European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2026/3910

20.7.2026

Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika skont l-Artikolu 15(4) tar-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(C/2026/3910)

Fi żmien 3 xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni, l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż terz, jew persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu u tkun stabbilita jew residenti f’pajjiż terz, tista’ tippreżenta oppożizzjoni lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

DOKUMENT UNIKU

Denominazzjonijiet ta’ oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ prodotti agrikoli

“Korytnica/Korytnická”

Nru tal-UE: PDO-SK-03409 — 4.3.2025

1.   Isem/Ismijiet

“Korytnica/Korytnická”

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

DOP ☒ IĠP ☐

3.   Pajjiż li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika definita

Is-Slovakkja

4.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu

4.1.   Klassifikazzjoni tal-prodott agrikolu f’konformità mal-intestatura u l-kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda, kif imsemmi fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2024/1143

22 –

XARBIET, SPIRTI U ĦALL

2201 –

Ilmijiet, inkluż ilmijiet minerali naturali jew artifiċjali u l-ilmijiet aerati, mingħajr zokkor jew dolċifikant ieħor miżjud u mhux aromatizzati; is-silġ u l-borra

2201 10 –

Ilmijiet minerali u ilmijiet aerati

4.2.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu li għalih japplika l-isem reġistrat

“Korytnica/Korytnická” huwa l-isem ta’ ilma minerali naturali meħud minn żewġ sorsi ta’ ilma minerali fiż-żona ġeografika definita taħt il-punt 5: sors wieħed huwa magħruf bħala Well S-2 (“Antonín”, numru ta’ reġistrazzjoni LM-038), l-ieħor bħala Well S-7 (“Klement”, numru ta’ reġistrazzjoni LM-039). L-ilma minerali miż-żewġ sorsi fih sulfat/bikarbonat u karbonat tal-kalċju/tal-manjeżju, u huwa ferruġinuż, kiesaħ u ipotoniku. Idroġeokimikament, il-komponent prinċipali huwa ilma bażiku, sempliċi, tat-tip sulfat tal-kalċju bil-kompożizzjoni li ġejja:

Nixxigħa Klement

Anjoni (mg/l)

Katjoni (mg/l)

Kloruri (Cl–): 9,93

Sodju (Na+): 6,7

Fluworuri (F–): 0,76

Kalċju (Ca2+): 581

Sulfati (SO4 2–): 1 260

Manjeżju (Mg2+): 182

Karbonati tal-idroġenu (HCO3 –): 1 049

Potassju (K+) 5,4

Nitrati (NO3 –): <1,0

Ħadid (Fe2+): 22,50

Nitriti (NO2 –): < 0,01

Litju (Li+): 0,052

 

Ammonji (NH4 +): 0,12

Nixxigħa Antonín

Anjoni (mg/l)

Katjoni (mg/l)

Kloruri (Cl–): 2,84/5,67

Sodju (Na+): 5,7

Fluworuri (F–): 0,77

Kalċju (Ca2+): 645

Sulfati (SO42–): 1 290

Manjeżju (Mg2+): 173

Karbonati tal-idroġenu (HCO3–): 1 159

Potassju (K+) 6.0

Nitrati (NO3–): <1,0

Ħadid (Fe2+): 21,83

Nitriti (NO2–): < 0,01

Litju (Li+): 0,053

 

Ammonji (NH4+): 0,24

Il-valuri mogħtija hawn fuq jistgħu jvarjaw sa 5 % fi kwalunkwe direzzjoni, skont il-kundizzjonijiet tal-ħamrija u tal-klima.

Il-“Korytnica/Korytnická” jitqassam f’imballaġġ għall-konsumatur bħala ilma minerali bil-gass, semi bil-gass jew mingħajr gass. L-ilma minerali naturali “Korytnica/Korytnická” ibbottiljat għandu kontenut ta’ ħadid li jvarja skont is-sors li minnu jittieħed l-ilma u l-mod li bih jiġi trattat sussegwentement.

