO li ma ġiex awtorizzat mir-Repubblika ta’ Ċipru, kif jidher hawn taħt.

Dawk l-attivitajiet ta’ tħaffir mhux awtorizzat twettqu minn:

(a)

il-bastiment tat-TPAO għat-tħaffir Yavuz fil-baħar territorjali tar-Repubblika ta’ Ċipru bejn Lulju u Settembru 2019;

(b)

il-bastiment tat-TPAO għat-tħaffir Yavuz f’parti miż-żona ekonomika esklussiva tar-Repubblika ta’ Ċipru nnotifikata minnha lin-Nazzjonijiet Uniti u delimitata fi ftehim mal-Eġittu, bejn Ottubru 2019 u Jannar 2020;

(c)

il-bastiment tat-TPAO għat-tħaffir Yavuz f’parti miż-żona ekonomika esklussiva tar-Repubblika ta’ Ċipru nnotifikata minnha lin-Nazzjonijiet Uniti u delimitata fi ftehim mal-Eġittu, kif ukoll fi ftehim mal-Iżrael, bejn Jannar u April 2020;

(d)

il-bastiment tat-TPAO għat-tħaffir Yavuz f’parti miż-żona ekonomika esklussiva tar-Repubblika ta’ Ċipru nnotifikata minnha lin-Nazzjonijiet Uniti u delimitata fi ftehim mal-Eġittu, bejn April u Ottubru 2020;

(e)

il-bastiment tat-TPAO għat-tħaffir Fatih f’parti miż-żona ekonomika esklużiva tar-Repubblika ta’ Ċipru nnotifikata minnha lin-Nazzjonijiet Uniti, qrib ħafna għall-baħar territorjali tagħha, bejn Novembru 2019 u Jannar 2020;

(f)

il-bastiment tat-TPAO għat-tħaffir Fatih f’parti tal-punent taż-żona ekonomika esklussiva tar-Repubblika ta’ Ċipru nnotifikata minnha lin-Nazzjonijiet Uniti, bejn Mejju u Novembru 2019.

27.2.2020

2.

Ali Coscun NAMOGLU

Data tat-twelid: 27.11.1956

Numru tal-passaport jew tal-karta tal-identità: 11096919534

Nazzjonalità: Torka

Ġeneru: maskil

Ali Coscun Namoglu huwa l-Viċi Direttur tad-Dipartiment għall-Esplorazzjoni tat-Turkish Petroleum Corporation (TPAO).

F’dik il-kapaċità, Ali Coscun Namoglu huwa involut fl-ippjanar, id-direzzjoni u l-implimentazzjoni tal-attivitajiet tat-TPAO għall-esplorazzjoni għall-idrokarburi fil-baħar. Dawk jinkludu l-attivitajiet ta’ tħaffir tat-TPAO, li ma ġewx awtorizzati mir-Repubblika ta’ Ċipru, kif jidher hawn taħt.

Dawk l-attivitajiet ta’ tħaffir mhux awtorizzat twettqu minn:

(a)

il-bastiment tat-TPAO għat-tħaffir Yavuz fil-baħar territorjali tar-Repubblika ta’ Ċipru bejn Lulju u Settembru 2019;

(b)

il-bastiment tat-TPAO għat-tħaffir Yavuz f’parti miż-żona ekonomika esklussiva tar-Repubblika ta’ Ċipru nnotifikata minnha lin-Nazzjonijiet Uniti u delimitata fi ftehim mal-Eġittu, bejn Ottubru 2019 u Jannar 2020;

(c)

il-bastiment tat-TPAO għat-tħaffir Yavuz f’parti miż-żona ekonomika esklussiva tar-Repubblika ta’ Ċipru nnotifikata minnha lin-Nazzjonijiet Uniti u delimitata fi ftehim mal-Eġittu, kif ukoll fi ftehim mal-Iżrael, bejn Jannar 2020 u April 2020;

27.2.2020”