Well S-7 (“Klement”) jintuża għall-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta’ ilma minerali li ma jiġix trattat biex jitneħħa l-ħadid; il-kontenut tal-ħadid tiegħu jista’ jkun għoli daqs 21,83 mg/l.

Well S-2 (“Antonín”) jintuża biex jipproduċi ilma minerali li jiġi trattat biex jitneħħa l-ħadid; il-kontenut tal-ħadid indikat fuq l-imballaġġ tal-konsumatur tiegħu huwa <0,006 mg/l.

Il-“Korytnica/Korytnická” fih diossidu tal-karbonju li jseħħ b’mod naturali li joriġina minn proċessi ġeoloġiċi li jseħħu fi strati taħt l-art. Dan id-diossidu tal-karbonju (CO2) diġà nħall fl-ilma taħt l-art, li jagħmel l-ilma ftit bil-gass hekk kif joħroġ. Meta l-ilma minerali jiġi bbottiljat jista’ jiġi aktar arrikkit bid-diossidu tal-karbonju, sabiex jagħtih tfexfix akbar, ħajja itwal fuq l-ixkaffa u togħma aktar distintiva. Il-karbonazzjoni artifiċjali tintuża prinċipalment għall-varjetà bil-gass, li magħha jiżdied is-CO2 f’ammont ikkontrollat ta’ 3,5 g/l.

4.3.   Derogi dwar l-akkwist ta’ għalf (għal prodotti li joriġinaw mill-annimali ddeżinjati b’Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta biss) u restrizzjonijiet fuq l-akkwist ta’ materja prima (għal prodotti proċessati ddeżinjati minn Indikazzjoni Ġeografika Protetta biss)

Nixxigħat ta’ ilma minerali jidhru fil-wiċċ fiż-żona ġeografika kkonċernata.

4.4.   Passi speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika definita

L-istadji kollha fil-produzzjoni tal-ilma minerali “Korytnica/Korytnická” jsiru fiż-żona ġeografika definita.

4.5.   Regoli speċifiċi dwar l-imballaġġ, it-tfettit, it-taħkik, eċċ. tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat

L-ilma minerali jiġi bbottiljat f’imballaġġ tal-bejgħ iġjeniku u nadif permezz ta’ proċess teknoloġiku li jipprevjeni kwalunkwe kontaminazzjoni minn elementi jew sustanzi barranin, minħabba ċirkwit magħluq bejn il-punt tal-provvista tal-ilma u l-punt fejn jiġi bbottiljat għall-bejgħ.

4.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat

-

5.   Definizzjoni qasira taż-żona ġeografika

Iż-żona ġeografika definita tinsab fid-distrett ta’ Ružomberok, fiż-żoni katastali ta’ Liptovská Osada u Liptovská Lúžna. Il-konfini tal-Punent taż-żona tgħaddi mill-quċċata ta’ Magurka, f’għoli fil-post ta’ 1 126 metru ’l fuq mil-livell tal-baħar, sal-fluss Vamberský. Minn hemm tkompli tul it-triq ta’ aċċess miż-żona tal-spa u tul il-mogħdija tal-forestrija ħdejn ix-xatt Vamberský, sa fejn in-nixxigħa titla’ fin-Nofsinhar/Xlokk. Imbagħad issegwi l-mogħdija mħarbta u ddur lejn il-Lvant fil-Wied ta’ Predný úplaz. Minn hemm issegwi n-nixxigħa sal-linja immaġinarja li tgħaddi bejn l-għoli fil-post ta’ 1 102 m fil-pass muntanjuż ta’ Hiadeľské sedlo fin-Nofsinhar u l-għoli fil-post ta’ 1 348 m fil-quċċata ta’ Skorušová fit-Tramuntana. Dan jikkompleta l-konfini tan-Nofsinhar taż-żona. Il-fruntiera tal-Lvant timxi tul il-linja immaġinarja sal-quċċata ta’ Skorušová. Il-konfini tat-Tramuntana hija magħmula minn linji tal-konfini tal-Grigal u tal-Majjistral iffurmati mil-linja immaġinarja bejn l-għoli fil-post tal-quċċata Skorušová, il-quċċata Fedorka (1 303 m) u l-quċċata Magurka.

6.   Rabta maż-żona ġeografika

Ir-rabta kawżali hija bbażata fuq kundizzjonijiet pedoloġiċi, klimatiċi u idroġeoloġiċi fiż-żona ġeografika definita.

L-ilma minerali naturali “Korytnica/Korytnická” għandu togħma delikata, proporzjon ta’ kalċju-manjeżju ta’ 3.1:1 fin-nixxigħa Klement u 3.7:1 fin-nixxigħa Antonín, kontenut baxx ħafna ta’ sodju, kontenut għoli ta’ ħadid u preżenza ta’ traċċi ta’ stronzju; dawn il-karatteristiċi jiddistingwuh minn ilmijiet minerali oħra fis-Slovakkja. Il-kontenut medju ta’ melħ (Na+) fl-ilma minerali “Korytnica/Korytnická” huwa ta’ 5,7–6,7 mg/l. Dan jista’ jitqies bħala l-inqas kontenut ta’ melħ tal-ilmijiet minerali Slovakki kollha, peress li fl-oħrajn il-kontenut medju ta’ melħ (Na+) ivarja minn 19,9 mg/l sa 355 mg/l. L-ilma huwa kemxejn alkalin u l-kompożizzjoni minerali tiegħu tagħmlu adattat għall-użu ta’ kuljum.

Karatteristiċi speċifiċi tal-ilma minerali naturali “Korytnica/Korytnická” huma l-fatt li jiċċirkola fil-fond taħt il-wiċċ meta jiġi ffurmat u li għandu kompożizzjoni kimika unika inklużi l-“makroelementi” kalċju, manjeżju, sodju, potassju, sulfati u bikarbonati, u l-“mikroelementi” ħadid, manganiż, litju, ammonju, fluworuri u kloruri. Fih is-CO2 b’mod naturali u għandu temperatura ta’ 7–9 °C. Il-mineralizzazzjoni totali tal-ilma minerali naturali tvarja minn 3 150 għal 3 320 mg/l.

Ġie rreġistrat l-istronzju fl-ilma, bl-ogħla kontenut osservat fil-medda ta’ 7,29 sa 9,27 mg/l. L-istronzju huwa mikroelement importanti skont il-klassifikazzjoni balneoloġika ta’ mikroelementi.

Iż-żona definita tinsab fil-parti tal-Lbiċ tal-muntanji Tatra Baxxi. Is-sottostrat jikkonsisti prinċipalment minn ġebel tal-ġir u blat dolomitiku, li għandhom impatt kbir fuq il-mineralizzazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art minħabba li fihom karbonati u minerali oħra li jarrikkixxu l-ilma hekk kif jgħaddi l-istrati taħt l-art. Il-ġebla tal-ġir u d-dolomit jippromwovu wkoll il-formazzjoni ta’ bikarbonati u jagħtu lill-ilma l-kompożizzjoni karatteristika tiegħu, rikka fil-kalċju, il-manjeżju u l-ħadid. L-istruttura ġeoloġika u tettonika kumplessa tal-blat u l-kundizzjonijiet idroġeoloġiċi li nissel ħolqu kundizzjonijiet xierqa għall-formazzjoni u l-ħruġ ta’ ilmijiet minerali fiż-żona ġeografika.

Il-klima, li hija tipika taż-żoni muntanjużi, bi xtiewi kesħin u sjuf moderatament sħan, tikkontribwixxi għall-istabbiltà tal-fluss tal-ilma ta’ taħt l-art u t-temperatura. Dan jippermetti li tinżamm il-kompożizzjoni minerali tal-ilma. L-ilma tax-xita f’din iż-żona jiffiltra minn ġol-blat kalkarju u dolomitiku, fejn l-ilma jiġi arrikkit b’minerali bħall-ħadid, il-manjeżju u l-kalċju. Il-klima friska żżomm ukoll in-nixxigħa nadifa u protetta, li żżomm il-livell għoli tal-kwalità tal-ilma.

L-istruttura idroġeoloġika li tagħti lok għall-ilma minerali naturali hija waħda miftuħa, b’żoni ta’ infiltrazzjoni, akkumulazzjoni u ħruġ. L-ilma ta’ taħt l-art inixxi lejn iż-żona tal-ħruġ mill-massa kristallina ta’ Prašivá, li hija elevata meta mqabbla maż-żona tal-ħruġ; dawn l-ilmijiet huma separati minn strutturi idroġeoloġiċi oħra assoċjati ma’ sorsi ta’ ilma minerali f’Liptovská Osada.

Iż-żieda fil-kontenut tal-jone ferruża fl-ilmijiet tiġi mis-siderite, li huwa mxerred fis-sottostrat tal-blat kollu. Il-preżenza tiegħu fl-ilma tvarja skont l-aċidità tal-ilmijiet u l-konċentrazzjonijiet tal-joni tal-bikarbonat. Ġew osservati joni ferrużi fis-sorsi kollha tal-ilma minerali.

Il-formazzjoni tal-ilma minerali u l-kompożizzjoni kimika tiegħu huma determinati mill-fatt li jinżel f’fond kbir, fejn id-diossidu tal-karbonju fil-fond, li għandu kapaċità ta’ solvent ogħla, isaħħaħ il-kapaċità tal-ilma li jimmineralizza. Minħabba l-kompożizzjoni mineraloġika u petrografika tal-blat, il-proċess prinċipali li jifforma l-kompożizzjoni kimika tal-ilma ta’ taħt l-art huwa d-dissoluzzjoni tal-karbonati u s-sulfati fl-iskisti ta’ Werfen u d-dekompożizzjoni idrolitika tas-silikati. Minħabba l-proċessi predominanti ta’ mineralizzazzjoni li qed jaħdmu fil-formazzjoni tal-kompożizzjoni kimika tagħhom, l-ilmijiet fihom il-karbonat/is-sulfat, fihom is-sulfat jew fihom il-karbonat.

Iż-żona li fiha joħroġ l-ilma minerali naturali “Korytnica/Korytnická” għandha kompożizzjoni ġeoloġika differenti minn dik taż-żoni immedjatament biswit u hija wkoll mifruda fiżikament minn dawk iż-żoni. Dan ifisser li l-ilma minerali ma jista’ joħroġ imkien għajr fiż-żona ġeografika definita.

Iż-żona tinsab fil-Wied Korytnica, imdawra mill-muntanji Tatra Baxxi, u hija kkaratterizzata minn natura mhux mittiefsa u abbundanza ta’ minerali. Is-sottostrat ġeoloġiku jikkonsisti prinċipalment minn blat kalkarju u dolomitiku li jarrikkixxi l-ilma ta’ taħt l-art b’minerali. Din it-taħlita ta’ blat u l-preżenza ta’ ċerti proċessi idroġeoloġiċi joħolqu kundizzjonijiet ideali għall-formazzjoni ta’ ilmijiet minerali li fihom livelli għoljin ta’ ħadid, manjeżju u kalċju. Il-klima lokali, in-nixxigħat naturali u l-purità tal-ambjent jippromwovu kwalità stabbli tal-ilma.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott tal-indikazzjoni ġeografika

https://www.indprop.gov.sk/swift_data/source/pdf/specifikacie_op_oz/SPECIFIKACIA_Korytnica.pdf


(1)  Ir-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 dwar indikazzjonijiet ġeografiċi għall-inbid, ix-xorb spirituż u l-prodotti agrikoli, kif ukoll l-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti u t-termini tal-kwalità mhux obbligatorji għall-prodotti agrikoli, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013, (UE) 2019/787 u (UE) 2019/1753 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 (ĠU L, 2024/1143, 23.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1143/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/3910/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)